Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Eparchiako Dikastirio Larnakas (Ċipru) fid-19 ta’ Settembru 2018 – D. Z. vs Blue Air - Airline Management Solutions S.R.L.

(Kawża C-584/18)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Qorti tar-rinviju

Eparchiako Dikastirio Larnakas

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: D. Z.

Konvenuta: Blue Air - Airline Management Solutions S.R.L.

Domandi preliminari

Id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE 1 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipproduċi effetti legali diretti b’mod li toħloq, minn naħa, id-dritt għaċ-ċittadini ta’ pajjiż terz li ma tkunx meħtieġa viża għall-finijiet tad-dħul tagħhom fit-territorju ta’ Stat Membru ta’ destinazzjoni u, min-naħa l-oħra, l-obbligu għall-imsemmi Stat Membru ta’ destinazzjoni li ma jeħtieġx tali viża, fil-każ fejn dawn iċ-ċittadini huma detenturi ta’ viża ta’ dħul jew dritt ta’ residenza li jaqa’ taħt il-lista ta’ dokumenti li jibbenefikaw minn rikonoxximent reċiproku skont id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE, li l-Istat Membru ta’ destinazzjoni impenja ruħu li jimplimenta?

Trasportatur bl-ajru li, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil passiġġier billi jinvoka r-rifjut ta’ dħul min-naħa tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni minħabba allegat nuqqas ta’ viża ta’ dħul, jista’ jitqies li qed jaġixxi u jeżerċita l-awtorità tiegħu bħala waħda mogħtija mill-imsemmi Stat, b’mod li l-passiġġier leż jista’ jopponi kontrih id-Deċiżjoni Nru 565/2014/UE quddiem il-qorti tal-Istat Membru ta’ tluq, għall-finijiet tat-turija li kien id-detentur ta’ dritt ta’ dħul li ma għandux bżonn viża addizzjonali u tat-talba għal kumpens għall-ksur ta’ dan id-dritt u, konsegwentement, tal-kuntratt tiegħu ta’ trasport?

Trasportatur bl-ajru jista’, huwa stess jew/u permezz tar-rappreżentanti u aġenti tiegħu fl-ajruport tal-Istat Membru ta’ tluq, jirrifjuta l-imbark lil ċittadin ta’ pajjiż terz billi jinvoka r-rifjut tal-awtoritajiet tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni li jippermettulu d-dħul fit-territorju tiegħu, mingħajr ma deċiżjoni bil-miktub u motivata ta’ rifjut ta’ dħul tkun ġiet adottata u/jew tkun ġiet ikkomunikata minn qabel [ara l-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2016/399 2 , li kien l-Artikolu 13 tar-Regolament (KE) Nru 562/2006, li jipprevedi li d-dħul jista’ biss jiġi rrifjutat permezz ta’ deċiżjoni motivata], li b’hekk tiggarantixxi r-rispett tad-drittijiet fundamentali u, iktar preċiżament, il-protezzjoni ġudizzjarja tad-drittijiet tal-passiġġier affettwat [ara l-Artikolu 4 tal-imsemmi Regolament (UE) 2016/399]?

L-Artikolu 2(j) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 3 għandu jiġi interpretat fis-sens li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu kull każ ta’ rifjut ta’ imbark ta’ passiġġier deċiż minn trasportatur bl-ajru minħabba, allegatament, “dokumenti ta’ vvjaġġar inadegwati”? Tali rifjut ta’ imbark jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament f’każ ta’ deċiżjoni ta’ qorti jew tribunal li tiġġudika, fid-dawl taċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull kawża, li d-dokumenti ta’ vvjaġġar kienu adegwati u li r-rifjut ta’ imbark kien inġustifikat jew illegali inkwantu jmur kontra d-dritt tal-Unjoni?

Passiġġier jista’ jiġi mċaħħad mid-dritt tiegħu għal kumpens ibbażat fuq l-Artikolu 4(3) tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 fuq il-bażi ta’ klawżola ta’ limitazzjoni jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà ta’ trasportatur bl-ajru f’każ ta’ dokumenti ta’ vvjaġġar allegatament inadegwati, meta tali klawżola tidher fil-kundizzjonijiet ġenerali, ippubblikati minn qabel, dwar il-modalitajiet ta’ funzjonament u/jew dwar il-provvisti ta’ servizzi tal-imsemmi trasportatur? L-Artikolu 15, moqri flimkien mal-Artikolu 14 tar-regolament imsemmi iktar ’il fuq jipprekludi l-applikazzjoni ta’ tali klawżoli ta’ limitazzjoni u/jew ta’ esklużjoni tar-responsabbiltà tat-trasportatur bl-ajru?

____________

1 Deċiżjoni Nru 565/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tintroduċi reġim simplifikat għall-kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Bulgarija, il-Kroazja, Ċipru u r-Rumanija ta’ ċerti dokumenti bħala ekwivalenti għall-viżi nazzjonali tagħhom għat-tranżitu minn jew permanenzi intiżi fit-territorji tagħhom li ma jaqbżux id-90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum u li tħassar id-Deċiżjonijiet Nru 895/2006/KE u Nru 582/2008/KE (ĠU 2014, L 157, p. 23).

2 Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2016, L 77, p. 1).

3 Regolament (KE) Nru 261/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Frar 2004 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kumpens u l-assistenza għal passiġġieri fil-każ li ma jitħallewx jitilgħu u ta’ kanċellazzjoni jew dewmien twil ta’ titjiriet, u li li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 295/91 (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 8, p. 10).