Language of document : ECLI:EU:F:2007:175

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

17 ta’ Ottubru 2007

Kawża F-63/06

Luigi Mascheroni

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku mis-superjur ġerarkiku – Investigazzjoni ta’ l-IDOC – Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza”

Suġġett : Rikors, imressaq skond l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li bih L. Mascheroni jitlob b’mod partikolari l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-Awtorità tal-Ħatra, ta’ l-14 ta’ Lulju 2005, li ċaħdet it-talba tiegħu għal assistenza, tas-26 ta’ Marzu 2004, ibbażata fuq l-allegat aġir vessatorju u malafamanti li kellu V. H., is-superjur ġerarkiku tiegħu.

Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament parzjalment infondat u bħala manifestament parzjalment inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Rikors – Suġġett – Ordni lill-amministrazzjoni – Inammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91)

2.      Uffiċjali – Obbligu ta’ assistenza li għandha l-amministrazzjoni – Portata

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

3.      Proċeduri – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21 ; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza , Artikolu 44(1)( c))

1.      Mhuwiex obbligu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, fil-kuntest ta’ rikors imressaq skond l-Artikolu 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, li jindirizza ordnijiet lill-istituzzjonijiet Komunitarji jew li jagħmel dikjarazzjonijiet ta’ prinċipju.

(ara l-punt 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 9 ta’ Ġunju 1994, X vs Il-Kummissjoni, T‑94/92, ĠabraSP p. I‑A‑149 u II‑481, punt 33; 2 ta’ Lulju 1997, Chew vs Il-Kummissjoni, T‑28/96, ĠabraSP p. I‑A‑165 u II‑497, punt 17; 11 ta’ Lulju 2000, Skrzypek vs Il-Kummissjoni, T‑134/99, ĠabraSP p. I‑A‑139 u II‑633, punt 16; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il-Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 63

2.      Skond l-obbligu ta’ assistenza previst mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha, meta jseħħ inċident inkompatibbli ma’ l-ordni u s-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha meħtieġa u tirrispondi malajr u bi premura kif jirrikjedu ċ-ċirkustanzi tal-każ sabiex jiġu stabbiliti l-fatti u tiġbed, meta jsiru magħrufa l-fatti, il-konsegwenzi adatti. Għal dan il-għan, ikun biżżejjed li l-uffiċjal li jitlob il-protezzjoni ta’ l-istituzzjoni tiegħu jressaq bidu ta’ prova tar-realtà ta’ l-attakki li huwa jiddikjara li ġie ssuġġettat għalihom. Meta jkun hemm dawn il-provi, hija l-istituzzjoni in kwistjoni li għandha tieħu l-miżuri adatti, b’mod partikolari billi tibda investigazzjoni, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li kkawżaw l-ilment, b’kollaborazzjoni ma’ min għamel l-ilment.

F’dan ir-rigward, rapport finali ta’ l-Uffiċċju ta’ Investigazzjoni u Dixxiplina, li huwa d-dipartiment responsabbli, fi ħdan il-Kummissjoni, għat-twettiq ta’ investigazzjonijiet amministrattivi li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-fatti li abbażi tagħhom l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tiddeċiedi, billi tkun taf il-fatti, dwar it-talba għal assistenza, b’ebda mod ma jikkostitwixxi teħid ta’ deċiżjoni fuq it-talba għal assistenza, iżda r-risposta għat-talba magħmula lilu minn din l-aworità, biex jinvestiga l-fatti.

(ara l-punti 36, 40 u 41)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il-Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punti 15 u 16

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 21 ta’ April 1993, Tallarico vs Il-Parlament, T‑5/92, Ġabra p. II‑477, punt 31; 5 ta’ Diċembru 2000, Campogrande vs Il-Kummissjoni, T‑136/98, ĠabraSP p. I‑A‑267 u II‑1225, punt 42

3.      Skond l-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu 21 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Serviżż pubbliku, skond l-Artikolu 7(1) ta’ l-Anness I ta’ l-imsemmi Statut u l-Artikolu 44(1)(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikors għandu, b’mod partikolari, jindika s-suġġett tal-kawża u jkollu sunt tal-motivi invokati. Dawn l-elementi għandhom ikunu ċari u preciżi biżżejjed sabiex il-konvenut ikun jista’ jagħmel id-difiża tiegħu u t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun jista’ jiddeċiedi fuq ir-rikors, jekk ikun il-każ, mingħajr informazzjoni oħra. Sabiex tiġi garantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, jeħtieġ, sabiex rikors ikun ammissibbli, li l-elementi essenzjali ta’ fatt u ta’ dritt li fuqhom huwa bbażat jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors stess.

Għalhekk, ir-rikorrent ma jistax jagħmel biss stqarrija astratta tal-motivi tiegħu, b’mod partikolari billi jillimita ruħu għal affermazzjoni li l-att ikkontestat jikser dispożizzjoni partikolari tar-Regolamenti tal-Persunal, mingħajr ma’ din l-affermazzjoni tiġi spjegata aktar ’il quddiem u jiġi spjegat fhiex jikkonsisti l-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors.

F’dan ir-rigward, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jkun spjegat u kkompletat, fuq punti speċifiċi, minn riferenzi għal siltiet minn dokumenti li huma annessi miegħu, riferenza globali għal atti oħrajn, anki jekk annessi mar-rikors, ma tagħmilx tajjeb għan-nuqqas ta’ elementi essenzjali fl-argumenti legali, li għandhom ikunu inklużi fir-rikors. Mhuwiex kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jfittex u jidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li jista’ jqis li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors.

(ara l-punti 52, 53, 56 u 57)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 18 ta’ Novembru 1992, Rendo et vs Il-Kummissjoni, T‑16/91, Ġabra p. II‑2417, punt 130; 16 ta’ Marzu 1993, Blackman vs Il‑Parlament, T‑33/89 u T‑74/89, Ġabra p. II‑249, punti 64 et 65; 28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T‑85/92, Ġabra p. II‑523, punt 20; 17 ta’ Marzu 1994, Hoyer vs Il-Kummissjoni, T‑43/91, ĠabraSP p. I‑A‑91 u II‑297, punt 22; 21 ta’ Mejju 1999, Asia Motor Franza et vs Il-Kummissjoni, T‑154/98, Ġabra p. II‑1703, punt 49; 15 ta’ Ġunju 1999, Ismeri Europa vs Il-Qorti ta’ l‑Awdituri, T‑277/97, Ġabra p. II‑1825, punt 29; 8 ta’ Diċembru 2005, Just vs Il‑Kummissjoni, T‑91/04, ĠabraSP p. I‑A‑395 et II‑1801, punt 35; 8 ta’ Diċembru 2005, Moren Abat vs Il-Kummissjoni, T‑92/04, ĠabraSP p. I‑A‑399 u II‑1817, punt 31; 5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il-Parlament, T‑424/04, ĠabraSP p. A-2-323 u II-A-2-1649, punti 39 sa 42