Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Najwyższy (il-Polonja) fl-20 ta’ Settembru 2018 – A.K. vs Krajowa Rada Sądownictwa

(Kawża C-585/18)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Qorti tar-rinviju

Sąd Najwyższy (il-Qorti Suprema, il-Polonja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A.K.

Konvenut: Krajowa Rada Sądownictwa (il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura)

Domandi preliminari

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li awla maħluqa ex nihilo fi ħdan qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru, kompetenti għall-finijiet tas-smigħ ta’ tilwima relatata ma’ appell ippreżentat minn imħallef ta’ qorti nazzjonali, li fiha jkunu sedenti biss imħallfin magħżula mill-awtorità nazzjonali inkarigata mill-ħarsien tal-indipendenza tal-qrati (Krajowa Rada Sądownictwa, il-Kunsill Nazzjonali tal-Membri tal-Ġudikatura) u li, minħabba l-istruttura ta’ kostituzzjoni u l-metodu ta’ funzjonament tagħha ma toffrix garanziji ta’ indipendenza fil-konfront tas-setgħat leġiżlattivi u eżekuttivi, tikkostitwixxi qorti indipendenti fis-sens tad-dritt tal-Unjoni?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, moqri flimkien mal-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 2 TUE, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jiġi interpretat fis-sens li awla mhux kompetenti ta’ qorti tal-aħħar istanza ta’ Stat Membru li tissodisfa r-rekwiżiti li d-dritt tal-Unjoni jimponi fuq qorti, adita b’appell f’kawża li taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni, għandha toqgħod lura milli tapplika d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jeskludu l-kompetenza tagħha f’din l-istess kawża?

____________