Language of document : ECLI:EU:C:2018:987

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla)

6 ta’ Diċembru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Libertà ta’ stabbiliment – Tassazzjoni diretta – Taxxa fuq id-dħul – Possibbiltà ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza u lil assigurazzjoni għall-pensjoni privata – Esklużjoni għall-persuni mhux residenti”

Fil-Kawża C‑480/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑3 ta’ Awwissu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Awwissu 2017, fil-proċedura

Frank Montag

vs

Finanzamt Köln-Mitte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Għaxar Awla),

komposta minn F. Biltgen, President tat-Tmien Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tieni Awla, E. Levits (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑12 ta’ Lulju 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal F. Montag, minn S. Eilers u S. Lehmann, Rechtsanwälte,

–        għall-Finanzamt Köln-Mitte, minn M. Plützer, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u R. Kanitz, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels, M. Wasmeier u B.-R. Killmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 49 TFUE.

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Frank Montag u l-Finanzamt Köln-Mitte (l-Amministrazzjoni tal-Finanzi ta’ Cologne-Mitte, il-Ġermanja) dwar ir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza u lil assigurazzjoni għall-pensjoni privata, bħala spejjeż straordinarji, sabiex titnaqqas it-taxxa fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat fil-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Frar 1998 sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 83), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/100/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2006, L 363, p. 141) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/5”) tipprevedi, fil-premessa 12 tagħha, li l-avukat irreġistrat taħt it-titolu professjonali ta’ pajjiżu fl-Istat Membru ospitanti għandu jibqa’ rreġistrat mal-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu sabiex ikun jista’ jżomm l-istatus tiegħu ta’ avukat u jkun kopert b’din id-direttiva.

4        L-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 98/5 huwa fformulat kif ġej:

“1.      Avukat li jixtieq jipprattika fi Stat Membru minbarra dak li fih kiseb il-kwalifika professjonali għandu jirreġistra ma’ l-awtorità kompetenti f’dak l-Istat.

2.      L-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti għandha tirreġistra lill-avukat mal-preżentazzjoni ta’ ċertifikat li jixhed ir-reġistrazzjoni tiegħu ma’ l-awtorità kompetenti fl-Istat Membru li hu pajjiżu. Tista’ teħtieġ li, meta jkun ippreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu pajjiżu, iċ-ċertifikat ma jkunx eqdem minn tliet xhur. Għandha tinforma bir-reġistrazzjoni lill-awtorità kompetenti ta’ l-Istat Membru li hu l-pajjiż ta’ l-avukat.”

 Id-dritt Ġermaniż

5        L-Artikolu 1 tal-Einkommensteuergesetz (il-Liġi dwar it-Taxxa fuq id-Dħul), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mil-liġi fiskali għas-sena 2008, tal‑20 ta’ Diċembru 2007 (BGBl. 2007 I, p. 3150) (iktar ’il quddiem l-“EStG tal‑2008”), jipprevedi:

“(1)      Il-persuni fiżiċi li għandhom id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul […]

[…]

(3)      Fuq talba tagħhom, il-persuni fiżiċi li ma għandhomx id-domiċilju jew ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja, jistgħu jiġu wkoll suġġetti għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul sa fejn huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49. Dan japplika biss meta, fis-sena kalendarja, mill-inqas 90 % tad-dħul tagħhom ikun suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża jew meta d-dħul tagħhom mhux suġġett għat-taxxa fuq id-dħul Ġermaniża ma jaqbisx il-parti mhux taxxabbli taħt il-punt 1 tat-tieni sentenza tal-Artikolu 32a(1); […]

(4)      Bla ħsara għall-paragrafi (2) u (3) u għall-Artikolu 1a, il-persuni fiżiċi li la għandhom id-domiċilju u lanqas ir-residenza abitwali tagħhom fil-Ġermanja huma suġġetti b’mod limitat għat-taxxa fuq id-dħul jekk huma jirċievu dħul nazzjonali fis-sens tal-Artikolu 49.”

6        L-Artikolu 10 tal-EStG tal‑2008, intitolat “Spejjeż straordinarji”, jipprovdi:

“(1)      L-ispejjeż li ġejjin huma spejjeż straordinarji, meta la jkunu spejjeż operatorji u lanqas spejjeż tan-negozju jew meta ma humiex ittrattati bħala spejjeż operatorji jew spejjeż tan-negozju:

[…]

2.      a)      kontribuzzjonijiet […] lill-organi professjonali ta’ previdenza li jwettqu servizzi paragunabbli għal dawk tal-iskemi legali ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni;

b)      kontribuzzjonijiet imħallsa mill-persuna taxxabbli sabiex jikkostitwixxu huma stess il-pensjoni ffinanzjata tagħhom […]

[…]

(3)      L-ispejjeż ta’ previdenza msemmija fit-tieni sentenza tal-punt 2 tal-paragrafu (1) jittieħdu inkunsiderazzjoni sa ammont ta’ EUR 20 000 […]”

7        L-Artikolu 50 tal-EStG tal‑2008, intitolat “Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-persuni taxxabbli parzjalment”, jistipula, fil-paragrafu (1) tiegħu:

“Il-persuni li huma parzjalment suġġetti għat-taxxa jistgħu jnaqqsu l-ispejjeż tal-operat (il-paragrafi (4) sa (8) tal-Artikolu 4) jew l-ispejjeż tan-negozju (l-Artikolu 9) biss sa fejn dawn l-ispejjeż ikollhom rabta ekonomika mad-dħul imwettaq fit-territorju nazzjonali […] l-Artikoli […] 10 […] ma humiex applikabbli. […]”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8        Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, ta’ nazzjonalità Ġermaniża, kellu d-domiċilju tiegħu fil-Belġju fejn huwa kien jipprattika l-professjoni tiegħu fil-kwalità ta’ avukat fi ħdan uffiċċju internazzjonali li għandu l-forma ġuridika ta’ Limited Liability Partnership (LLP, sħubija taħt id-dritt Ingliż) u kellu sehem fiha fis-sens tad-dritt tal-kumpanniji.

9        Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien idaħħal mill-attività tiegħu bħala “Equity Partner” xi dħul li huwa attribwit għal diversi Stati fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ffissar u ta’ tqassim, mhux kontenzjuża, bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali. Dwar il-profitt nett globali, li ġie attribwit lir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-kuntest tal-parteċipazzjoni tiegħu fl-LLP u tal-attività tiegħu għaliha, madwar 54 % minn dan il-profitt kien ġej mill-Ġermanja, madwar 6,3 % tiegħu kien ġej mill-Belġju u l-kumplament kien ġej minn Stati oħrajn. Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali rċieva barra minn hekk dħul ieħor. Il-qorti tar-rinviju tindika li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma jistax jitqies bħala li huwa suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja skont l-Artikolu 1(3) tal-EStG tal‑2008, minħabba, minn naħa, iċ-ċirkustanza li ma hemmx mill-inqas 90 % tat-totalità tad-dħul tiegħu suġġett għat-taxxa fuq id-dħul fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, tal-ammont tad-dħul tiegħu mhux suġġett għat-tassazzjoni fil-Ġermanja.

10      Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien irreġistrat bħala “Avukat Ewropew” fil-Lista E tal-Kamra tal-Avukati Franċiża ta’ Brussell (il-Belġju) u kellu t-titolu ta’ “Rechtsanwalt (Köln) stabbilit fi Brussell”. Sabiex ikun jista’ jeżerċità din il-kwalità, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jkun irreġistrat mar-Rechtsanwaltkammer Köln (il-Kamra tal-Avukati ta’ Köln, il-Ġermanja) u, għal dan l-għan, kellu jkun affiljat b’mod obbligatorju mal-Versorgungswerk der Rechtsanwälte Nordrhein-Westfalen (istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati ta’ Rhineland ta’ Nordrhein-Westfalen, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem l-“istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati”). Konformement mal-leġiżlazzjoni Ġermaniża dwar l-iskema legali ta’ rtirar, fil-każ ta’ affiljazzjoni ma’ organu professjonali ta’ previdenza, l-impjegati u l-persuni li jaħdmu għal rashom huma mneħħija mill-obbligu, li jeżisti għal ħaddieħor, ta’ affiljazzjoni mal-iskema legali ta’ pensjoni Ġermaniża.

11      Matul is-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati xi kontribuzzjonijiet f’ammont ta’ EUR 16 453,32, li jirrappreżenta l-kontribuzzjoni massima li tista’ titħallas. Dan l-ammont jinqasam bejn kontribuzzjonijiet obbligatorji, li jammontaw għal EUR 12 656,40, u ħlasijiet addizzjonali mħallsa volontarjament, f’ammont ta’ EUR 3 796,92. Barra minn hekk, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ħallas fil-Ġermanja xi primjums bħala assigurazzjoni għall-pensjoni privata f’ammont ta’ EUR 3 696.

12      Fil-Belġju, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kien suġġett għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul. Skont l-indikazzjonijiet tiegħu, aċċettati mill-qorti tar-rinviju, il-ħlasijiet magħmula lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati fil-Ġermanja ma kellhomx l-effett li jnaqqsu t-taxxa mħallsa fil-Belġju. Min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal-istabbiliment tal-bażi taxxabbli fil-Belġju, il-ħlasijiet obbligatorji lill-iskema legali ta’ sigurtà soċjali setgħu jiġu mnaqqsa.

13      Fir-rigward tat-taxxa fuq id-dħul għas-sena 2008, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali indirizza lill-konvenuta fil-kawża prinċipali dikjarazzjoni tat-taxxa bħala persuna taxxabbli suġġetta għal obbligu fiskali limitat u talab it-tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati kif ukoll lill-assiguratur għall-pensjoni privata fil-Ġermanja bħala spejjeż tan-negozju bil-quddiem fuq id-dħul skont it-tielet sentenza tal-punt 1 tal-Artikolu 22 tal-EStG tal‑2008 jew, sussidjarjament, bħala spejjeż straordinarji konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 10(1) ta’ din il-liġi.

14      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, il-konvenuta fil-kawża prinċipali rrifjutat li tieħu inkunsiderazzjoni tal-imsemmija kontribuzzjonijiet sabiex tnaqqas it-taxxa, għar-raġuni li dawn kienu relatati mal-kategorija ta’ “spejjeż straordinarji”, prevista fl-Artikolu 10 tal-EStG tal‑2008. Issa, tnaqqis tal-ispejjeż straordinarji jkun eskluż fil-każ ta’ obbligu fiskali limitat minħabba t-tielet sentenza tal-Artikolu 50(1) tal-EStG tal‑2008. Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, dawn l-ispejjeż ma jistgħux, barra minn hekk, jitnaqqsu bħala spejjeż tan-negozju, previsti fl-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, jew bħala spejjeż tal-operat, previsti fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija liġi.

15      Peress li l-ilment magħmul mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kontra l-imsemmi rifjut ġie miċħud, dan tal-aħħar adixxa lill-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln, il-Ġermanja). Il-proċedura quddiem dik il-qorti ġiet sospiża sax-xahar ta’ Lulju 2016, minħabba l-proċedura għal deċiżjoni preliminari mibdija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża li tat lok għas-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald (C‑559/13, EU:C:2015:109), u proċedura mibdija quddiem il-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali, il-Ġermanja).

16      Peress li l-Bundesverfassungsgericht (il-Qorti Kostituzzjonali Federali) qieset essenzjalment li l-klassifikazzjoni, mil-leġiżlatur Ġermaniż, tal-ispejjeż ta’ previdenza bħala li huma spejjeż straordinarji ma kinitx kritikabbli fuq il-livell kostituzzjonali, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jitlob issa li l-ispejjeż ta’ previdenza tiegħu jitnaqqsu bħala spejjeż straordinarji konformement mal-punt 2 tal-Artikolu 10(1) tal-EStG tal‑2008, fil-limiti previsti mill-paragrafu (3) ta’ dan l-artikolu, u li t-tielet sentenza tal-Artikolu 50(1) ta’ din il-liġi, li teskludi tali tnaqqis sa fejn jirrigwarda l-persuni taxxabbli mhux residenti, titħalla mhux applikata bħala kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni.

17      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li minkejja li huwa jagħmel il-parti l-kbira tad-dħul tiegħu fil-Ġermanja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, fil-Belġju, dħul biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni personali tiegħu tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan l-Istat.

18      Madankollu, dik il-qorti tistaqsi jekk l-ispejjeż ta’ previdenza inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhomx jiġu kklassifikati, fid-dritt tal-Unjoni, bħala spejjeż marbuta mas-sitwazzjoni personali jew familjali tal-persuna taxxabbli jew anki spejjeż marbuta mad-dħul imwettaq fil-Ġermanja.

19      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Finanzgericht Köln (il-Qorti tal-Finanzi ta’ Köln) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi dispożizzjoni ta’ Stat Membru li tipprovdi li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji lil skema ta’ pensjoni professjonali minn persuna taxxabbli li ma hijiex residenti (li jsiru abbażi tal-appartenenza tagħha ma’ kamra tal-avukati fl-Istat Membru li, għal raġunijiet professjonali, hija mandatorja sabiex tkun tista’ teżerċita l-attività tagħha f’diversi Stati Membri), ma jittiħdux inkunsiderazzjoni fit-tnaqqis mid-dħul, fil-kuntest tal-obbligu fiskali limitat, filwaqt li fil-każ ta’ persuni taxxabbli residenti, id-dritt nazzjonali jippermetti t-tnaqqis tagħhom mid-dħul sa limitu speċifiku fil-kuntest tal-obbligu fiskali illimitat?

2)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi d-dispożizzjoni deskritta fl-ewwel domanda meta, minbarra l-kontribuzzjonijiet obbligatorji, il-persuna taxxabbli tagħmel – volontarjament – kontribuzzjonijiet addizzjonali lil skema ta’ pensjoni professjonali, liema kontribuzzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru fit-tnaqqis mid-dħul, minkejja li, skont id-dritt nazzjonali, il-pagamenti futuri ta’ pensjonijiet imħallsa f’dan l-Istat Membru jistgħu jkunu taxxabbli anki fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat?

3)      L-Artikolu 49 TFUE, flimkien mal-Artikolu 54 TFUE, jipprekludi l-leġiżlazzjoni deskritta fl-ewwel domanda, meta l-persuna taxxabbli, indipendentement mill-appartenenza tagħha mal-kamra tal-avukati u mill-kontribuzzjonijiet tagħha lil skema ta’ pensjoni professjonali, tħallas kontribuzzjonijiet lil assigurazzjoni ta’ pensjoni privata li affiljat ruħha magħha volontarjament, liema kontribuzzjonijiet ma jittiħdux inkunsiderazzjoni mill-Istat Membru fit-tnaqqis mid-dħul, minkejja li, skont id-dritt nazzjonali, il-pagamenti futuri ta’ pensjonijiet imħallsa f’dan l-Istat Membru jistgħu jkunu taxxabbli anki fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 49 TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji u addizzjonali mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

 Fuq l-eżistenza ta’ restrizzjoni tal-Artikolu 49 TFUE

21      L-Artikolu 49 TFUE jimponi t-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-libertà ta’ stabbiliment. Hija ġurisprudenza stabbilita li, minkejja li, skont il-formulazzjoni tagħhom, id-dispożizzjonijiet tat-Trattat FUE dwar il-libertà ta’ stabbiliment huma intiżi li jiżguraw il-benefiċċju tat-trattament nazzjonali fl-Istat Membru ospitanti, dawn jipprekludu xorta waħda li l-Istat ta’ oriġini jostakola l-istabbiliment fi Stat Membru ieħor ta’ wieħed miċ-ċittadini tiegħu jew ta’ kumpannija kkostitwita skont il-leġiżlazzjoni tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑13 ta’ April 2000, Baars, C‑251/98, EU:C:2000:205, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑11 ta’ Marzu 2004, de Lasteyrie du Saillant, C‑9/02, EU:C:2004:138, punt 42, kif ukoll tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22      Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li għandhom jitqiesu bħala restrizzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment il-miżuri kollha li jipprojbixxu, jostakolaw jew irendu inqas attraenti l-eżerċizzju ta’ din il-libertà (sentenza tad‑29 ta’ Novembru 2011, National Grid Indus, C‑371/10, EU:C:2011:785, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      F’dan il-każ, konformement mal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-ispejjeż għall-pensjoni, ikklassifikati bħala spejjeż straordinarji minn din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitnaqqsu, sa ċertu limitu, mill-ammont totali tad-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti, suġġetta għalkollox għat-taxxa fuq id-dħul. Tali tnaqqis jippermetti li jitnaqqas id-dħul taxxabbli tal-imsemmija persuna taxxabbli u jikkostitwixxi għalhekk vantaġġ fiskali.

24      Min-naħa l-oħra, il-persuni taxxabbli mhux residenti li jaqgħu taħt obbligu fiskali limitat ma jistgħux jagħmlu tali tnaqqis fil-Ġermanja u għalhekk ma jistgħux igawdu minn dan il-vantaġġ fiskali.

25      Peress li t-trattament fiskali rriżervat b’dan il-mod lill-persuni mhux residenti huwa inqas vantaġġjuż, dan jista’ jiddisswadi lil persuna taxxabbli residenti milli tistabbilixxi ruħha fi Stat Membru differenti mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u jikkostitwixxi, konsegwentement, restrizzjoni bħala prinċipju pprojbita mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment.

26      Mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li tali restrizzjoni tista’ tiġi ammessa biss jekk din tikkonċerna sitwazzjonijiet li ma humiex oġġettivament paragunabbli jew jekk hija ġġustifikata minn raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali (sentenza tas‑17 ta’ Lulju 2014, Nordea Bank Danmark, C‑48/13, EU:C:2014:2087, punt 23). Huwa neċessarju wkoll, f’dan l-aħħar każ, li din tkun xierqa sabiex tiggarantixxi li jintlaħaq l-għan li hija tfittex li tilħaq u li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-għan (sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Deister Holding u Juhler Holding, C‑504/16 u C‑613/16, EU:C:2017:1009, punt 91 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

 Dwar il-paragunabbiltà

27      Hija ġurisprudenza stabbilita li, fir-rigward ta’ taxxi diretti, is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti ma humiex, bħala regola ġenerali, paragunabbli sa fejn id-dħul imwettaq fit-territorju ta’ Stat Membru minn persuna mhux residenti jikkostitwixxi biss, fil-biċċa l-kbira, parti mid-dħul globali tagħha, li jkun ikkonċentrat fil-post tar-residenza tagħha, u għaliex il-kapaċità personali tal-persuna mhux residenti li tħallas it-taxxa, li tirriżulta mit-teħid inkunsiderazzjoni tad-dħul kollu tagħha u tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha, tista’ tiġi evalwata bl-iktar mod faċli fil-post fejn hija għandha ċ-ċentru tal-interessi personali u patrimonjali tagħha, li normalment ikun il-post tar-residenza abitwali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 37, u tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 25).

28      Barra minn hekk, il-fatt li Stat Membru ma jagħtix, lil persuna mhux residenti, ċerti vantaġġi fiskali li huwa jagħti lill-persuni residenti ma huwiex, bħala regola ġenerali, diskriminatorju, u dan fid-dawl tad-differenzi oġġettivi eżistenti bejn is-sitwazzjoni tal-persuni residenti u dik tal-persuni mhux residenti, kemm mill-perspettiva tas-sors tad-dħul tagħhom, kif ukoll mill-aspett tal-kapaċità personali tagħhom li jħallsu t-taxxa jew mill-aspett tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħhom (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 38, u tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 26).

29      Madankollu, ikun differenti, minn naħa, fil-każ meta l-persuna mhux residenti ma tirċivix dħul sinjifikanti fl-Istat Membru tar-residenza tagħha u tikseb il-parti essenzjali tar-riżorsi taxxabbli tagħha minn attività eżerċitata fl-Istat Membru kkonċernat l-ieħor (sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 27), b’mod li l-Istat Membru ta’ residenza ma jkunx f’pożizzjoni li jagħtiha l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑14 ta’ Frar 1995, Schumacker, C‑279/93, EU:C:1995:31, punt 36; tas‑16 ta’ Ottubru 2008, Renneberg, C‑527/06, EU:C:2008:566, punt 61, u tat‑18 ta’ Ġunju 2015, Kieback, C‑9/14, EU:C:2015:406, punt 25).

30      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li, f’dak li jikkonċerna l-ispejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fi Stat Membru, il-persuni residenti ta’ dan tal-aħħar u l-persuni mhux residenti jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 29).

31      F’dan il-każ, mill-osservazzjonijiet tal-qorti tar-rinviju jirriżulta li, minkejja li huwa jwettaq il-biċċa l-kbira tad-dħul tiegħu fil-Ġermanja, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali għandu, fil-Belġju, dħul biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni personali u familjali tiegħu tkun tista’ tittieħed inkunsiderazzjoni f’dan l-Istat.

32      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-ispejjeż ta’ previdenza fil-Ġermanja, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipli, persuna mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ikun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli għal dik ta’ persuna residenti biss jekk, minkejja l-klassifikazzjoni tagħhom fid-dritt intern bħala spejjeż straordinarji, l-imsemmija spejjeż ta’ previdenza setgħu jitqiesu bħala spejjeż direttament marbuta ma’ attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Ġermanja, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 30 ta’ din is-sentenza (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 31).

33      Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, għandhom rabta diretta mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli, l-ispejjeż maħluqa minn din l-attività u, għalhekk, neċessarji għall-eżerċizzju tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑12 ta’ Ġunju 2003, Gerritse, C‑234/01, EU:C:2003:340, punti 9 u 27; tal‑15 ta’ Frar 2007, Centro Equestre da Lezíria Grande, C‑345/04, EU:C:2007:96, punt 25, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 30).

34      Għandu jitfakkar li finalment hija l-qorti nazzjonali, li hija l-unika li għandha l-ġurisdizzjoni biex tevalwa l-fatti inkwistjoni fil-kawża prinċipali u biex tinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali, li għandha tiddetermina jekk dan huwiex il-każ f’din il-kawża. Madankollu, fil-kuntest ta’ rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Qorti tal-Ġustizzja, imsejħa biex tipprovdi risposti utli lill-qorti nazzjonali, għandha ġurisdizzjoni biex tagħti indikazzjonijiet ibbażati fuq il-proċess tal-kawża prinċipali kif ukoll fuq osservazzjonijiet li ngħatawlha, li jistgħu jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċiedi (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2013, Alakor Gabonatermelő és Forgalmazó, C‑191/12, EU:C:2013:315, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ukoll tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 32).

35      F’dan il-każ, fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien affiljat obbligatorjament ma’ din l-istituzzjoni u kellu jħallas dawn il-kontribuzzjonijiet minħabba r-reġistrazzjoni tiegħu mal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln.

36      Issa, bħalma jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, din ir-reġistrazzjoni hija obligatorja sabiex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jipprattika, taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt, kemm fil-Ġermanja, fejn huwa jagħmel parti importanti mid-dħul professjonali tiegħu u fejn huwa ntaxxat fuq dan id-dħul b’mod limitat, kif ukoll, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 98/5, fil-Belġju, l-Istat Membru fejn huwa stabbilit u fejn għandu r-residenza tiegħu.

37      Għaldaqstant hemm lok jitqies li l-ispejjeż relatati mal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati saru għaliex ir-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati kienet neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli. Dawn l-ispejjeż għandhom jitqiesu bħala li ġew ikkaġunati minn din l-attività u għalhekk bħala li huma neċessarji għall-eżerċizzju tagħha.

38      Din l-evalwazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argumenti invokati f’dan ir-rigward mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż.

39      Qabelxejn, iċ-ċirkustanza, invokata kemm mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, li tipprovdi, konformement mar-regoli li jirregolaw l-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, li teżisti l-possibbiltà li wieħed jiġi eżentat, taħt ċerti kundizzjonijiet, mill-affiljazzjoni obbligatorja ma’ din l-istituzzjoni, fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali ma fittixx li jagħmel, ma jimminax l-eżistenza ta’ rabta diretta bejn l-ispejjeż u l-attività li ġġenerat id-dħul.

40      Fil-fatt, minn naħa, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu jieħu passi speċjali sabiex jevita l-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-imsemmija istituzzjoni, dejjem sakemm dan kien posisbbli, fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kkontesta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, pjuttost turi li l-attività ta’ avukat inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġġib normalment dan it-tip ta’ spejjeż.

41      Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkustanza li r-rikorrent fil-kawża prinċipali seta’ potenzjalment jevita l-imsemmija spejjeż ma tistax tinfluwenza l-klassifikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, l-eżistenza tar-rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, ma teħtieġx li l-ispiża tkun inevitabbli. Għaldaqstant, rabta diretta ġiet aċċettata fir-rigward ta’ spejjeż ta’ konsultazzjoni fiskali inkorsi sabiex tiġi stabbilita dikjarazzjoni fiskali, u l-obbligu li ssir tali dikjarazzjoni jirriżulta mill-fatt li jsir dħul fl-Istat Membru kkonċernat (sentenza tas‑6 ta’ Lulju 2006, Conijn, C‑346/04, EU:C:2006:445, punt 22).

42      L-eżistenza tar-rabta diretta, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, tirriżulta mill-fatt li l-ispiża hija inseparabbli mill-attività li tipproduċi dħul taxxabbli (sentenzi tal‑31 ta’ Marzu 2011, Schröder, C‑450/09, EU:C:2011:198, punt 43, u tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 36). Issa, bħalma ġie rrilevat fil-punt 37 ta’ din is-sentenza, il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati sar neċessarju minħabba l-appartenenza għall-Kamra tal-Avukati li min-naħa tagħha hija neċessarja għall-eżerċizzju tal-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli.

43      Sussegwentement, iċ-ċirkustanza invokata mill-konvenuta fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-Gvern Ġermaniż, skont liema l-kontribuzzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx bħala għan prinċipali l-attività ta’ avukat fil-Ġermanja, iżda fil-fatt l-akkwist ta’ drittijiet sabiex jiġu żgurati mezzi ta’ għajxien matul ix-xjuħija, fatt li jipprova r-rabta tagħhom mas-sitwazzjoni personali u familjali tal-persuna taxxabbli, lanqas ma twassal għal klassifikazzjoni differenti mir-rabta eżistenti bejn l-ispejjeż inkorsi u d-dħul inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn, oġġettivament, l-imsemmija spejjeż huma neċessarji sabiex isir dan id-dħul.

44      Fl-aħħar nett, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija differenti mis-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2017, Bechtel (C‑20/16, EU:C:2017:488), u l-kunsiderazzjonijiet magħmula f’dik is-sentenza mill-Qorti tal-Ġustizzja f’dak li jirrigwarda r-rifjut li l-persuna taxxabbli residenti tingħata l-vantaġġi li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni personali u familjali tagħha fil-forma ta’ tnaqqis tal-kontribuzzjonijiet għall-assigurazzjoni għall-mard u għall-assigurazzjoni għax-xjuħija addizzjonali, imħallsa fl-Istat Membru ta’ impjieg tiegħu, ma jistgħux jiġu trasposti għall-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, fl-Istat Membru fejn hija eżerċitata l-attività, tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji għal organu professjonali ta’ previdenza. Fil-fatt, fil-kawża li tat lok għall-imsemmija sentenza, il-kwistjoni tar-rabta diretta, bejn l-ispejjeż fil-forma ta’ kontribuzzjonijiet ta’ previdenza u l-attività li ġġenerat id-dħul taxxabbli, ma kienx hemm lok li tiġi eżaminata.

45      Għandu, għaldaqstant, jiġi kkonstatat li l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati għandhom rabta diretta mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Ġermanja.

46      Għandu, madankollu, jitfakkar, f’dan ir-rigward, bħalma ntqal fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, li r-reġistrazzjoni mal-Kamra tal-Avukati ta’ Köln kienet neċessarja sabiex ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun jista’ jipprattika, taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt, mhux biss fil-Ġermanja, iżda wkoll fil-Belġju. Barra minn hekk, mit-talba għal deċizjoni preliminari jirriżulta li r-rikorrent fil-kawża prinċipali pprattika wkoll fi Stati oħrajn, mingħajr ma ġie ppreċiżat jekk dawn kinux Stati Membri oħrajn u jekk huwa pprattikax taħt it-titolu ta’ Rechtsanwalt.

47      Konsegwentement, il-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati għandhom rabta diretta wkoll mal-attività li ġġenerat dħul taxxabbli fil-Belġju u, eventwalment, fi Stati Membri oħrajn.

48      Issa, b’differenza għad-dħul ta’ persuna taxxabbli residenti, suġġetta fil-Ġermanja għall-obbligu fiskali illimitat, persuna taxxabbli mhux residenti hija suġġetta f’dan l-Istat Membru għal obbligu fiskali limitat għad-dħul iġġenerat fl-imsemmi Stat biss.

49      Minn dan isegwi li, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, is-sitwazzjoni ta’ persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandha titqies bħala li hija paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti f’dak li jirrigwarda l-parti tal-kontribuzzjonijiet imħallsa li jikkorrispondu, proporzjonalment, mal-parti li d-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja jirrappreżenta fit-totalità tad-dħul iġġenerat mill-attività inkwistjoni.

50      Konsegwentement, differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli residenti u dik tal-persuni taxxabbli mhux residenti ma tistax tiġi invokata validament fil-każ ta’ restrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta mir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja.

51      Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-kontribuzzjonijiet volontarji lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li dawn l-ispejjeż huma bbażati fuq deċiżjoni libera tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li jżid id-drittijiet għall-pensjoni tiegħu fi proporzjon tal-ammont massimu awtorizzat ta’ kontribuzzjonijiet.

52      F’dan ir-rigward, filwaqt li huwa minnu li l-imsemmija spejjeż jirriżultaw ukoll mill-appartenenza mal-Kamra tal-Avukati, dawn ma humiex, b’differenza għall-kontribuzzjonijiet obbligatorji, magħmula neċessarji b’tali appartenenza. Dawn ma humiex, konsegwentement, neċessarji għall-prattika tal-attività ta’ avukat fil-Ġermanja, u lanqas għall-ġbir ta’ dħul taxxabbli fil-Ġermanja.

53      Konsegwentement, f’dak li jirrigwarda l-kontribuzzjonijiet addizzjonali lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma jinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

54      Tali kunsiderazzjoni ma tistax tiġi mminata mill-argument li jipprovdi li l-pensjonijiet imħallsa mill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati se jkunu, meta jasal il-waqt, taxxabbli fil-Ġermanja. Minbarra n-natura inċerta ta’ tali tassazzjoni futura, huwa biżżejjed jitfakkar li t-tilwima fil-kawża prinċipali tirrigwarda t-tassazzjoni tad-dħul iġġenerat mill-prattika, fil-Ġermanja, tal-attività ta’ avukat tar-rikorrent fil-kawża prinċipali u li, sabiex dawn ikunu jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ din it-tassazzjoni, l-ispejjeż għandu jkollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul. L-eventwali rabta ma’ dħul futur ieħor ma hijiex rilevanti fil-kuntest tal-eżami tal-eżistenza ta’ tali rabta diretta.

55      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, hemm lok jitqies, bħall-qorti tar-rinviju, li rabta diretta bejn dawn l-ispejjeż u l-attività ta’ avukat li ġġenerat dħul taxxabbli ma hijiex notevoli.

56      Għal raġunijiet analogi għal dawk mogħtija fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, eventwali rabta ma’ dħul futur ieħor ma hijiex rilevanti fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ rabta diretta bejn ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata u d-dħul iġġenerat fil-Ġermanja mill-attività tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

57      Għandu għaldaqstant jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l-ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, persuna taxxabbli mhux residenti, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ma tinsabx f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ dik ta’ persuna taxxabbli residenti.

58      Konsegwentement, differenza bejn is-sitwazzjoni tal-persuni taxxabbli residenti u dik tal-persuni taxxabbli mhux residenti tista’ validament tiġi invokata fil-każ ta’ restrizzjoni, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirriżulta minn rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ kontribuzzjonijiet addizzjonali lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati u ta’ ammonti mħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata.

 Fuq il-ġustifikazzjoni

59      Għandu jiġi eżaminat ukoll jekk ir-restrizzjoni fuq il-libertà ta’ stabbiliment, li tirriżulta mir-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji lill-istituzzjoni ta’ previdenza tal-avukati, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa fil-Ġermanja, tistax tiġi ġġustifikata għal raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali.

60      F’dan ir-rigward, il-konvenuta fil-kawża prinċipali targumenta li r-rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet huwa ġġustifikat minn kunsiderazzjonijiet marbuta mar-riskju li dawn jiġu mnaqqsa wkoll fi Stati Membri oħrajn minbarra l-Ġermanja, li jagħti lill-persuna taxxabbli vantaġġ multiplu indebitu. Skont il-konvenuta fil-kawża prinċipali, il-persuna taxxabbli għandha tipprova li l-imsemmija kontribuzzjonijiet ma wasslux għal vantaġġi fiskali żejda fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-imsemmija persuna taxxabbli.

61      Issa, billi tinvoka, mingħajr preċiżjoni ulterjuri, dan ir-riskju, il-konvenuta fil-kawża prinċipali ma tpoġġix lill-Qorti tal-Ġustizzja f’pożizzjoni li tevalwa l-portata ta’ dan l-argument, filwaqt li ma huwiex sostnut li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad‑19 ta’ Diċembru 1977 dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 63), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/98/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363, p. 129), li kienu fis-seħħ dak iż-żmien, ma kinitx tevita dan ir-riskju (ara, ukoll, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2015, Grünewald, C‑559/13, EU:C:2015:109, punt 52).

62      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun kif ġej:

–        l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa f’dan l-Istat Membru, meta dawn ikollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul, filwaqt li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali, u

–        l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali mħallsa lil organizzazzjoni professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Għaxar Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet obbligatorji mħallsa lil organu professjonali ta’ previdenza, fi proporzjon xieraq tal-parti tad-dħul suġġett għat-taxxa f’dan l-Istat Membru, meta dawn ikollhom rabta diretta mal-attività li tkun iġġenerat dan id-dħul, filwaqt li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, skont liema persuna taxxabbli mhux residenti, suġġetta, f’dan l-Istat Membru, għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali limitat, ma tistax tnaqqas mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul l-ammont tal-kontribuzzjonijiet addizzjonali mħallsa lil organizzazzjoni professjonali ta’ previdenza kif ukoll dak tal-kontribuzzjonijiet imħallsa fil-kuntest ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata, minkejja li persuna taxxabbli residenti, suġġetta għat-taxxa fuq id-dħul fil-kuntest ta’ obbligu fiskali illimitat, tista’ tnaqqas tali kontribuzzjonijiet mill-bażi tat-taxxa fuq id-dħul, fil-limiti previsti mid-dritt nazzjonali.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.