Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Diċembru 2020 minn Casino, Guichard-Perrachon u Achats Marchandises Casino mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fil-5 ta’ Ottubru 2020 fil-Kawża T-249/17, Casino, Guichard-Perrachon u AMC vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-690/20 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Casino, Guichard-Perrachon, Achats Marchandises Casino (rappreżentanti: O. de Juvigny, A. Sunderland, I. Simic, G. Aubron, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

tannulla l-punt (2) tad-dispożittiv tas-sentenza mogħtija fil-5 ta’ Ottubru 2020 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-249/17;

tilqa’ t-talbiet ippreżentati mill-appellanti fl-ewwel istanza u, għalhekk, tannulla fl-intier tagħha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 1054 tad-9 ta’ Frar 2017, abbażi tal-Artikoli 263 u 277 TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż marbuta ma’ dan l-appell kif ukoll għal dawk sostnuti fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jsostnu li s-sentenza appellata tikser:

l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji tal-poter pubbliku fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, l-Artikolu 19 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea (KE) Nru 773/2004, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet (i) li dawn id-dispożizzjonijiet ma kinux jimponu lill-Kummissjoni tirrekordja d-dikjarazzjonijiet orali tal-fornituri u (ii) li s-“sommarji” ta’ dawn l-intervisti stabbiliti unilateralment mis-servizzi tal-Kummissjoni kienu jikkostitwixxu prova valida tal-fatt li din kellha indizji li jiġġustifikaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 1054.

l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u r-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi arbitrarji tal-poter pubbliku fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-dritt fundamentali għall-invjolabbiltà tad-domiċilju ma kienx jeżiġi li d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea C(2017) 1054 :

tillimita ratione temporis l-eżerċizzju tal-poteri ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni; u

tillimita l-persuni u l-postijiet li jistgħu jiġu spezzjonati;

l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-qafas ġuridiku applikabbli għall-ispezzjonijiet tal-Kummissjoni kien jissodisfa d-dritt fundamentali għal rimedju effettiv.

____________