Language of document : ECLI:EU:F:2013:78

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

18 ta’ Ġunju 2013

Kawża F‑98/11

Bernard Jargeac

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance għall-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-għoti — Tnaqqis ta’ allowance tal-istess natura rċevuta minn sorsi oħra — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA abbażi tal-Artikolu 106a tiegħu, li bih B. Jargeac, Aliaga Artero, Charrière, Clarke, Domingues, Hughes, Lanneluc u Zein (iktar ’il quddiem “l-ewwel tmien rikorrenti”) jitolbu, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li mill-allowance għall-edukazzjoni statutorja mogħtija lill-uffiċjali jitnaqqas l-ammont tal-boroż għall-istudji superjuri mogħtija lit-tfal tagħhom mis-Centre de documentation et de l’information sur l’enseignement supérieur du Grand‑Duché de Luxembourg (iktar ’il quddiem is-“Cedies”), għaliex għandu l-istess natura bħall-allowances għall-edukazzjoni statutorji u, min-naħa l-oħra, l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jitwettaq il-ħlas lura tal-ammonti mħallsa indebitament. Min-naħa tiegħu, Finch ippreżenta dan ir-rikors għall-finijiet li jikseb l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li titolbu jinformaha bl-eventwali għoti ta’ borża ta’ studju mogħtija mis-Cedies lit-tifel tiegħu u li tissospendi, fl-istennija ta’ din l-informazzjoni, il-ħlas tal-allowance għall-edukazzjoni statutorja mill-1 ta’ Diċembru 2010.

Deċiżjoni:      Ir-rikors, sa fejn ippreżentat minn Finch, huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. Ir-rikors, sa fejn ippreżentat minn B. Jargeac, Aliaga Artero, Charrière, Clarke, Domingues, Hughes, Lanneluc u Zein, huwa miċħud bħala manifestament infondat fid-dritt. B. Jargeac u t-tmien uffiċjali l-oħra jew ex-uffiċjali li isimhom jidher anness għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom u huma kkundannati jbatu l-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

1.      Kummissjoni — Eżerċizzju tal-kompetenzi — Delega tal-iffirmar — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

(Regolament intern tal-Kummissjoni, Artikolu 27)

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tal-edukazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tar-regola tan-non cumul prevista fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal f’każ ta’ ħlas minn imkejjen oħra ta’ allowances tal-istess natura — Applikazzjoni għall-allowance finanzjarja Lussemburgiża intiża għall-istudenti — Ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 67(1)(ċ) u (2))

3.      Uffiċjali — Irkupru tal-ammonti mħallsa indebitament — Invokazzjoni tan-nuqqas ta’ għarfien ta’ ħlas irregolari minn uffiċjal li naqas milli jiddikjara allowances tal-istess natura bħall-allowances tal-familja tal-Unjoni — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 67(2) u 85; Anness VII, Artikoli 1 sa 3)

1.      Fl-ipoteżi ta’ deċiżjonijiet iffirmati minn uffiċjal f’isem il-Kummissjoni u taħt il-kontroll tagħha, id-delega tal-iffirmar tikkostitwixxi miżura relatata mal-organizzazzjoni interna tad-dipartimenti tal-Kummissjoni, b’mod konformi mar-regolament intern tagħha u din tikkostitwixxi l-mezz normali li bih il-Kummissjoni teżerċita l-kompetenzi tagħha.

Fil-fatt, fid-dritt tal-Unjoni, id-delegi tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni huma legali bil-kundizzjoni li test ma jkunx jipprekludihom formalment. Dan għandu jkun il-każ ukoll, a fortiori, tas-sempliċi delega tal-iffirmar.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 17 ta’ Ottubru 1972, Vereeniging van Cementhandelaren vs Il‑Kummissjoni, 8/72, punti 10 sa 14; 17 ta’ Jannar 1984, VBVB u VBBB vs Il‑Kummissjoni, 43/82 u 63/82, punt 14; 11 ta’ Ottubru 1990, FUNOC vs Il‑Kummissjoni, C‑200/89, punti 13 u 14

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Diċembru 1994, Lisrestal et vs Il‑Kummissjoni, T‑450/93, punt 34; 14 ta’ Mejju 1998, Finnboard vs Il‑Kummissjoni, T‑338/94, punt 82; 18 ta’ Ottubru 2001, X vs BĊE, T‑333/99, punt 102, u l-ġurisprudenza ċċitata; 13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il‑Kummissjoni, T‑165/04, punt 49

2.      Huma biss l-allowances li huma paragunabbli u li għandhom l-istess għan li huma “ta’ l-istess natura” fis-sens tar-regola tan-non cumul prevista fl-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tal-allowances tal-familja. Il-kriterju deċiżiv fil-kwalifika ta’ allowance tal-istess natura huwa dak tal-għan imfittex mill-allowances inkwistjoni.

F’dan ir-rigward, l-allowance għall-edukazzjoni msemmija fl-Artikolu 67(1)(ċ) tar-Regolamenti tal-Persunal u l-allowance finanzjarja Lussemburgiża mogħtija taħt forma ta’ boroż ta’ studju u ta’ self, li għandha l-għan li tipprovdi lill-istudenti għajnuna finanzjarja intiża biex tippermettilhom iħallsu l-ispejjeż tal-istudji tagħhom u għall-manteniment tagħhom fil-kuntest tat-tkomplija tal-istudji tagħhom, għandhom għanijiet simili sa fejn dawn huma intiżi sabiex jikkontribwixxu għall-ispejjeż tal-edukazzjoni tat-tifel dipendenti fuq l-uffiċjal.

Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata bil-fatt li l-benefiċjarji taż-żewġ allowances ma humiex l-istess. Effettivament, il-fatt li l-allowance statutorja titħallas lill-uffiċjal u li l-allowance nazzjonali tingħata lit-tifel jew titħallas formalment lilu ma huwiex determinanti fl-evalwazzjoni ta’ jekk dawn l-allowances humiex tal-istess natura fis-sens tal-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Lanqas ma huwa determinanti l-fatt li l-allowance nazzjonali tingħata minħabba r-residenza fit-territorju nazzjonali u għalhekk ma hijiex relatata ma’ relazzjoni ta’ impjieg, kuntrarjament għall-allowance għall-edukazzjoni statutorja.

(ara l-punti 48 sa 50)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 13 ta’ Ottubru 1977, Gelders‑Deboeck vs Il‑Kummissjoni, 106/76, punt 16; 13 ta’ Ottubru 1977, Emer‑van den Branden vs Il‑Kummissjoni, 14/77, punt 15; 18 ta’ Diċembru 2007, Weiβenfels vs Il‑Parlament, C‑135/06 P, punt 89

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 10 ta’ Mejju 1990, Sens vs Il‑Kummissjoni, T‑117/89, punt 14; 11 ta’ Ġunju 1996, Pavan vs Il‑Parlament, T‑147/95, punt 41

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 13 ta’ Frar 2007, Guarneri vs Il‑Kummissjoni, F‑62/06, punti 39, 40 u 42; 5 ta’ Ġunju 2012, Giannakouris vs Il‑Kummissjoni, F‑83/10, punt 37; 5 ta’ Ġunju 2012, Chatzidoukakis vs Il‑Kummissjoni, F‑84/10, punt 37

3.      Fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ dikjarazzjoni tal-għajnuna finanzjarja nazzjonali tal-istess natura mħallsa minn xi mkien ieħor previst mill-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, uffiċjal benefiċjarju ta’ allowances tal-familja ma jkunx jista’ jinvoka iktar l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal u l-assenza ta’ għarfien ta’ ħlas irregolari.

Fil-fatt, l-Artikolu 67(2) tar-Regolamenti tal-Persunal għandu jiġi interpretat fis-sens li jħalli lill-istituzzjonijiet jiddeterminaw jekk l-allowances iddikjarati mill-uffiċjali jew mill-membri tal-persunal abbażi tal-obbligu previst minnu humiex jew le tal-istess natura bħall-allowances tal-familja mogħtija abbażi tal-Artikoli 1, 2 u 3 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal.

(ara l-punti 59 sa 61)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 6 ta’ Marzu 1996, Schelbeck vs Il‑Parlament, T‑141/95, punti 38 u 39