Language of document :

Appell ippreżentat fit-18 ta’ Settembru 2018 minn Nestlé Unternehmungen Deutschland GmbH mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fit-12 ta’ Lulju 2018 fil-Kawża T-41/17 – Lotte Co. Ltd vs L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni)

(Kawża C-580/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Nestlé Unternehmungen Deutschland GmbH (rappreżentanti: Dr. A. Jaeger-Lenz, Rechtsanwältin, C. Elkemann, Rechtsanwältin, Dr. A. Lambrecht, Rechtsanwalt)

Partijiet oħra fil-proċedura: Lotte Co. Ltd, L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis Suq Intern (Trade marks u Disinni)

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018 (T-41/17) u tiċħad ir-rikors kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) tat-28 ta’ Ottubru 2016 (Każ R-0250/2016-5);

sussidjarjament, fil-każ li tannulla s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali, tibgħat lura l-kawża quddiem din il-qorti;

tikkundanna lir-rikorrenti (Lotte Co. Ltd) għall-ispejjeż tal-kawża.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka l-aggravji li ġejjin:

1.    Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta eżerċitat is-setgħa tagħha li tibdel deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 1 , minkejja li l-Bord tal-Appell ma kienx għadu kkonstata b’mod suffiċjenti l-kwistjoni tal-frekwenza u tal-konstatazzjonijiet ratione temporis tal-użu. Dan affettwa l-interessi tal-appellanti minħabba li l-konklużjonijiet tal-Qorti Ġenerali kienu insuffiċjenti u ma ħadux inkunsiderazzjoni l-provi rilevanti. Jekk dawn is-sejbiet kienu diġà ġew ikkonstatati mill-Bord tal-Appell, l-appellanti setgħet ikkontestahom fir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

2.    Fl-evalwazzjoni tagħha tal-“użu ġenwin” skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha sostanzjalment fuq il-fatt li d-dħul mill-bejgħ muri fil-fatturi huwa żgħir wisq fir-rigward tad-dħul mill-bejgħ li jirriżulta mill-affidavit imressaq. Madankollu, il-Qorti Ġenerali setgħet ikkunsidrat fl-aħjar mod il-kapaċitajiet oġġettivi ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni li huma konswetudinarji fis-settur. Il-kundizzjonijiet suġġettivi attwali tal-impriża individwali ma għandhomx ikollhom rwol fil-portata tal-użu. Barra minn hekk, l-użu ta’ trade mark għandu jitqies bħala ġenwin anki jekk huwa insinjifikattiv f’termini ta’ kwantità; ma jeżistux limiti iktar baxxi assoluti. Ma għandhiex issir evalwazzjoni tal-istrateġija kummerċjali u tas-suċċess kummerċjali tal-prodotti inkwistjoni. L-uniku fattur rilevanti huwa jekk hemmx użu purament simboliku.

3.    Il-Qorti Ġenerali wkoll wettqet żball ta’ liġi bl-interpretazzjoni żbaljata tal-kriterju ta’ “użu ġenwin” skont l-Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009 peress li kien ibbażat fuq id-daqs tas-suq kollu kemm hu, mingħajr ma kkunsidrat b’mod oġġettiv il-kapaċità ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tas-settur u l-grad ta’ diversifikazzjoni tal-impriżi fis-suq rilevanti.

4.    Il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti tal-kawża fir-rigward tal-użu ġenwin tat-trade mark preċedenti peress li naqset milli tiżvela informazzjoni deċiżiva mill-affidavit, b’mod partikolari fir-rigward tal-konsistenza ratione temporis tal-użu.

5.    Il-Qorti Ġenerali kisret ukoll il-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi bbażat ruħha fuq ċirkustanzi suġġettivi tad-detentur tal-liċenzja tal-appellanti sabiex tevalwa l-kwistjoni tal-użu preċedenti sabiex tiżgura ż-żamma tad-drittijiet u filwaqt li jittieħed kont, b’mod partikolari, tal-iskop tal-attivitajiet kummerċjali kif ukoll tal-kapaċità ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni tad-detentur tal-liċenzja inkwistjoni.

6.    Ksur ieħor tal-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza fit-trattament jinsab fil-fatt li l-Qorti Ġenerali ddevjat minn deċiżjonijiet preċedenti tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Ġustizzja, fejn il-Qorti Ġenerali jew il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxew l-użu ġenwin f’sitwazzjonijiet komparabbli.

____________

1     Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2009, L 78, p. 1).