Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich (il-Polonja) fit-12 ta’ Diċembru 2018 – Mikrokasa S.A. w Gdyni, u Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty w Warszawie vs XO

(Kawża C-779/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Rejonowy w Siemianowicach Śląskich

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Mikrokasa S.A. w Gdyni, Revenue Niestandaryzowany Sekurytyzacyjny Fundusz Inwestycyjny Zamknięty w Warszawie

Konvenut: XO

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66, rettifiki fil-ĠU 2011, L 234, p. 46, fil-ĠU 2010, L 199, p. 40 u fil-ĠU 2009, L 207, p. 14), b’mod partikolari l-Artikolu 3(g), l-Artikolu 10(1) u l-Artikolu 22(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu separazzjoni tal-“ispejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi”, iddeterminati b’rata fissa skont il-formula legali ta’ kalkolu deskritta fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tat-12 ta’ Mejju 2011 (ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumenckim Dz.U.2018.993 test ikkonsolidat), mill-“ispiża totali tal-kreditu lill-konsumatur”, kif iddefinita fid-direttiva msemmija hawn fuq, b’mod li jaħbi lill-konsumatur l-ispejjeż reali tal-kreditu minbarra l-interessi mġarrba mill-professjonist?

Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288), b’mod partikolari l-Artikolu 1(2), l-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 7(1), għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-istħarriġ tal-klawżoli kuntrattwali ta’ kreditu lill-konsumatur mill-perspettiva tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 3 tad-direttiva ċċitata, għall-parti li tinkludi l-imsemmija spejjeż tal-kreditu minbarra l-interessi, li l-kriterji ta’ determinazzjoni tagħhom huma ddefiniti fl-Artikolu 36a tal-Liġi dwar il-Kreditu lill-Konsumatur tat-12 ta’ Mejju 2011(ustawa z dnia 12 maja 2011 r. o kredycie konsumenckim Dz.U.2018.993 test ikkonsolidat) ?

____________