Language of document :

Appell ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2018 minn Apple Distribution International mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fis-27 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-101/17, Apple Distribution International vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-633/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Apple Distribution International (rappreżentanti: S. Schwiddessen, H. Lutz, Rechtsanwälte, N. Niejahr, Rechtsanwältin, A. Patsa, Advocate)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet ikkontestat fl-intier tiegħu;

tiddikjara li Apple hija direttament u individwalment ikkonċernata mid-deċiżjoni kkontestata;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tagħti deċiżjoni fuq il-mertu; u

tikkundanna lill-Kummissjoni kemm għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż ta’ Apple marbuta mal-proċeduri odjerni u mal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Apple issostni li d-digriet ikkontestat huwa vvizzjat mis-segwenti żbalji ta’ liġi:

Fl-ewwel lok, il Il-Qorti Ġenerali żnaturat u naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni provi rilevanti meta evalwat jekk il-pożizzjoni kompetittiva ta’ Apple fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ divertiment tal-home video fil-Ġermanja hijiex milquta b’mod sinifikattiv mid-deċiżjoni kkontestata 1 .

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ma applikatx b’mod korrett l-eżami legali neċessarju għall-evalwazzjoni ta’ dwar jekk persuna hijiex ikkonċernata meta ddeċidiet li Apple ma tifformax parti minn grupp risrett ta’ impriżi li kienu identifikabbli fil-mument li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kkontestata minħabba kriterji speċifiċi għall-membri ta’ dan il-grupp.

Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali tikser l-Artikolu 119 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha u l-Artikolu 36 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja billi ma tipprovdi l-ebda motivazzjoni għall-konklużjoni tagħha li: i) il-prova prodotta minn Apple għall-evalwazzjoni tal-impatt li l-għajnuna jista’ jkollha fuq il-pożizzjoni kompetittiva fis-suq tal-provvista ta’ servizzi ta’ divertiment tal-home video fil-Ġermanja ma hijiex suffiċjenti; u ii) l-eżistenza ta’ interess individwali għandha tiġi stabbilita b’riferiment għall-mument li fih il-miżura kkontestata tkun ikkonċepita, adottata u implementata fil-livell nazzjonali.

Fir-raba’ lok, il-Qorti Ġenerali kisret id-drittijiet tad-difiża ta’ Apple billi bbażat ruħha fuq osservazzjonijiet tal-Kummissjoni li ġew ippreżentati b’risposta għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, li dwarhom Apple ma kellhiex il-possibilità li tikkummenta.

____________

1  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2042 tal-1 ta’ Settembru 2016 dwar l-iskema ta’ għajnuna SA.38418 — 2014/C (ex 2014/N) li l-Ġermanja qed tippjana li timplimenta għall-finanzjament tal-produzzjoni u d-distribuzzjoni tal-films (ĠU 2016, L 314, p. 63).