Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja) fit-13 ta’ Settembru 2018 – C-eG vs Finanzamt Z

(Kawża C-574/18)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesfinanzhof

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: C-eG

Konvenut: Finanzamt Z

Domandi preliminari

F’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, fejn organizzazzjoni ta’ produtturi skont l-Artikolu 11(1) u l-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta’ Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (Regolament Nru 2200/96) 1 tipprovdi beni lill-produtturi li huma membri tagħha u tirċievi ħlas mill-produtturi li ma jkoprix il-prezz tax-xiri,

a)    għandha tiġi preżunta l-eżistenza ta’ skambju ta’ flus minħabba li, bħala korrispettiv tat-tranżazzjoni, il-produtturi impenjaw ruħhom kuntrattwalment li jipprovdu lill-organizzazzjoni ta’ produtturi bi frott u ħxejjex għat-tul tal-perijodu ta’ assenjazzjoni, b’mod li l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni jkun dak tal-prezz tax-xiri imħallas mill-organizzazzjoni ta’ produtturi lill-fornituri fi stadji li jippreċedu l-investimenti?

b)    l-ammont attwalment imħallas mill-fond operattiv lill-organizzazzjoni ta’ produtturi għat-tranżazzjoni inkwistjoni huwa kollu kemm hu “[sussidju marbut] direttament mal-prezz tat-tali provvisti” fis-sens tal-Artikolu 11A(1)(a) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE) 2 , sabiex l-ammont taxxabbli jinkludi wkoll għajnuna finanzjarja skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 2200/96, li ngħata lill-fond operattiv mill-awtoritajiet kompetenti taħt programm operattiv?

Fil-każ li, abbażi tar-risposta għall-ewwel domanda, l-ammont taxxabbli jkun jinkludi biss il-ħlasijiet magħmula mill-produtturi iżda mhux l-obbligu tal-kunsinna u l-għajnuna finanzjarja: fiċ-ċirkustanzi msemmija fl-ewwel domanda, l-Artikolu 11A(1)(a) tad-Direttiva 77/388/KEE jipprekludi miżura nazzjonali speċifika bbażata fuq l-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, bħall-Artikolu 10(5)(1) tal-Umsatzsteuergesetz, li tgħid li l-ammont taxxabbli tat-tranżazzjoni huwa l-prezz tax-xiri għall-investimenti mħallas lill-fornituri fi stadji preċedenti, minħabba li l-produtturi huma partijiet relatati?

Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: dan japplika wkoll jekk il-produtturi għandhom dritt għal tnaqqis sħiħ tat-taxxa tal-input peress li l-investimenti huma suġġetti għall-aġġustament tat-tnaqqis tat-taxxa tal-input (Artikolu 20 tad-Direttiva 77/388/KEE)?

____________

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 20, p. 55.

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 23.