Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Düsseldorf (il-Ġermanja) fl-4 ta’ Awwissu 2020 – Eurowings GmbH vs GDVI Verbraucherhilfe GmbH

(Kawża C-365/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Düsseldorf

Partijiet fil-kawża prinċipali

Appellanti: Eurowings GmbH

Appellata: GDVI Verbraucherhilfe GmbH

Domandi preliminari

Passiġġier ikollu “riżervazzjoni kkonfermata” fis-sens tal-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 1 , meta jkun irċieva minn operatur tat-tour, li jkun marbut kuntrattwalment miegħu, “prova oħra” fis-sens tal-Artikolu 2(g) tar-Regolament Nru 261/2004, li jkun fiha wiegħda dwar titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, mingħajr ma l-operatur tat-tour ma jkun għamel fil-fatt riżervazzjoni għal din it-titjira mat-trasportatur tal-ajru kkonċernat u mingħajr ma jkun irċieva konferma mingħand dan tal-aħħar?

Ikun hemm “rifjut ta’ imbark” fis-sens tal-Artikolu 4(3) u tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 meta, ftit ġranet qabel il-ħin tat-tluq skedat, l-operatur tat-tour, li miegħu l-passiġġieri jkunu kkonkludew kuntratt għal pakkett tal-ivjaġġar u li kien qabel ikkonfermalhom b’mod vinkolanti titjira identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, jittrasferixxihom għal titjira oħra?

Ir-rifjut ta’ imbark huwa “raġonevolment iġġustifikat” fis-sens tal-aħħar parti tas-sentenza tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004, meta l-operatur tat-tour li kien ikkonferma b’mod vinkolanti titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tad-data, tan-numru u tal-ħinijiet tat-titjira, mingħajr konsultazzjoni mal-kumpannija tal-ajru u mingħajr ma kien għamel “riżervazzjoni li tkopri” l-passiġġier, ibiddel, ftit ġranet qabel il-ħin tat-tluq skedat, ir-riżervazzjoni tal-passiġġier billi jittrasferixxih fuq titjira oħra – hemmhekk ukoll mingħajr konsultazzjoni mal-kumpannija tal-ajru – mingħajr ma din il-kumpannija tal-ajru tkun tista’ tinfluwenza dan?

Sabiex trasportatur tal-ajru jitqies li huwa “trasportatur tal-ajru li jopera” fis-sens tal-Artikolu 2(b) tar-Regolament Nru 261/2004 fil-konfront ta’ passiġġier, huwa biżżejjed li dan il-passiġġier ikun marbut kuntrattwalment ma’ operatur tat-tour, li jkun wiegħed li jittrasporta lill-passiġġier fuq titjira preċiża, identifikata bl-indikazzjoni tal-postijiet u tal-ħinijiet tat-tluq u tal-wasla, kif ukoll bin-numru tat-titjira, f’sitwazzjoni fejn l-operatur tat-tour ma jkunx għamel riżervazzjoni għall-passiġġier u għalhekk ma jkunx stabbilixxa relazzjoni kuntrattwali mat-trasportatur tal-ajru fir-rigward ta’ din it-titjira?

L-Artikoli 4(3) u 7(1) tar-Regolament Nru 261/2004 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’każ bħal dan hawnhekk, fejn il-passiġġier jirriżerva titjira ta’ trasferiment mal-operatur tat-tour fil-kuntest ta’ pakkett tal-ivjaġġar u fejn l-ewwel parti tat-titjira, li ssir mill-kumpannija tal-ajru konvenuta, isseħħ kif previst, iżda fejn sussegwentement il-passiġġieri jiġu rrifjutati l-imbark fis-sens tal-Artikolu 2(j) tar-Regolament Nru 261/2004 fuq it-titjira ta’ konnessjoni, li wkoll issir mill-kumpannija tal-ajru konvenuta, minħabba li l-operatur tat-tour ma kienx għamel “riżervazzjoni li tkopri” [il-passiġġier], l-ammont tal-kumpens huwa stabbilit skont id-distanza tar-rotta kollha kkalkolata mill-ewwel punt ta’ tluq sad-destinazzjoni finali u mhux biss skont id-distanza tat-tieni parti tar-rotta mfixkla?

____________

1     Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta' kanċellazzjoni jew dewmien twil ta' titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).