Language of document :

Appell ippreżentat fit-13 ta’ Settembru 2018 minn thyssenkrupp Electrical Steel GmbH, thyssenkrupp Electrical Steel Ugo mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fit-2 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-577/17, thyssenkrupp Electrical Steel GmbH, thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-572/18 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellanti: thyssenkrupp Electrical Steel GmbH, thyssenkrupp Electrical Steel Ugo (rappreżentanti: M. Günes, L. C. Heinisch, Rechtsanwälte)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla d-Digriet tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-577/17 – thyssenkrupp Electrical Steel GmbH and thyssenkrupp Electrical Steel Ugo vs Il-Kummissjoni;

tiddeċiedi li r-rikors għal annullament huwa ammissibbli;

tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali għal proċeduri oħra dwar il-mertu tal-kawża;

tordna lill-Kummissjoni li tbati l-ispejjeż ta’ dawn il-proċeduri tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti jikkontestaw id-digriet appellat minħabba l-fatt li huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ liġi. L-appellanti jressqu ħames argumenti dwar l-iżbalji ta’ liġi:

L-ewwel aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ddeċidiet li l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni 1 u r-regolamenti delegati u implimentattivi relatati ma jagħtux lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta deċiżjonijiet li jorbtu lill-awtoritajiet doganali nazzjonali fl-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi.

It-tieni aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali żbaljat meta qieset li r-rwol tal-Kummissjoni waqt l-eżami tal-kundizzjonijiet ekonomiċi huwa purament ta’ natura proċedurali.

It-tielet aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ttrattat is-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2006 fil-kawża Friesland Coberco Dairy Foods (C-11/05) bħala preċedent legali vinkolanti għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 259(5) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (RI) 2 .

Ir-raba’ aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta naqset milli tikkunsidra l-arranġament amministrattiv ta’ Settembru 2016 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 211(6) tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni u tal-Artikolu 259 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (RI) bħala evidenza tan-natura vinkolanti tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi.

Il-ħames aggravju, huwa bbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ma kkunsidratx li l-appellanti kienu direttament u individwalment ikkonċernati mill-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet ekonomiċi.

____________

1 Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1)

2 Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2447, tal-24 ta’ Novembru 2015, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU 2015, L 343, p. 558).