Language of document : ECLI:EU:C:2019:754

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

18 ta’ Settembru 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (UE) Nru 1215/2012 – Ġurisdizzjoni f’materji ċivili u kummerċjali – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 1(2)(b) – Fallimenti, proċedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ għeluq ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġuridiċi, kompożizzjoni jew proċedimenti analogi – Esklużjoni – Rikors intiż għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza – Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1346/2000 – Artikolu 41 – Kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu – Proċedura prinċipali u proċedura sekondarja ta’ insolvenza – Lis pendens u azzjonijiet relatati – Applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 – Inammissibbiltà”

Fil-Kawża C‑47/18,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Jannar 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Jannar 2018, fil-proċedura

Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad

vs

Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju ta’ Alpine Bau GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, R. Silva de Lapuerta (Relatur), Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, C. Toader, A. Rosas u M. Safjan, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-iSkarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad, minn A. Freytag, Rechtsanwalt,

–        għal S. Riel, bħala amministratur stralċjarju ta’ Alpine Bau GmbH, minn S. Riel, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. Sampol Pucurull, bħala aġent,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Heller u M. Wilderspin, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Svizzeru, minn M. Schöll, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-4 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(b) u tal-Artikolu 29(1) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali (ĠU 2012, L 351, p. 1), kif ukoll tal-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 191).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Skarb Państwa Rzeczypospolitej Polskiej – Generalny Dyrektor Dróg Krajowych i Autostrad (it-Teżor Pubbliku tar-Repubblika tal-Polonja – Direttur Nazzjonali tat-Toroq Nazzjonali u l-Awtostradi) u Stephan Riel, bħala amministratur stralċjarju fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fl-Awstrija kontra Alpine Bau GmbH, fir-rigward ta’ azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ krediti.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1215/2012

3        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1215/2012 jipprovdi:

“1.      Dan ir-Regolament għandu japplika fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali independentament min-natura tal-qorti jew tat-tribunal. Huwa m’għandux jestendi, b’mod partikolari, għal kwistjonijiet ta’ dħul, dawk doganali jew amministrattivi jew għar-responsabbiltà tal-Istat għal atti u ommissjonijiet fl-eżerċitar tal-awtorità tal-Istat (acta iure imperii).

2.      Dan ir-Regolament m’għandux japplika għal:

[…]

b)      falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi;

[…]”

4        Skont l-Artikolu 29 ta’ dan ir-regolament:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 31(2), meta proċedimenti li jinvolvu l-istess kawża ta’ azzjoni u bejn l-istess partijiet ikunu miġjuba quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, kull qorti apparti l-ewwel qorti li jkollha quddiemha l-każ għandha fuq inizjattiva tagħha stess tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha sa dak iż-żmien li fih tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata.

2.      Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, fuq talba ta’ qorti li tieħu konjizzjoni tal-kawża, kwalunkwe qorti invokata għandha mingħajr dewmien tinforma lill-ewwel qorti bid-data meta tressqu l-proċedimenti quddiemha skont l-Artikolu 32.

3.      Meta tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti invokata, kull qorti oħra apparti l-ewwel qorti invokata għandha tastjeni mill-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.”

5        L-Artikolu 30 tal-imsemmi regolament huwa mfassal kif ġej:

“1.      Meta azzjonijiet relatati jkunu pendenti fi qrati ta’ Stati Membri differenti, kwalunkwe qorti apparti l-qorti li tkun l-ewwel invokata għandha tissospendi l-proċedimenti ta’ quddiemha.

2.      Fejn l-azzjoni tkun pendenti fil-prim’istanza quddiem l-ewwel qorti, kwalunkwe qorti oħra tista’ wkoll, fuq talba ta’ waħda mill-partijiet, tiċħad il-ġurisdizzjoni jekk il-qorti l-ewwel invokata jkollha ġurisdizzjoni fuq l-azzjonijiet ikkonċernati u li l-liġi tagħha tippermetti l-konsolidazzjoni tagħhom.

3.      Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, azzjonijiet huma meqjusa li jkunu relatati meta jkunu konnessi hekk mill-qrib illi jkun aktar konvenjenti illi jinstemgħu u jiġu determinati flimkien sabiex ikun evitat ir-riskju ta’ sentenzi irrikonċiljabbli li jirriżultaw minn proċedimenti separati.”

 Ir-Regolament Nru 1346/2000

6        Il-premessi 2, 6, 8, 12, 18, 19 u 21 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdu:

“(2)      Il-funzjonament xieraq tas-suq intern jeħtieġ illi l-proċedimenti ta’ falliment trans-fruntieri joperaw b’effiċjenza u b’effettività u dan ir-Regolament għandu jiġi adottat sabiex jintlaħaq dan il-għan […].

[…]

(6)      Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dispożizzjonijiet li jirregolaw ġurisdizzjoni għal ftuħ ta’ proċedimenti ta’ falliment u ġudizzji li jingħataw direttament fuq bażi ta’ proċedimenti ta’ falliment u li huma marbuta mill-qrib ma’ proċedimenti bħal dawn. Barra minn hekk, dan ir-Regolament għandu jkun fih dispożizzjonijiet rigward l-għarfien ta’ dawk il-ġudizzji u rigward il-liġi applikabbli li tissodisfa wkoll dak il-prinċipju.

[…]

(8)      Sabiex jintlaħaq il-għan illi jinġiebu ‘l quddiem l-effiċjenza u l-effettività ta’ proċedimenti ta’ falliment li għandhom effett trans-fruntier, huwa meħtieġ, u xieraq, li dispożizzjonijiet dwar ġurisdizzjoni, għarfien, u l-applikabilità tal-liġi f’dan il-qasam għandhom ikunu miġbura f’miżura ta’ liġi tal-Komunità li tkun torbot u tapplika direttament fi Stati Membri.

[…]

(12)      Dan ir-Regolament jawtoriżża l-proċedimenti prinċipali ta’ falliment li jinbdew fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu iċ-ċentru prinċipali ta’ l-interessi tiegħu. Dawn il-proċedimenti għandhom l-iskop universali u l-għan li jkopru l-assi kollha tad-debitur. Sabiex tiġi protetta d-diversità ta’ interessi, dan ir-Regolament jippermetti proċedimenti sekondarji li jinfetħu sabiex jimxu flimkien mal-proċedimenti prinċipali. Proċedimenti sekondarji jistgħu jinfetħu fl-Istat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment. L-effetti ta’ proċedimenti sekondarji huma limitati għall-assi li jinsabu f’dak l-Istat. Regolu mandatorji ta’ koordinazzjoni mal-proċedimenti prinċipali jissodisfaw il-ħtieġa ta’ unità fil-Komunità.

[…]

(18) Wara l-ftuħ tal-proċedimenti prinċipali ta’ falliment, id-dritt li jintalab il-ftuħ tal-proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru fejn id-debitur ikollu stabbiliment mhux ristrett b’dan ir-Regolament. Il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali jew xi persuna awtoriżżata permezz tal-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru tista titlob il-ftuħ tal-proċedimenti sekondarji ta’ falliment.

(19)      Proċeduri sekondarji ta’ falliment jistgħu jservu diversi skopijiet, apparti mill-protezzjoni ta’ interessi lokali. Jistgħu jinqalgħu każijiet fejn l-assi tad-debitur ikunu komplessi wisq biex jiġu amministrati bħala unità jew fejn id-differenzi fis-sistemi legali kkonċernati jkunu tant kbar illi jistgħu jinħolqu diffikultajiet mill-estenzjoni ta’ effetti li joriġinaw mill-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ lill-Istati l-oħra fejn ikunu jinstabu l-assi. Għal din ir-raġuni il-likwidatur tal-proċeduri prinċipali jista’ jitlob għal ftuħ ta’ proċedimenti sekondarji meta l-amministrazzjoni effiċjenti ta’ l-assi tkun titlob hekk.

[…]

(21)      Kull kreditur, li jkollu ir-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fil-Komunità, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta t-talbiet tiegħu f’kull waħda mill-proċedimenti ta’ falliment pendenti fil-Komunità u li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-assi tad-debitur. […]”

7        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jipprovdi kif ġej:

“1.      Il-qrati ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun jinstab iċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali tad-debitur għandu jkollu l-ġurisdizzjoni biex jiftaħ il-proċedimenti ta’ falliment. Fil-każ ta’ kumpannija jew persuna ġuridika, il-post ta’ l-uffiċju rreġistrat għandu jkun meqjus li huwa ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali fin-nuqqas ta’ prova għal kuntrarju.

2.      Meta ċ-ċentru ta’ l-interessi prinċipali ta’ debitur ikun jinstab fit-territorju ta’ Stat Membru, il-qrati ta’ Stati Membri oħra għandhom ikollhom il-ġurisdizzjoni li jiftħu proċedimenti ta’ falliment kontra dak id-debitur fil-każ biss li dak ikollu stabbiliment fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor. L-effetti ta’ dawk il-proċedimenti għandu jkun ristrett għall-assi tad-debitur li jkunu jinstabu fit-territorju ta’ l-Istat Membru l-ieħor.

3.      Meta proċediment ta’ falliment jinfetħu permezz ta’ paragrafu 1, xi proċedimenti miftuħa sussegwentament permezz ta’ paragrafu 2 għandhom ikunu proċedimenti sekondarji. Dawn il-proċedimenti ta’ l-aħħar għandhom ikun proċedimenti ta’ l-egħluq.

[…]”

8        L-Artikolu 4 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“1.      Ħlief fejn ipprovdut b’ mod ieħor f’dan ir-Regolament, il-liġi applikabbli għal proċedimenti ta’ falliment u l-effetti tagħhom għandha tkun dik ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ tali proċedura, minn hawn ’il quddiem imsemmija bħala l-’Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti’.

2.      Il-liġi ta’ l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti għandha tiddetermina l-kondizzjonijiet tal-ftuħ ta’ dawk il-proċedimenti, il-manjiera tagħhom u l-egħluq tagħhom. Għandu jiddetermina b’ mod partikolari:

[…]

h)      ir-regoli li jirregolaw il-preżentazzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tat-talbiet;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 27 tal-istess regolament:

“Il-ftuħ tal-proċedimenti msemmija fl-Artikolu 3(1) minn qorti ta’ Stat Membru u li jkun rikonoxxut fi Stat Membru ieħor (proċedimenti prinċipali) għandu jippermetti l-ftuħ f’dak l-Istat Membru l-ieħor, li qorti tiegħu jkollu ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3(2), ta’ proċedimenti sekondarji ta’ falliment mingħajr ma l-falliment tad-debitur ikun eżaminat fl-Istat l-ieħor. […] L-effetti tagħhom għandhom ikunu ristretti għall-assi tad-debitur li jkun jinstab fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.”

10      L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1346/2000 jipprovdi:

“1.      Bla ħsara għar-regoli li jirrestrinġu il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandu jkollhom id-dmir li jikkomunikaw informazzjoni lill-xulxin. Għandhom immedjatament jikkomunikaw xi informazzjoni li tista’ tkun relevanti għal proċedimenti l-oħra, b’ mod partikolari l-progress magħmul fil-preżentazzjoni u l-verifika ta’ talbiet u l-miżuri kollha li jkollhom il-għan li jitterminaw il-proċedimenti.

2.      Suġġett għar-regoli applikabbli għal kull waħda mill-proċedimenti, il-likwidatur fil-proċedimenti prinċipali u l-likwidaturi fil-proċedimenti sekondarji għandhom ikollhom id-dmir li jikkooperaw flimkien.

[…]”

11      L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jipprovdi:

“Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu jew id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat fi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-ftuħ tal-proċedimenti, inklużi l-awtoritajiet tat-taxxa u awtoritajiet tas-sigurtà soċjali ta’ Stati Membri, għandu jkollu d-dritt li jippreżenta talbiet bil-miktub fil-proċedimenti ta’ falliment.”

12      Skont l-Artikolu 40 tal-imsemmi regolament:

“1.      Malli jinfetħu proċedimenti ta’ falliment fi Stat Membru, il-qorti ta’ dak l-Istat li jkollha l-ġurisdizzjoni, jew il-likwidatur maħtur minnha, għandha immedjatament tinforma lill-kredituri magħrufa li jkollhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju jew l-uffiċju irreġistrat f’xi Stati Membru oħra.

2.      Dik l-informazzjoni, ipprovduta b’avviż individwali, għandha b’ mod partikolari tinkludi limiti taż-żmien, il-penalitajiet imposti rigward dawk il-limiti ta’ żmien, il-korp jew awtorità awtoriżżata li taċċetta il-preżentazzjoni ta’ talbiet u l-miżuri l-oħra mitluba. Avviż bħal dan għandu wkoll jindika jekk il-kredituri li t-talbiet tagħhom ikunu preferenzali jew assigurati in rem jenħtiegx li jippreżentaw it-talbiet tagħhom.”

13      L-Artikolu 41 tal-istess regolament jipprovdi:

“Kreditur għandu jibgħat kopji ta’ dokumenti sostenituri, jekk ikun hemm, u għandi jindika n-natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha, kif ukoll jekk jallegax preferenza, sigurtà in rem jew reserva ta’ titolu fir-rigward ta’ talba u liema assi jkunu koperti bil-garanzja li jinvoka.”

14      L-Artikolu 42 tar-Regolament Nru 1346/2000 huwa fformulat kif ġej:

“1.      L-informazzjoni pprovduta fl-Artikolu 40 għandha tiġi pprovduta bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ l-proċedimenti. Għal dan l-iskop, għandha tintuża formola li jkollha l-intestatura ‘Stedina għal preżentazzjoni ta’ talba’. Limiti taż-żmien li għandhom jiġu osservati bil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-Istituzjonijiet ta’ l-Unjoni Ewropea’.

2.      Xi kreditur li jkollu r-residenza abitwali tiegħu, id-domiċilju jew l-uffiċju rreġistrat f’xi Stat Membru apparti minn dak l-Istat tal-bidu tal-proċedimenti jista’ jippreżenta t-talba tiegħu fil-lingwa uffiċjali jew waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ dak l-Istat l-ieħor. F’dak il-każ, b’dana kollu, il-preżentazzjoni tat-talbiet tiegħu għandhom ikollhom l-intestatura ‘Preżentazzjoni ta’ talba’ bil-lingwa uffiċjali jew b’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti. Barra minn hekk, dan jista’ jiġi mitlub jipprovdi traduzzjoni fil-lingwa uffiċjali jew f’waħda mill-lingwi uffiċjali ta’ l-Istat li jiftaħ il-proċedimenti.”

 Id-dritt Awstrijak

15      L-Artikolu 102 tal-Insolvenzordnung (il-Liġi dwar l-Insolvenza), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-kawża prinċipali (iktar ’il quddiem l-“IO”), jipprovdi:

“Il-kredituri għandhom jippreżentaw il-krediti tagħhom fil-proċedura ta’ insolvenza skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin, anki jekk ikunu s-suġġett ta’ kawża.”

16      L-Artikolu 103(1) tal-IO jipprovdi:

“Id-dikjarazzjoni għandha tindika l-ammont tal-kreditu u l-fatti li fuqhom huwa bbażat, kif ukoll il-klassifika mitlub; hija għandha tispeċifika l-elementi ta’ prova li jistgħu jiġi ppreżentati insostenn tal-kreditu allegat.”

17      L-Artikolu 110(1) KE tal-IO jipprovdi dan li ġej:

“Id-detenturi ta’ krediti li l-eżattezza jew il-grad tagħhom jibqgħu kkontestati jistgħu jaġixxu għall-konstatazzjoni tal-eżistenza tagħhom, meta r-rimedju ġudizzjarju jkun ammissibbli, billi jindirizzaw ir-rikors tagħhom kontra l-kontestanti kollha […]. Il-pretensjonijiet magħmula fil-kuntest ta’ din l-azzjoni jistgħu jkunu bbażati biss fuq il-motiv invokat fil-kuntest tad-dikjarazzjoni u waqt is-seduta ta’ verifika; dawn ma jistgħux jikkonċernaw ammont ogħla minn dak li kien indikat f’din l-okkażjoni.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

18      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, responsabbli mill-amministrazzjoni tat-toroq statali Pollakki, fdat lil Alpine Bau bit-twettiq ta’ diversi proġetti ta’ kostruzzjoni tat-toroq fil-Polonja, liema kuntratti ngħataw wara sejħiet għal offerti pubbliċi. Il-kuntratti relattivi għal dawn il-proġetti kienu jinkludu klawżoli dettaljati dwar id-danni u l-interessi li kellhom jitħallsu f’każ ta’ dewmien fl-eżekuzzjoni tagħhom.

19      Fid-19 ta’ Ġunju 2013, infetħet proċedura ta’ amministrazzjoni ġudizzjarja fl-Awstrija fir-rigward ta’ Alpine Bau u S. Riel ġie maħtur amministratur stralċjarju ta’ din il-kumpannija.

20      Fl-4 ta’ Lulju 2013, din il-proċedura ġiet ikklassifikata mill-ġdid bħala “proċedura ta’ falliment”. L-għada, b’applikazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna, l-Awstrija), fil-fajl tal-proċeduri ta’ insolvenza ġie indikat li din kienet proċedura ta’ insolvenza prinċipali, fis-sens tar-Regolament Nru 1346/2000.

21      Fil-Polonja nfetħet proċedura ta’ insolvenza sekondarja kontra Alpine Bau quddiem is-Sąd Rejonowy Poznān-Stare Miasto w Poznaniu (il-Qorti Distrettwali ta’ Poznān-Stare Miasto, il-Polonja).

22      Xi krediti ġew ippreżentati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali fis-16 ta’ Awwissu 2013 u fit-22 ta’ Ġunju 2016 fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali miftuħa fl-Awstrija kif ukoll fis-16 ta’ Mejju 2014 u fis-16 ta’ Ġunju 2015 fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja fil-Polonja.

23      Il-parti l-kbira tal-krediti hekk ippreżentati ġew ikkontestati minn S. Riel, maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka, u mill-amministratur stralċjarju maħtur fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka.

24      Fl-1 ta’ April 2015, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentat, fil-Polonja, rikors għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu f’ammont ta’ PLN 309 663 865 (zloty Pollakki) (madwar EUR 73 898 402).

25      Fil-31 ta’ Ottubru 2016, din ippreżentat ukoll, quddiem il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), azzjoni intiża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu f’ammont ta’ EUR 64 784 879.43, filwaqt li skont l-Artikoli 29 u 30 tar-Regolament Nru 1215/2012, talbet is-sospensjoni tad-deċiżjoni sakemm id-deċiżjoni fil-proċeduri pendenti fil-Polonja, dwar il-verifika ta’ krediti, tkun kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

26      Permezz ta’ sentenza interlokutorja tal-25 ta’ Lulju 2017, il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna), ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali f’ammont ta’ EUR 265 132.81, mingħajr ma ddeċidiet dwar it-talba għal sospensjoni tad-deċiżjoni.

27      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali appellat minn din is-sentenza quddiem l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), billi invokat, b’mod partikolari, difett proċedurali sa fejn il-Handelsgericht Wien (il-Qorti Kummerċjali ta’ Vjenna) kienet irrifjutat li tissospendi d-deċiżjoni, bi ksur tal-Artikolu 29 tar-Regolament Nru 1215/2012.

28      Il-qorti tar-rinviju tistaqsi, fl-ewwel lok, jekk l-azzjoni għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ kreditu li hija adita biha taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 jew dak tar-Regolament Nru 1346/2000.

29      Fit-tieni lok, hija tistaqsi dwar l-applikazzjoni, eventwalment b’analoġija, tar-regoli dwar il-lis pendens previsti mir-Regolament Nru 1215/2012, fil-każ ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000.

30      Fit-tielet lok, din tesprimi dubji dwar il-portata tar-rekwiżiti elenkati fl-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 dwar il-kontenut tal-preżentazzjoni ta’ kreditu mill-kredituri stabbiliti fi Stat Membru.

31      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-Artikolu 1(2)(b) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu skont id-dritt Awstrijaku tikkonċerna l-insolvenza fis-sens [ta’ din id-dispożizzjoni] u li hija, konsegwentement, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan ir-regolament?

[2])      (unikament fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda 1)

L-Artikolu 29(1) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi applikat b’analoġija għal azzjonijiet relatati li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000?

[3])      (unikament fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda jew fil-każ ta’ risposta affermattiva għad-Domanda 2a):

L-Artikolu 29(1) tar-[Regolament Nru 1215/2012] għandu jiġi interpretat fis-sens li talba li għandha l-istess suġġett u l-istess kawża titressaq bejn l-istess partijiet meta kreditur – ir-[rikorrenti fil-kawża prinċipali] –, li jkun invoka kreditu identiku (essenzjalment) fil-proċedura ta’ insolvenza prinċipali Awstrijaka u fil-proċedura ta’ insolvenza sekondarja Pollakka, liema kreditu ġie kkontestat (essenzjalment) mill-amministraturi stralċjarji kkonċernati, jippreżenta, l-ewwel fil-Polonja kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura sekondarja Pollakka, sussegwentement fl-Awstrija kontra l-amministratur stralċjarju tal-proċedura prinċipali – [S. Riel] – azzjonijiet għal dikjarazzjonijiet ta’ kreditu ta’ ċertu ammont?

[4])      L-Artikolu 41 tar-[Regolament Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li jkun issodisfa r-rekwiżit relatat mal-indikazzjoni tan-“natura tat-talba, id-data li fiha din tkun saret u l-ammont tagħha” [meta]

a)      [– bħal f’dan il-każ – il-kreditur li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – [ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali –] li jillimita ruħu, fid-dikjarazzjoni ta’ kreditu tiegħu fil-proċedura ta’ involvenza prinċipali, li jiddeskrivi l-kreditu billi jindika ammont konkret, iżda mhux id-data li fiha tnissel (billi juża pereżempju t-termini “kreditu tas-subappaltatur JSV Slawomir Kubica fir-rigward tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet fit-toroq”)

b)      u li, għalkemm ebda data ta’ tnissil tal-kreditu ma hija indikata fid-dikjarazzjoni stess, data ta’ tnissil tista’ madankollu tiġi dedotta mill-annessi mehmuża mad-dikjarazzjoni ta’ kreditu (pereżempju, abbażi tad-data li tidher fil-fattura prodotta)?

[5])      L-Artikolu 41 tar-[Regolament Nru 1346/2000] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tipprekludix l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali iktar favorevoli, in concreto, lill-kreditur li jiddikjara li għandu s-sede tiegħu fi Stat Membru għajr l-Istat ta’ ftuħ tal-proċeduri – fir-rigward, pereżempju, tar-rekwiżit tal-indikazzjoni tad-data ta’ tnissil tal-kreditu?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

32      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament?

33      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li r-Regolamenti Nri 1215/2012 u 1346/2000 għandhom jiġu interpretati b’mod li tiġi evitata kull sovrappożizzjoni bejn ir-regoli tad-dritt stabbiliti minn dawn it-testi u kull lakuna legali. Għalhekk, l-azzjonijiet esklużi, taħt l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan tal-aħħar, għaliex huma “falliment, proċedimenti relatati mal-istralċ ta’ kumpanniji insolventi jew ta’ persuni ġuridiċi oħra, arranġamenti ġudizzjarji, ftehimiet u proċedimenti analogi”, jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000. B’mod simmetriku, l-azzjonijiet li ma jidħlux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 1346/2000 jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012 (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 24, kif ukoll tal-4 ta’ Ottubru 2018, Feniks, C‑337/17, EU:C:2018:805, punt 30).

34      Minn dan jirriżulta li l-kampijiet ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti huma limitati b’mod ċar u li azzjoni li toriġina direttament minn proċeduri ta’ insolvenza u li hija marbuta mill-qrib magħha ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1346/2000 (sentenza tal-14 ta’ Novembru 2018, Wiemer & Trachte, C‑296/17, EU:C:2018:902, punt 31).

35      F’dan il-kuntest, il-Qorti tal-Ġustizzja ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li d-diversi tipi ta’ azzjonijiet li ħadet konjizzjoni tagħhom kienu eżerċitati fl-okkażjoni ta’ proċeduri ta’ insolvenza. Barra minn hekk, hija fuq kollox intrabtet li tiddetermina kull darba jekk l-azzjoni inkwistjoni kinitx toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza jew minn regoli oħra (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel de Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 26, kif ukoll tal-4 ta’ Diċembru 2014, H, C‑295/13, EU:C:2014:2410, punt 18).

36      B’mod partikolari, l-element determinanti adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tidentifika l-qasam li taqa’ fih azzjoni hija l-bażi legali ta’ din tal-aħħar. Skont dan l-approċċ, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk id-dritt jew l-obbligu li fuqu tkun ibbażata l-kawża joriġinax mir-regoli komuni tad-dritt ċivili u kummerċjali jew minn regoli derogatorji, speċifiċi għall-proċeduri ta’ insolvenza (sentenzi tal-4 ta’ Settembru 2014, Nickel & Goeldner Spedition, C‑157/13, EU:C:2014:2145, punt 27; tal-11 ta’ Ġunju 2015, Comité d’entreprise de Nortel Networks et, C‑649/13, EU:C:2015:384, punt 28; tad-9 ta’ Novembru 2017, Tünkers France u Tünkers Maschinenbau, C‑641/16, EU:C:2017:847, punt 22, kif ukoll tal-20 ta’ Diċembru 2017, Valach et, C‑649/16, EU:C:2017:986, punt 29).

37      F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-fatt li l-azzjoni sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ krediti prevista fl-Artikolu 110 tal-IO, eżerċitata mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tikkostitwixxi element tal-leġiżlazzjoni Awstrijaka dwar l-insolvenza, mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li din l-azzjoni għandha tiġi eżerċitata fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, minn kredituri li jipparteċipaw għaliha, f’każ ta’ kontestazzjoni li tirrigwarda l-eżattezza jew il-grad ta’ krediti ddikjarati minn dawn il-kredituri.

38      Għaldaqstant, jidher li, fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-kawża għall-konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ krediti prevista fl-Artikolu 110 tal-IO tirriżulta direttament minn proċedura ta’ insolvenza, hija marbuta mill-qrib magħha u toriġina mid-dritt tal-proċeduri ta’ insolvenza.

39      Konsegwentement, il-kawża msemmija ma taqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, iżda taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

 Fuq it-tieni domanda

41      Permezz tat-tieni domanda tagħha, li hija tagħmel biss fil-każ fejn tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandux jiġi interpretat fis-sens li japplika b’analoġija għal kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda li taqa’ taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000.

42      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, billi jipprovdi li, meta talbiet li għandhom l-istess suġġett u l-istess kawża jitressqu bejn l-istess partijiet quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, il-qorti adita t-tieni għandha tissospendi l-proċeduri quddiemha ex officio sakemm tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qorti adita l-ewwel, l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 huwa intiż sabiex jevita li jingħataw deċiżjonijiet inkonċiljabbli fir-rigward ta’ dawn it-talbiet.

43      Għandu jiġi rrilevat ukoll li, sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni eskluda espliċitament ċerti oqsma mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1215/2012, id-dispożizzjonijiet tiegħu, inklużi dawk li għandhom natura purament proċedurali, ma japplikawx b’analoġija għal dawn l-oqsma.

44      Barra minn hekk, tali applikazzjoni tmur kontra s-sistema tar-Regolament Nru 1346/2000 u għalhekk, tippreġudika l-effettività tad-dispożizzjonijiet tiegħu, b’mod partikolari sa fejn, skont l-Artikoli 3 u 27 ta’ dan ir-regolament, moqrija fid-dawl tal-premessi 12, 18 u 19 tiegħu, proċeduri sekondarji ta’ insolvenza jistgħu jinfetħu b’mod parallel mal-proċedura prinċipali ta’ insolvenza, ħaġa li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 ma jippermettix.

45      Barra minn hekk, kif sostniet il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, fir-rigward tas-sistema tar-Regolament Nru 1346/2000, l-Artikolu 31 tiegħu jippermetti li jiġi evitat ir-riskju ta’ deċiżjonijiet irrikonċiljabbli billi jiġu stabbiliti regoli fil-qasam ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni fil-każ ta’ proċeduri ta’ insolvenza paralleli.

46      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax, lanqas b’analoġija, għal azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda li taqa’ taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000.

 Fuq it-tielet domanda

47      Peress li t-tielet domanda saret biss fil-każ fejn tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda jew għal dak fejn tingħata risposta fl-affermattiv għat-tieni domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għaliha.

 Fuq ir-raba’ u l-ħames domandi

48      Permezz tar-raba’ u l-ħames domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandux jiġi interpretat fis-sens li kreditur jista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, jippreżenta kreditu mingħajr ma jindika formalment id-data meta beda, meta l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet din il-proċedura tkun tippermetti dan u meta din id-data tkun tista’ tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmija f’dan l-Artikolu 41.

49      Mill-premessi 2 u 8 tar-Regolament Nru 1346/2000 jirriżulta li dan għandu l-għan li jippermetti funzjonament effikaċi u effettiv tal-proċeduri ta’ insolvenza transkonfinali kif ukoll li dawn jittejbu u jitħaffu.

50      B’mod partikolari, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-premessa 21 u mill-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar huwa intiż sabiex jiżgura l-ugwaljanza fit-trattament tal-kredituri fi ħdan l-Unjoni u sabiex jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom.

51      L-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000 jistabbilixxi l-prinċipju li jgħid li r-regoli dwar il-produzzjoni, il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tinfetaħ il-proċedura ta’ insolvenza. L-Artikolu 41 ta’ dan ir-regolament, li jinsab fil-Kapitolu IV tiegħu, intitolat “Proviżjon ta’ informazzjoni għal kredituri u preżentazzjoni tat-talbiet tagħhom”, jistabbilixxi madankollu ċerti rekwiżiti relatati mal-kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu, li, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 59 u 72 tal-konklużjonijiet tiegħu, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu rekwiżiti massimi, relatati mal-kontenut tal-produzzjoni ta’ kreditu, li jistgħu jiġu imposti minn leġiżlazzjoni nazzjonali lill-kredituri li għandhom ir-residenza abitwali tagħhom, id-domiċilju tagħhom jew is-sede tagħhom fi Stat Membru li ma huwiex dak li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza.

52      Fost dawn ir-rekwiżiti, dan l-Artikolu 41 jipprevedi, b’mod partikolari, li l-kreditur jibgħat kopja tad-dokumenti ġustifikattivi, jekk ikunu jeżistu, u li jindika d-data meta beda l-kreditu.

53      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, ir-regoli li jikkonċernaw il-verifika u l-ammissjoni tal-krediti jibqgħu, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 4(2)(h) tar-Regolament Nru 1346/2000, iddeterminati mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu nfetħet il-proċedura ta’ insolvenza.

54      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 ma għandux ikun is-suġġett ta’ interpretazzjoni li għandha bħala effett li teskludi l-preżentazzjoni ta’ kreditu għar-raġuni li d-dikjarazzjoni ta’ kreditu inkwistjoni ma tinkludix waħda mill-indikazzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu 41, meta r-referenza għal din l-indikazzjoni ma tkunx imposta mil-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet il-proċedura ta’ insolvenza u meta l-imsemmija indikazzjoni tkun tista’, mingħajr diffikultà partikolari, tiġi dedotta mid-dokumenti ġustifikattivi msemmija fl-imsemmi Artikolu 41, u dan għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti, inkarigata mill-verifika tal-krediti.

55      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għar-raba’ u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditur jista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, jipproduċi kreditu mingħajr ma jindika formalment id-data meta sar, meta l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet din il-proċedura ma timponix l-obbligu li tiġi indikata din id-data u li din tal-aħħar tista’, mingħajr diffikultà partikolari, tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmija f’dan l-Artikolu 41, u dan għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti, inkarigata mill-verifika tal-krediti.

 Fuq l-ispejjeż

56      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 1(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali għandu jiġi interpretat fis-sens li azzjoni għal dikjarazzjoni ta’ kreditu għall-finijiet tar-reġistrazzjoni tiegħu fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

2)      L-Artikolu 29(1) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma japplikax, lanqas b’analoġija, għal azzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, iżda li taqa’ taħt dak tar-Regolament Nru 1346/2000.

3)      L-Artikolu 41 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000 tad-29 ta’ Mejju 2000 dwar proċedimenti ta’ falliment, għandu jiġi interpretat fis-sens li kreditur jista’, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ insolvenza, jipproduċi kreditu mingħajr ma jindika formalment id-data meta sar, meta l-liġi tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun infetħet din il-proċedura ma timponix l-obbligu li tiġi indikata din id-data u li din tal-aħħar tista’, mingħajr diffikultà partikolari, tiġi dedotta mid-dokumenti ta’ sostenn imsemmija f’dan l-Artikolu 41, u dan għandu jiġi evalwat mill-awtorità kompetenti, inkarigata mill-verifika tal-krediti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.