Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Curtea de Apel Timişoara (ir-Rumanija) fit-28 ta’ Frar 2020 – S. C. Avio Lucos SRL vs Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central

(Kawża C-116/20)

Lingwa tal-kawża: ir-Rumen

Qorti tar-rinviju

Curtea de Apel Timişoara

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: S. C. Avio Lucos SRL

Konvenuti: Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură – Centrul judeţean Dolj, Agenţia de Plăţi şi Intervenţie pentru Agricultură (APIA) – Aparat Central

Domandi preliminari

Id-dritt [tal-Unjoni] applikabbli għall-appoġġ finanzjarju għas-sena agrikola 2014, b’mod partikolari r-Regolament (KE) Nru 73/2009 1 u r-Regolament Nru 1122/2009 2 jipprekludi l-istabbiliment, permezz tad-dritt nazzjonali, ta’ obbligu li jiġi pprovat id-dritt ta’ użu fuq superfiċji agrikola sabiex jinkiseb appoġġ finanzjarju għal skemi ta’ ħlas skont id-daqs tas-superfiċji?

Sakemm id-dritt [tal-Unjoni] ċċitat iktar ’il fuq ma jipprekludix il-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fl-ewwel domanda, id-dritt [tal-Unjoni] (inkluż il-prinċipju ta’ proporzjonalità) jipprekludi, fil-każ partikolari fejn id-dritt ta’ użu ta’ superfiċji agrikola jkun iġġustifikat mill-benefiċjarju permezz tal-preżentazzjoni ta’ kuntratt għall-konċessjoni ta’ superfiċji għall-mergħa (kuntratt li permezz tiegħu l-applikant kiseb id-dritt ta’ użu mis-superfiċji għall-mergħa għar-riskju tiegħu u għall-vantaġġ tiegħu stess, bi ħlas) leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi, sabiex tali kuntratt ta’ konċessjoni jiġi kkunsidrat konkluż skont il-liġi, il-kundizzjoni li l-konċessjonarju futur għandha esklużivament tkun persuna li trabbi jew li hija sid ta’ annimali?

Taqa’ taħt id-definizzjoni ta’ attività agrikola fl-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 73/2009 l-attività ta’ benefiċjarju ta’ skema ta’ ħlas skont id-daqs tas-superfiċji li jkun ikkonkluda kuntratt għall-konċessjoni ta’ superfiċji għall-mergħa sabiex jikseb id-dritt ta’ użu ta’ dik is-superfiċji u sabiex jikseb id-dritt għall-ħlas fis-sena agrikola 2014 u li sussegwentement jikkonkludi kuntratt ta’ kollaborazzjoni ma’ persuna li trabbi l-annimali, kuntratt li permezz tiegħu huwa permess l-użu bla ħlas tal-art mogħtija permezz ta’ konċessjoni bl-iskop li jirgħu annimali, bil-benefiċjarju jżomm id-dritt li jagħmel użu mill-art, iżda jobbliga ruħu li ma jxekkilx l-attività tar-ragħa u li jnaddaf is-superfiċji għall-mergħa?

Id-dritt [tal-Unjoni] jipprekludi interpretazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali bħall-Artikolu 431(2) tal-Codul procedură civilă (il-Kodiċi ta’ Proċedura Ċivili, ir-Rumanija) li tikkonċerna l-awtorità ta’ res judicata ta’ sentenza li saret definittiva u li ssib li talba għal ħlas ma hijiex eliġibbli minħabba nuqqas ta’ konformità mad-dritt nazzjonali dwar ir-rekwiżit tal-legalità tat-titolu tal-użu/sfruttament tal-art li għaliha kienet mitluba skema ta’ ħlas skont id-daqs tas-superfiċji fis-sena agrikola 2014 (f’tilwima li titlob l-annullament tad-deċiżjoni li tapplika sanzjonijiet pluriannwali), liema interpretazzjoni xxekkel analiżi tal-konformità ta’ dan ir-rekwiżit nazzjonali mad-dritt [tal-Unjoni] applikabbli għas-sena agrikola 2014 fil-kuntest ta’ tilwima ġdida li teżamina l-legalità tal-att ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament lill-applikant għall-istess sena agrikola 2014, liema att ikun ibbażat fuq l-istess fatti u fuq l-istess leġiżlazzjoni nazzjonali li kienu s-suġġett tal-analiżi tas-sentenza preċedenti li saret definittiva?

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16, rettifika fil-ĠU 2010, L 43, p. 7).

2     Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65, rettifika fil-ĠU 2013, L 246, p. 3).