Language of document : ECLI:EU:F:2013:158

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

tat-23 ta’ Ottubru 2013

Kawża F‑39/12

BQ

vs

Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjal — Rapport ta’ evalwazzjoni — Fastidju psikoloġiku — Danni — Ammissibbiltà — Termini”

Suġġett:      Rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li bih BQ jitlob, minn naħa, l-annullament tad-deċiżjoni, tas-7 ta’ Diċembru 2011, li tiċħad l-ilment tiegħu, tas-26 ta’ April 2011, dirett kontra ċ-ċaħda tat-talba tiegħu intiża biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea minħabba aġir illegali fir-rigward tiegħu, u, min-naħa l-oħra, il-kundanna tal-Qorti tal-Awdituri biex tikkumpensah għad-danni morali u materjali allegatament ikkawżati minn dan l-aġir illegali.

Deċiżjoni:      Il-Qorti tal-Awdituri tal-Unjoni Ewropea hija kkundannata tħallas EUR 2 000 lil BQ. Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud. Kull waħda mill-partijiet għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Termini — Talba għal kumpens indirizzata lil istituzzjoni — Osservanza ta’ terminu raġonevoli — Tul u bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 46; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 90)

2.      Rikorsi tal-uffiċjali — Rikors għad-danni — Motivi — Illegalità ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li ma ġietx ikkontestata fit-termini — Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

3.      Uffiċjali — Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet — Nuqqas amministrattiv — Kunċett — Eżistenza ta’ relazzjonijiet kunfliġġenti bejn uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tiegħu — Inklużjoni — Kundizzjonijiet

4.      Uffiċjali — Drittijiet u obbligi — Investigazzjoni interna dwar allegat fastidju psikoloġiku — Dritt għal smigħ tal-lanjant u ta’ aċċess għall-fajl ta’ investigazzjoni — Limiti

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 12a, 24 u 26)

1.      Fin-nuqqas ta’ terminu previst mil-leġiżlazzjoni applikabbli għall-preżentata ta’ talba għad-danni li tirriżulta mir-rabta ta’ impjieg bejn l-uffiċjal u l‑istituzzjoni li jifforma parti minnha, l-imsemmija talba għandha titressaq f’terminu raġonevoli, li huwa ddeterminat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ.

Barra minn hekk, meta t-testi applikabbli fil-qasam ma jipprovdu xejn, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja huwa element ta’ paragun rilevanti biex tiġi deċiża l-ammissibbiltà tat-talba għad-danni ta’ uffiċjal, mingħajr madankollu ma jikkostitwixxi limitu riġidu u intanġibbli. Għandu jingħad ukoll li, skont l-imsemmi Artikolu 46, it-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin jibda jiddekorri minn meta jseħħ il-fatt li kkawża d-dannu jew iktar preċiżament, minn meta jkunu seħħew l-effetti dannużi tal-att jew tal-aġir illegali jew inkella minn meta jibdew jidhru l-effetti dannużi.

(ara l-punti 38 u 39)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 27 ta’ Jananr 1982, De Franceschi vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, 51/81, punt 10; 19 ta’ April 2007, Holcim (Deutschland) vs Il‑Kummissjoni, C‑282/05 P, punt 29

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il‑Kummissjoni, T‑144/02, punti 66 u 71; 27 ta’ Awwissu 2009, Abouchar vs Il‑Kummissjoni, T‑367/08, punti 22 u 23

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 15 ta’ Settembru 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, T‑157/09 P, T‑157/09, punti 46 u 47

2.      Uffiċjal li naqas milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra att li allegatament ikkawżalu preġudizzju, ma jistax, permezz ta’ talba għall-kumpens tad-danni kkawżati minn dan l-att, jirrimedja din l-ommissjoni u b’hekk jiskattaw favur tiegħu termini ġodda għall-preżentata tar-rikors. Lanqas ma jista’ jinvoka l-allegata illegalità ta’ dan l-att fil-kuntest ta’ rikors għad-danni.

(ara l-punt 62)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il‑Kummissjoni, T‑547/93, punti 174 u 175; 1 ta’ Diċembru 1999, Schuerer vs Il‑Kummissjoni, T‑81/99, punt 31

3.      L-eżistenza ta’ relazzjonijiet kunfliġġenti bejn uffiċjal u s-superjur ġerarkiku tiegħu ma tistax bħala tali tikkostitwixxi nuqqas amministrattiv imputabbli lill-amministrazzjoni, sakemm ma jiġix stabbilit in-nuqqas tagħha fis-sens li ħalliet tiddeterjora sitwazzjoni dannuża kemm għall-funzjonament tas-servizz kif ukoll għas-saħħa tal-protagonisti.

(ara l-punt 68)

4.      Fil-każ fejn proċedura ta’ investigazzjoni mibdija wara talba għal assistenza, bi lment għal fastidju psikoloġiku, ta’ uffiċjal ma tkunx tista’ titqies li hija proċedura ta’ investigazzjoni miftuħa kontra l-uffiċjal imsemmi, dan tal-aħħar jista’ madankollu jinvoka, abbażi tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, id-dritt għal smigħ fuq il-fatti li jikkonċernawh, sa fejn deċiżjoni li tiċħad talba għal assistenza minħabba allegat fastidju psikoloġiku tista’ twassal għal konsegwenzi gravi, peress li l-fatti tal-fastidju psikoloġiku jista’ jkollhom effetti estremament distruttivi fuq l-istat ta’ saħħa tal-vittma u r-rikonoxximent eventwali mill-amministrazzjoni tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’, minnu nnifsu, ikollu effett benefiku fil-proċess terapewtiku ta’ rikostruzzjoni tal-persuna li tirċievi l-fastidju.

Madankollu, id-dritt proċedurali għal smigħ ma jimplikax id-dritt, għall-uffiċjal li jallega li huwa l-vittma ta’ fastidju psikoloġiku, li jkun jista’ jara, f’kull każ, ir-rapport tal-investigazzjoni kollu, ladarba dan jitfassal, peress li, fil-kuntest ta’ investigazzjoni fuq fatti ta’ fastidju psikoloġiku, ma huwiex irraġonevoli, ħlief f’ċirkustanzi partikolari, li jkun mixtieq li jiġu protetti x-xhieda billi jiġi żgurat lilhom l-anonimat u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kollha li tista’ tidentifikahom, sabiex, fl-interess stess tal-lanjanti, ikunu jistgħu jsiru investigazzjonijiet newtrali u oġġettivi li jibbenefikaw minn kollaborazzjoni mingħajr restrizzjoni mill-membri tal-persunal, sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ influwenza a posteriori tax-xhieda mill-persuni inkriminati, jew saħansitra mil-lanjanti, u sabiex b’hekk jinżammu r-relazzjonijiet ta’ xogħol li jiffavorixxu l-funzjonament tajjeb tad-dipartimenti.

Min-naħa l-oħra, sa fejn l-Awtorità tal-Ħatra tiddeċiedi li tiċħad ilment għal fatti ta’ fastidju billi tibbaża ruħha fuq il-konklużjonijiet ta’ rapport ta’ investigazzjoni, l-uffiċjal lanjant ikollu d-dritt li jingħata r-raġunijiet li jsostnu l-konklużjonijiet tar-rapport ta’ investigazzjoni, liema ħaġa tikkonsisti, fil-każ li dawn ir-raġunijiet ma jkunux jinsabu fid-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, fil-komunikazzjoni lilu tar-rapport ta’ investigazzjoni f’verżjoni mhux kunfidenzjali.

(ara l-punti 72 sa 74)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 16 ta’ Mejju 2012, Skareby vs Il‑Kummissjoni, F‑42/10, punt 46; 12 ta’ Diċembru 2012, Cerafogli vs BĊE, F‑43/10, punti 85, 92 u 97, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑114/13 P