Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2018 mir-Repubblika Ċeka mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fit-28 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-147/15, Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-575/18 P)

Lingwa tal-kawża: iċ-Ċekk

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentanti: M. Smolek, J. Vláčil, O. Serdula, aġenti)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-digriet ikkontestat;

tiċħad l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà eċepita mill-Kummissjoni Ewropea;

tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi dwar it-talbiet magħmula mir-Repubblika Ċeka fir-rikors tagħha; u

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti tinvoka aggravju uniku bbażat fuq ksur tal-Artikolu 263 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem it-“TFUE”), moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

Fil-fatt, fid-digriet appellat, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet żbaljatament li l-att ikkontestat, fin-nuqqas b’mod partikolari tas-setgħa tal-Kummissjoni li tadotta deċiżjonijiet fil-qasam ta’ riżorsi proprji tradizzjonali, ma jikkostitwixxix att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, fatt li, skont il-Qorti Ġenerali, ma jippreġudikax id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva mogħti lir-Repubblika Ċeka mill-Artikolu 47 tal-Karta, sa fejn kien ikun preferibbli li r-Repubblika Ċeka tipprovdi s-somma kontenzjuża taħt kundizzjonijiet, tesprimi riżervi dwar il-fondatezza tat-teżi sostnuta mill-Kummissjoni u tistenna li l-Kummissjoni tippreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 258 TFUE.

Id-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali jmorru kontra l-Artikolu 263 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta, għaliex il-kunċett ta’ ħlas taħt kundizzjonijiet ma jiżġurax li t-tilwima ser tiġi, fil-ġejjieni, deċiża fuq il-mertu mill-Qorti tal-Ġustizzja. Din il-konstatazzjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar is-setgħa diskrezzjonali li l-Kummissjoni għandha fil-kuntest tal-proċeduri għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligi, mill-assenza ta’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar il-kunċett ta’ ħlas taħt kundizzjonijiet u, b’mod partikolari, mill-prassi attwali tal-Kummissjoni f’dan il-qasam.

____________