Language of document :

Appell ippreżentat fid-19 ta’ Settembru 2018 minn Viscas Corp. mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-422/14: Viscas vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-582/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: Viscas Corp. (rappreżentant: J.-F. Bellis, lawyer)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Furukawa Electric Co. Ltd

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-422/14, Viscas Corp. vs Il-Kummissjoni, sa fejn ċaħdet il-motiv li jallega l-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali fir-rigward tal-kalkolu tal-multa imposta fuq Viscas u kkundannat lil Viscas għall-ispejjeż;

tannulla l-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali1 sa fejn tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Viscas għal EUR 34 992 000;

tistabbilixxi l-ammont tal-multa imposta fuq Viscas minħabba l-ksur stabbilit fl-Artikolu 1 ta’ dik id-deċiżjoni għal EUR 19 595 520;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura u tal-proċdedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, Viscas tressaq aggravju wieħed li jallega li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ trattament ugwali billi ssostni l-metodoloġija li tiddetermina l-valur rilevanti tal-bejgħ, ibbażat fuq il-punt 18 tal-Linji Gwida tal-Multi2 , applikat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontestata. Din il-metodoloġija tagħti vantaġġ diskriminatorju sostanzjali lill-produtturi involuti kemm fil-kartell Ewropew kif ukoll fil-konfigurazzjonijiet internazzjonali tal-kartell tal-ksur meta mqabbel ma’ dawk involuti biss fil-kartell internazzjonali. Id-determinazzjoni tal-kontribut rispettiv tal-produtturi għall-ksur verament ma tiħux inkunsiderazzjoni l-kartell Ewropew u b’hekk tnaqqas kunsiderevolment il-piż tal-ksur tal-produtturi involuti fiż-żewġ kartelli, u fil-fatt tippremjahom talli jkunu involuti f’żewġ kartelli iktar milli f’wieħed, billi timponi fuqhom multi li bħala medja huma 44 % inqas milli kieku l-ksur kien limitat għall-konfigurazzjoni tal-kartell Ewropew.

____________

1 Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Il-Każ AT.39610 — Kejbils tal-Elettriku) (notifikat bid-dokument C(2014) 2139 finali) (ĠU 2014, C 319, p. 10)

2 Linji Gwida fuq il-metodu ta’ kalkolu tal-multi imposti taħt l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli) (ĠU 2006, C 210, p. 2)