Language of document : ECLI:EU:T:2019:684

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

24 ta’ Settembru 2019 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Industrija tal-kimika – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ għajnuna mill-Istat – Riżorsi tal-Istat – Vantaġġ – Irkupru – Kontinwità ekonomika – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑121/15,

Fortischem a.s., stabbilita f’Nováky (is-Slovakkja), irrappreżentata minn C. Arhold, P. Hodál u M. Staroň, avukati,

rikorrenti,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u G. Conte, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

AlzChem AG, stabbilita fi Trostberg (il-Ġermanja), irrappreżentata inizjalment minn P. Alexiadis, solicitor, A. Borsos u I. Georgipoulos, avukati, u sussegwentement minn P. Alexiadis, A. Borsos u V. Dolka, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tal-Artikoli 1 u 3 sa 5 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1826 tal‑15 ta’ Ottubru 2014 dwar għajnuna mill-Istat SA.33797 — (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentat mis-Slovakkja għall-NCHZ (ĠU 2015, L 269, p. 71),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla),

komposta minn G. Berardis, President, S. Papasavvas u O. Spineanu-Matei (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal‑10 ta’ April 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Novácké chemické závody, a.s. v konkurze (iktar ’il quddiem “NCHZ”) kienet produttur tal-kimiki miżmum minn kapital privat u bi tliet diviżjonijiet. Din il-kumpannija kienet topera impjant kimiku installat fir-reġjun ta’ Trenčín (is-Slovakkja). L-attività ċentrali tagħha kienet il-produzzjoni tal-karbur tal-kalċju u ta’ gassijiet tekniċi, ta’ klorur tal-polivinil (PVC) u tal-prodotti sekondarji tiegħu kif ukoll ta’ parti li qiegħda tikber ta’ prodotti kimiċi tqal u ta’ prodotti kimiċi fini ta’ tunnellaġġ baxx.

2        Fit‑8 ta’ Ottubru 2009, NCHZ, li dak iż-żmien kienet proprjetà ta’ Disor Holdings Ltd u li kienet iddikjarat l-inkapaċità tagħha li tkompli bl-attivitajiet tagħha u fetħet proċedura ta’ falliment, kienet suġġetta għal proċedura ta’ falliment.

3        Fil‑5 ta’ Novembru 2009, ir-Repubblika Slovakka adottat iż-zákon č. 493/2009 Z.z. o niektorých opatreniach týkajúcich sa strategických spoločností a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 493/2009 dwar ċerti miżuri li jirrigwardaw il-kumpanniji strateġiċi u dwar l-emenda ta’ ċerti liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi”). Din il-liġi, li daħlet fis-seħħ fl‑1 ta’ Diċembru 2009, kienet tagħti lill-Istat dritt ta’ prelazzjoni biex jixtri l-kumpanniji strateġiċi li huma s-suġġett ta’ proċedura ta’ falliment u kienet teħtieġ il-preżenza ta’ amministratur tal-falliment (iktar ’il quddiem l-“amministratur”) sabiex jiżgura t-tkomplija tal-operat tal-kumpannija strateġika matul din il-proċedura. Fit‑2 ta’ Diċembru 2009, NCHZ kienet ikklassifikata mill-awtoritajiet Slovakki bħala “kumpannija strateġika” fis-sens ta’ din il-liġi u bbenefikat minn dan l-istatus sal-iskadenza ta’ din tal-aħħar fil‑31 ta’ Diċembru 2010 (iktar ’il quddiem l-“ewwel perijodu ta’ falliment”). NCHZ kienet l-unika kumpannija li kienet suġġetta għal din il-liġi, li kienet titlob lill-amministratur tal-falliment li jżomm l-operat tal-kumpannija u li jipprevjeni t-tkeċċijiet kollettivi mhux iġġustifikati.

4        Fit‑28 ta’ Diċembru 2009 ġie ffurmat il-“kumitat kompetenti” fis-sens tal-Artikolu 82 taż-zákon č. 7/2005 Z.z. o konkurze a reštrukturalizácii a o zmene a doplnení niektorých zákonov (il-Liġi Nru 7/2005 dwar il-Falliment u r-Ristrutturazzjoni u dwar l-Emendi ta’ Ċerti Liġijiet, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Falliment”) (iktar ’il quddiem il-“kumitat kompetenti”). Dan il-kumitat kien kompost, konformement ma’ din il-liġi, mill-kumitat tal-kredituri, li jirrappreżenta kredituri ordinarji li għandhom krediti mhux iggarantiti fil-konfront tal-kumpannija taħt proċedura ta’ falliment fid-data tal-ftuħ tal-proċedura ta’ falliment u li jkunu rreġistraw il-krediti tagħhom bħala “krediti ta’ qabel il-falliment” (iktar ’il quddiem il-“kumitat tal-kredituri”), kredituri preferenzjali, jiġifieri l-kredituri li l-krediti tagħhom huma ggarantiti permezz ta’ ċerti garanziji, u mis-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín, is-Slovakkja).

5        Fid‑29 ta’ Diċembru 2009, l-ewwel amministratur ġie ssostitwit għal raġunijiet personali minn amministratur ġdid (iktar ’il quddiem “l-amministratur”).

6        Fis‑17 ta’ Ġunju 2010, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) ordna lill-amministratur ibigħ lil NCHZ bħala impriża operattiva konformement mal-istadji tal-proċedura li huwa kien elabora. Wara li tħabbret is-sejħa għal offerti fit‑12 ta’ Awwissu 2010 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti tal‑2010”), fl‑24 ta’ Novembru 2010 l-kumitat kompetenti rrifjuta l-unika offerta li ġiet sottomessa. Fit‑3 ta’ Diċembru 2010, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) ordnat lill-amministratur jistabbilixxi analiżi ddettaljata tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ. Skont ir-riżultati ta’ din l-analiżi, l-amministratur kellu jew jaċċetta jew jirrifjuta l-unika offerta sottomessa. L-analiżi saret fit‑8 ta’ Diċembru 2010 u l-amministratur ħabbar li l-offerta kienet ser tiġi miċħuda.

7        Wara l‑31 ta’ Diċembru 2010, NCHZ kienet suġġetta għal-Liġi dwar il-Falliment (iktar ’il quddiem it-“tieni perijodu ta’ falliment”). Waqt il-laqgħa konġunta tas‑26 ta’ Jannar 2011 bejn il-kredituri fi ħdan il-kumitat tal-kredituri u l-kredituri preferenzjali, l-amministratur informa lil dawn bil-fatt li l-ispejjeż tal-operat iġġenerati mill-attività ta’ NCHZ kienu ogħla mid-dħul tal-operat. Barra minn hekk, huwa kkomunikalhom l-analiżi ekonomika tiegħu tat‑23 ta’ Diċembru 2010, li kienet ikkumplimentata minn preżentazzjoni mid-diretturi. Il-kredituri msemmija iktar ’il fuq iddeċidew għat-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2011”). Peress li din id-deċiżjoni ġiet approvata minn deċiżjoni tas-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) tas‑17 ta’ Frar 2011, l-amministratur kompla b’dan l-operat.

8        Fis‑7 ta’ Ġunju 2011, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčin) ħarġet ordni ta’ infurzar li jitlob lill-amministratur li jbigħ lil NCHZ konformement mal-proċedura ta’ sejħa għal offerti organizzata minn din il-qorti (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ sejħa għal offerti tal‑2011”). Wara li tħabbret is-sejħa għal offerti fit‑12 ta’ Lulju 2011 (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti tal‑2011”), ġew sottomessi żewġ offerti fid‑29 ta’ Novembru 2011.

9        Fit‑13 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni Ewropea rċeviet ilment mingħand AlzChem AG fir-rigward ta’ għajnuna illegali mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil NCHZ. AlzChem hija kumpannija li għandha s-sede tagħha fil-Ġermanja u li teżerċita l-attività tagħha f’numru ta’ swieq tal-prodotti kimiċi fini f’numru ta’ Stati Membri tal-Unjoni Ewropea, inkluża r-Repubblika Slovakka. Dan l-ilment tlesta fl‑14 ta’ Ġunju 2012.

10      Fis‑17 ta’ Ottubru 2011, il-Kummissjoni bagħtet l-ilment li rċeviet, flimkien ma’ talba għal informazzjoni, lill-awtoritajiet Slovakki. Fit‑22 ta’ Marzu u fil‑21 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni bagħtet iktar talbiet għal informazzjoni. L-awtoritajiet Slovakki wieġbu għal dawn it-talbiet kollha.

11      Fis‑7 ta’ Diċembru 2011 l-amministratur informa lis-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) bir-riżultati tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal‑2011 u bil-votazzjoni tal-kredituri fi ħdan il-kumitat kompetenti. Fl‑14 ta’ Diċembru 2011, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) talbet lill-amministratur jevalwa offerta supplimentari. Fil‑15 ta’ Diċembru 2011, l-amministratur ħejja analiżi li tindika li din l-offerta tkopri biss parti mill-assi ta’ NCHZ u għalhekk ma sservix l-aħjar interessi tal-kredituri. Fid‑29 ta’ Diċembru 2011, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) ħarġet ordni ta’ infurzar li jiddikjara lil Via Chem Slovakia a.s. bħala offerent rebbieħ. Wara l-konklużjoni tal-kuntratt ta’ xiri bejn din il-kumpannija u NCHZ fis‑16 ta’ Jannar 2012, il-bejgħ kien approvat mill-Protimonopolný úrad SR (l-Awtorità Slovakka dwar il-Kompetizzjoni) fid‑19 ta’ Lulju 2012 u ġie ffinalizzat fil‑31 ta’ Lulju 2012.

12      Fl‑1 ta’ Awwissu 2012, Via Chem Slovakia biegħet id-diviżjoni kimika ta’ NCHZ, bl-eċċezzjoni ta’ proprjetajiet immobbli (bini u art), lir-rikorrenti, Fortischem, a.s., li teżerċita l-attività tagħha fis-settur tal-produzzjoni ta’ prodotti kimiċi. Ir-rikorrenti hija proprjetà ta’ Energochemica SE u hekk kif indikat lill-Qorti Ġenerali matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija ta’ din il-qorti, din il-kumpannija nħolqot f’Mejju 2012. Il-proprjetajiet immobbli meħtieġa għall-produzzjoni kimika tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti taħt kuntratt ta’ kera.

13      Fl‑24 ta’ Jannar 2013, saret laqgħa bejn il-Kummissjoni u AlzChem, fuq talba ta’ din tal-aħħar, li pprovdiet informazzjoni kumplimentari permezz tal-messaġġi elettroniċi tat‑8 u tat‑22 ta’ Marzu 2013.

14      Permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni nnotifikat lill-awtoritajiet Slovakki bid-deċiżjoni tagħha li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, skont l-Artikolu 108(2) TFUE (ĠU 2013, C 297, p. 85), fir-rigward, minn naħa, tal-awtorizzazzjoni mill-Istat, skont il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, li l-operat ta’ NCHZ jitkompla minn Diċembru 2009 sa Diċembru 2010 u, min-naħa l-oħra, bid-deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2011 sabiex l-operat ta’ NCHZ jitkompla wara l-iskadenza tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni esprimiet dubji dwar in-natura bla kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 li wasslet għall-bejgħ ta’ NCHZ u qieset li indizji serji kienu jagħtu x’jifhem li l-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u l-entità l-ġdida ma kinitx ġiet interrotta.

15      Wara d-deċiżjoni tat‑2 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni rċeviet osservazzjonijiet mingħand l-awtoritajiet Slovakki kif ukoll mingħand AlzChem u minn parti interessata oħra. L-osservazzjonijiet minn dawn it-terzi interessati, flimkien ma’ iktar mistoqsijiet, intbagħtu lill-awtoritajiet Slovakki, li ppreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fl‑14 ta’ Jannar 2014.

16      Fis‑7 ta’ Ottubru 2013 u fis‑17 ta’ Frar 2014, saru laqgħat bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet Slovakki, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. Il-Kummissjoni bagħtet talba addizzjonali għal kjarifikazzjoni lil waħda mit-terzi interessati fl‑20 ta’ Marzu 2014, li din wieġbet għaliha fis‑6 ta’ Mejju 2014. Fit‑2 ta’ Mejju 2014, il-Kummissjoni bagħtet mistoqsijiet ġodda lill-awtoritajiet Slovakki, li wieġbuhom fl‑14 u fit‑30 ta’ Mejju 2014.

II.    Id-deċiżjoni kkontestata

17      Fil‑15 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni (UE) 2015/1826 dwar għajnuna mill-Istat SA.33797 — (2013/C) (ex 2013/NN) (ex 2011/CP) implimentat mis-Slovakkja għall-NCHZ (ĠU 2015, L 269, p. 71, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

18      Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-għoti tal-istatus ta’ kumpannija strateġika lil NCHZ (iktar ’il quddiem l-“ewwel miżura”) kien jikkostitwixxi vantaġġ selettiv favur tagħha, li dan kien imputabbli lill-Istat, li kien wassal għall-użu ta’ riżorsi tal-Istat u li kien żnatura l-kompetizzjoni f’suq miftuħ għall-kummerċ bejn l-Istati Membri. Minn dan hija kkonkludiet li din il-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u li din l-għajnuna kienet illegali u inkompatibbli mas-suq intern (premessi 110 u 114 sa 124 tad-deċiżjoni kkontestata). Wara li qieset li l-ammont tal-għajnuna mill-Istat kien ta’ EUR 4 783 424.10, hija kkunsidrat li l-għajnuna kellha tiġi rkuprata mingħand NCHZ u li l-ordni ta’ rkupru kellha tiġi estiża wkoll għar-rikorrenti, peress li din għandha kontinwità ekonomika ma’ NCHZ (premessi 101 u 174 tad-deċiżjoni kkontestata).

19      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li t-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ skont id-deċiżjoni tas‑26 ta’ Jannar 2011 ma kinitx tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, u dan peress li minn tal-inqas żewġ kundizzjonijiet kumulattivi li jiddefinixxu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, jiġifieri l-imputabbiltà tal-miżura inkwistjoni lill-Istat u l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku, ma kinux issodisfatti (premessa 113 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata huwa fformulat kif ġej:

“Artikolu 1

L-għajnuna mill-istat ta’ EUR 4 783 424,10 ipprovduta lil NCHZ permezz tad-dikjarazzjoni li hija kumpanija strateġika skont [il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi], u b’hekk ingħatat kenn mill-applikazzjoni normali tal-liġi tal-falliment, kienet mogħtija llegalment [mir-Repubblika Slovakka] bi ksur tal-Artikolu 108(3) [TFUE] u hija inkompatibbli mas-suq intern.

[…]

Artikolu 3

1.      [Ir-Repubblika Slovakka] tirkupra l-għajnuna inkompatibbli msemmija fl-Artikolu 1 mingħand NCHZ.

2.      Minħabba l-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u [r-rikorrenti], l-obbligu li titħallas lura l-għajnuna jiġi estiż wkoll [lir-rikorrenti].

3.      Is-somom biex jiġu rkuprati jġorru imgħax mid-data li fihom kienu mpoġġija għad-dispożizzjoni ta’ NCHZ sal-irkupru attwali tagħhom.

4.      L-imgħaxijiet huma kkalkulati fuq bażi komposta f’konformità mal-Kapitolu V tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 794/2004 […] u tar-Regolament (KE) Nru 271/2008 […] li jemenda r-Regolament (KE) Nru 794/2004.

Artikolu 4

1.      L-irkupru tal-għajnuna msemmi fl-Artikolu 1 ikun immedjat u effettiv.

2.      [Ir-Repubblika Slovakka] tiżgura li din id-Deċiżjoni tiġi implimentata fi żmien erba’ xhur wara d-data ta’ notifika ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 5

1.      Fi żmien xahrejn wara n-notifika ta’ din id-Deċiżjoni, [ir-Repubblika Slovakka] tissottometti l-informazzjoni li ġejja:

(a)      l-ammont totali (kapital u mgħax tal-irkupru) li għandu jiġi rkuprat mingħand il-benefiċjarji;

(b)      deskrizzjoni dettaljata tal-miżuri diġà meħuda jew ippjanati li jittieħdu biex tikkonforma ma’ din id-Deċiżjoni;

(c)      dokumenti li juru li l-benefiċjarju ġie ordnat iħallas lura l-għajnuna.

2.      [Ir-Repubblika Slovakka] żżomm lill-Kummissjoni infurmata dwar il-progress tal-miżuri nazzjonali li ttieħdu biex tkun implimentata din id-Deċiżjoni sakemm l-irkupru tal-għajnuna msemmija fl-Artikolu 1 jkun tlesta. Hija tissottometti immedjatament, fuq talba tal-Kummissjoni, informazzjoni dwar il-miżuri li diġà ttieħdu u li huma ppjanati li jittieħdu biex tiġi konformi ma’ din id-Deċiżjoni. Hija tipprovdi wkoll informazzjoni dettaljata dwar l-ammonti tal-għajnuna u l-imgħax ta’ rkupru li diġà ġew irkuprati mill-benefiċjarji.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata [lir-Repubblika Slovakka].”

III. Proċedura

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Marzu 2015, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

22      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑14 ta’ Lulju 2015, AlzChem talbet li tintervjeni f’din il-proċedura insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni.

23      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis‑6 ta’ Awwissu 2015, ir-rikorrenti talbet li ċerti elementi li jinsabu fir-rikors u fl-annessi tiegħu kif ukoll fir-replika u anness tagħha għandhom jiġu ttrattati b’mod kunfidenzjali fir-rigward ta’ AlzChem, jekk din tkun ġiet ammessa sabiex tintervjeni. Hija annettiet verżjoni mhux kunfidenzjali ta’ dawn id-dokumenti mat-talba tagħha.

24      Permezz ta’ digriet tal-President tad-Disa’ Awla tat‑22 ta’ Settembru 2015, AlzChem ġiet ammessa tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Verżjonijiet mhux kunfidenzjali tar-rikors, tar-replika u tal-annessi tagħhom, imħejjija mir-rikorrenti, ġew ikkomunikati lill-intervenjenti. Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Ottubru 2015, l-intervenjenti kkontestat it-talba għal trattament kunfidenzjali.

25      Fit‑8 ta’ Ottubru 2015, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fid-Disa’ Awla. Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti Ġenerali tat‑3 ta’ Ottubru 2016, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid. Peress illi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lis-Sitt Awla, u konsegwentement din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

26      Fis‑6 ta’ Frar 2017, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lir-rikorrenti rigward it-talba tagħha għal trattament kunfidenzjali. Hija wieġbet għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija.

27      Permezz ta’ digriet tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fortischem vs Il‑Kummissjoni (T‑121/15, mhux ippubblikat, EU:T:2017:648), il-President tas-Sitt Awla tal-Qorti Ġenerali laqa’ t-talba għal kunfidenzjalità fir-rigward ta’ ċerta informazzjoni li tinsab fir-rikors kif ukoll ta’ ċerta data li tinsab f’diversi annessi tar-rikors u tar-replika u ċaħad it-talba għal kunfidenzjalità għall-kumplament. L-ispejjeż ġew irriżervati. Fis‑26 ta’ Ottubru 2017, verżjoni mhux kunfidenzjali, imħejjija mir-rikorrenti, tad-dokumenti msemmija fil-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tad-digriet tat‑13 ta’ Settembru 2017, Fortischem vs Il‑Kummissjoni (T‑121/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:648), ġiet ikkomunikata lill-intervenjenti.

28      Fil‑5 ta’ Jannar 2018, l-intervenjenti ppreżentat in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali.

29      Fil‑5 u fis‑7 ta’ Frar 2018, il-Kummissjoni u r-rikorrenti ppreżentaw rispettivament l-osservazzjonijiet tagħhom fuq in-nota ta’ intervent fir-Reġistru tal-Qorti.

30      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, bħala parti mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, għamlet lill-partijiet mistoqsijiet bil-miktub u talbet il-preżentazzjoni ta’ dokument. Huma wieġbu għal dawn il-mistoqsijiet fit-termini mogħtija u pproduċew id-dokument mitlub.

31      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal‑10 ta’ April 2019.

IV.    It-talbiet tal-partijiet

32      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-Artikoli 1 u 3 sa 5 tad-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

34      L-intervenjenti essenzjalment titlob li r-rikors jiġi miċħud.

V.      Id-dritt

35      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE rigward il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil NCHZ. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat‑22 ta’ Marzu 1999 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu [108 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 1, p. 339), billi jiġi estiż l-obbligu li tiġi rkuprata l-allegata għajnuna mill-Istat tar-rikorrenti. Il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, bħala riżultat tal-assenza ta’ limitazzjoni tal-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat tar-rikorrenti għal 60 % tal-ammont ta’ din l-għajnuna. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika.

36      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa opportun li jiġu eżaminati wara xulxin it-tielet motiv, l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, it-tieni motiv, it-tielet parti tal-ewwel motiv, is-sitt motiv, ir-raba’ motiv, u fl-aħħar nett il-ħames motiv.

A.      It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE rigward il-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil NCHZ

37      Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni għandha tispjega b’mod suffiċjenti, f’konformità mal-ġurisprudenza, ir-raġunijiet għalfejn il-punti ta’ fatt u ta’ liġi miġjuba minnha jagħtu prova tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat. Il-Kummissjoni għandha għalhekk tispjega wkoll ir-raġunijiet li għalihom l-argumenti fattwali u legali mressqa mill-Istat ikkonċernat ma kinux biżżejjed sabiex tiġi miċħuda l-eżistenza ta’ tali għajnuna. Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni f’numru ta’ aspetti. Fl-ewwel lok, din id-deċiżjoni tippreżenta tali nuqqas fir-rigward tal-konklużjonijiet tal-Kummissjoni li l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi tat lil NCHZ vantaġġ ekonomiku li din il-kumpannija ma kinitx tirċievi f’kuntest normali ta’ proċedura ta’ falliment. Skont ir-rikorrenti, minkejja li l-awtoritajiet Slovakki pprovdew argumenti ta’ fatt iddettaljati li fil-fatt juru li l-kredituri kienu agħżlu t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, il-Kummissjoni ma kkunsidratx il-kontenut ta’ dawn l-indizji u minflok ikkuntentat ruħha li tesprimi dubji ġenerali u arbitrarji. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni minħabba li l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi naqset milli tissodisfa l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq.

38      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-mertu tal-argumenti tar-rikorrenti.

39      Hekk kif jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtur tal-att, b’mod li jippermetti lill-persuni interessati li jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li jippermetti li l-qorti tal-Unjoni tagħmel l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑284/15, EU:T:2018:950, punt 70 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      L-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari mill-kontenut tal-att, min-natura tal-motivi invokati u mill-interess li dawk li għalihom l-att ikun indirizzat, jew għal partijiet oħra li lilhom tkun tikkonċerna fis-sens tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 263 TFUE jista’ jkollhom sabiex jiksbu spjegazzjonijiet (sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑284/15, EU:T:2018:950, punt 71 (mhux ippubblikata)).

41      Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tittratta l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, minħabba li l-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tkunx tissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha iżda wkoll tal-kuntest tagħha u tar-regoli ġuridiċi kollha dwar il-materja kkonċernata. B’mod partikolari, il-Kummissjoni ma hijiex marbuta tieħu pożizzjoni fuq l-argumenti kollha invokati quddiemha mill-partijiet interessati. Huwa biżżejjed li tesponi l-fatti u l-kunsiderazzjonijiet ġuridiċi li għandhom importanza essenzjali fl-istruttura tad-deċiżjoni. (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑284/15, EU:T:2018:950, punt 72 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Fl-aħħar nett, il-motiv li jallega ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE huwa motiv separat minn dak li jallega ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, filwaqt illi tal-ewwel, li jirreferi għal nuqqas ta’ motivazzjoni jew għal motivazzjoni insuffiċjenti, jaqa’ taħt il-ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali, skont l-Artikolu 263 TFUE u jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni, it-tieni, li jikkonċerna l-legalità fil-mertu ta’ deċiżjoni, jaqa’ taħt il-ksur ta’ dispożizzjoni legali relatata mal-applikazzjoni tat-Trattat FUE, skont l-istess Artikolu 263 TFUE, u jista’ jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni biss jekk ikun invokat mir-rikorrenti. Għaldaqstant, l-obbligu ta’ motivazzjoni huwa kwistjoni distinta minn dik tal-fondatezza tal-motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ April 1998, Il‑Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67).

43      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 39 sa 42 iktar ’il fuq li huwa neċessarju li jiġi eżaminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ivvizzjata minn difett jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 296 TFUE.

44      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li d-djun ta’ NCHZ lil diversi entitajiet pubbliċi kienu ġew imġarrba minħabba li l-attivitajiet tagħha huma ta’ natura li jikkawżaw defiċit. Hija qieset li, kuntrarjament għall-prattika konformi mar-regoli ordinarji dwar falliment, l-ebda analiżi ma kienet twettqet mill-amministratur tal-falliment fil-kariga u l-ebda laqgħa tal-kredituri ma kienet kapaċi tiddeċiedi dwar il-futur ta’ NCHZ. Hija rrilevat li l-amministratur tal-falliment fil-kariga kien irrikonoxxa li kien imġiegħel mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi li jiżgura li NCHZ tkompli topera mingħajr ebda possibbiltà li jiġu kkunsidrati soluzzjonijiet oħra (premessi 79 u 80 tad-deċiżjoni kkontestata).

45      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni kkunsidrat li d-deċiżjoni li tiġi applikata l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi lil NCHZ ma kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet li l-kredituri tagħha kienu qisu, iżda kunsiderazzjonijiet oħra ta’ politika pubblika, peress li t-test tad-deċiżjoni tal-Gvern Slovakk jirreferi biss għat-telf ta’ impjiegi u l-kompetittività fl-industrija kimika Slovakka, u għalhekk għall-ekonomija Slovakka kollha kemm hi. Fil-fehma tagħha, id-deċiżjoni tal-Istat li tapplika din il-liġi għal NCHZ għalhekk ma kinitx manifestament iġġustifikata abbażi tal-kriterju tal-kreditur f’ekonomija tas-suq (premessa 82 tad-deċiżjoni kkontestata).

46      Bi tweġiba għall-argumenti mressqa mill-awtoritajiet Slovakki li l-kredituri probabbilment kienu jkunu ddeċidew li jkomplu bl-operazzjonijiet ta’ NCHZ anki jekk il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma kinitx ġiet applikata għaliha, il-Kummissjoni b’mod partikolari ppreċiżat li ma kien hemm l-ebda eżami ta’ soluzzjonijiet oħra li huma possibbilment affidabbli fl-analiżi tal-ewwel amministratur tas‑26 ta’ Ottubru 2009 (iktar ’il quddiem l-“analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009”), invokat mill-awtoritajiet Slovakki, li ma kienx sar eżami iktar iddettaljat u li d-deċiżjoni li titkompla l-attività ta’ NCHZ fil-bidu tat-tieni perijodu ta’ falliment kienet ittieħdet fi żmien meta s-sitwazzjoni ekonomika tal-kredituri kienet differenti (premessi 82 sa 84 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, l-analiżi tal-amministratur ta’ Marzu 2014 (iktar ’il quddiem l-“analiżi ta’ Marzu 2014”), ibbażata fuq il-metodoloġija użata għall-analiżi tas-sitwazzjoni matul dan it-tieni perijodu, kienet qasira ħafna, ipotetika u miktuba ex post (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li l-awtoritajiet Slovakki ma kinux ipprovaw li, jekk il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma kinitx ġiet applikata għal NCHZ, it-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija kienet tkun approvata, fil-bidu tal-proċedura ta’ falliment jew matul is-sena 2010, fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa u xierqa u ta’ diskussjoni fost il-partijiet kollha (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

47      Barra minn hekk, il-Kummissjoni enfasizzat it-tneħħija, permezz tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, tal-inċertezza inerenti fit-teħid ta’ deċiżjoni fil-kuntest tas-sistema tar-regoli ordinarji dwar falliment, peress li t-tkomplija tal-attivitajiet kollha ta’ NCHZ kienu ġew iggarantiti mill-inqas sal-iskadenza ta’ din il-liġi fl-aħħar tas-sena 2010. Skont il-Kummissjoni, dan irrappreżenta “sinjal qawwi” f’settur, jiġifieri dak tal-industrija tal-kimika, fejn is-sigurtà tal-provvista kienet partikolarment importanti għall-klijenti. Hija indikat li NCHZ kienet tilfet ċerti klijenti fl‑2009 u fl‑2010, hekk kif kienet wriet l-analiżi ekonomika tal-amministratur elaborata wara l-iskadenza tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Għalhekk, hija qieset li kieku din il-liġi ma ġietx applikata għal NCHZ, kien ikun hemm riskju ħafna ikbar li l-bejgħ ikompli jiddgħajjef dovut għall-inċertezza li tirriżulta mill-proċedura ta’ falliment kif ukoll riskju ikbar li l-kredituri setgħu jikkunsidraw it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ NCHZ bħala ekonomikament irrazzjonali u jagħmlu użu mill-possibbiltà li jtemmu l-attività ta’ NCHZ (premessi 85, 86, 88 u 89 tad-deċiżjoni kkontestata).

48      Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi kienet ipprovdiet lil NCHZ b’vantaġġ ekonomiku billi pproteġiet lil din il-kumpannija mit-tmexxija normali tal-proċedura ta’ falliment skont il-Liġi dwar il-Falliment, bl-amministratur tal-falliment fil-kariga, il-kredituri u l-qorti tal-falliment ikunu mċaħħda mill-possibbiltà li jtemmu l-attivitajiet ta’ NCHZ jew inaqqsu b’mod sinjifikattiv in-numru ta’ impjegati, irrispettivament minn jekk kienx fil-bidu tal-proċedura ta’ falliment jew matul is-sena 2010, fid-dawl tal-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ din il-kumpannija. Skont il-Kummissjoni, l-ewwel miżura tat ukoll lil NCHZ, kif ukoll lil terzi, b’mod partikolari l-klijenti u l-fornituri, iċ-ċertezza tat-tkomplija tal-attivitajiet ta’ din il-kumpannija, billi tali tkomplija qatt ma tkun iggarantita taħt kundizzjonijiet normali ta’ falliment, u b’hekk tibbenefika lil din il-kumpannija minn trattament preferenzjali fuq il-kompetituri tagħha f’sitwazzjoni simili (premessi 78, 85, 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata).

49      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, hija indikat ir-raġunijiet għaliex qieset li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ tat lil din il-kumpannija vantaġġ ekonomiku li ma kinitx tirċievi fil-kuntest tar-regoli ordinarji dwar falliment. Għalhekk, hija ddeskriviet l-analiżi tagħha tal-konsegwenzi tal-applikazzjoni ta’ din il-liġi, jiġifieri tkomplija awtomatika tal-attività ta’ NCHZ u ostakolu għat-tkeċċijiet kollettivi, u dan indipendentement mill-iżvilupp tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ din il-kumpannija u meta din il-kumpannija ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas lura d-djun tagħha, b’mod partikolari lejn diversi entitajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni semmiet ukoll l-evalwazzjoni tagħha li din it-tkomplija awtomatika tal-attività ta’ NCHZ kienet tat lill-klijenti tagħha u lill-fornituri tagħha garanzija li ma kinitx tkun teżisti fil-kors normali ta’ proċedura ta’ falliment.

50      Barra minn hekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat ir-raġunijiet għaliex hija qieset li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma kinitx tissodisfa l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq u ma “limitatx ir-raġunament tagħha għall-osservazzjoni li l-applikazzjoni [ta’ din il-liġi] kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika li kreditur privat ma kienx jieħu inkunsiderazzjoni”. Fil-fatt, wara li għamlet din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, wieġbet ukoll għall-argumenti tal-awtoritajiet Slovakki dwar it- teħid ta’ pożizzjoni tal-ewwel amministratur u tal-amministratur. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni stabbilixxiet ir-raġunijiet li għalihom, minn naħa, kemm l-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009 kif ukoll dik ta’ Marzu 2014 ġew imwarrba u, min-naħa l-oħra, hija qieset li ma kellhiex provi li l-kumitat kompetenti kien favur it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ matul l-ewwel perijodu ta’ falliment. Hija għalhekk qieset li l-analiżi ta’ Marzu 2014, ibbażata fuq il-metodoloġija użata għall-analiżi ta’ dak il-perijodu, kienet konċiża ħafna, ipotetika u miktuba ex post, billi rreferiet f’dan ir-rigward għal diversi punti ta’ tliet sentenzi tal-qrati tal-Unjoni, fejn tqies li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-investitur privat, il-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli biss kienu rilevanti fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni tal-Istat inkwistjoni. Hija barra minn hekk semmiet li kienet tqis l-awtoritajiet Slovakki ma kinux ipproduċew il-prova li, fil-bidu tal-proċedura ta’ falliment jew matul is-sena 2010, it-tkomplija tal-attivitajiet ta’ NCHZ kienet realment approvata fuq il-bażi ta’ analiżi bir-reqqa u xierqa u diskussjoni fost il-partijiet kollha interessati. Fl-aħħar nett, hija rreferiet għad-differenza fis-sitwazzjoni ekonomika tal-kredituri meta d-deċiżjoni ttieħdet fil-bidu tat-tieni perijodu.

51      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti dwar l-assenza ta’ spjegazzjoni mill-Kummissjoni dwar ir-raġunijiet għalfejn il-kumitat kompetenti kien kontra ż-żamma tal-attività ta’ NCHZ, ma jikkonċernax in-natura suffiċjenti tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, iżda juri nuqqas ta’ qbil mir-rikorrenti fir-rigward tal-merti tar-raġunament segwit mill-Kummissjoni fl-analiżi tagħha kif ukoll tal-konklużjonijiet tagħha, fis-sens li r-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-prova ta’ dik li kienet tkun id-deċiżjoni tal-kumitat kompetenti ma kinitx prodotta. Għandha ssir distinzjoni bejn il-kwistjoni tar-rispett tal-obbligu ta’ motivazzjoni u dak tal-mertu tal-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 42 iktar ’il fuq.

52      Konsegwentement, ma jistax jiġi konkluż li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat mogħtija lil NCHZ u t-tielet motiv għalhekk għandu jiġi miċħud.

B.      L-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv ibbażati fl-assenza, rispettivament, ta’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat u ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil NCHZ

53      L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE, huwa maqsum fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jikkontesta l-fatt li l-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika” kellha twassal għal trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li din il-miżura ma tatx vantaġġ ekonomiku lil NCHZ. Permezz tat-tielet parti, hija ssostni li anki kieku l-Kummissjoni setgħet leġittimament tikkonkludi l-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil NCHZ permezz tal-ewwel miżura, hija wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkolat l-ammont ta’ dik l-għajnuna.

54      Il-Qorti Ġenerali tqis li huwa xieraq li l-ewwel jiġu eżaminati l-ewwel żewġ partijiet tal-ewwel motiv, li jirrigwardaw il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, filwaqt li t-tielet parti tagħha, li tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont ta’ dik l-għajnuna, għandha tiġi eżaminata wara l-analiżi tat-tieni motiv.

55      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fil-premessi 75 sa 77 tad-deċiżjoni kkontestata ma tipprovax it-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat permezz tal-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika”. Fl-ewwel lok, hija ssostni li l-karatterizzazzjoni ta’ NCHZ bħala kumpannija strateġika ma wasslitx għal tali trasferiment, peress li l-Istat Slovakk ma ġarx xi piż supplimentari fir-rigward tal-piż li kien ikollu jġarrab kieku kellha tiġi segwita l-proċedura ta’ falliment tar-regoli ordinarji. Skont ir-rikorrenti, mill-ġurisprudenza jirriżulta li trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat jirrikjedi iktar minn riskju astratt ta’ tisħiħ tal-obbligi ta’ natura pubblika ġġenerati mit-tkomplija tal-operat ta’ kumpannija matul il-proċedura ta’ falliment, sa fejn iż-żieda fl-obbligi ta’ natura pubblika hija konsegwenza inerenti tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Falliment inkwistjoni. F’dan ir-rigward ir-rikorrenti tirreferi għas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punti 36, 41 u 43). Fit-tieni lok, fl-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent, hija ssostni li huwa impossibbli li wieħed jikkunsidra l-konsegwenzi naturali tat-tkomplija tal-attività matul il-proċedura ta’ falliment bħala “rinunzja de facto ta’ krediti pubbliċi”. Fil-fehma tagħha, jekk dan l-argument jintlaqa’, kwalunkwe tkomplija tal-attività akkumpanjata minn żieda fid-djun fil-konfront tal-kredituri pubbliċi matul proċedura ta’ falliment tista’ tiġi assimilata ma’ trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Fit-tielet lok, fir-replika, hija tammetti li l-kriterju introdott fis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579), sabiex jiġi stabbilit jekk ġewx ittrasferiti riżorsi tal-Istat, huwa pjuttost qrib il-kriterju li jippermetti li jiġi stabbilit jekk ingħatax vantaġġ ekonomiku.

56      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni mill-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil NCHZ bħala riżultat tal-klassifikazzjoni ta’ din il-kumpannija bħala “kumpannija strateġika”. Fl-ewwel lok, NCHZ ma kisbet l-ebda vantaġġ li hija kienet tirċievi skont ir-regoli ordinarji dwar falliment, peress li fi kwalunkwe każ il-kredituri tagħha kienu jagħżlu li titkompla l-attività tagħha u l-projbizzjoni temporanja ta’ tkeċċijiet kollettivi kienet tiffavorixxi biss l-Istat Slovakk, u mhux lil NCHZ. Fit-tieni lok, l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi kienet tissodisfa l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, peress li kienet tkun ekonomikament vantaġġuża għall-kredituri pubbliċi.

57      Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-rikorrenti.

1.      Tfakkir tal-ġurisprudenza

58      Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala għajnuna teħtieġ li l-kundizzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE jkunu ssodisfatti. Għalhekk, l-ewwel nett, dan għandu jkun intervent mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat. It-tieni nett, dan l-intervent għandu jkun jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri. It-tielet nett, irid jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’ nett, dan għandu joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑284/15, EU:T:2018:950, punt 59 (mhux ippubblikata) u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew li jikkostitwixxu piż supplimentari għall-Istat li huma kkunsidrati bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fil-fatt, mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni u tar-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Artikolu 108 TFUE jirriżulta li l-vantaġġi mogħtija permezz ta’ mezzi oħra barra r-riżorsi tal-Istat ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Marzu 1993, Sloman Neptun, C‑72/91 u C‑73/91, EU:C:1993:97, punt 19; tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 35, u tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punt 58).

60      Issa, għandu jiġi rrilevat li, skont ġurisprudenza stabbilita, ma huwiex neċessarju li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jiġi kkunsidrat bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 55; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España, C‑387/92, EU:C:1994:100, punt 14, u tad‑19 ta’ Mejju 1999, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, C‑6/97, EU:C:1999:251, punt 16).

61      Għalhekk, il-kunċett ta’ “għajnuna” jinkludi mhux biss benefiċċji pożittivi bħas-sussidji, iżda wkoll interventi li, f’forom varji, itaffu l-piżijiet li normalment ikunu inklużi fil-baġit ta’ impriża u li, għalhekk, mingħajr ma jkunu sussidji fis-sens strett tal-kelma, huma simili fin-natura tagħhom u għandhom l-istess effett (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Marzu 2013, Bouygues u Bouygues Télécom vs Il‑Kummissjoni et u Il‑Kummissjoni vs Franza et, C‑399/10 P u C‑401/10 P, EU:C:2013:175, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, il-kunċett ta’ għajnuna mill-Istat, hekk kif stabbilit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat fuq il-bażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti tal-Unjoni għandha, bħala regola u fid-dawl kemm tal-elementi konkreti tat-tilwima quddiemha u kif ukoll tan-natura teknika jew kumplessa tal-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, British Aggregates vs Il‑Kummissjoni, C‑487/06 P, EU:C:2008:757, punt 111).

63      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-istħarriġ li l-qorti tal-Unjoni teżerċita fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, hija ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 75, u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 49).

64      Madankollu, il-qorti tal-Unjoni ma għandhiex tivverifika biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jissostanzjaw il-konklużjonijiet misluta minnha (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il‑Kummissjoni, C‑73/11 P, EU:C:2013:32, punt 76, u tal‑21 ta’ Marzu 2013, Il‑Kummissjoni vs Buczek Automotive, C‑405/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:186, punt 50).

2.      Id-deċiżjoni kkontestata

65      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil NCHZ permezz tal-klassifikazzjoni ta’ din il-kumpannija bħala “kumpannija strateġika”, dawn huma esposti fil-punti 44 sa 48 iktar ’il fuq.

66      Fir-rigward tal-użu tar-riżorsi tal-Istat bħala riżultat tal-ewwel miżura, il-Kummissjoni kienet tal-fehma li, “[f]id-dawl tal-għoti [tal-]istatus [ta’ kumpannija strateġika], l-attività ta’ [NCHZ inżammet] minkejja l-eżistenza ta’ riskju evidenti (li [seħħ]) li d-dħul ma kienx biżżejjed sabiex ikopri l-ispejjeż operattivi matul il-falliment, inklużi l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u obbligi oħra fil-konfront tal-Istat” (premessa 74 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet tgħid li “t-tkomplija tal-attivitajiet u l-akkumulazzjoni ta’ djun addizzjonali bħala konsegwenza tal-applikazzjoni tal-[Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi kienu għamluha] iktar diffiċli għall-kredituri pubbliċi ta’ NCHZ li jirkupraw il-krediti eżistenti tagħhom” (premessa 76 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li l-għoti tal-istatus ta’ kumpannija strateġika lil NCHZ kien wassal għall-għoti ta’ riżorsi tal-Istat fil-forma ta’ telf fir-rigward tal-krediti pubbliċi li NCHZ ma ħallsitx matul l-ewwel perijodu ta’ falliment (premessa 77 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Fuq il-klassifikazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel miżura bħala għajnuna mill-Istat

67      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat, fir-rigward tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex intervent jiġi kklassifikat bħala għajnuna mill-Istat, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 58 iktar ’il fuq, li r-rikorrenti ma tikkontesta la n-natura selettiva tal-ewwel miżura u lanqas li din hija kapaċi taffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri.

68      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, jekk, bl-argumenti tagħha insostenn ta’ din il-parti tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-ewwel miżura hija imputabbli lill-Istat, hija tindika li tixtieq tikkontesta l-fatt li din il-miżura kienet tinvolvi riżorsi tal-Istat fis-sens ta’ piż supplimentari għall-Istat jew għall-entitajiet pubbliċi u għandha l-għan li turi li NCHZ ma kinitx tkun f’sitwazzjoni differenti jekk is-sitwazzjoni tagħha kienet irregolata mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Falliment. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, b’dan l-argument, ir-rikorrenti essenzjalment tqajjem dubji dwar l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku. Fir-rikors, fir-rigward tal-analiżi tagħha tal-kundizzjoni relatata mal-eżistenza ta’ vantaġġ, hija tirreferi wkoll għall-“fatturi esposti iktar ’il fuq”, jiġifieri dawk li stabbilixxiet fir-rigward tal-kunċett tat-trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, u tindika li huma juru b’mod ċar li NCHZ ma rċeviet l-ebda vantaġġ li din il-kumpannija ma kinitx tirċievi skont ir-regoli ordinarji dwar falliment. Għaldaqstant, dan l-argument tar-rikorrenti għandu jkun marbut mal-eżami tat-tieni parti tal-ewwel motiv, u għandu jiġi eżaminat flimkien mal-ewwel żewġ partijiet ta’ dan il-motiv.

69      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil NCHZ minħabba l-ewwel miżura u l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fuq dan il-punt, għandu jiġi kkonstatat li, jekk ir-rikorrenti u l-Kummissjoni, sostnuti mill-intervenjenti, jaqblu dwar ir-rilevanza, f’dan il-każ, tas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579), huma madankollu jisiltu lezzjonijiet differenti minnha.

70      Ir-rikorrenti tqis li, sabiex jiġi evalwat jekk l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi tatx vantaġġ ekonomiku lil NCHZ, hemm lok li ssir eżaminazzjoni f’żewġ stadji. Fl-ewwel lok, għandu jiġi stabbilit jekk dik il-liġi tippermettix lil NCHZ li tibbenefika minn vantaġġ ekonomiku li din il-kumpannija ma kinitx tirċievi fil-każ ta’ applikazzjoni tal-liġi dwar il-falliment u li teżamina “xenarju alternattiv”, li jkun jeħtieġ analiżi ipotetika a posteriori. Fil-każ ta’ tweġiba negattiva għal din l-ewwel mistoqsija, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku tista’ tiġi eskluża, peress li fil-fatt NCHZ ma kinitx tkun iktar favorita milli kienet tkun taħt ir-regoli ordinarji dwar falliment. Fit-tieni lok, fil-każ ta’ tweġiba pożittiva għal din l-ewwel mistoqsija, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku tista’ tiġi eskluża jekk, bl-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi lil NCHZ, l-Istat Slovakk aġixxa bħala operatur f’ekonomija tas-suq u għalhekk l-applikazzjoni ta’ din il-liġi kienet konformi mal-interessi ekonomiċi ta’ dan l-Istat.

71      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni tqis li l-pożizzjoni li tiddefendi r-rikorrenti tneħħi lill-ġurisprudenza dwar il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq il-kontenut tagħha.

72      Għandu jiġi rrilevat li, konformement mas-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 45) u tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 43), l-applikazzjoni fil-konfront ta’ impriża ta’ skema li tidderoga mir-regoli ordinarji dwar falliment għandha titqies bħala li tagħti lok għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat f’żewġ sitwazzjonijiet. Fl-ewwel sitwazzjoni, huwa essenzjalment stabbilit li din l-impriża kienet awtorizzata tkompli l-attività ekonomika tagħha f’ċirkustanzi fejn tali eventwalità kienet tkun eskluża fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment. Fit-tieni sitwazzjoni, essenzjalment huwa stabbilit li din il-kumpannija bbenefikat minn vantaġġ wieħed jew iktar, bħal garanzija mill-Istat, rata ta’ taxxa mnaqqsa, eżenzjoni mill-obbligu li jitħallsu multi u sanzjonijiet pekunjarji oħra, jew rinunzja totali jew parzjali effettiva ta’ krediti pubbliċi, li għalihom impriża oħra insolventi ma kinitx tkun intitolata fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment.

73      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tiġi mistħarrġa l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni tal-ewwel miżura fid-deċiżjoni kkontestata sabiex jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni kinitx wettqet żball meta kkonkludiet għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat lil NCHZ.

74      F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li fl-ewwel lok jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet li taħthom it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ kienet ġiet awtorizzata bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi u l-konsegwenzi relatati ma’ din l-applikazzjoni. Fit-tieni lok, għandu tiġi eżaminata l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni tal-Istat Slovakk li tapplika lil NCHZ il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi tissodisfax il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Għandhom jiġu eżaminati, fit-tielet lok, l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-identiċità tas-sitwazzjoni jekk NCHZ kienet suġġetta għar-regoli ordinarji dwar falliment.

a)      Fuq il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ permezz tal-klassifikazzjoni tagħha bħala “kumpannija strateġika” u l-implikazzjonijiet relatati ma’ din l-applikazzjoni

75      Huwa stabbilit li, f’din il-kawża, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika”, l-ewwel amministratur ma kellu l-ebda għażla ħlief it-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ, li kienet imposta b’riżultat tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Għaldaqstant, matul l-ewwel perijodu ta’ falliment, li fih NCHZ kienet suġġetta għal din il-liġi, din il-kumpannija kellha tkompli bl-attività tagħha, irrispettivament mis-sitwazzjoni ekonomika tagħha u irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni relatata mal-interessi tal-kredituri tagħha, u għalhekk anki jekk id-djun tagħha kienu qegħdin jiżdiedu u kienu ogħla mid-dħul tagħha (premessi 78, 80 u 81 tad-deċiżjoni kkontestata).

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, filwaqt li l-attività ta’ NCHZ kienet f’defiċit fi tmiem l‑2009, li kien indikat fl-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009, il-kredituri pubbliċi ta’ qabel il-falliment li kellhom krediti sussegwenti għall-falliment, tqiegħdu f’sitwazzjoni fejn kellhom jgħaddu minn żieda probabbli ħafna ta’ dejn mhux imħallas fil-konfront tagħhom.

77      F’dan ir-rigward, il-fatt li, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, it-tkomplija awtomatika tal-attività ta’ NCHZ seħħet flimkien ma’ ostakolu għat-tkeċċijiet kollettivi kkawżat iktar riskju ta’ żieda fid-djun ta’ NCHZ, b’mod partikolari fil-konfront tal-kredituri pubbliċi, fosthom Sociálna poisťovňa, a.s. (kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali, is-Slovakkja) u Všeobecná zdravotná poisťovňa, a.s. (kumpannija tal-assigurazzjoni għall-mard, is-Slovakkja). Fil-fatt, bħala riżultat ta’ dan l-ostakolu, l-ispejjeż operattivi ta’ NCHZ ma setgħux jiġu limitati permezz ta’ tnaqqis fil-persunal. Madankollu, NCHZ kellha tkun kapaċi tħallas lill-fornituri tagħha fil-kuntest tat-tkomplija awtomatika tal-attività tagħha u, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, NCHZ ma setgħetx, fl-istess ħin, tassumi bis-sħiħ l-ispejjeż soċjali fil-konfront taż-żewġ kredituri pubbliċi msemmija iktar ’il fuq. Għandu jiġi nnotat li, min-naħa l-oħra, din ir-restrizzjoni ppermettietilha żżomm il-persunal tagħha sabiex tkompli l-attività tagħha.

78      Barra minn hekk, l-ewwel miżura tat ċertezza lill-klijenti taż-żamma tal-attività ta’ NCHZ matul l-ewwel perijodu ta’ falliment, hekk kif espost mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

79      Konsegwentement, huwa mingħajr ma wettqet żball li l-Kummissjoni rrilevat il-konsegwenzi li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ.

b)      Fuq l-allegazzjoni tar-rikorrenti li d-deċiżjoni tal-Istat Slovakk li tikklassifika lil NCHZ bħala “kumpannija strateġika” issodisfat il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq

80      Skont ir-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi tissodisfa l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, peress li kienet tkun ekonomikament vantaġġuża għall-kredituri pubbliċi. Fl-ewwel lok, il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq ma japplikax biss għal miżuri li teoretikament jistgħu jittieħdu minn operaturi privati, iżda wkoll għal dawk il-miżuri li, jaqgħu taħt is-sovranità tal-Istat li jistgħu jiġu adottati biss minn din tal-aħħar hekk kif inhu l-każ għall-atti leġiżlattivi. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet ta’ politika pubblika ma jeskludux li jiġi ssodisfatt il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, peress li l-Artikolu 107(1) TFUE ma jagħmilx distinzjoni bejn l-għanijiet differenti tal-miżuri, jew il-kawżi differenti tagħhom, u jiddefinixxuhom biss b’rabta mal-effetti tagħhom.

81      Fit-tieni lok, il-kriterju tal-kreditur privat japplika mhux biss fir-rigward tal-krediti tal-Istat li huma rregolati mid-dritt privat, iżda wkoll għall-krediti tagħha taħt id-dritt pubbliku, bħal dawk relatati mal-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali. F’dan il-każ, dan il-kriterju għandu jiġi ssodisfatt, peress li t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ għandha titqies bħala l-iktar xenarju ekonomikament favorevoli fuq il-pjan ekonomiku għall-kredituri pubbliċi. Meta jsir dan il-paragun, għandha titqies id-data rilevanti kollha magħrufa fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel miżura li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni.

82      L-ewwel nett, skont ir-rikorrenti, il-kredituri pubbliċi kollha ta’ qabel il-falliment, mhux iggarantiti u preferenzjali, kellhom interess manifest fit-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, peress li dan kien l-uniku mod sabiex tinkiseb mill-inqas sald parzjali tal-krediti tagħhom ta’ qabel il-falliment u li ma kinux f’riskju li jġarrbu piż finanzjarju ogħla. Huwa ċar mid-deċiżjoni tal-Istat Slovakk li tikklassifika lil NCHZ bħala “kumpannija strateġika”, li kienet taf li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kredituri kienet tkun agħar f’każ ta’ stralċ tal-kumpannija.

83      It-tieni nett, matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, l-awtoritajiet Slovakki ssottomettew informazzjoni ddettaljata li tipprova li, fid-data tal-adozzjoni tal-ewwel miżura, it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ kienet tikkostitwixxi wkoll l-aħjar għażla ekonomika meta tqieset iż-żieda possibbli tal-obbligi mhux imħallsa matul iż-żamma tal-operat. Pereżempju, kellu jintwera li s-sitwazzjoni tal-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali, li kienet l-ikbar kreditur pubbliku wara l-falliment, kienet tkun manifestament agħar fil-każ ta’ stralċ immedjat ta’ NCHZ. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni lanqas ma evokat dawn l-argumenti. Fir-replika, ir-rikorrenti żiedet li jkun restrittiv bla bżonn li ssir distinzjoni bejn l-ispejjeż imġarrba mill-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali fl-ipotezi fejn, minn naħa, jinżamm l-operat ta’ NCHZ u, min-naħa l-oħra, isir stralċ immedjat ta’ NCHZ.

84      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma tikkontestax la fid-deċiżjoni kkontestata u lanqas quddiem il-Qorti Ġenerali l-korrettezza taċ-ċifri ppreżentati.

85      Skont il-ġurisprudenza, il-kriterju tal-kreditur privat jassumi li tiġi pparagunata l-imġiba ta’ kreditur pubbliku ma’ dik ta’ kreditur privat f’sitwazzjoni l-iktar simili possibbli. Tista’ tkun meħtieġa evidenza li turi li d-deċiżjoni tal-Istat hija bbażata fuq evalwazzjonijiet ekonomiċi komparabbli ma’ dawk li kreditur privat kien ikollu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 2017, Fondul Proprietatea, C‑150/16, EU:C:2017:388, punti 25 u 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

86      Madankollu, il-kriterju tal-kreditur privat ma jistax jitqies li huwa applikabbli f’dan il-każ. Fil-fatt, ma hemm l-ebda element prodott mill-Istat Slovakk matul il-proċedura amministrattiva u li juri li adotta d-deċiżjoni li tikklassifika lil NCHZ bħala “kumpannija strateġika” fil-kuntest ta’ azzjoni ta’ natura ekonomika u bħala kreditur, u mhux bħala awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 u 82).

87      Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza, fil-każ li l-Kummissjoni kellu jkollha dubji dwar l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju, hija kien ikollha twettaq evalwazzjoni globali li tqis, minbarra l-elementi prodotti minn dan l-Istat Membru, kwalunkwe fattur ieħor rilevanti għall-kawża inkwistjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk il-miżura inkwistjoni taqax taħt il-kwalità ta’ operatur ekonomiku jew il-kapaċità ta’ awtorità pubblika ta’ dak l-Istat Membru. B’mod partikolari, f’dan ir-rigward jistgħu jkunu rilevanti, in-natura u l-għan ta’ din il-miżura, il-kuntest li fih din tiġi adottata fih kif ukoll l-għan imfittex u r-regoli li għalihom hija suġġetta l-imsemmija miżura. Min-naħa l-oħra, evalwazzjonijiet ekonomiċi magħmula l-adozzjoni tal-miżura, il-konstatazzjoni retrospettiva tal-profittabbiltà effettiva tal-miżura adottata mill-Istat Membru kkonċernat jew ġustifikazzjonijiet ulterjuri tal-għażla tal-proċess effettivament użat ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li dan l-Istat Membru ħa, qabel jew fl-istess waqt ta’ din l-adozzjoni, tali deċiżjoni fil-kwalità tiegħu ta’ operatur ekonomiku (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 85 u 86).

88      Issa, mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi u mid-deċiżjoni tal-Gvern Slovakk li jikkonferixxi lil NCHZ l-istatus ta’ kumpannija strateġika jirriżulta li l-Istat Slovakk kellu bħala l-uniku għan li jevita l-effetti negattivi tat-tmiem tal-attività ta’ NCHZ fuq il-funzjonament u l-kompetittività tal-industrija kimika kollha fis-Slovakkja kif ukoll l-impatt negattiv fuq l-impjiegi fir-reġjun ikkonċernat li twassal sabiex l-ekonomija Slovakka titqiegħed f’riskju. B’kuntrast ma’ dan, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma huwiex evidenti li mid-deċiżjoni tal-Istat Slovakk li jikklassifika lil NCHZ bħala “kumpannija strateġika” li kienet taf li s-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi ta’ qabel il-falliment kienet tkun agħar f’każ ta’ stralċ ta’ din il-kumpannija.

89      Kif issostni l-Kummissjoni, l-ostaklu għat-tkeċċijiet kollettivi kien konformi mal-loġika tal-għan ewlieni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, li kien li jinżammu l-attivitajiet ta’ tali kumpanniji, li ċertament kien ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, jekk, fir-rigward ta’ NCHZ, il-miżuri meħuda mill-amministratur fil-kariga setgħu jwasslu għal tnaqqis sinjifikattiv tal-persunal.

90      Barra minn hekk, fl-ewwel lok, l-argument tar-rikorrenti jimplika li l-Istat jista’ jitqies bħala kreditur pubbliku wieħed. Madankollu, tali approċċ ġie miċħud fis-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni (T‑284/15, EU:T:2018:950, punti 184 sa 196 (mhux ippubblikati)).

91      Barra minn hekk, kif il-Kummissjoni, essenzjalment, irrilevat fid-deċiżjoni kkontestata (premessi 81, 83, 87 u 88 tad-deċiżjoni kkontestata), ma hemm l-ebda studju suffiċjenti u kontemporanju tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ li kienet eżaminat it-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija fir-rigward tal-interessi tal-kredituri pubbliċi, peress li huma biss rilevanti, għall-finijiet tal-applikabbiltà u tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-kreditur privat, l-elementi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta ttieħdet id-deċiżjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105). Ir-rikorrenti tenfasizza wkoll li “ma hijiex f’pożizzjoni li tivverifika jekk dawn l-evalwazzjonijiet fil-fond [fir-rigward tal-fatt li s-sitwazzjoni tal-kredituri pubbliċi ta’ qabel il-falliment kienu jkunu agħar fil-każ ta’ stralċ ta’ NCHZ] kinux imwettqa qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni [li tikklassifika lil NCHZ bħala ‘kumpannija strateġika’]”. Hija tippreċiża wkoll li, bħala riżultat ta’ dik il-klassifikazzjoni, l-amministratur fil-kariga ma kienx kapaċi jwettaq analiżi eżawrjenti f’dak iż-żmien, f’dak is-sens, hekk kif iddikjarat matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, li dik l-analiżi ma kellhiex għalfejn titwettaq minħabba l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi.

92      Fit-tieni lok, anki jekk titqies biss is-sitwazzjoni tal-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali, hekk kif l-awtoritajiet Slovakki invokaw ukoll fit-tieni risposta tagħhom lill-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2013, l-argument tar-rikorrenti ma jistax jirnexxi. Filwaqt li hija ssostni li, f’każ ta’ stralċ immedjat, din il-kumpannija, li kienet l-iktar kreditur pubbliku importanti wara l-falliment, kien ikollha kreditu ta’ iktar minn EUR 3 miljun, hija ma tindikax l-ammont tal-kreditu ta’ din il-kumpannija fil-każ tat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, li kellha tiġi stmata fil-mument meta din il-kumpannija kienet ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika”, hekk kif mitlub mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq.

93      Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat fir-replika, li l-Istat Slovakk ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li kien ikollu jħallas, permezz tal-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali, l-allowances tal-qgħad f’każ ta’ stralċ ta’ NCHZ għandha tiġi miċħuda. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li kellhom jitħallsu allowances tal-qgħad lill-impjegati preċedenti ta’ NCHZ kif ukoll lil dawk ta’ kumpanniji oħra affettwati direttament mill-istralċ u li l-ammont totali ta’ dawn il-pagamenti kellu jkun ogħla b’mod sinjifikattiv mill-ammont tal-allegata għajnuna. Issa, jekk tali allowances kellhom jitħallsu, dawn ma kinux jitħallsu lil NCHZ iżda lil impjegati, li xi wħud minnhom jaħdmu f’kumpanniji oħra barra minn NCHZ. Għalhekk, il-fatt li l-Istat Slovakk jista’ jsir debitur fir-rigward ta’ impjegati preċedenti ta’ NCHZ jew ta’ kumpanniji oħra ma jistax jiġi kkunsidrat meta jitqies l-aġir tiegħu bħala kreditur ta’ NCHZ. Hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tammetti li l-Istat Slovakk seta’, dak iż-żmien, ikun avvantaġġat bħala l-awtorità pubblika responsabbli għall-benefiċċji tal-qgħad fir-rigward ta’ dawk li kienu impjegati, iżda mhux l-Istat Slovakk bħala kreditur ta’ NCHZ, li jagħmel iċ-ċifri li hija ddikjarat irrilevanti, bis-suppożizzjoni li dawn huma korretti. F’dan ir-rigward, għandu jiġi fil-fatt kkonstatat li r-raġunament tar-rikorrenti huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet, kemm fir-rigward tan-numru ta’ impjegati li setgħu kienu kkonċernati u kemm fir-rigward tal-kwantifikazzjoni mwettqa.

94      Konsegwentement, jekk wieħed jassumi li l-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq huwa applikabbli fil-każ preżenti, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ ssodisfat dan il-kriterju għandha tiġi miċħuda.

c)      Fuq l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti dwar l-identiċità tas-sitwazzjoni jekk NCHZ kienet tkun suġġetta għar-regoli ordinarji dwar falliment

95      Ir-rikorrenti ssostni, fuq il-bażi ta’ numru ta’ elementi fattwali, li l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Falliment lil NCHZ kienet twassal għall-istess sitwazzjoni bħal dik maħluqa mill-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal din il-kumpannija, li għalhekk ma bbenefikat minn l-ebda vantaġġ supplimentari fil-kuntest taż-żamma tal-attività tagħha imposta mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi.

1)      Fuq l-allegazzjoni li l-ewwel amministratur kien favorevoli għat-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi

96      Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, fl‑14 ta’ Ottubru 2009, u għalhekk qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, l-ewwel amministratur ta l-opinjoni favorevoli tiegħu għat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ. Sabiex issostni din id-dikjarazzjoni, ir-rikorrenti tirreferi għal dikjarazzjoni li ttieħdet minn aġenzija tal-istampa. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li dan kien iktar dikjarazzjoni ta’ intenzjoni milli deċiżjoni li tista’ torbot lill-ewwel amministratur, peress li dan kien indika li “[kien ser jagħmel] dak kollu li huwa possibbli sabiex tinżamm bħala impriża operattiva”. Barra minn hekk, issemma l-fatt li dan l-amministratur kien għad kellu jipprovdi lill-Ministru Slovakk ikkonċernat b’analiżi ekonomika tal-preservazzjoni tat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, li ġiet ippreżentata fis‑26 ta’ Ottubru 2009.

97      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tafferma li l-ewwel amministratur kien ikkunsidra li l-kundizzjonijiet legali għat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ kienu ġew issodisfatti, hekk kif kien spjegat fid-diskors tiegħu lill-impjegati ta’ NCHZ f’laqgħa li saret fl‑20 ta’ Ottubru 2009. Madankollu, ir-rikorrenti tikkwota biss parti minn dan id-diskors. F’dan tal-aħħar, l-ewwel amministratur għamel riferiment għall-fatt li l-evalwazzjoni inizjali kienet wasslitu sabiex jikkonkludi li l-valur ta’ NCHZ bħala kumpannija operattiva kien ogħla b’mod sinjifikattiv milli kieku l-assi kienu b’xi mod ieħor mibjugħa. Madankollu huwa żied jgħid ukoll li raġuni oħra, u mhux inqas importanti, wara d-deċiżjoni tiegħu li jitkompla l-operat kienet l-importanza ekonomika u soċjali tal-entità taħt proċedura ta’ falliment għar-reġjun kollu kkonċernat, u mhux biss għan-“numru żgħir” ta’ impjegati ta’ NCHZ, iżda wkoll għall-familji tagħhom. Dawn iż-żewġ raġunijiet, jiġifieri l-valur ekonomiku ta’ NCHZ u l-impatt soċjali, huma inklużi wkoll fid-diskors tiegħu. It-tieni raġuni msemmija hija dik invokata fil-kuntest tal-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Għaldaqstant, id-deċiżjoni tal-ewwel amministratur ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li kienet marbuta biss mal-analiżi tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ.

98      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti invokat l-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009. Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li dak li r-rikorrenti tikklassifika bħala analiżi hija preżentazzjoni li tinkludi grafika ta’ listi ta’ kunsiderazzjonijiet sommarji dwar ir-riżultati ekonomiċi għall-perijodu minn Jannar sa Novembru 2009, il-miżuri ekonomiċi tal-ewwel amministratur għar-raba’ trimestru tal‑2009, il-pjan ekonomiku għall‑2010 kif ukoll parti konklużiva fi tliet punti.

99      L-ewwel nett, filwaqt li r-rikorrenti ssostni li l-parti l-kbira tal-miżuri msemmija fl-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009 kienu bbażati fuq żviluppi tas-suq jew fuq negozjati ma’ partijiet privati, dan bl-ebda mod ma jidher mid-dokument ikkomunikat. Barra minn hekk, hekk kif tissottometti minn qabel il-Kummissjoni, għandu jiġi nnotat li ċerti miżuri, bħal tnaqqis fit-taxxa, jinvolvu intervent mill-awtoritajiet pubbliċi.

100    It-tieni nett, fl-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009, l-ewwel amministratur ikkonkluda, hekk kif sostnut mir-rikorrenti, li kien meħtieġ li NCHZ tinżamm attiva sabiex tinbiegħ bħala impriża operattiva u b’hekk tissodisfa kemm jista’ jkun il-kredituri ta’ NCHZ. Madankollu, huwa żied jgħid li huwa “[kien ser] jiżgura b’mod strett li l-ebda obbligu pendenti inerenti għall-operat tal-kumpannija ma [jinqalgħu] waqt l-operat ta’ [NCHZ]”. Għaldaqstant, anki jekk l-ewwel amministratur qies f’Ottubru 2009 li d-deċiżjoni li jitkomplew l-attivitajiet ta’ NCHZ kienet l-aħjar soluzzjoni, dan ma jfissirx li dik id-deċiżjoni ma kinitx ser tinbidel fid-dawl tal-iżvilupp fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ fl‑2010.

101    It-tielet nett, filwaqt li r-rikorrenti targumenta li l-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009 kienet sostnuta permezz taċ-ċifri tal-produzzjoni u l-ordnijiet il-ġodda minn Settembru sa Novembru 2009, li allegatament urew li NCHZ kienet għadha operattiva, peress li dawn ir-riżultati kienu simili għal dawk miksuba matul it-tmien xhur preċedenti tas-sena 2009 u li kien hemm raġuni sabiex wieħed jemmen li l-attività tal-kumpannija tippermetti li tiġbed investituri, għandu jiġi nnotat li, minn naħa, l-importanza li jinżamm il-livell tal-ordnijiet li saru kienet limitata mit-tħabbira li ngħatat f’Ottubru 2009 tal-adozzjoni ta’ Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Barra minn hekk, mit-tieni risposta tal-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2013 jirriżulta li f’dak iż-żmien kien hemm xejra ’l isfel kemm fid-dħul mill-bejgħ kif ukoll f’ordnijiet ġodda. Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat purament fuq suppożizzjonijiet dwar l-eżistenza ta’ investituri futuri.

102    Minn dan isegwi li, anki li kieku kellu jiġi kkunsidrat li, lil hinn minn sempliċi dikjarazzjoni ta’ intenzjoni, l-ewwel amministratur kien esprima ruħu favur it-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, li l-Kummissjoni tidher li hija lesta tammetti, dan il-fatt ma jistax, fi kwalunkwe każ, jimplika li huwa neċessarjament kien ser iżomm dik il-fehma matul l-ewwel perijodu ta’ falliment kollu jew li l-amministratur kien ser isegwi dan.

2)      Fuq l-allegazzjoni li d-deċiżjoni inizjali tal-ewwel amministratur kienet ġiet ikkonfermata mill-kumitat kompetenti

103    Skont ir-rikorrenti, ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li l-kumitat kompetenti ma kienx jikkonferma d-deċiżjoni inizjali tal-ewwel amministratur. Hija ssostni li kien diġà ċar li fil-każ ta’ stralċ ta’ NCHZ, il-kredituri ta’ qabel il-falliment ma kienu ser jiksbu l-ebda rimbors u għalhekk ma kellhom xejn x’jitilfu meta vvotaw favur it-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija u li kemm il-kredituri preferenzjali kif ukoll il-kumitat tal-kredituri u l-qorti tal-falliment kienu favur it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ. Sabiex issostni l-argument tagħha, hija tinvoka l-analiżi ta’ Marzu 2014, li saret ex post fuq talba espliċita tal-Kummissjoni. Skont ir-rikorrenti, kien evidenti li l-ispejjeż ta’ dekontaminazzjoni tas-sit jammontaw għal miljuni ta’ euro u jingħataw prijorità fuq krediti ta’ qabel il-falliment. Barra minn hekk, hija tafferma li l-indikaturi ekonomiċi fl‑2009 kienu ċertament aħjar minn dawk fl‑2010 u li, jekk l-iżvilupp reali ta’ NCHZ ġie affettwat b’mod negattiv minn ċerti żviluppi tas-suq li seħħew fl‑2010, dawn ma setgħux jiġu antiċipati fi tmiem is-sena 2009. Barra minn hekk, hija ssostni li anki jekk iż-żamma tal-attività ta’ NCHZ ma kinitx fl-interess tal-kredituri pubbliċi mhux iggarantiti sussegwentement għall-falliment, dawn tal-aħħar ma kinux ikunu jistgħu jopponuha.

104    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq suppożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet, fis-sens li huwa bbażat fuq l-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009, li ma tistax titqies suffiċjenti (ara l-punti 98 sa 101 iktar ’il fuq), u ma ssemmi l-ebda analiżi li kienet seħħet matul l-ewwel perijodu ta’ falliment, bl-assenza ta’ tali analiżi ma kinitx sorprendenti, peress li, hekk kif indikat ir-rikorrenti stess (ara l-punt 91 iktar ’il fuq), irrispettivament mill-kontenut u l-eżitu ta’ analiżi, l-attività ta’ NCHZ kellha titkompla (premessa 80 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, fit-tielet risposta tagħhom lill-Kummissjoni tat‑13 ta’ Jannar 2014, l-awtoritajiet Slovakki indikaw li, anki jekk huma kkunsidraw li d-deċiżjonijiet meħuda sussegwentement setgħu jservu bħala indikatur ċar li l-kumitat kompetenti kien ser jiffavorixxi t-tkomplija tal-operat ta’ NCHZ, li finalment dan il-kumitat iddeċieda dwaru f’Diċembru 2009, dan ma kienx magħruf minnhom.

105    Fit-tieni lok, il-fatt li l-livell tal-prezzijiet tal-materja prima ewlenija u ta’ ċerti prodotti jistgħu jinbidlu b’mod sfavorevoli, hekk kif kien il-każ, dak li r-rikorrenti tindika fir-replika, huwa fattur li kellu jiġi kkunsidrat mill-amministratur fil-kariga u mill-kumitat kompetenti. Filwaqt li r-rikorrenti targumenta li dawn l-iżviluppi ma kinux prevedibbli meta l-ewwel amministratur iddeċieda dwar iż-żamma fl-attività ta’ NCHZ u ma setax ikun magħruf fl-aħħar tas-sena 2009, għandu madankollu jiġi nnotat li, fl-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009, iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u t-tnaqqis fil-prezz tal-prodotti ssemmew bħala raġunijiet li jiġġustifikaw ir-riżultati negattivi bejn Ġunju u Lulju 2009 u li, mill-inqas, il-kwistjoni tal-prezz tal-materja prima strateġika kienet ġiet indikata bħala fattur ta’ riskju għall-ġestjoni finanzjarja għar-raba’ trimestru tal‑2009.

106    Fit-tielet lok, anki meta jiġi kkunsidrat li kien magħruf sew li l-ispejjeż tad-dekontaminazzjoni fil-każ tat-tmiem tal-attività ta’ NCHZ kienu ser ikunu sinjifikattivi, jibqa’ l-fatt li l-kwistjoni kienet jekk l-amministratur fil-kariga u l-kumitat kompetenti, fosthom is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčin), kinux effettivament qiesu li t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ kienet is-soluzzjoni li kellha tittieħed. Issa, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq dan il-punt biss fuq suppożizzjonijiet.

107    L-ewwel nett, ma humiex magħrufa d-deċiżjonijiet tal-membri tal-kumitat kompetenti li kellhom jiġu trażmessi, għal deċiżjoni, konformement mal-Liġi dwar il-falliment, lis-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčin), jiġifieri dawk tal-kredituri preferenzjali u tal-kumitat tal-kredituri.

108    Fil-fatt, ma huwiex sinjifikattiv il-fatt li, skont ir-rikorrenti, il-Fond národného majetku Slovenskej Republiky (il-Fond tal-Patrimonju Nazzjonali tar-Repubblika Slovakka), li kien kreditur pubbliku ta’ qabel il-falliment, mhux iggarantit u preferenzjali, indika f’dikjarazzjoni annessa mal-ewwel risposta tal-awtoritajiet Slovakki lill-Kummissjoni tat‑2 ta’ Settembru 2013 li kien ser jivvota favur it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ. Id-dikjarazzjoni ta’ din l-entità tmur lura għal Lulju 2013, jiġifieri wara l-ewwel perijodu ta’ falliment.

109    Barra minn hekk, filwaqt li r-rikorrenti tafferma li l-kredituri ta’ qabel il-falliment ma jkollhom l-ebda riskju, hija madankollu tinjora l-fatt li jirriżulta mill-proċess li l-kredituri preferenzjali raw żieda fil-krediti tagħhom fl-ewwel perijodu ta’ falliment. Hija barra minn hekk tindika wkoll iċ-ċifri fiż-żieda fid-dejn tal-komun ta’ Nováky (is-Slovakkja) u tal-Environmentálny fond (il-Fond Ambjentali, is-Slovakkja) diġà sa minn tmiem is-sena 2009, b’dawn iċ-ċifri jirriżultaw ukoll mill-proċess. Għaldaqstant, ma huwiex korrett li wieħed jikkunsidra, mingħajr analiżi iktar sostanzjata, li s-sitwazzjoni ta’ dawn il-kredituri kienet daqshekk ċara li setgħu jivvutaw biss għat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ.

110    Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-kumitat tal-kredituri kien kompost minn ħames kredituri privati, kollha mhux iggarantiti, li kienu kollha kredituri privati, li kienu vvotaw favur it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ fil‑11 ta’ Jannar 2010. Għandu jiġi kkonstatat li tali deċiżjoni, fil‑11 ta’ Jannar 2010, ma tistax tkun sinjifikattiva, minħabba li NCHZ diġà kienet suġġetta għad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Għaldaqstant, ma huwiex biss il-fatt li dan il-vot seta’ jkollu biss valur simboliku, iżda li barra minn hekk dan seta’ jiġi influwenzat mill-fatt li din il-liġi kienet tapplika. Barra minn hekk, ma hemm l-ebda ċertezza jew indikazzjoni li dan il-vot kien ser jiġi repetut bl-istess mod meta s-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ marret għall-agħar matul l-ewwel perijodu ta’ falliment, fl‑2010.

111    It-tieni nett, peress li s-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčin) kellha tieħu pożizzjoni wara l-kumitat tal-kredituri u l-kredituri preferenzjali, ma hemm l-ebda ċertezza dwar id-deċiżjoni tagħha, u għalhekk ir-rikorrenti ssostni biss, bħala tweġiba għal argument tal-Kummissjoni, li kienet ser tordna t-tkomplija tal-attività, kif għamlet fl‑2011.

112    It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li, anki jekk iż-żamma tal-attività ta’ NCHZ ma kinitx fl-interess tal-kredituri pubbliċi ta’ wara l-falliment, inkluża l-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali u l-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-mard, li kellhom madwar 83 % tal-obbligi mhux imħallsa totali tal-kredituri pubbliċi mnissla wara l-falliment, dawn il-kredituri ma kinux ikunu jistgħu jopponuha. Hija żżid li, anki kieku l-kredituri kollha kienu intitolati jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ – quod non – l-oppożizzjoni tagħhom ma setgħetx tinfluwenza d-deċiżjoni finali, peress li l-livell totali tal-obbligi ta’ wara l-falliment kien jammonta għal EUR 8.5 miljun fi tmiem is-sena 2009 u l-krediti miżmuma mill-kredituri pubbliċi kienu jirrappreżentaw inqas minn 9 % ta’ dak l-ammont.

113    Huwa minnu li ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Falliment, u b’mod partikolari mill-Artikolu 83(4) ta’ din il-liġi, li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, il-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali tista’ tintervjeni fid-deċiżjoni ta’ tkomplija tal-operat ta’ NCHZ quddiem is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, AlzChem vs Il‑Kummissjoni, T‑284/15, EU:T:2018:950, punt 151 (mhux ippubblikata)).

114    Madankollu, jekk wieħed jassumi li ċ-ċifri kollha mressqa mir-rikorrenti jseħħu, għandu jiġi rrilevat li l-amministratur fil-kariga kellu r-responsabbiltà li jħallas il-krediti ta’ wara l-falliment. Issa, il-fatt li d-djun ta’ NCHZ tħallew jiżdiedu matul l-ewwel perijodu ta’ falliment kien kuntrarju għal dan l-obbligu. Għandu jiġi enfasizzat, bħal kif tagħmel il-Kummissjoni, li filwaqt li huwa minnu li entità taħt proċedura ta’ falliment tista’ effettivament tibqa’ topera anki meta tiġġenera t-telf, l-ewwel amministratur kien indika espressament li kien ser jagħmel dan b’mod li jiżgura li tali sitwazzjoni ma sseħħx (ara l-punt 100 iktar ’il fuq).

115    Barra minn hekk, id-dikjarazzjoni tar-rikorrenti tistrieħ fuq il-preżunzjoni li l-kumitat kompetenti ma eżaminax, jew kien ikkunsidra bħala irrilevanti, il-prospetti possibbli, fi tmiem is-sena 2009, ta’ żieda fil-krediti pubbliċi matul is-sena 2010 fil-każ ta’ deċiżjoni ta’ tkomplija tal-attività ta’ NCHZ. Matul is-seduta, bħala tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ammettiet li fil-każ ta’ ammont ta’ djun ta’ wara l-falliment sinjifikattiv ħafna matul it-tkomplija tal-operat, il-kredituri ta’ qabel il-falliment kienu jkunu l-ewwel li javviċinaw lill-amministratur sabiex jitolbu t-tmiem tal-attività, bil-ħsieb li jinżamm kwalunkwe prospett possibbli ta’ rkupru tal-ammont tal-krediti tagħhom.

116    Fir-raba’ lok, ma jistax jintlaqa’ l-argument tar-rikorrenti li permezz tiegħu jikkontesta l-fatt li, għalkemm il-Kummissjoni ma tefgħetx dubju dwar l-eżattezza tal-analiżi ta’ Marzu 2014, li hija stess kienet talbet lill-awtoritajiet Slovakki sabiex jipprovdu, hija ma kinitx aċċettata bħala prova, peress li qieset din bħala qasira ħafna, ipotetika u ex post (premessa 87 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Minn naħa, kuntrarjament għal dak li tafferma r-rikorrenti, l-analiżi ta’ Marzu 2014 hija talinqas mhux kompluta. Fil-fatt, kien importanti li wieħed ikun jaf l-ispejjeż potenzjali tat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ għall-kredituri ta’ qabel il-falliment li jista’ jkollhom ukoll krediti ta’ wara l-falliment (ara l-punt 109 iktar ’il fuq). Issa, l-analiżi ma tagħti l-ebda indikazzjoni f’dan ir-rigward.

118    Min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti li jikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura ipotetika tal-analiżi ta’ Marzu 2014 u l-assenza ta’ rilevanza ta’ analiżi ex post ma jistgħux jintlaqgħu.

119    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li l-Kummissjoni twarrab fid-deċiżjoni kkontestata l-provi billi teċċepixxi n-natura ex post tagħhom, mingħajr ma tipprovdi spjegazzjoni sinjifikattiva, ħlief għal riferiment għall-ġurisprudenza f’nota ta’ qiegħ il-paġna iżolata, filwaqt li din il-ġurisprudenza ma ssostnix l-argument tal-Kummissjoni dwar in-nuqqas ta’ rilevanza tal-analiżi ex post. Skont ir-rikorrenti, l-affidabbiltà tal-analiżi ta’ Marzu 2014 kienet partikolarment għolja, peress li l-fatturi ewlenin tal-ispejjeż dovuti għall-istralċ ta’ NCHZ kienu marbuta man-natura tal-attività ta’ din il-kumpannija u mal-impenji tal-industrija tal-kimika u ma setgħux ġew affettwati minn kwalunkwe bidla fis-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ matul il-falliment. Il-Kummissjoni ma kkontestatx il-fatti u ċ-ċifri inkwistjoni. Barra minn hekk, f’dan it-tip ta’ sitwazzjoni, l-analiżi ex post hija permessa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ Marzu 2007, Scott vs Il‑Kummissjoni, T‑366/00, EU:T:2007:99, punti 136 sa 138).
Barra minn hekk, bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, l-amministratur fil-kariga ma setax iwettaq analiżi eżawrjenti f’dak iż-żmien, li tiddistingwi s-sitwazzjoni ta’ NCHZ minn dik li tat lok għall-ġurisprudenza msemmija mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 13 tad-deċiżjoni kkontestata. Skont ir-rikorrenti, huwa importanti li ssir distinzjoni preċiża bejn il-kriterju introdott fis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579) u dak tal-operatur f’ekonomija tas-suq. Peress li, fil-kuntest tal-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq, ikun dubjuż jekk analiżi ex post tkunx rilevanti f’ċerti ċirkustanzi, l-analiżi meħtieġa minn dik is-sentenza, li tikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk NCHZ kinitx kompliet l-attività tagħha, inkluż fil-każ fejn ir-regoli ordinarji dwar falliment kinux applikati fil-konfront tagħha, kien jeħtieġ analiżi ipotetika ex post. Fuq il-bażi tal-kriterju introdott f’din is-sentenza, ikun xieraq li jiġi evalwat dak li, x’aktarx, ikun seħħ kieku l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma kinitx teżisti.

120    Huwa importanti li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-punt 36 tas-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579), ma jistabbilixxix rekwiżit għal “analiżi kontrofattwali ipotetika”, iżda jfittex li jwieġeb l-argument tal-Kummissjoni, imressaq fil-kawża li ta lok għal dik is-sentenza, li t-tnaqqis fil-profitti bħala riżultat tal-miżura kontenzjuża jista’ jirriżulta f’telf ta’ riżorsi fiskali għall-Istat, li kien jimplika trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat minn din il-miżura. Barra minn hekk, l-ebda punt ieħor ta’ din is-sentenza ma jistabbilixxi r-rekwiżit ta’ “analiżi kontrofattwali ipotetika”.

121    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar in-natura ex post tal-analiżi ta’ Marzu 2014 u l-assenza ta’ rilevanza tagħha, huwa innegabbli li, mingħajr l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ, minn naħa, l-ostaklu għat-tkeċċijiet kollettivi ma kienx jiġi impost u, min-naħa l-oħra, it-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija kellha tkun deċiża mill-kumitat kompetenti u ma kinitx awtomatika. F’dan ir-rigward, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-fatt li tiġi pparagunata s-sitwazzjoni li seħħet bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ u s-sitwazzjoni li kienet isseħħ li kieku NCHZ kienet ġiet suġġetta għar-regoli ordinarji dwar falliment, tista’ tkun ibbażata biss fuq analiżi bbażata fuq l-għarfien tas-sitwazzjoni u d-data eżistenti fil-mument meta d-deċiżjoni dwar it-tkomplija possibbli tal-attività ta’ NCHZ kellha tittieħed u li kienet ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika” (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Ecotrade, C‑200/97, EU:C:1998:378, punt 24).

122    Issa, ir-rikorrenti ma ssostnix li l-analiżi ta’ Marzu 2014 saret fuq il-bażi ta’ data kontemporanja għall-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika”. Fil-fatt, jirriżulta wkoll minn din l-analiżi, prodotta mir-rikorrenti, li l-amministratur ma ħejjiex dik l-analiżi abbażi tad-data disponibbli fl‑2009, iżda li uża d-data minn Diċembru 2010 sabiex jiġi stabbilit jekk dik id-data setgħetx tkun valida f’Diċembru 2009, u eżaminaha mill-ġdid biss sabiex jikkunsidra jekk xi wħud minnha kinitx irrilevanti għall-fattur taż-żmien. Huwa enfasizza wkoll l-eżistenza ta’ diffikultajiet marbuta mal-ġbir tad-data kontemporanja sa Diċembru 2009.

123    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li huwa ċert li l-analiżi ta’ Marzu 2014 tikkorrispondi mal-analiżi tas-sitwazzjoni ta’ NCHZ li setgħet titwettaq li kieku din il-kumpannija ma kinitx ġiet ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika”. Għalhekk, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata li l-analiżi ta’ Marzu 2014 kienet irrilevanti, peress li kienet ipotetika u ex post, trid titqies bħala mhux żbaljata.

124    Fil-ħames lok, skont ir-rikorrenti, ma hemm l-ebda prova li turi li stralċ immedjat ta’ NCHZ kienet tkun ta’ interess. Insostenn ta’ dan l-argument, hija ssostni li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma eżaminatx il-kontenut tal-provi prodotti matul il-proċedura ta’ investigazzjoni formali, u wriet xettiċiżmu ġenerali u arbitrarju lejhom (premessi 83, 84 u 87 tad-deċiżjoni kkontestata), mingħajr ma pprovdiet ebda prova li ssostni l-fehma tagħha li l-kumitat kompetenti ma kienx jaċċetta li l-attività ta’ NCHZ titkompla. Il-Kummissjoni ma kkontestatx iċ-ċifri u d-data ppreżentata mill-awtoritajiet Slovakki, u għalhekk manifestament ammettiet li kienu korretti.

125    F’dan ir-rigward, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, għandu jiġi kkunsidrat li huwa l-Istat Membru kkonċernat, f’dan il-każ ir-Repubblika Slovakka, u mhux il-Kummissjoni, li għandu juri li s-sitwazzjoni kienet tkun l-istess kieku r-regoli ordinarji dwar falliment, u mhux il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, kienu ġew applikati għal NCHZ. Issa, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni esponiet ir-raġunijiet li għalihom hija ma aċċettatx id-data kkomunikata għal dan il-għan (ara l-punti 98 sa 101 u 116 sa 123 iktar ’il fuq) u għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, hija ma aċċettatx li ċ-ċifri u d-data mressqa mill-gvern Slovakk kienu eżatti.
Konsegwentement, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li ma hemm l-ebda prova li turi li stralċ immedjat kien ikun ta’ interess għandha tiġi miċħuda.

126    Barra minn hekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 91 iktar ’il fuq, l-assenza ta’ studju suffiċjenti u kontemporanju tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ li eżamina t-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija fid-dawl tal-interess tal-kredituri pubbliċi jiġġustifika l-fatt li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma kien hemm l-ebda ħtieġa li l-Kummissjoni twieġeb, fid-deċiżjoni kkontestata, għall-argumenti mressqa mill-Istat Slovakk rigward l-ispejjeż li kienu jirriżultaw mill-istralċ ta’ NCHZ lill-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali u li kienu bbażati fuq l-analiżi ta’ Marzu 2014.

127    Għaldaqstant, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jistax jiġi konkluż li ma hemm l-ebda raġuni sabiex wieħed jemmen li l-kumitat kompetenti ma kienx jikkonferma d-deċiżjoni inizjali tal-ewwel amministratur.

128    Barra minn hekk, għandu jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti, ippreżentat bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni u li jgħid li d-deċiżjoni li titkompla l-attività ta’ NCHZ xorta kienet tittieħed u bl-ebda mod ma tmur kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Slovakk li japplika għal NCHZ il-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. Fil-fehma tagha, din id-deċiżjoni tal-aħħar trid titqies fid-dawl tal-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja kienet fl-aqwa tagħha u billi qieset li, taħt l-influwenza ta’ biża’ u forsi fid-dawl tal-elezzjonijiet tal‑2010 li kienu qegħdin joqorbu, dan il-gvern aġixxa b’mod proattiv, mingħajr ma kellu informazzjoni konkreta dwar is-sitwazzjoni reali ta’ NCHZ u mingħajr ma l-ewwel amministratur talab kwalunkwe intervent mill-Istat Slovakk.

129    Dan l-argument tar-rikorrenti ma huwiex konvinċenti, peress li huwa bbażat fuq il-premessa li l-Istat Slovakk adotta liġi u ddeċieda li japplikaha għal kumpannija waħda mingħajr ma jkollu ebda informazzjoni konkreta dwar is-sitwazzjoni ta’ din. Issa, għandu jitfakkar li l-ewwel amministratur kellu jipprovdi informazzjoni lill-awtoritajiet Slovakki, ħaġa li huwa għamel bl-analiżi tas‑26 ta’ Ottubru 2009 (ara l-punt 96 iktar ’il fuq). Jekk is-sens tad-deċiżjoni li kellu jieħu l-kumitat kompetenti kien hekk ċert hekk kif sostnut mr-rikorrenti, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex l-awtoritajiet Slovakki jiddubitaw li NCHZ ser tinżamm operattiva. Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tħassib fid-dawl tal-elezzjonijiet, invokat mir-rikorrenti, pjuttost turi li deċiżjoni oħra, jiġifieri l-istralċ ta’ NCHZ, kienet kapaċi tittieħed mill-kumitat kompetenti, fid-dawl tas-sitwazzjoni ekonomika ta’ NCHZ u l-perspettivi tal-iżvilupp futur tagħha.

130    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li jekk NCHZ kienet suġġetta għar-regoli ordinarji dwar falliment, id-deċiżjoni tal-amministratur fil-kariga kienet tkun ikkonfermata mill-kumitat kompetenti, li mbagħad kien jiddeċiedi t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ NCHZ, trid tiġi miċħuda.

3)      Fuq l-allegazzjoni li deċiżjoni tal-kumitat kompetenti kienet tagħti l-istess sigurtà lill-klijenti u lill-fornituri bħal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi

131    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, deċiżjoni tal-kumitat kompetenti kienet tagħti l-istess sigurtà lill-klijenti u lill-fornituri bħal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija ssostni li anki jekk dawn id-dikjarazzjonijiet kienu korretti – quod non –, din is-sigurtà ma kienx ikollha impatt fuq il-grad ta’ probabbiltà u l-ammont tas-sald (parzjali) tad-djun ta’ NCHZ ħlief fil-każ ta’ tkomplija tal-operat tal-kumpannija, u mhux fil-każ ta’ stralċ immedjat tagħha. Ir-rikorrenti tikkontesta wkoll l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li l-eżistenza ta’ garanzija aħjar, mogħtija lill-klijenti u lill-fornituri permezz tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, li NCHZ ser tkompli l-attività tagħha mill-inqas sal-iskadenza tal-imsemmija liġi tintwera mill-fatt li, minkejja l-applikazzjoni ta’ din il-liġi, NCHZ tilfet klijenti fl‑2009 u fl‑2010 (premessi 85 u 86 tad-deċiżjoni kkontestata).

132    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-ewwel miżura tat lil NCHZ kif ukoll lil terzi, b’mod partikolari lill-klijenti tagħha u lill-fornituri tagħha, iċ-ċertezza tat-tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija, filwaqt li t-tkomplija tal-operat ta’ kumpannija taħt proċedura ta’ falliment qatt ma tkun iggarantita taħt kundizzjonijiet normali ta’ falliment, u għalhekk kienet tat lil NCHZ trattament preferenzjali fuq il-kompetituri tagħha f’sitwazzjoni simili (premessi 78, 85, 89 u 90 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li, minkejja t-tarka introdotta bl-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, NCHZ kienet tilfet xi klijenti fl‑2009 u fl‑2010, kif muri mill-analiżi ekonomika tal-amministratur imħejji wara l-iskadenza ta’ din il-liġi (premesa 86 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkunsidrat li, “li kieku [din] il-liġi ma ġietx applikata għal NCHZ, din tal-aħħar kienet tiffaċċja konsegwenzi negattivi oħra (bħal pereżempju t-tluq tal-klijenti lejin fornituri iktar sikuri), li kienu jżidu b’mod sinjifikattiv ir-riskju li f’dan l-istadju l-kredituri jagħżlu li ma titkomplix l-attività [tal-kumpannija]” (premessa 88 tad-deċiżjoni kkontestata).

133    Għalhekk jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni mhux biss qieset is-sitwazzjoni fiż-żmien meta NCHZ kienet suġġetta għall-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, iżda semgħet li d-deċiżjoni li jitwaqqaf l-operat ta’ NCHZ setgħet tittieħed matul is-sena 2010, meta din il-liġi pproduċiet l-effetti tagħha matul l-ewwel perijodu kollu tal-falliment, jiġifieri ftit iktar minn sena, billi ffriżat is-sitwazzjoni matul dan il-perijodu kollu. Ir-rikorrenti tenfasizza hija stess li, meta tfalli l-istrateġija tal-amministratur tal-falliment, il-kumitat kompetenti għandu jiġi kkonvokat konformement mal-Artikolu 88(2) tal-Liġi dwar il-Falliment.

134    L-argument tar-rikorrenti ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-kredituri ta’ qabel il-falliment, b’mod partikolari dawk pubbliċi, setgħu jaraw żieda fil-krediti ta’ wara l-falliment tagħhom matul it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ fl-ewwel perijodu ta’ falliment u li, għalhekk, jekk l-operat ta’ NCHZ kien jitkompla, l-interess tagħhom kien li NCHZ setgħet tagħmel profitt sabiex il-krediti ta’ wara l-falliment tagħhom jitħallsu, inkella kien jirriżulta f’telf addizzjonali, li għandu jiżdied mal-krediti ta’ qabel il-falliment. Hekk kif indikat il-Kummissjoni (premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata), f’sitwazzjoni fejn jitilqu klijenti jew fornituri, dawn il-kredituri setgħu jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom matul is-sena 2010 li kieku NCHZ kienet tqiegħdet taħt ir-regoli ordinarji dwar falliment. Barra minn hekk, anki dawk il-kredituri ta’ qabel il-falliment biss setgħu talbu biex titwaqqaf l-attività ta’ NCHZ (ara l-punt 115 iktar ’il fuq).

135    Issa, jekk, kif issostni r-rikorrenti, l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma tiggarantixxix it-twettiq effettiv tal-provvisti, hija tiżgura li l-persunal inżamm, bħala riżultat tal-ostakolu għat-tkeċċijiet kollettivi, u żgurat b’mod partikolari lill-klijenti u lill-fornituri li l-attività ta’ NCHZ titkompla għall-inqas sal-iskadenza tal-imsemmija liġi, irrispettivament mill-krediti mhux imħallsa b’mod partikolari dawk pubbliċi.

136    Ir-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda prova li turi kif deċiżjoni tal-kumitat kompetenti kienet tagħti l-istess ċertezza lil terzi, billi tirrikjedi t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ għal perijodu ekwivalenti għat-tul tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi. B’mod partikolari, ma huwiex allegat li, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Liġi dwar il-Falliment, kien ikun possibbli għall-kumitat kompetenti, jew anki previst minn dan tal-aħħar, li jiffissa tali tul ta’ żmien għat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ. Fil-fatt, ir-rikorrenti tafferma biss li, fid-dawl tat-tul ta’ żmien tat-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ matul it-tieni perijodu ta’ falliment, jista’ jiġi preżunt li t-tul ta’ deċiżjoni tal-kumitat kompetenti sabiex ikompli l-attività ta’ NCHZ fl-aħħar trimestru tas-sena 2009 seta’ kien ekwivalenti.

137    Barra minn hekk, fir-rigward tat-telf ta’ klijenti fl‑2009 u fl‑2010, imsemmija mill-Kummissjoni fil-premessa 86 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti sempliċement tinvoka stabbiltà fi tmiem tas-sena 2009. Issa, jirriżulta mill-proċess li f’dak iż-żmien kien hemm pjuttost tendenza ta’ tnaqqis fid-dħul mill-bejgħ u f’ordnijiet ġodda (ara l-punt 101 iktar ’il fuq). Konsegwentement, ma kienx ċert li l-allegata stabbiltà invokata mir-rikorrenti setgħet tibqa’ teżisti matul l-ewwel perijodu ta’ falliment fil-każ ta’ applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment.

138    Fit-tieni lok, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li s-sitwazzjoni ta’ NCHZ matul il-perijodu bejn id-dikjarazzjoni ta’ falliment u l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, segwita mill-applikazzjoni tagħha għal NCHZ, kienet kemxejn imfixkla mill-informazzjoni fid-dominju pubbliku li b’mod ċar indikat li soluzzjoni leġiżlattiva kienet fil-proċess li tiġi mfassla, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Kummissjoni tirreferi għal numru ta’ dikjarazzjonijiet, dawn kollha kienu saru fl-istess ġurnata, is‑26 ta’ Ottubru 2009, meta l-Ministru għall-Ekonomija Slovakk żar is-sit ta’ NCHZ. Skont ir-rikorrenti, peress li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi saru biss għaxart ijiem qabel l-adozzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, l-effett tagħhom kien limitat għall-perijodu qabel din l-adozzjoni, filwaqt li l-ewwel xahrejn wara li NCHZ kienet ippreżentat il-karta tal-bilanċ kienu determinanti sabiex jiżguraw is-suċċess tal-operat kontinwu tagħha matul il-proċedura ta’ falliment, minħabba li l-amministrazzjoni ta’ NCHZ u l-ewwel amministratur kellhom jidħlu f’diversi negozjati mal-klijenti u l-fornituri ewlenin. Id-dikjarazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq pjuttost huma prova solida tal-fatt li l-finanzi ta’ NCHZ kienu sodi matul il-proċedura ta’ falliment.

139    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, għandu jiġi kkunsidrat li, hekk kif il-Kummissjoni ssostni, anki kieku NCHZ kienet implimentat strateġija ta’ komunikazzjoni tajba, din ma setgħetx tiggarantixxi ż-żamma tar-relazzjonijiet kummerċjali tal-kumpannija. Sussegwentement, diġà ġie indikat li l-ewwel amministratur kien indika l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dak kollu fis-setgħa tiegħu biex iżomm NCHZ attiva. Fl-aħħar nett, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, jirriżulta mill-ewwel artikolu ċċitat mill-Kummissjoni, ippubblikat fis‑26 ta’ Ottubru 2009, li l-kelliem tal-Ministeru għall-Ekonomija Slovakka kien iddikjara lill-istampa li kienet qiegħda titfassal liġi dwar il-kumpanniji strateġiċi u li dan il-fatt waħdu diġà kien żgura lill-kredituri ta’ NCHZ. Fl-istess artikolu, huwa indikat li l-Ministru għall-Ekonomija Slovakka kien enfasizza fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu li l-imsemmija liġi għandha tirrappreżenta ċerta garanzija għall-fornituri sabiex ma jitilfux il-krediti tagħhom. Barra minn hekk, jirriżulta mit-tieni artikolu ċċitat mill-Kummissjoni, ippubblikat fis‑26 ta’ Ottubru 2009, li, fl-istess ġurnata, waqt iż-żjara tiegħu għand NCHZ, il-Ministru għall-Ekonomija Slovakk kien ippreżenta liġi dwar il-kumpanniji strateġiċi, li kienet fil-proċess li tiġi mfassla u li għandha tgħin lil dik il-kumpannija u toħloq garanziji għall-kredituri tagħha.

140    Għaldaqstant, l-allegazzjoni tar-rikorrenti li deċiżjoni tal-kumitat kompetenti kienet tagħti l-istess sigurtà lill-klijenti u lill-fornituri bħal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għandha tiġi miċħuda.

4)      Fuq l-allegazzjoni li NCHZ ma bbenefikat minn l-ebda vantaġġ supplimentari fil-kuntest taż-żamma tal-attività tagħha impost mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi

141    Fir-replika, bi tweġiba għall-argument tal-Kummissjoni li t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ li wassal għal telf x’aktarx li kellu impatt fuq il-prijorità tad-djun tal-kredituri, peress li forsi rriżulta fir-rinunzja de facto tal-Istat għall-krediti tiegħu, ir-rikorrenti jsostni li, matul l-ewwel perijodu ta’ falliment, l-amministratur fil-kariga kien meħtieġ japplika wkoll ir-regoli dwar il-falliment li normalment jiġu applikati u, meta kumpannija taħt proċedura ta’ falliment topera bil-ħsieb li tinbiegħ fuq il-bażi ta’ kontinwazzjoni tal-attività, din hija kwistjoni li tiffavorixxi lill-kredituri li għandhom krediti li jirriżultaw sa minn qabel il-falliment, irrispettivament mill-istatus pubbliku jew privat tagħhom. Għalhekk, NCHZ ma kinitx ibbenefikat minn xi vantaġġ supplimentari fil-kuntest taż-żamma tal-operat previst mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi.

142    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

143    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma tistax issostni b’mod validu li d-djun mhux imħallsa ma kinux ir-riżultat tal-implimentazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, iżda pjuttost, essenzjalment, ta’ operazzjoni normali matul falliment. Fil-fatt, tali argument jimplika li impriża taħt proċedura ta’ falliment neċessarjament qiegħda tiġi operata b’telf. Issa, skont l-Artikolu 88(2) tal-Liġi dwar il-Falliment, f’każ bħal dan, kemm jekk fil-bidu tal-ewwel perijodu ta’ falliment jew matul dak il-perijodu, l-amministratur fil-kariga kien obbligat jirrikorri għand il-kumitat kompetenti sabiex jikseb struzzjonijiet dwar it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, peress li l-Liġi dwar il-Falliment tqis qabel kollox l-interessi tal-kredituri. Il-kredituri ta’ qabel il-falliment jistgħu wkoll jiġbdu l-attenzjoni tal-amministratur f’dan ir-rigward (ara l-punt 115 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, fil-kuntest tal-applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment, kien hemm possibbiltajiet sabiex jiġi limitat operat b’telf, li kien eskluż mill-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi.

144    Fit-tieni lok, minħabba t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ imposta mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, din il-kumpannija kellha tonora d-djun tagħha marbuta mal-produzzjoni, li, fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha, jista’ jkollha biss impatt negattiv fuq, b’mod partikolari, is-sald tad-djun tagħha lejn iż-żewġ entitajiet pubbliċi, jiġifieri l-kumpanniji tal-assigurazzjoni soċjali u tal-assigurazzjoni tal-mard.

145    Barra minn hekk, f’dan il-kuntest, l-ostaklu għat-tkeċċijiet kollettivi, impost ukoll mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi, aggrava s-sitwazzjoni. Fil-fatt, hekk kif indikat ir-rikorrenti, li kieku NCHZ kienet suġġetta għar-regoli ordinarji dwar falliment, it-tkeċċijiet kollettivi kienu jiġu deċiżi fil-bidu tal-falliment u mhux, kif kien il-każ, fl‑2011. Ir-rikorrenti targumenta li l-ispejjeż ta’ NCHZ kienu jitnaqqsu b’mod sinjifikattiv u li r-realtà kienet tkun differenti, peress li, minħabba li NCHZ ma kellhiex dik l-opportunità, din il-kumpannija kellha ssostni spejjeż supplimentari li kienu kważi mhux meħtieġa, li parti sinjifikattiva ta’ dawn l-ispejjeż tikkorrispondi għal ħlasijiet lil kumpanniji tal-assigurazzjoni soċjali u tal-assigurazzjoni tal-mard. Hija madankollu tonqos milli tosserva li NCHZ ma setgħetx tassumi dawn id-djun kollha u li d-djun fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ entitajiet pubbliċi żdiedu, filwaqt li, fl-istess ħin, NCHZ żammet l-impjegati tagħha għall-finijiet tat-tkomplija tal-attività tagħha. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li l-projbizzjoni tat-tkeċċijiet kollettivi ma kinitx tikkostitwixxi vantaġġ ekonomiku għal NCHZ ma jistax jintlaqa’ u, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, dan l-ostaklu wassal għal piż addizzjonali għall-kredituri pubbliċi, b’rabta ma’ dak li kien ikun il-każ fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment.

146    Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi tat vantaġġ ekonomiku biss lill-Istat Slovakk kien diġà indirizzat, minħabba li kieku NCHZ kienet keċċiet dawn l-impjegati iktar kmieni, dan l-Istat kien ikollu jġorr il-parti l-kbira ta’ dawn l-ispejjeż fil-forma ta’ benefiċċji tal-qgħad u trasferimenti soċjali oħra (ara l-punt 93 iktar ’il fuq).

147    Konsegwentement, l-allegazzjoni li NCHZ ma bbenefikatx minn xi vantaġġ supplimentari fil-kuntest taż-żamma tal-attività ta’ NCHZ kif previst mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma tistax tirnexxi.

148    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, l-argument tar-rikorrenti li l-applikazzjoni tar-regoli ordinarji dwar falliment lil NCHZ kien iwassal għall-istess sitwazzjoni bħal dik maħluqa mill-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal din il-kumpannija għandha tiġi miċħuda.

d)      Konklużjoni

149    Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba l-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika” mill-awtoritajiet Slovakki, ġew imposti, minn naħa, it-tkomplija tal-attività tagħha, irrispettivament minn kwalunkwe kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika tagħha u l-kapaċità tagħha li tħallas id-djun tagħha, b’mod partikolari d-dejn pubbliku, kif ukoll, min-naħa l-oħra, iż-żamma tal-persunal tagħha, bħala riżultat tal-ostakolu għat-tkeċċijiet kollettivi, sabiex b’hekk tkun tista’ tkompli l-attività tagħha biċ-ċertezza mogħtija lill-klijenti u lill-fornituri tagħha li l-attività tagħha ser titkompla sal-aħħar tas-sena 2010. Fl-istess ħin, l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ ħolqot għal uħud mill-kredituri tagħha, b’mod partikolari dawk pubbliċi, ir-riskju, inevitabbli minħabba fid-dawl tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħha fil-mument li ġiet ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika”, ta’ żieda fl-ammont tal-krediti tagħhom matul l-ewwel perijodu ta’ falliment. Barra minn hekk, dan ir-riskju mmaterjalizza fl-ewwel perijodu ta’ falliment, kemm għall-kredituri pubbliċi bi krediti ta’ qabel il-falliment u ta’ wara l-falliment kif ukoll għal dawk li għandhom biss krediti ta’ wara l-falliment.

150    Issa, ma jistax jingħad li f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għal kundizzjonijiet normali tas-suq, NCHZ setgħet tikseb l-istess vantaġġ bħal dak li kien tqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha, u dan permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 59 sa 61 iktar ’il fuq. Minn naħa, il-kriterju tal-operatur f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli f’dan il-każ u, fi kwalunkwe każ, ma kienx stabbilit li l-ewwel miżura ssodisfat dan il-kriterju. Min-naħa l-oħra, ma jistax jiġi konkluż li s-sitwazzjoni kienet tkun l-istess kieku NCHZ kienet suġġetta għar-regoli ordinarji tal-falliment u l-ebda piż supplimentari ma kien impost fuq il-kredituri pubbliċi (ara l-punti 94 u 148 iktar ’il fuq). Fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, l-argument tar-rikorrenti dwar is-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 36), ma jippermettix li din l-evalwazzjoni tiġi kkontestata. Fil-punt 36 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, essenzjalment, li l-fatt li l-miżura inkwistjoni f’din il-kawża tista’ twassal għal tnaqqis fil-profitti tal-kredituri privati u, għaldaqstant, telf possibbli ta’ dħul mit-taxxa, ma ppermettiex li tiġi konkluża l-klassifikazzjoni ta’ din il-miżura bħala għajnuna mill-Istat. Fil-fatt, ir-rabta kienet wisq indiretta bejn din il-miżura u t-telf possibbli ta’ riżorsi fiskali (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Fennelly fil-kawża Ecotrade (C‑200/97. EU:C:1998:378, punt 24).
Issa, fid-dawl tal-ewwel miżura, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bl-ebda mod ma huma bbażati fuq kunsiderazzjonijiet simili jew fuq tali rabta indiretta.

151    Għalhekk, l-ewwel miżura, li tikkombina l-obbligu li titkompla l-attività ta’ NCHZ u l-ostaklu għat-tkeċċijiet kollettivi, tirrelata f’dan il-kuntest kemm mal-ewwel sitwazzjoni kif ukoll mat-tieni sitwazzjoni msemmija fis-sentenzi tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579, punt 45), u tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Piaggio (C‑295/97, EU:C:1999:313, punt 43) (ara l-punt 72 iktar ’il fuq).

152    Konsegwentement, il-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkonkludiet, minħabba fil-klassifikazzjoni ta’ din il-kumpannija bħala “kumpannija strateġika”, l-eżistenza ta’ vantaġġ ekonomiku mogħti lil NCHZ u li jinvolvi riżorsi tal-Istat.

153    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel u t-tieni parti tal-ewwel motiv għandhom jiġu miċħuda.

C.      Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu li jitwettaq eżami diliġenti u imparzjali kif ukoll ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tal-Kummissjoni

154    Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni naqset milli tikkonforma mal-obbligu li twettaq eżami diliġenti u imparzjali tal-miżura li tikkostitwixxi l-allegata għajnuna mill-Istat, essenzjalment, peress li kellha titlob iktar informazzjoni qabel tadotta d-deċiżjoni kkontestata.

155    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

156    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li, jekk il-Kummissjoni kienet tqis li analiżi ex post iktar iddettaljata kienet meħtieġa, hija kellha titlobha, ħaġa li hija ma kinitx għamlet. Barra minn hekk, l-analiżi ta’ Marzu 2014 ġiet injorata b’mod żbaljat għas-sempliċi raġuni biss li din kienet ġiet ifformulata ex post, filwaqt li l-Kummissjoni ma kkontestatx l-eżattezza u l-affidabbiltà tal-informazzjoni li tinsab fiha, li ma kinux sensittivi għall-fattur taż-żmien.

157    Skont il-ġurisprudenza dwar il-prinċipji fil-qasam tal-produzzjoni tal-prova fis-settur tal-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni għandha twettaq il-proċedura ta’ investigazzjoni tal-miżuri inkriminanti b’mod diliġenti u imparzjali, sabiex ikollha, meta tiġi adottata deċiżjoni finali li tistabbilixxi l-eżistenza u, jekk ikun il-każ, l-inkompatibbiltà jew l-illegalità tal-għajnuna, l-elementi l-iktar kompleti u affidabbli possibbli sabiex tagħmel dan (sentenzi tat‑2 ta’ Settembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Scott, C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 90, u tat‑3 ta’ April 2014, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑559/12 P, EU:C:2014:217, punt 63).

158    Il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta deċiżjoni fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli, jekk l-Istat Membru jastjeni, bi ksur tad-dmir ta’ kooperazzjoni tiegħu lejn din l-istituzzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 4(3) TUE, milli jipprovdilha l-informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex teżamina l-klassifikazzjoni u l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew sabiex tivverifika l-applikazzjoni regolari ta’ għajnuna approvata preċedentement. Madankollu, qabel ma tieħu tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tordna lill-Istat Membru jagħtiha, fit-terminu ffissat minnha, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha neċessarji sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa biss jekk l-Istat Membru, minkejja l-ordni tal-Kummissjoni, jonqos milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, li din tal-aħħar għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u, abbażi tal-informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħha, tieħu deċiżjoni (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 226).

159    Għandu jiġi kkonstatat li l-analiżi tal‑21 ta’ Marzu 2014 ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Slovakki f’anness għar-raba’ risposta tagħhom lill-Kummissjoni fl‑14 ta’ Mejju 2014.

160    Għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-kwistjoni ta’ x’kien jiġri f’Diċembru 2009 kieku NCHZ ma ġietx ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika” ġiet diskussa bosta drabi mill-awtoritajiet Slovakki nfushom. Din kienet diġà ġiet ittrattata minnhom fit-tieni risposta tagħhom lill-Kummissjoni fid‑29 ta’ Novembru 2013 kif ukoll fit-tielet risposta tagħhom lill-Kummissjoni tat‑13 ta’ Jannar 2014. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li fir-rigward ta’ din l-analiżi hija ma kinitx talbet għal analiżi ġdida mill-awtoritajiet Slovakki sabiex tikseb, wara r-raba’ risposta tagħhom, iktar informazzjoni. F’dan ir-rigward, huwa importanti li jiġi enfasizzat li, fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386), li għaliha tirreferi ir-rikorrenti, din is-sitwazzjoni hija differenti. Fil-fatt, f’din il-kawża, id-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali ma kienx fiha evalwazzjoni preliminari tal-miżuri kkontestati bil-għan li jiġi ddeterminat jekk kienx fihom element ta’ għajnuna u, matul il-proċedura amministrattiva, ma kien hemm l-ebda applikazzjoni espliċita ta’ dawk il-miżuri jew kwalunkwe talba għal informazzjoni dwar il-konformità ta’ dawn il-miżuri mal-kundizzjonijiet tas-suq. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti tal-Unjoni kienet tal-fehma li ma setax jiġi kkontestat lill-Istat Membru kkonċernat li ma kienx ipprovda lill-Kummissjoni b’biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tevalwa l-miżuri kontenzjużi b’għarfien sħiħ tal-fatti u li kien għall-Kummissjoni, konformement mal-obbligu tagħha li twettaq eżami diliġenti u imparzjali fl-interess ta’ amministrazzjoni tajba tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat, li tkompli l-investigazzjonijiet tagħha u li tinvestiga f’iktar dettall (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punti 240, 246 u 249).

161    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat, li kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma setax ikun “ċar” li l-informazzjoni li trid tinġabar mill-amministratur kellha tinġabar permezz ta’ analiżi ex post. Fil-fatt, fl-ewwel risposta tagħhom lill-Kummissjoni tat‑2 ta’ Settembru 2013, l-awtoritajiet Slovakki sostnew li l-kriterju tal-kreditur privat kellu jiġi applikat lill-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali u lill-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-mard. Sussegwentement, fit-tieni risposta tagħhom lill-Kummissjoni tad‑29 ta’ Novembru 2013, dawn l-awtoritajiet indikaw li “[l]-Istat [Slovall] [kien] għamel dak li l-Kummissjoni kienet talbitu jagħmel fir-rigward tal-kriterju tal-kreditur privat”. Huma indikaw ukoll li l-kredituri privati kollha kienu għażlu t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, filwaqt li żiedu li l-kriterju tal-kreditur privat kellu japplika biss għall-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali fid-dawl tal-ġurisprudenza, għall-aspetti ekonomiċi ta’ NCHZ u għall-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tenfasizza li l-analiżi ex post “ikkunsidrat il-kwistjonijiet rilevanti għat-‘trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat’ kif ukoll il-‘kriterju tal-kreditur privat’”.

162    Issa, anki jekk il-kriterju tal-kreditur privat kien applikat, konformement mal-ġurisprudenza, analiżi ex post ma kinitx tkun rilevanti (ara, f’dan is-sens, sentenza tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C‑482/99, EU:C:2002:294, punt 71; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2012, Il‑Kummissjoni vs EDF, C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105). Barra minn hekk, kuntrarjament għat-talbiet tar-rikorrenti, tali analiżi ma tikkostitwixxix “manifestament l-għodda xierqa” għall-bżonnijiet tal-kriterju introdott mis-sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 1998, Ecotrade (C‑200/97, EU:C:1998:579). Fil-fatt, l-analiżi tal-iżvilupp probabbli taħt il-Liġi dwar il-Falliment, jiġifieri, skont it-termini tar-rikorrenti, l-eżami ta’ “dak li l-kredituri privati kienu jiddeċiedu fil-kuntest tal-kumitat kompetenti”, kellu jkun ibbażat fuq id-data kontemporanja għall-klassifikazzjoni ta’ NCHZ bħala “kumpannija strateġika” u l-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għaliha (ara l-punt 121 iktar ’il fuq).

163    F’dan il-kuntest, peress li, fl-anness għar-raba’ risposta tagħhom lill-Kummissjoni tal‑14 ta’ Mejju 2014, hija biss analiżi li tuża data ex post li ġiet ikkomunikata mill-awtoritajiet Slovakki, flimkien ma’ spjegazzjoni tal-metodoloġija segwita, ħaġa li ma hijiex ikkontestata, għandu jiġi kkunsidrat, bħall-Kummissjoni, li ma kienx meħtieġ li tintalab iktar informazzjoni dwar dan il-punt.

164    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni dwar l-irkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat ġiet adottata abbażi ta’ ċifri provviżorji, mingħajr talba minn qabel għal konferma taċ-ċifri definittivi, li tikkostitwixxi ksur manifest mill-Kummissjoni kemm tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni kif ukoll tad-dmir tagħha li tadotta deċiżjonijiet abbażi ta’ informazzjoni serja. Hija ssostni li t-talba għal informazzjoni adegwata wara l-għeluq tal-investigazzjoni formali ma tistax tirrimedja l-ksur tal-obbligu tagħha li titlob għall-komunikazzjoni ta’ informazzjoni rilevanti.

165    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont tal-għajnuna kien jikkorrispondi għad-djun mhux irrimborsat lill-Istat u lill-entitajiet pubbliċi li kienu akkumulaw matul il-perijodu meta l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi kienet ġiet applikata għal NCHZ. Hija indikat li, fuq il-bażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet Slovakki, l-ammont tal-krediti mhux irrimborsati lill-kredituri pubbliċi kien ta’ EUR 735 817.44 fil‑31 ta’ Diċembru 2009 u EUR 5 519 241.54 fil‑31 ta’ Diċembru 2010. Hija semmiet il-fatt li dawn l-ammonti kienu jirrappreżentaw l-estimi l-iktar preċiżi li kienu disponibbli kif ukoll li kienu raġonevolment konservattivi, tal-ammonti ta’ krediti mhux mħallsa f’dawn id-dati. Fil-fatt, fil-fehma tagħha l-awtoritajiet Slovakki kienu ddikjaraw li ma kien hemm l-ebda informazzjoni preċiża dwar l-ammonti tal-krediti mhux irrimborsati kkontestati lejn il-kredituri pubbliċi fid-data meta NCHZ ġiet ikklassifikata bħala “kumpannija strateġika” jew meta l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi ma baqgħetx tapplika. Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-ammont tal-għajnuna kien tlaħħaq għal EUR 4 783 424.10 (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata).

166    Għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament Nru 659/1999, l-irkupru ta’ għajnuna illegali mingħand awtorità nazzjonali kompetenti lill-benefiċjarju jrid isir skont il-modalitajiet previsti mid-dritt nazzjonali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Frar 2014, Mediaset, C‑69/13, EU:C:2014:71, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata). Id-dritt tal-Unjoni ma jirrikjedix li l-irkupru ta’ tali għajnuna ssir biss fuq il-bażi tad-deċiżjoni ta’ rkupru tal-Kummissjoni (sentenza tal‑11 ta’ Settembru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il‑Ġermanja, C‑527/12, EU:C:2014:2193, punt 39).

167    Minn dan jirriżulta, li fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna li tkun ġiet iddikjarata inkompatibbli mas-suq intern, tiffissa l-ammont eżatt tal-għajnuna li għandha titħallas lura. Huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu lid-destinatarju tagħha li jkun jista’ jiddetermina, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, dan l-ammont huwa stess (sentenzi tat‑12 ta’ Ottubru 2000, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑480/98, EU:C:2000:559, punt 25, u tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287, punt 39).

168    Mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Kummissjoni tista’ tillimita ruħha b’mod validu sabiex tikkonstata l-obbligu li tingħata lura l-għajnuna inkwistjoni u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkalkolaw l-ammont preċiż tas-somom li jridu jitħallsu lura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Mejju 2005, Il‑Kummissjoni vs Il‑Greċja, C‑415/03, EU:C:2005:287, punt 40). Barra minn hekk, l-obbligu għal Stat Membru li jikkalkola l-ammont preċiż tal-għajnuna li għandha tiġi rkuprata jaqa’ fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tal-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, li jorbot lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punt 91). Il-kwantifikazzjoni preċiża tal-ammont tal-għajnuna tista’ ssir fi stadju ulterjuri, fl-istadju tal-irkupru tal-għajnuna, jiġifieri wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑314/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:903, punt 203).

169    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-kwistjoni tal-ammont tal-krediti ġiet diskussa matul il-proċedura amministrattiva. Dan kien notevolment il-każ fir-raba’ risposta tal-awtoritajiet Slovakki tal‑14 ta’ Mejju 2014. Kif issostni l-Kummissjoni, hija espressament talbet, kif indikat mir-risposta tal-awtoritajiet Slovakki, “id-djun fid-dettall (krediċi pubbliċi u privati, preferenzjali u mhux preferenzjali, ta’ NCHZ [u] l-ammonti dovuti) f’ħames mumenti differenti: i) fil-bidu tal-perijodu ta[l-]falliment, ii) f’Diċembru 2009 (dikjarazzjoni ta’ NCHZ bħala kumpannija strateġika), iii) f’Jannar 2011, iv) fid-data tal-bejgħ ta’ NCHZ lil Via Chem Slovakia u v) fl-aħħar tal-perijodu ta[l-]falliment”. L-ammonti miżmuma mill-Kummissjoni bħala li jikkorrispondu għall-ammont ta’ krediti pubbliċi fil-bidu u fit-tmiem tal-perijodu kkonċernat (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata) huma s-somma tal-ammonti indikati mill-awtoritajiet Slovakki bħala li huma dovuti, rispettivament, fil‑31 ta’ Diċembru 2009 u fil‑31 ta’ Diċembru 2010. F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Slovakki ppreċiżaw li r-risposta tagħhom kienet ibbażata fuq id-data disponibbli lill-amministratur u ppreċiżaw li din id-data setgħet ma tirrappreżentax l-ammont “reali” tal-krediti, b’mod partikolari, minħabba li kreditu eżistenti f’Diċembru 2010 seta’ tħallas f’Jannar 2011. Għalhekk għandu jiġi kkonstatat li din ir-risposta kienet timplika li l-informazzjoni li kienet disponibbli kienet ikkomunikata. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li l-Kummissjoni esponiet il-metodu tagħha ta’ kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata.

170    Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkontestat lill-Kummissjoni li ma stennietx li l-awtoritajiet Slovakki jikkomunikaw iċ-ċifri ġodda qabel ma adottaw id-deċiżjoni kkontestata.

171    Barra minn hekk, ma jistax jiġi kkunsidrat, kif tissuġġerixxi ir-rikorrenti, li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tesprimi d-diżapprovazzjoni tagħha tal-illegalità tal-miżura inkwistjoni billi ordnat l-irkupru ta’ ammont għola mill-valur li rċieva l-benefiċjarju. Fil-fatt, ir-rikorrenti ma ssemmi l-ebda element mill-proċess sabiex issostni din id-dikjarazzjoni.

172    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jitfakkar li, skont l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE, vinkolanti kemm fuq il-Kummissjoni kif ukoll fuq l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-regoli tat-Trattat dwar l-għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ġunju 2002, Il‑Pajjiżi l‑Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑382/99, EU:C:2002:363, punt 91), il-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat iridu jikkooperaw f’bona fide. Fil-kuntest tar-risposti tagħha għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali bħala miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (ara l-punt 30 iktar ’il fuq), il-Kummissjoni ppreċiżat li, matul il-fażi ta’ rkupru tal-għajnuna inkwistjoni, il-kredituri pubbliċi differenti ta’ NCHZ kienu pprovdew ċifri iktar preċiżi, li hija ma kellhiex qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u b’mod partikolari dwar il-krediti miżmuma minn Slovenský vodohospodársky podnik (kumpannija Slovakka għall-ġestjoni tal-ilma, is-Slovakkja), u li kien jirriżulta miċ-ċifri hekk ikkomunikati li l-ammont tal-għajnuna reali seta’ jkun iktar mill-ammont ta’ għajnuna indikat fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx ikkontestat mir-rikorrenti.

173    Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkontestatat lill-Kummissjoni li, fid-deċiżjoni kkontestata, ikkunsidrat estimi bbażati fuq id-data kkomunikata mill-awtoritajiet Slovakki jew li aġixxiet bi ksur tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħha.

174    Għalhekk minn dan jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

D.      Fuq it-tielet parti tal-ewwel motiv ibbażata fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kalkolu tal-ammont tal-allegata għajnuna mill-Istat

175    Ir-rikorrenti ssostni li, anki kieku l-Kummissjoni korrettament kellha d-dritt li tikkonkludi li kien hemm għajnuna mill-Istat li ngħatat lil NCHZ permezz tal-ewwel miżura, hija għamlet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkalkolat l-ammont ta’ din l-għajnuna.

176    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

177    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-ammont tal-għajnuna kien jikkorrispondi għad-djun mhux irrimborsati lill-Istat Slovakk u lill-entitajiet pubbliċi li kienu akkumulaw matul il-perijodu meta l-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi kienet ġiet applikata għal NCHZ (premessa 101 tad-deċiżjoni kkontestata) (ara l-punt 165 iktar ’il fuq).

178    Fl-ewwel lok, skont ir-rikorrenti, parti kbira tad-djun mhux imħallsa ta’ NCHZ kienu ġew akkumulati, inkluż fil-każ fejn deċiżjoni sabiex tiġi llikwidata din il-kumpannija kienet adottata matul l-ewwel perijodu ta’ falliment. Il-Kummissjoni għalhekk wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni billi ma qisitx dawn id-djun f’“xenarju kontrofattwali”. Fil-fatt, l-istralċ ta’ NCHZ ma setax isir qabel Mejju 2010 u l-parti tad-djun pubbliċi mhux imħallsa akkumulati sa dakinhar ma setax jiġi kkunsidrat bħala ġġenerat mil-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi u għaldaqstant bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn hekk, tali stralċ kien joħloq ukoll djun mhux imħallsa ta’ NCHZ fil-konfront tal-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali.

179    Għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kienet korrettament qieset li NCHZ kienet irċeviet vantaġġ li rriżulta f’piż supplimentari għall-Istat Slovakk bħala riżultat tal-applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ matul l-ewwel perijodu ta’ falliment (ara l-punt 152 iktar ’il fuq).

180    Issa, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu fuq Stat Membru li jabolixxi għajnuna li l-Kummissjoni tqisha inkompatibbli mas-suq intern għandu l-għan li jistabbilixxi mill-ġdid is-sitwazzjoni preċedenti (ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 1995, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑350/93, EU:C:1995:96, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 1999, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑75/97, EU:C:1999:311, il-punti 64 u 65). Permezz tal-ħlas lura, il-benefiċjarju jitlef il-vantaġġ li kien ibbenefika minnu fis-suq meta mqabbel mal-kompetituri tiegħu u s-sitwazzjoni preċedenti għall-għoti tal-għajnuna tiġi stabbilita mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punt 113, u tal‑4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 193).

181    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta kkunsidrat li, sabiex terġa’ tiġi stabbilita s-sitwazzjoni preċedenti, l-ammont tal-għajnuna li kellu jiġi rkuprat kellu jikkorrispondi għall-ammont tal-krediti pubbliċi mhux imħallsa matul il-perijodu ta’ applikazzjoni tal-Liġi dwar il-Kumpanniji Strateġiċi għal NCHZ.

182    B’kuntrast, l-argument tar-rikorrenti huwa bbażat fuq il-każ ta’ “xenarju alternattiv” u ta’ deċiżjoni mill-kumitat kompetenti li twaqqaf l-attività ta’ NCHZ fil-bidu tal-ewwel perijodu ta’ falliment. Madankollu, l-ammonti li jridu jitħallsu lura ma jistgħux jiġu ddeterminati fid-dawl ta’ tranżazzjonijiet differenti li setgħu ġew implimentati fl-assenza tal-miżura li wasslet sabiex tingħata l-għajnuna u l-istabbiliment mill-ġdid tas-sitwazzjoni preċedenti ma jimplikax kostruzzjoni mill-ġdid differenti tal-passat fuq il-bażi ta’ elementi ipotetiċi bħall-għażliet, ta’ spiss multipli, li setgħu jsiru mill-operaturi kkonċernati (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal‑15 ta’ Diċembru 2005, Unicredito Italiano, C‑148/04, EU:C:2005:774, punti 114 u 118, u tal‑4 ta’ Marzu 2009, Associazione italiana del risparmio gestito u Fineco Asset Management vs Il‑Kummissjoni, T‑445/05, EU:T:2009:50, punt 203). F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li minkejja li r-rikorrenti tressaq ċifri preċiżi ħafna, u tiddikjara b’mod partikolari li l-kreiditi miżmuma mill-kumpannija tal-assigurazzjoni soċjali u dawk miżmuma mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-mard għandhom jitnaqqsu b’EUR 1 590 091.20 u EUR 276 626.24 rispettivament, din id-data hija bbażata biss fuq suppożizzjonijiet. Fil-fatt, l-ewwel nett, wara x-xenarju stabbilit mir-rikorrenti, id-data li fiha ttieħdet id-deċiżjoni li ma titkompliex l-attività ta’ NCHZ ma kinitx magħrufa. It-tieni nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tagħha, skont l-istudju ta’ Ġunju 2010 li hija tirreferi għalih, il-waqfien tal-produzzjoni kienet teħtieġ terminu ta’ 10 sa 18-il ġimgħa, u mhux neċessarjament 18-il ġimgħa. It-tielet nett, dejjem fuq il-bażi tax-xenarju espost mir-rikorrenti, ma hemm l-ebda ċertezza dwar l-għadd ta’ impjegati li kellhom jitkeċċew, b’ċertu impjegati setgħu jiddeċiedu li jitilqu minn NHCZ qabel il-waqfien tal-attività tal-kumpannija, li kien jaffettwa l-ammonti dovuti liż-żewġ entitajiet pubbliċi msemmija iktar ’il fuq.

183    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud peress li bbażat fuq il-premessa żbaljata li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-ispejjeż kollha tal-istralċ ta’ NCHZ fil-bidu tal-ewwel perijodu ta’ falliment.

184    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-istima mill-Kummissjoni tad-djun akkumulati matul l-ewwel perijodu ta’ falliment hija bbażata fuq ċifri ineżatti u stimi. Madankollu, diġà ġie indikat, fil-kuntest tat-tieni motiv li ċ-ċifri użati għall-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna huma dawk ikkomunikati mill-awtoritajiet Slovakki u li, fi kwalunkwe każ, id-determinazzjoni tal-ammont eżatt tal-krediti miżmuma minn dik l-entità tista’ ssir matul il-fażi ta’ rkupru (ara l-punti 164 sa 173 iktar ’il fuq).

185    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha li ssemmew iktar ’il fuq, it-tielet parti tal-ewwel motiv għandha tiġi miċħuda.

186    Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

E.      Fuq is-sitt motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE dwar il-konklużjoni tal-Kummissjoni rigward l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika

187    Ir-rikorrenti ssostni li ma tifhimx ir-raġunijiet li wasslu lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi li kien hemm kontinwità ekonomika u targumenta li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’dan ir-rigward ma hijiex suffiċjenti sabiex il-Qorti Ġenerali teżerċita stħarriġ ġudizzjarju fuq din id-deċiżjoni. Fir-replika, hija ssostni li s-sempliċi fatt li l-Kummissjoni kienet obbligata tispjega, fir-risposta, dwar dak li kien ġegħelha sabiex “(ma) tapplika(x)” konkretament, fid-deċiżjoni kkontestata, l-indikaturi li hija kienet ikkwalifikat bħala rilevanti għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata), juri l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar dan il-punt.

188    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

189    Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li hija kienet ser tanalizza biss l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika eventwali bejn NCHZ u r-rikorrenti, billi tinvoka l-fatt li, peress li Via Chem Slovakia tat NCHZ lir-rikorrenti fl‑1 ta’ Awwissu 2012, ġurnata waħda biss wara t-tlestija tax-xiri tagħha ta’ NCHZ, hija ma kienet la mexxiet u lanqas operat lil NCHZ (premessi 133 u 134 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija indikat li tagħraf li l-portata ta’ dawn iż-żewġ tranżazzjonijiet ma hijiex eżattament l-istess, peress li Via Chem Slovakia baqgħet proprjetarja ta’ ċertu numru ta’ proprjetajiet immobbli. Hija osservat li, madankollu, il-proprjetajiet immobbli neċessarji għat-tkomplija tal-attivitajiet ekonomiċi ta’ NCHZ kienu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tar-rikorrenti taħt kuntratt ta’ kiri. Hija ppreċiżat li, għalhekk, il-partikolaritajiet taż-żewġ tranżazzjonijiet ser jiġu kkunsidrati sa fejn dawn kienu rilevanti għal din l-evalwazzjoni (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

190    Għandu jiġi rrilevat, sussegwentement, li l-Kummissjoni indikat li l-obbligu ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat inkompatibbli seta’ jiġi estiż għal kumpannija ġdida li lilha l-kumpannija li bbenefikat minn din l-għajnuna kienet ittrasferixxiet jew biegħet parti mill-assi tagħha, fejn dan it-trasferiment jew bejgħ għamluha possibbli li tiġi kkonstatata kontinwità ekonomika bejn iż-żewġ kumpanniji (premessa 130 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija żiedet li, skont il-ġurisprudenza, l-ewalwazzjoni tal-kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju ta’ għajnuna u l-impriża li lilha ġew ittrasferiti l-assi tagħha kienet ibbażata fuq sensiela ta’ indizji, li hija elenkat (premessa 132 tad-deċiżjoni kkontestata).

191    Il-Kummissjoni analizzat iż-żewġ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ fir-rigward tal-indizji elenkati. L-ewwel nett, hija staqsiet jekk il-fatt li l-prezz tal-bejgħ imħallas minn Via Chem Slovakia, kif ukoll dak imħallas milir-rikorrenti għall-“assi” tal-impriża kienx jikkorrispondi mal-prezz tas-suq u kkonkludiet li probabbilment dan ma kienx il-każ (premessi 136 sa 148 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kull waħda mit-tranżazzjonijiet ta’ bejgħ, hija kienet tal-fehma li l-għan tal-bejgħ ta’ NCHZ lil Via Chem Slovakia kien li tinbiegħ NCHZ kollha kemm hija bħala impriża operattiva li tinkludi l-assi kollha u d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta ma’ NCHZ u li r-rikorrenti tkompli bl-attivitajiet ta’ NCHZ mingħajr ebda bidla kbira fil-politika kummerċjali, tal-persunal jew tal-produzzjoni tagħha (premessi 149 sa 158 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, hija indikat li kienet tassumi l-assenza ta’ rabta bejn il-proprjetarji il-qodma u l-ġodda ta’ NCHZ, ittrasferita lir-rikorrenti, peress li ma kien hemm l-ebda prova kuntrarja (premessi 159 sa 162 tad-deċiżjoni kkontestata). Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-mument tal-“bejgħ”, hija kkonkludiet li l-bejgħ sar wara li l-Kummissjoni kienet fetħet investigazzjoni preliminari fuq l-ilment u li kienet ittrażmettiet ir-riżultati tagħha lill-awtoritajiet Slovakki għal osservazzjonijiet (premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-ħames nett, dwar il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, hija kkunsidrat li ma kien hemm l-ebda bidla fl-istrateġija kummerċjali u li r-rikorrenti kienet sempliċement qiegħda tuża l-assi bl-istess mod bħall-bejjiegħ (premessi 164 sa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

192    Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-uniċi bidliet dehru li jikkonċernaw biss l-isem tal-kumpannija u l-persuna ġuridika li lilha kienet tappartjeni NCHZ. Hija rreferiet għall-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 u l-kuntratt ta’ bejgħ bejn NCHZ u Via Chem Slovakia tas‑16 ta’ Jannar 2012, li essenzjalment jgħid li NCHZ inbiegħet bħala korp ta’ assi tanġibbli u intanġibbli u bil-persunal tagħha. Hija ppreċiżat li “ix-xerrej” kien żamm il-portafoll ta’ prodotti u kompla bil-politika kummerċjali ta’ NCHZ u li l-prezz imħallas għal NCHZ probabbilment ma kienx prezz tas-suq (premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li kien hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti (premessa 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

193    Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni semmiet ir-raġunijiet li wassluha sabiex tqis li hemm l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti. Ċertament, fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, taħt it-titlu “Konklużjoni dwar il-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u l-attivitajiet ekonomiċi mixtrija u operati [mir-rikorrenti]”, hija semmiet elementi relatati mat-tranżazzjoni ta’ xiri ta’ NCHZ minn Via Chem Slovakia. Madankollu, kemm fir-rigward tal-portafoll ta’ prodotti kif ukoll tal-prezz imħallas, għandu jiġi kkunsidrat r-riferiment, filwaqt li jitqiesu l-evalwazzjonijiet stabbiliti fil-premessi 146 u 157 tad-deċiżjoni kkontestata, fir-rigward, fi kwalunkwe każ, tar-rikorrenti.

194    Barra minn hekk, wara li l-Kummissjoni ppreċiżat li l-evalwazzjoni tal-kontinwità ekonomika kellha ssir permezz ta’ sensiela ta’ indizji, jista’ jiġi mifhum li, wara li ġew analizzati ċertu numru ta’ fatturi, l-indizji msemmija fil-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata kienu dawk li fuqhom hija bbażat il-konklużjoni tagħha.

195    Barra minn hekk, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni indikat ir-raġunament tagħha fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ bejn NCHZ u Via Chem Slovakia, li ma jistax jiġi deskritt bħala mhux preċiż u mhux ċar, kif ukoll dak fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ bejn Via Chem Slovakia u r-rikorrenti, li ma jistax jiġi deskritt bħala opak. Fil-fatt, hija l-ewwel nett esponiet ir-raġunijiet għalfejn hija qieset li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 ma ppermettewx li jiġi attirat in-numru massimu ta’ kandidati sabiex jikkompetu bl-aħjar offerti tagħhom, sabiex hekk jissodisfaw l-ewwel kundizzjoni għal bejgħ bl-iktar prezz tas-suq vantaġġuż (premessi 136 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tieni nett, hija ppreċiżat li l-bejgħ kien organizzat bħala l-bejgħ ta’ impriża operattiva, li eskluda l-possibbiltà ta’ massimizzazzjoni tal-prezz finali bl-użu ta’ proċeduri diversi għall-oqsma ta’ attività ta’ NCHZ (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). It-tielet nett, hija rrilevat li, fil-każ tal-bejgħ ta’ NCHZ minn Via Chem Slovakia lir-rikorrenti, din kienet tranżazzjoni bejn żewġ kumpanniji privati mingħajr ebda sejħa għal offerti, fejn dawn iż-żewġ entitajiet sempliċement qablu fuq prezz, mingħajr ma ebda entità oħra kellha l-possibbiltà li toffri prezz aħjar, u li, konsegwentement, id-dubji dwar jekk il-prezz imħallas minn Via Chem Slovakia kienx jikkorrispondi mal-prezz tas-suq kien jikkonċerna wkoll il-prezz imħallas mir-rikorrenti (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

196    Minn dan isegwi li, konformement mal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 39 sa 41 iktar ’il fuq, id-deċiżjoni kkontestata trid tiġi kkunsidrata bħala li kienet immotivata biżżejjed fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti u, għaldaqstant, is-sitt motiv għandu jiġi miċħud.

F.      Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999 li jirriżulta mill-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat lir-rikorrenti

197    Ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 107(1) u l-Artikolu 108(2) TFUE, kif ukoll l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, meta qieset li kien hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u hija stess billi ġie estiż l-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat ikkonstatata.

198    Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tiddikjara li, skont il-ġurisprudenza, għajnuna mill-Istat tista’ tiġi biss ittrasferita lix-xerrej tal-assi tal-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna jekk dawn inkisbu bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq. Issa, sal-punt li Via Chem Slovakia, u sussegwentement ir-rikorrenti, kienu xtraw l-assi ta’ NCHZ bi prezz tas-suq, ir-rikorrenti ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li bbenefikat minn għajnuna mill-Istat u dan il-motiv waħdu għandu jkun biżżejjed sabiex jiġi eskluż kwalunkwe rkupru mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 70, u tal‑1 ta’ Lulju 2009, Operator ARP vs Il-Kummissjoni, T‑291/06, EU:T:2009:235, punt 67). Għaldaqstant, l-approċċ tal-Kummissjoni f’dan il-każ jikser l-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 659/1999, peress li skont din id-dispożizzjoni u b’konformità ma’ ġurisprudenza stabbilita, l-għajnuna mill-Istat tista’ tiġi rkuprata biss mingħand il-benefiċjarju tagħha.

199    Skont ir-rikorrenti, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punti 161 u 162), ma ssostnix id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li l-prezz tas-suq ma huwiex il-kriterju deċiżiv, peress li f’din is-sentenza, il-fatt li prezz li jikkorrispondi għall-valur tas-suq kien tħallas għamel l-eżami tal-kriterji l-oħrajn għall-evalwazzjoni tal-kontinwità ekonomika superfluwa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kienet ikkonfermat dan il-fehim tal-ġurisprudenza fl-avviż tagħha intitolat “Lejn implimentazzjoni effettiva tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni li jordnaw lill-Istati Membri biex tiġi rkuprata Għajnuna mill-Istat inkompatibbli li ngħatat kontra l-liġi” (ĠU 2007, C 272, p. 4, iktar ’il quddiem l-“Avviż tal-2007”), peress li din tindika, fil-punt 33, li hija intitolata biss li testendi l-irkupru meta tista’ tipprova li l-assi nbiegħu bi prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq. Issa, f’dan il-każ, hija ssostni li kienet ħielsa tuża l-indikaturi msemmija fis-sentenza ċċitata iktar ’il fuq u, bl-eċċezzjoni tal-allegazzjoni li l-portata tal-operazzjoni għandha tikkostitwixxi l-iktar indikatur importanti, hija lanqas ma kienet imħassba tispjega l-ġerarkija tal-indikaturi varji.

200    Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li, anki fil-każ partikolari fejn l-assi tal-benefiċjarju tal-għajnuna ġew ittrasferiti għal prezz iktar baxx minn dak tas-suq, dan il-fatt waħdu ma jawtorizzax lill-Kummissjoni testendi d-deċiżjoni ta’ rkupru għax-xerrej ta’ dawn l-assi. Għall-kuntrarju, dan għandu jistabbilixxi li t-trasferiment tal-assi seħħ sabiex jiġi evitat l-ordni ta’ rkupru, u dan għandu jipprova l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna u x-xerrej fid-dawl ta’ ċerti kriterji (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punt 86.). F’dan il-każ, dawn il-kriterji bla dubju ta’ xejn jimmilitaw kontra l-possibbiltà eventwali ta’ evitar jew ta’ kontinwità ekonomika. Fil-fatt, anki li kieku kienu eżatti, il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni ma jiġġustifikawx il-konklużjoni tagħha dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika minħabba li, fid-dawl tal-prattika deċiżjonali tagħha u l-ġurisprudenza, il-portata tat-trasferiment ma huwiex biżżejjed waħdu sabiex iwassal għal tali konklużjoni, inkluż fir-rigward ta’ bejgħ fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ kontinwità tal-impriża, peress li r-rikorrenti, barra minn hekk, kienet wriet li l-prezz massimu tas-suq kien inkiseb. Għaldaqstant, ma jistax ikun hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u Via Chem Slovakia u lanqas, iktar u iktar, bejn NCHZ u r-rikorrenti.

201    Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tqis li, b’mod partikolari fil-kawżi dwar falliment, l-approċċ tal-Kummissjoni għandu effetti ekonomiċi devastanti u ma huwiex indispensabbli mill-perspettiva tad-dritt tal-kompetizzjoni. Dan jipprova joħloq ġurisprudenza ferm iktar stretta, li tgħid li l-portata tal-operazzjoni għandha tikkostitwixxi l-kriterju deċiżiv, bil-prezz tal-bejgħ isir l-iktar minn kriterju anċillari.

202    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti. Hija tikkunsidra li qieset l-elementi varji stabbiliti fil-ġurisprudenza u fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tal-każ u li ma wettqitx żball meta kkonstatat l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika fil-każ preżenti u għalhekk estendiet l-obbligu ta’ rkupru għar-rikorrenti.

203    Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti, dawn huma stabbiliti fil-punti 189 sa 192 iktar ’il fuq.

1.      Osservazzjonijiet preliminari

204    Għandu jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, intitolat “Rkupru ta’ għajnuna”, jistabbilixxi kif ġej:

“Fejn jittieħdu deċiżjonijiet negattivi f’każijiet ta’ għajnuna llegali, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi li l-Istat Membru kkonċernat għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jirkupra l-għajnuna mill-benefiċjarju […]”

205    Skont ġurisprudenza stabbilita, l-għan ewlieni mfittex mir-rimbors ta’ għajnuna mill-Istat imħallsa illegalment huwa li tiġi eliminata d-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv mogħti minn din l-għajnuna. Ir-ritorn lejn is-sitwazzjoni preċedenti għall-ħlas ta’ għajnuna illegali jew inkompatibbli mas-suq intern jikkostitwixxi rekwiżit meħtieġ għaż-żamma tal-effettività tad-dispożizzjonijiet tat-trattati dwar l-għajnuna mill-Istat (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

206    Filwaqt li r-Regolament Nru 659/1999 ma jipprevedix espressament għal każ ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ssib l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju inizjali tal-għajnuna inkwistjoni u entità oħra, dan il-prinċipju ġie żviluppat mill-qorti tal-Unjoni sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ testendi l-obbligu li tirkupra għajnuna lix-xerrej tal-assi tal-benefiċjarju inizjali tal-għajnuna inkwistjoni u sabiex tiżgura l-effettività tad-deċiżjonijiet ta’ rkupru.

207    Għalhekk, l-għajnuna illegali għandha tiġi rkuprata mingħand il-kumpannija li tkompli l-attività ekonomika tal-impriża li tkun ibbenefikat minn din l-għajnuna meta jiġi stabbilit li din il-kumpannija għadha effettivament tgawdi mill-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċju tal-imsemmija għajnuna (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

208    Skont il-ġurisprudenza, sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ tali kontinwità ekonomika, l-elementi li ġejjin jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni: l-għan tat-trasferiment (assi u obbligi, żamma tal-impjegati, assi magħquda), il-prezz tat-trasferiment, l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tal-impriża xerrejja u tal-impriża inizjali, il-mument meta seħħ it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali) jew ukoll il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑8 ta’ Mejju 2003 L‑Italja u SIM 2 Multimedia vs Il‑Kummissjoni, C‑328/99 u C‑399/00, EU:C:2003:252, punt 78, l-aħħar inċiż; tas‑7 ta’ Marzu 2018, SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2018:165, punt 108; tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 135, u tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 155). Il-qorti tal-Unjoni ppreċiżat li ma huwiex impost fuq il-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni dawn l-elementi kollha, hekk kif evidenzjat mill-użu tal-espressjoni “jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni” (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 156, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il‑Kummissjoni, T‑242/12, EU:T:2015:1003, punt 235).

209    Fir-rigward tal-prezz tal-bejgħ, anki jekk il-prezz tas-suq jikkostitwixxi wieħed mill-kriterji l-iktar importanti, dan ma huwiex kriterju suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li ma hemmx kontinwità ekonomika (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-kawża SNCF Mobilités vs Il‑Kummissjoni, C‑127/16 P, EU:C:2017:577, punt 116). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punti 157 sa 161), il-Kummissjoni kienet ikkonkludiet li ma kien hemm ebda kontinwità ekonomika billi bbażat id-deċiżjoni tagħha kemm fuq l-oġġett kif ukoll fuq il-prezz tat-trasferiment tal-assi, konformi mal-prezz tas-suq, kif ukoll fuq l-assenza ta’ identità tal-azzjonisti u l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, u mhux biss il-prezz tat-trasferiment.

210    Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza, meta l-impriża benefiċjarja tal-għajnuna illegali tkun taħt proċedura ta’ falliment u kumpannija tkun inħolqot sabiex tkompli parti mill-attivitajiet ta’ din l-impriża taħt proċedura ta’ falliment, it-tkomplija ta’ din l-attività, mingħajr ma l-għajnuna kkonċernata tkun ġiet irkuprata kollha kemm hi, tista’ tkompli ttawwal id-distorsjoni tal-kompetizzjoni kkawżata mill-vantaġġ kompetittiv li din il-kumpannija tkun ibbenefikat minnu fis-suq meta mqabbla mal-kompetituri tagħha. Għaldaqstant, tali kumpannija ġdida maħluqa tista’, jekk iżżomm dak il-vantaġġ, tkun meħtieġa tirrimborsa l-għajnuna inkwistjoni. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, meta din tal-aħħar tagħmel ix-xiri tal-assi tal-kumpannija fi stralċ mingħajr ma tħallas prezz korrispondenti konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq jew fejn huwa stabbilit li l-ħolqien ta’ tali kumpannija kellha l-effett li tevita l-obbligu li tħallas lura din l-għajnuna, li kien japplika, b’mod partikolari, fejn il-ħlas ta’ prezz konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq ma huwiex biżżejjed sabiex jikkumpensa l-vantaġġ kompetittiv marbut mal-benefiċċji ta’ għajnuna illegali (sentenzi tal‑11 ta’ Diċembru 2012, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑610/10, EU:C:2012:781, punti 104 sa 107; tal‑24 ta’ Jannar 2013, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑529/09, EU:C:2013:31, punti 107 u 109, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il‑Kummissjoni, T‑242/12, EU:T:2015:1003, punt 234).

211    Fl-aħħar nett, wieħed għandu jżomm f’moħħu li l-kriterji stabbiliti fil-ġurisprudenza għall-identifikazzjoni tal-benefiċjarju effettiv ta’ għajnuna għandhom natura oġġettiva u l-preżenza ta’ element intenzjonali ma huwiex meħtieġ sabiex jiġi kkonstatat li l-obbligu ta’ ħlas lura jiġi evitat permezz tat-trasferiment tal-assi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2010, Il‑Greċja et vs Il‑Kummissjoni, T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386, punt 146).

212    Għaldaqstant, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, għalkemm il-fatt li l-prezz tat-trasferiment ma huwiex il-prezz tas-suq jista’ jwassal għal estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru, il-fatt li l-prezz tat-trasferiment ikun konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq jista’, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ma jkunx biżżejjed sabiex minnu nnifsu jeskludi l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika u f’ċerti ċirkustanzi, ma jipprevenix l-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru, li huwa dovut għall-eżistenza ta’ effett ta’ evitar, mingħajr ma tkun teżisti l-intenzjoni ta’ tali evitar.

213    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Avviż tal‑2007 li jirreferi għalih ir-rikorrenti ġie adottat qabel, b’mod partikolari, fis-sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2010 Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni (T‑415/05, T‑416/05 u T‑423/05, EU:T:2010:386), u tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164). Għaldaqstant, f’din il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni ma setgħetx tieħu inkunsiderazzjoni l-iżviluppi fil-ġurisprudenza sussegwenti għall‑2007 u ma jistax jiġi kkontestat lilha li kkunsidrathom fil-futur.

214    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-għan tat-trasferiment f’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li, jekk, fid-deċiżjoni kkontestata, xi kultant isir riferiment għall-bejgħ tal-assi ta’ NCHZ, ma huwiex ikkontestat li, bl-eċċezzjoni ta’ proprjetajiet immobbli, il-bejgħ bejn Via Chem Slovakia u r-rikorrenti kien jirrigwarda l-assi u d-drittijiet assoċjati mal-produzzjoni kimika kollha (inkluż makkinarju u tagħmir ta’ produzzjoni, kuntratti), kif ukoll l-obbligi kollha relatati mal-produzzjoni kimika (inkluż il-kuntratti kollha ta’ xogħol) (premessa 135 tad-deċiżjoni kkontestata).

215    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li jeħtieġ li tiġi eżaminata l-analiżi tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika li tiġġustifika l-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-għajnuna mill-Istat lir-rikorrenti.

2.      Fuq il-prezz tal-bejgħ ta’ NCHZ

216    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma setgħetx testendi l-obbligu ta’ rkupru lil hinn minn NCHZ, peress li l-assi tal-entità taħt proċedura ta’ falliment inbiegħu bil-prezz tas-suq.

217    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

218    Fid-deċiżjoni li tinbeda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali, il-Kummissjoni ddubitat li l-prezzijiet imħallsa sussegwentement minn Via Chem Slovakia u mir-rikorrenti għall-assi ta’ NCHZ kienu jikkorrispondu mal-prezz tas-suq u, fid-deċiżjoni kkontestata, indikat li hija kien għad kellha dawn id-dubji (premessi 136, 146 u 147 tad-deċiżjoni kkontestata). F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni rrilevat li, minn naħa, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti għall-bejgħ lil Via Chem Slovakia kien fiha għażla li tagħżel impenji li jikkonsistu f’livell minimu ta’ produzzjoni għal ħames snin, ammont minimu ta’ investiment u limitazzjoni ta’ ħames snin dwar il-possibbiltà ta’ bejgħ jew trasferiment ta’ assi ta’ NCHZ, li seta’ jiddiswadi kandidati potenzjali jew ikollu impatt negattiv fuq l-offerti ppreżentati (premessi 17, 138 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata), u, min-naħa l-oħra, l-offerenti setgħu jixtru biss l-assi kollha sabiex ikomplu bl-operat, ħaġa li ma kinitx tippermetti li titwarrab l-ipoteżi li l-bejgħ tas-setturi differenti tal-impriża NCHZ seta’ jirriżulta fi prezz tal-bejgħ totali ogħla (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata). Fit-tieni lok, hija rrilevat li ċ-ċessjoni ta’ NCHZ minn Via Chem Slovakia lir-rikorrenti kienet tikkonsisti fi tranżazzjoni bejn żewġ kumpanniji privati mingħajr ebda sejħa għal offerti (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li “x’aktarx li l-assi ta’ NCHZ ma [nbiegħux] b’tali mod li jiġi żgurat [l-]ikbar [dħul] possibbli mill-bejgħ tal-impriża” (premessa 147 tad-deċiżjoni kkontestata).

a)      Fuq l-oneru tal-prova

219    Ir-rikorrenti ssostni li l-oneru tal-prova rigward il-vantaġġ ekonomiku li jgawdi minnu x-xerrej tal-assi tal-benefiċjarju tal-għajnuna jaqa’ fuq il-Kummissjoni u li ma huwiex biżżejjed għaliha li tesprimi dubji. Issa, hija ma pproduċiet l-ebda prova li l-prezz tal-bejgħ kien effettivament taħt il-prezz tas-suq.

220    Il-Kummissjoni tikkontesta l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti.

221    Għandu jiġi rrilevat li, sa fejn, konformement mal-ġurisprudenza, element wieħed fost il-fatturi li għandhom jiġu kkunsidrati sabiex tiġi evalwata l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika ma huwiex biżżejjed minnu nnifsu sabiex tiġi eskluża l-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru lil impriża oħra minbarra l-benefiċjarju inizjali tal-għajnuna inkwistjoni, bħal, pereżempju, prezz tal-bejgħ bil-prezz tas-suq, bil-Kummissjoni mhux bilfors teħtieġ li tipprova l-assenza ta’ tali prezz tal-bejgħ sabiex tikkonkludi li hemm kontinwità ekonomika u l-assenza ta’ garanzija ta’ tali prezz tal-bejgħ jista’ jitqies fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni tad-diversi elementi eżaminati.

b)      Fuq il-bejgħ lil Via Chem Slovakia

1)      Fuq il-preżunzjoni allegata ta’ bejgħ bil-prezz tas-suq meta tintervjeni fil-kuntest ta’ proċeduri ta’ falliment taħt il-kontroll ta’ qorti

222    Skont ir-rikorrenti, minħabba li l-bejgħ sar fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment taħt il-kontroll ta’ qorti tal-falliment b’obbligu li tittieħed azzjoni fl-interess tal-kredituri tal-kumpannija insolventi, l-assi huma preżunti li nbiegħu bl-iktar prezz ogħli possibbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 93 u 94).

223    Skont il-Kummissjoni, ma hemm l-ebda preżunzjoni li kwalunkwe bejgħ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ falliment iseħħ bi prezz tas-suq.

224    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fil-kawża li tat lok għas-sentenza tad‑29 ta’ April 2004, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2004:238, punti 92 u 93), il-Kummissjoni ma kinitx ikkontestat id-dikjarazzjoni li l-bejgħ sar bil-prezz tas-suq u ma kienx ikkonstatat li l-kundizzjonijiet marbuta mal-bejgħ kellhom l-effett li jnaqqsu l-prezz tal-bejgħ. Għaldaqstant, ir-rikorrenti tagħmel qari estensiv ta’ din is-sentenza.

225    Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-bejgħ isir taħt il-kontroll ta’ qorti dan joffri ċertament garanzija li r-regoli stabbiliti ser jiġu rrispettati u li l-qorti tal-falliment ser tiżgura li l-kredituri huma ssodisfatti bis-sħiħ kemm jista’ jkun. Madankollu, f’dan il-każ, kien għall-Kummissjoni li tivverifika jekk il-kundizzjonijiet tal-bejgħ lil Via Chem Slovakia kinux tali li jiżguraw il-ħlas tal-prezz tas-suq u li jeżaminaw il-mod li bih sar dak il-bejgħ.

2)      Fuq l-allegata garanzija ta’ prezz tal-bejgħ l-iktar ogħli possibbli permezz tal-bejgħ fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet

226    Skont ir-rikorrenti, fir-rigward tal-bejgħ ta’ NCHZ lil Via Chem Slovakia, il-bejjiegħ kien legalment marbut li jikseb l-ogħla prezz tal-bejgħ possibbli. Il-proċedura ta’ sejħa għal offerti implimentata mill-amministratur, f’konformità mar-rekwiżiti ffissati mis-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín), li kienet miftuħa, trasparenti u mingħajr kundizzjonijiet, kienet tiżgura li l-assi ta’ NCHZ inbiegħu bl-ogħla prezz possibbli fis-suq. Hija tosserva li l-Kummissjoni ma tikkontestax it-trasparenza tat-tieni sejħa għal offerti, iżda li d-dubji tagħha huma relatati mal-għażla tal-impenji (premessi 137 sa 144 tad-deċiżjoni kkontestata) u l-impossibbiltà li jinxtraw assi individwali, minflok ma jixtruhom kollha flimkien. Hija tikkontesta l-evalwazzjonijiet imwettqa mill-Kummissjoni f’dan ir-rigward.

227    Fl-ewwel lok, fil-premessi 17 u 137 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li, skont il-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal‑2011, il-kandidati potenzjali setgħu jissottomettu offerta bi “impenji tax-xerrej” jew mingħajrhom (iktar ’il quddiem “offerta b’impenji” u “offerta mingħajr impenji” rispettivament”). Il-Kummissjoni tosserva li kien previst li jekk l-ogħla offerta tkun ġiet minn kandidat li għażel li ma jiħux l-impenji, il-kandidat li jkun ressaq l-ogħla offerta fost il-kandidati li jkunu ressqu offerta b’impenji kellu l-possibbiltà li jallinja din mal-ogħla offerta minn fost il-kandidati li ppreżentaw offerta mingħajr impenji.

228    Il-Kummissjoni kkunsidrat li l-possibbiltà mogħtija lil kandidat li jżid l-offerta tiegħu wara s-sottomissjoni tal-offerti kollha tista’ tiddiswadi lill-kandidati potenzjali jew ikollha impatt negattiv fuq l-offerti sottomessi. Hija spjegat li l-offerta ta’ parteċipant li jagħmel offerta b’impenji tkun potenzjalment inferjuri milli tkun jekk il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 ma tipprevedix tali possibbiltà ta’ allinjament. Hija kkunsidrat li din il-kundizzjoni tista’ tiddiswadi lill-kandidati li ma jkunux jixtiequ jissottomettu offerta b’impenji, bl-għarfien li anki jekk l-offerta tagħhom kienet l-ogħla waħda din tista’ tiġi miċħuda. Hija kkonkludiet li l-possibbiltà li titressaq offerta b’impenji jista’ jkollha influwenza fuq il-prezz propost (premessi 138 sa 140 u 143 tad-deċiżjoni kkontestata).

229    Qabel kollox, l-argument tar-rikorrenti li l-għażla tal-impenji fil-fatt ma kellha l-ebda impatt fuq il-prezz tal-bejgħ għandu jiġi miċħud, peress li l-ebda offerent ma għamel użu minnu. Minn naħa, dan huwa bbażat fuq konstatazzjoni fattwali a posteriori. Min-naħa l-oħra, tali argument ma huwiex rilevanti għall-finijiet tal-eżami ta’ jekk il-kundizzjonijiet imposti mis-sejħa għal offerti stess jippermettu li jiġi ggarantit l-ogħla prezz possibbli.

230    Għandu jiġi rrilevat li fil-premessa 141 tad-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni ddikjarat li l-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 kienu jiffavorixxu lill-parteċipanti li lesti li jaċċettaw l-impenji, li seta’ kien indikazzjoni li l-prezz offrut f’offerta mingħajr impenji jista’ jkun ogħla mill-prezz propost mill-kandidat magħżul. Madankollu, għandu jiġi osservat li, fi kwalunkwe każ, sabiex tintlaqa’ offerta b’impenji, il-prezz propost fl-offerta għandu jiġi revedut u allinjat mal-prezz propost f’offerta mingħajr impenji.

231    Madankollu, huwa minnu li, hekk kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 139 tad-deċiżjoni kkontestata, wieħed mill-elementi li jiggarantixxu prezz massimu f’sejħa għal offerti huwa l-inċertezza dwar il-prezz propost mill-offerenti l-oħra. Madankollu, proċedura ta’ sejħa għal offerti li tippermetti lil ċerti offerenti jibdlu l-prezz li jipproponu tinvolvi r-riskju, minn naħa, li dawk li jistgħu jibdlu l-offerta tagħhom jipprovaw ma jipproponux l-ogħla prezz li fih jevalwaw l-impriża li hija għall-bejgħ u jistennew sabiex jaraw hemmx il-ħtieġa li jżidu l-offerta tagħhom, u, min-naħa l-oħra, li dawk li ma jistgħux jibdlu l-offerta tagħhom jipproponu prezz inferjuri għall-iktar prezz ogħli li bih huma jevalwaw l-impriża li hija għall-bejgħ, jew anki jiddeċiedu li ma jitfgħux offerta, billi jikkunsidraw li huma jkunu jistgħu jiġu miċħuda fi kwalunkwe każ minn offerent li jkun lest jaċċetta l-impenji.

232    Għaldaqstant, ma jistax jiġi eskluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sejħa għal offerti tal‑2011 li jipprevedu l-possibbiltà li jinbidel il-prezz tal-bejgħ propost seta’ kellhom impatt fuq il-prezz tal-bejgħ, fis-sens li ma kienx ikun l-iktar għoli possibbli.

233    Fit-tieni lok, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-fatt li l-bejgħ kien organizzat bħala l-bejgħ ta’ impriża operattiva, jiġifieri, tal-assi kollha tiegħu, ipprekluda l-possibbiltà ta’ massimizzazzjoni tal-prezz finali billi jintużaw proċeduri għas-setturi differenti ta’ attività ta’ NCHZ, billi jitneħħew jew jitnaqqsu d-diffikultajiet potenzjali li jirriżultaw minn terminazzjoni possibbli tal-attività ta’ din il-kumpannija. Hija kkonstatat li d-dokumenti ppreżentati mill-awtoritajiet Slovakki rreferew għall-eżistenza ta’ kandidati potenzjali interessati li jixtru biss partijiet ta’ NCHZ. Fil-fehma tagħha, għalhekk, ma kienx possibbli li wieħed jeskludi l-ipoteżi li l-bejgħ ta’ setturi differenti ta’ attività ta’ NCHZ seta’ rriżulta fi prezz tal-bejgħ totali ogħla (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata).

234    Ir-rikorrenti ssostni li ma huwiex importanti li jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ tal-assi separati kienx jippermetti li jinkiseb prezz tal-bejgħ ogħla, iżda li jkun magħruf jekk ix-xerrej ikunx ħallas, għall-assi, prezz konformi ma’ dak tas-suq u l-unika kwistjoni li teħtieġ li titwieġeb hija jekk ix-xerrej ikunx irċieva vantaġġ ekonomiku. Barra minn hekk, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni missha pproduċiet provi li juru li kien ikun possibbli li jinkiseb riżultat aħjar billi l-assi jinbiegħu individwalment.

235    Il-Kummissjoni tikkontesta dan l-argument billi ssostni li, li kieku kien possibbli li jinkiseb prezz ogħla minn bejgħ separat tal-assi, iżda madankollu ġie deċiż li wieħed jipproċedi għal ċessjoni sħiħa tal-kumpannija bħala impriża operattiva, sabiex tiġi ggarantita t-tkomplija tal-attività ekonomika ta’ NCHZ, u mhux għall-massimizzazzjoni tar-rikavat mill-bejgħ, huwa ċar li l-bejgħ ma seħħx bil-prezz tas-suq, jiġifieri bl-ogħla prezz li jista’ jinkiseb fis-suq.

236    Għandu jiġi rrilevat li, għall-inqas, kandidat esprima interess f’bejgħ mhux komprensiv (premessa 145 tad-deċiżjoni kkontestata) u li s-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) talab lill-amministratur sabiex jevalwa din l-offerta supplimentari. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, bi tweġiba għal mistoqsija mill-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni indikat, mingħajr ma ġiet ikkontestata mir-rikorrenti, li s-sejħa għal offerti tal‑2011 tipprojbixxi l-bejgħ tal-assi b’mod separat.

237    Għandu jiġi kkunsidrat li l-prezz li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni huwa dak tal-impriża li hija għall-bejgħ. Issa, wieħed ma jistax jassumi li jekk wieħed jipproponi biss ix-xiri tal-impriża b’mod komprensiv, jiġifieri minn xerrej wieħed, il-prezz miksub għall-bejgħ tal-impriża kien l-ogħla prezz li seta’ jinkiseb fis-suq. Fil-fatt, anki jekk l-għan imfittex kien it-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ, dan ma kienx ifisser il-projbizzjoni ta’ bejgħ separat tal-assi.

238    Minn naħa, l-attività tal-impriża mibjugħa setgħet manifestament titkompla anki jekk l-proprjetà tal-assi varji kienet maqsuma bejn diversi entitajiet. Il-bejgħ sussegwenti lir-rikorrenti wera fil-fatt li impriża setgħet kienet interessata li tixtri parti mill-assi, filwaqt li kienet qiegħda tieħu l-parti l-oħra b’kera, u b’hekk tiddisponi minn aċċess għal dawk l-assi kollha.

239    Min-naħa l-oħra, hekk kif il-Kummissjoni u l-intervenjenti sostnew waqt is-seduta, il-possibbiltà li assi setgħu jiġu offruti għall-bejgħ separatament ma kinitx timplika t-twettiq ta’ dan il-bejgħ, b’mod partikolari fil-każ li dan kien ikun finanzjarjament inqas vantaġġuż.

240    Tali possibbiltà ta’ bejgħ, li ma tillimitax l-għan tat-trasferiment għal unità ekonomika globali, madankollu kienet tippermetti l-għażla ta’ xerrejja potenzjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 158) u li jista’ jiġi preżunt, sakemm il-kundizzjonijiet l-oħra tas-sejħa għal offerti tal‑2011 kienu differenti (ara l-punt 232 iktar ’il fuq), li l-bejgħ tal-impriża sar bl-ogħla prezz.

241    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti ssostni li, fejn, bħal f’dan il-każ, l-assi jinbiegħu lil terzi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li hija parti minn proċedura ta’ falliment, l-inċentiv ekonomiku tal-partijiet ikun ovvju u dak tax-xerrej ikun li jwettaq tranżazzjoni li, fil-fehma tiegħu, tindika t-twettiq ta’ profitt. Issa, għandu jiġi kkonstatat li, sa fejn Via Chem Slovakia mhux neċessarjament operat lil NCHZ iżda li biegħet lil din wara li xtratha, ir-raġunament tar-rikorrenti użat fir-rigward tal-ewwel bejgħ jimplika li Via Chem Slovakia pproponiet u ħallset prezz iktar baxx mill-prezz tas-suq.

242    Fit-tielet lok, minkejja li r-rikorrenti ssostni li ż-żewġ sejħiet għal offerti jikkonfermaw li l-prezz tal-bejgħ lil Via Chem Slovakia kien konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, madankollu għandu jiġi rrilevat li, hekk kif indikat il-Kummissjoni fil-premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata, is-sejħa għal offerti tal‑2010 wasslet għall-offerta ta’ offerent wieħed biss, li l-amministratur irrifjuta, billi emmen li setgħet tinkiseb offerta aħjar.

243    Barra minn hekk, mill-fatt l iż-żewġ kandidati fl-istadju finali tas-sejħa għal offerti tal‑2011 li ssottomettew offerti qrib tal-ewwel offerta (premessa 16 tad-deċiżjoni kkontestata), ir-rikorrenti tikkonkludi li din kienet prova li dan kien il-prezz tas-suq. Madankollu, dan l-argument għandu jiġi miċħud peress li, minn naħa, waħda miż-żewġ offerenti kienet il-kumpannija li l-offerta tagħha ġiet miċħuda fis-sejħa għal offerti tal‑2010 u, min-naħa l-oħra, għar-raġunijiet esposti fil-punti 232 u 240 iktar ’il fuq.

244    Fir-raba’ lok, bħala tweġiba għall-argument imressaq mir-rikorrenti, il-Kummissjoni ssostni li l-“analiżi ex post” magħmula mill-amministratur, tal-prezz offert minn Via Chem Slovakia ma weriex li l-prezz li nkiseb b’dan il-mod kien effettivament prezz tas-suq. Din l-analiżi kienet teżamina jekk, f’dan l-istadju, il-bejgħ tal-impriża lil Via Chem Slovakia kinitx l-aħjar soluzzjoni.

245    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali matul is-seduta, il-Kummissjoni kienet indikat li hija kkwalifikat l-analiżi bħala “ex post”, minħabba li kienet twettqet wara l-wasla tal-offerti rċevuti fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti tal‑2011. Minn din l-analiżi, ikkomunikata mill-Kummissjoni bħala parti mill-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li din kienet tikkonċerna jekk, f’dan l-istadju, il-bejgħ tal-impriża lil Via Chem Slovakia kienet l-aħjar soluzzjoni. Minn dan jirriżulta wkoll li l-amministratur ma qiesx li l-prezz propost minn Via Chem Slovakia kien bla dubju l-prezz tas-suq, iżda li kien indika li kien meħtieġ li NCHZ tinbiegħ minħabba li differiment tal-bejgħ jinvolvi effetti negattivi ulterjuri fuq din il-kumpannija, b’mod partikolari jekk l-attività tagħha titkompla fil-kuntest tal-falliment.

246    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti tal‑2011 ma jippermettux li jiġi preżunt li l-bejgħ kellu l-għan li jinkiseb il-prodott massimu u l-Kummissjoni kellha raġun tqis li ma kienx hemm garanziji li l-prezz tal-bejgħ imħallas minn Via Chem Slovakia kien il-prezz tas-suq għall-impriża NCHZ.

c)      Fuq il-bejgħ minn Via Chem Slovakia lir-rikorrenti

247    Ir-rikorrenti ssostni li, minkejja l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-bejgħ bejn Via Chem Slovakia u hija stess huma irrilevanti minħabba li l-ewwel bejgħ sar bil-prezz tas-suq, għandu jiġi kkunsidrat li l-prezz tal-bejgħ innegozjat bejn l-operaturi tas-suq privat f’ekonomija tas-suq huwa preżunt li huwa konformi mal-kundizzjonijiet tas-suq, anki fl-assenza ta’ sejħa għal offerti.

248    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li, fil-każ tal-bejgħ ta’ Via Chem Slovakia lir-rikorrenti, din kienet tranżazzjoni bejn żewġ kumpanniji privati mingħajr ebda sejħa għal offerti. Hija rrilevat li dawn il-kumpanniji sempliċement qablu fuq prezz mingħajr ma xi entità oħra kellha l-possibbiltà li tipproponi prezz aħjar. Hija kkonkludiet li d-dubji dwar jekk il-prezz imħallas minn Via Chem Slovakia kienx jikkorrispondi mal-prezz tas-suq kien għalhekk jikkonċerna wkoll il-prezz imħallas mir-rikorrenti (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

249    Hemm lok li jitwarrab ir-riferiment magħmul mir-rikorrenti għal prassi deċiżjonali, sa fejn il-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni li tikkonċerna kawżi oħra ma tistax taffettwa l-validità tad-deċiżjoni kkontestata, li tista biss tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli oġġettivi tat-trattat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑20 ta’ Mejju 2010, Todaro Nunziatina & C, C‑138/09, EU:C:2010:291, punt 21, u tas‑17 ta’ Diċembru 2015, SNCF vs Il‑Kummissjoni, T‑242/12, EU:T:2015:1003, punt 121).

250    Barra minn hekk, huwa minnu li, hekk kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, il-fatt li ma kienx hemm sejħa għal offerti ma joffri l-ebda ċertezza għall-fatt li dan il-prezz kien konformi ma’ jew inferjuri għall-prezz tas-suq.

d)      Konklużjoni

251    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, hekk kif il-Kummissjoni kkunsidrat, essenzjalment, fil-premessi 144 sa 146 u 168 tad-deċiżjoni kkontestata, irid jiġi konkluż li ma jistax jitqies bħala ċerti li ż-żewġ bejgħ sussegwenti saru bil-prezz tas-suq.

3.      Fuq il-portata tat-tranżazzjoni

252    Skont ir-rikorrenti, l-uniku kriterju li ma jimmilitax kontra l-eżistenza ta’ evitar jinsab fil-portata tat-tranżazzjoni. Hija tallega li, anki jekk bejgħ separat tal-assi ta’ NCHZ kien ippermetta li tiġi eskluża l-kontinwità ekonomika, is-sempliċi fatt li l-assi ta’ NCHZ inbiegħu fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ tkomplija tal-attività bejn NCHZ u Via Chem Slovakia ma huwiex biżżejjed sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika. Barra minn hekk, fir-rigward tal-bejgħ ta’ ċerti assi minn Via Chem Slovakia lir-rikorrenti, peress li 60 % biss tal-attività ta’ NCHZ ġie ttrasferit, ikun anki possibbli li jiġi sostnut li l-portata tat-trasferiment ma kienx biżżejjed sabiex jintlaħaq dan il-kriterju, sabiex il-kontinwità ekonomika tkun tista’ tiġi mwarrba biss fuq din il-bażi.

253    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-argument tar-rikorrenti. Hija tqis li l-portata tat-tranżazzjoni hija kriterju partikolarment importanti u tinnota li r-rikorrenti ma tikkontestax l-argumenti żviluppati f’dan il-punt fid-deċiżjoni kkontestata, iżda tipprova tnaqqas l-importanza ta’ dan l-aspett, mingħajr ma l-ġurisprudenza tagħmilha possibbli li tiġi ssostanzjata l-perspettiva tagħha.

254    Fid-deċiżjoni kkontestata, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni indikat li, iktar ma tkun kbira l-parti tal-impriża inizjali li tkun qiegħda tiġi ttrasferita lil entità ġdida, iktar ikun probabbli li l-attività ekonomika relatata ma’ dawk l-assi tkompli tibbenefika mill-vantaġġi tal-għajnuna inkompatibbli (premessa 149 tad-deċiżjoni kkontestata).

255    Fit-tieni lok, il-Kummissjoni osservat, minn naħa, li l-bejgħ lil Via Chem Slovakia kien jikkonċerna l-attività kollha ta’ NCHZ bħala impriża operattiva (premessi 150 u 151 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija osservat, min-naħa l-oħra, li, fir-rigward tal-bejgħ lir-rikorrenti, il-portata tal-attività tal-impriża li xtara r-rikorrenti baqgħet identika għall-portata preċedenti tal-attivitajiet ta’ NCHZ u li iktar minn 95 % tal-impjegati ta’ NCHZ ġew inklużi (premessa 152 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija nnotat ukoll li, bl-eċċezzjoni tal-proprjetajiet immobbli, l-assi kollha u d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta mal-impriża ttrasferita kienu ttieħdu mir-rikorrenti (premessi 153 u 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Skont il-Kummissjoni, il-fatt li parti mill-assi huma użati abbażi ta’ kuntratt ta’ kiri, pjuttost li bi dritt dirett għall-proprjetà ma jbiddilx il-fatt li r-rikorrenti “sempliċement” qiegħda tfittex li tkompli bl-attivitajiet ekonomiċi ta’ NCHZ fl-istess portata bħal qabel it-tranżazzjoni (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li r-rikorrenti kienet żammet lit-tmexxija ta’ NCHZ (premessa 154 tad-deċiżjoni kkontestata), wara li kienet ħabbret fl-istampa, fil-mument tax-xiri tal-attività ta’ din il-kumpannija, li hija ma kienet tipprevedi l-ebda bidla kbira f’termini ta’ persunal jew ta’ produzzjoni u li hija kienet ser iżżomm lit-tmexxija fil-pożizzjonijiet tagħhom (premessa 155 tad-deċiżjoni kkontestata). Għalhekk, skont il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kompliet bl-attivitajiet ta’ NCHZ mingħajr ebda bidla kbira fil-politika kummerċjali, tal-persunal jew tal-produzzjoni tagħha (premessa 158 tad-deċiżjoni kkontestata).

256    Għandu jiġi rrilevat li, sabiex jintwera li l-portata tat-tranżazzjoni hija fil-fatt kriterju negattiv li waħdu jista’ jelimina, fejn ma jkunx issodisfatt, il-possibbiltà li t-tranżazzjoni inkwistjoni tkun qiegħda tevita d-deċiżjoni ta’ rkupru, ir-rikorrenti ssostni li din il-konklużjoni tirriżulta mill-ġurisprudenza u tikkwota f’dan ir-rigward il-punt 67 tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Tizzano fil-kawża Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑277/00, EU:C:2003:354).  Issa, dan il-punt jirrepeti argument tal-Kummissjoni u, għall-kuntrarju tad-dikjarazzjonijiet tagħha, ma jirreferi għall-ebda riferiment komplementari. Barra minn hekk, huwa ċar mill-ġurisprudenza li jistgħu jiġu kkunsidrati elementi varji, li jinkludu “l-għan tat-trasferiment (assi u obbligi, żamma tal-persunal, assi magħquda)” (ara l-punt 208 iktar ’il fuq), madankollu, ma jidhirx li l-kontinwità ekonomika għandha tiġi eskluża fil-każ ta’ portata żgħira tat-tranżazzjoni.

257    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tqis il-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tressaq l-ebda argument sabiex tikkontesta l-evalwazzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni kkontestata fir-rigward tal-portata taż-żewġ tranżazzjonijiet ta’ bejgħ sussegwenti, bl-eċċezzjoni, madankollu, tal-argument li 60 % biss tal-attività kienet trasferita lir-rikorrenti. Madankollu, il-Kummissjoni wieġbet għal dan l-argument fil-premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata u r-rikorrenti ma ressqet l-ebda argument li jikkontradixxi l-kunsiderazzjonijiet li hija kienet tikri lil Via Chem Slovakia l-proprjetajiet immobbli (art u bini) li hija ma kinitx xtrat u li kienu meħtieġa għall-produzzjoni kimika. Barra minn hekk, hija ma tressaq l-ebda argument sabiex tikkontesta l-kunsiderazzjonijiet l-oħra tal-Kummissjoni li r-rikorrenti kienet qiegħda tkompli l-attivitajiet ta’ NCHZ mingħajr ebda bidla kbira fil-politika kummerċjali, tal-persunal jew tal-produzzjoni tagħha (ara l-punt 225 iktar ’il fuq).

258    Issa, il-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata ma jidhrux li huma vvizjati bi żball u jagħmluha possibbli li jiġi kkunsidrat li, f’dan il-każ, il-portata tat-tranżazzjoni, fis-sens tal-għan tat-trasferiment, jaħdem favur l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti. Il-fatt li din tal-aħħar ma xtratx il-proprjetajiet immobbli meħtieġa għall-produzzjoni kimika, ikkostitwiti mill-art u l-bini, iżda li kriethom, ma jistax jimmina din il-konklużjoni, peress li hija din il-kumpannija li għandha l-użu tal-elementi kollha li jippermettu t-tkomplija tal-attività ta’ NCHZ.

4.      Fuq il-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni

259    Ir-rikorrenti tqis, b’riferiment għall-punt 33 tal-Avviż tal‑2007, li l-kriterju relatat mal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni ma huwiex maħsub sabiex jiżgura li x-xerrej juża l-assi b’mod differenti mill-bejjiegħ, iżda sabiex jiddetermina jekk raġuni ekonomika differenti għal dik tal-evitar tad-deċiżjoni ta’ rkupru tkunx tiġġustifika t-tranżazzjoni. Dan il-kriterju ma jkunx maħsub biex jintuża lil hinn minn din l-indikazzjoni ta’ ċirkomvenzjoni u jkun partikolarment utli fil-kuntest ta’ tranżazzjonijiet intragrupp. Fejn, bħal f’dan il-każ, l-assi jinbiegħu lil terz fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti li tifforma parti minn proċedura ta’ falliment, l-inċentiv ekonomiku tal-partijiet ikun ovvju. Minn naħa, il-bejjiegħ, f’dan il-każ l-amministratur tal-falliment, ifittex fondi sabiex ikun jista’ jirrimborsa d-djun tal-kumpannija taħt proċedura ta’ falliment u, sabiex jagħmel dan, ibigħ l-assi, bħal f’dan il-każ, skont il-prinċipju ta’ tkomplija tal-attività sabiex iħallas il-krediti miżmuma mill-kredituri, jekk dan il-bejgħ jippermetti li jkun hemm dħul ogħla mill-bejgħ tal-assi separati. Min-naħa l-oħra, ix-xerrej jixtieq iwettaq tranżazzjoni li, fil-fehma tiegħu, tindika profitt. Fi kwalunkwe każ, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li x-xiri tal-assi ta’ NCHZ ma kienx konsistenti mal-attivitajiet l-oħra tar-rikorrenti (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata) huwa “assurd mil-lat ekonomiku”.

260    Il-Kummissjoni ssostni li d-deċiżjoni kkontestata ma hija vvizzjata minn ebda żball f’dan ir-rigward. Hija targumenta li r-rikorrenti ma tikkwota l-ebda ġurisprudenza li ssostni l-interpretazzjoni tagħha tal-kriterju tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni u jidher li qiegħda tinjora l-fatt li hija msemmija fil-ġurisprudenza bħala wieħed mill-elementi li jistgħu jiġu kkunsidrati sabiex tiġi stabbilita kontinwità ekonomika bejn il-benefiċjarju tal-għajnuna mill-Istat u x-xerrej tal-assi ta’ dan il-benefiċjarju, u mhux sabiex tintwera evitar tal-ordni ta’ rkupru.

261    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni osservat li l-għan tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni kien li jiġi vverifikat jekk ix-xerrej tal-assi użahomx bl-istess mod bħall-bejjiegħ jew jekk, għall-kuntrarju, integrax dawn l-assi fl-istrateġija kummerċjali tiegħu stess u b’hekk irrealizza sinerġiji li jiġġustifikaw l-interess tiegħu fix-xiri ta’ dawn l-assi (premessa 164 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija rrilevat li r-rikorrenti kien xtrat id-diviżjoni kimika kollha ta’ NCHZ, jiġifieri l-parti prinċipali tal-attività ta’ din il-kumpannija, bħala impriża operattiva, b’iktar minn 95 % tal-impjegati tagħha kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi relatati, u li l-portafoll ta’ prodotti u l-portata tal-attivitajiet tar-rikorrenti kienu identiċi għal dawk ta’ NCHZ (premessa 165 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija barra minn hekk ippreċiżat ukoll lir-rikorrenti kienet ħabbret fl-istampa l-intenzjoni tagħha li ma tagħmel l-ebda bidla kbira fir-rigward tal-operat ta’ NCHZ u l-portata tal-attivitajiet tagħha. Skont il-Kummissjoni, anki jekk ir-rikorrenti kien tagħmel parti minn grupp kbir ta’ kumpanniji, jidher li ma kien hemm l-ebda effetti ta’ sinerġija sinjifikattivi mal-membri l-oħra tal-grupp (premessa 166 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li ma kien hemm l-ebda bidla fl-istrateġija kummerċjali u li r-rikorrenti juża l-assi bl-istess mod bħall-bejjiegħ (premessa 167 tad-deċiżjoni kkontestata).

262    Qabel kollox, huwa importanti li jitfakkar li l-preżenza ta’ element intenzjonali ma huwiex neċessarju sabiex jiġi kkonstatat l-evitar tal-obbligu ta’ rkupru għat-trasferiment tal-assi (ara l-punt 211 iktar ’il fuq). Għalhekk, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, il-kriterju tal-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni, li huwa wieħed mill-elementi ċċitati fil-ġurisprudenza (ara l-punt 208 iktar ’il fuq) ma jirrigwardax neċessarjament u biss li jiġi stabbilit jekk raġuni ekonomika oħra li ma hijiex tali evitar tiġġustifika t-tranżazzjoni inkwistjoni.

263    Sussegwentement, għandu jiġi rrilevat li ma jistax jingħad, hekk kif issostni r-rikorrenti, li l-loġika ekonomika wara ċ-ċessjoni tal-assi ta’ NCHZ fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ tkomplija tal-attività ta’ din il-kumpannija kienet intiża sabiex jinkiseb l-ikbar profitt sabiex jitħallsu l-krediti miżmuma mill-kredituri. Fil-fatt, hekk kif ġie konkluż, il-proċedura ta’ sejħa għal offerti li wasslet għall-bejgħ lil Via Chem Slovakia ma kinitx organizzata b’tali mod li l-bejgħ bl-ogħla prezz kien iggarantit (ara l-punt 246 iktar ’il fuq).

264    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-bejgħ lir-rikorrenti, il-Kummissjoni rrikonoxxiet li wħud mill-membri tal-grupp ta’ kumpanniji li għalihom kienet tappartjeni r-rikorrenti kienu attivi wkoll fl-industrija tal-kimika, iżda rrilevat li l-oqsma ta’ attività tagħhom kienu differenti. Issa, ir-rikorrenti tikkontesta din l-evalwazzjoni tal-assenza ta’ sinerġiji biss permezz ta’ dikjarazzjonijiet li ma humiex sostnuti. Fi kwalunkwe każ, il-fatt, mhux ikkontestat, li, hekk kif ikkunsidrat il-Kummissjoni, ir-rikorrenti kien qiegħda sempliċement tuża l-assi bl-istess mod bħal NCHZ, mingħajr ebda bidla fl-istrateġija kummerċjali, wassal għall-konklużjoni li l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni ta’ bejgħ lir-rikorrenti kienet għaliha, it-tkomplija tal-attivitajiet imwettqa preċedentement minn NCHZ.

265    Għaldaqstant, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tagħmel żball, tikkonkludi li l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni kienet tikkostitwixxi l-indiċi tal-kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti.

5.      Fuq l-elementi l-oħra eżaminati mill-Kummissjoni

a)      Fuq l-intenzjoni li tiġi evitata d-deċiżjoni ta’ rkupru

266    Ir-rikorrenti tqis li, fil-premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja l-fatt li l-Kummissjoni kkonstatat li, anki kieku ma kellha l-ebda prova diretta li l-għan tal-operazzjoni kien li jiġu evitati l-effetti ta’ deċiżjoni eventwali ta’ rkupru, hija madankollu ddikjarat ukoll li l-awtoritajiet Slovakki kienu konxji sew mill-fatt li kienet qiegħda tinvestiga b’mod preliminari wara l-ilment ippreżentat fis‑17 ta’ Ottubru 2011 u kienu konxji tal-eżistenza tal-multa ta’ EUR 19.6 miljun imposta minħabba fl-akkordju lil NCHZ permezz tad-deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2009. Skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni b’mod żbaljat “insinwat” li dawn iż-żewġ punti indirettament wrew l-intenzjoni li jevitaw l-irkupru. Fir-replika, ir-rikorrenti indikat li l-Kummissjoni taċċetta li l-każ preżenti ma jittrattax każ ta’ evitar.

267    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, targumenta li kkonkludiet li kien hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti, li jista’ jeżisti b’mod indipendenti mill-eżistenza ta’ intenzjoni preċiża sabiex tiġi evitata deċiżjoni ta’ rkupru u li qatt ma ddikjarat li l-kawża preżenti kienet tikkonċerna każ ta’ evitar (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

268    Għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkonkludietx li kien hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti, b’mod partikolari, bħala riżultat ta’ intenzjoni li jiġi evitat l-obbligu ta’ rkupru impost minn dik id-deċiżjoni. Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti huwa ineffettiv.

b)      Fuq ir-rabtiet bejn il-proprjetarju inizjali u l-proprjetarju l-ġdid ta’ NCHZ

269    Skont ir-rikorrenti, l-assi nbiegħu lil terzi mingħajr ebda rabta ma’ NCHZ jew l-azzjonisti tagħha, li essenzjalment il-Kummissjoni kienet ammettiet fid-deċiżjoni kkontestata. Tali rabta bejn NCHZ u Via Chem Slovakia ma teżistix. Fir-replika, hija ssostni li l-Kummissjoni ma tippreżenta l-ebda argument legali jew ekonomiku sabiex tispjega r-raġuni li għaliha dan il-kriterju għandu jservi biss biex juri l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika u mhux biex ibiddel tali eżistenza. Dan il-kriterju fil-fatt jiddetermina jekk il-bejgħ sarx jew le, sabiex tiġi evitata d-deċiżjoni ta’ rkupru.

270    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tosserva li dan l-element ġie kkunsidrat sabiex tiġi evalwata l-kontinwità ekonomika, iżda targumenta li ma tista’ tinsilet l-ebda konklużjoni partikolari mill-fatt li l-identità tal-proprjetarji għadha mhux magħrufa, speċjalment peress li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax l-intenzjoni li tiġi evitata l-ordni ta’ rkupru. Fil-kontroreplika, hija tikkontesta, b’riferiment għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2012, Ryanair vs Il‑Kummissjoni (T‑123/09, EU:T:2012:164, punt 156), l-argument tar-rikorrenti li, fl-assenza ta’ identità tal-proprjetarji, l-ebda evitar u, għaldaqstant, l-ebda kontinwità ekonomika ma tista’ tiġi stabbilita.

271    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li hija “[assumiet] li ma kien hemm l-ebda rabta bejn il-proprjetarji l-qodma u dawk il-ġodda ta’ […] NCHZ ittrasferita lir-[rikorrenti], sakemm ma għandha l-ebda prova li turi l-kuntrarju” (premessa 162 tad-deċiżjoni kkontestata).

272    Għandu jiġi rrilevat li, fost l-elementi rilevanti ċċitati fil-ġurisprudenza, hemm l-identità tal-azzjonisti jew tal-proprjetarji tal-impriża xerrejja u tal-impriża inizjali (ara l-punt 208 iktar ’il fuq). Hekk kif jirriżulta mill-premessi 159 sa 162 u 168 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, minkejja li l-Kummissjoni eżaminat dan l-element, hija ġustament ma qisitx li kien jikkostitwixxi indikazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti. Madankollu, hija xorta waħda ġustament qieset li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tad-diversi elementi eżaminati, l-assenza ta’ rabta bejn il-proprjetarji l-qodma u l-ġodda ta’ NCHZ ma jippermettix l-esklużjoni tal-eżistenza ta’ tali kontinwità ekonomika.

273    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li dan l-element jippermetti li jiġi ddeterminat jekk il-bejgħ sarx jew le sabiex tiġi evitata d-deċiżjoni ta’ rkupru, dan għandu jiġi miċħud bħala mhux ineffettiv għall-istess raġuni bħal dik esposta fil-punt 268 iktar ’il fuq.

c)      Fuq il-mument tal-bejgħ

274    Skont ir-rikorrenti, il-kredituri, l-amministratur u s-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín), ħafna qabel kwalunkwe eżami dwar għajnuna mill-Istat, iddeċidew li jbiegħu l-assi skont il-prinċipju ta’ tkomplija tal-attività ta’ NCHZ permezz ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tallegax li l-amministratur, is-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín), NCHZ, Via Chem Slovakia jew ir-rikorrenti kienu jafu, fil-mument tal-bejgħ, tal-proċedura li kienet fetħet. Issa, l-għarfien tar-riskju ta’ deċiżjoni ta’ rkupru ta’ għajnuna mill-Istat jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ evitar. Fid-dawl tal-kliem tal-premessa 168 tad-deċiżjoni kkontestata, għandu jkun mifhum li l-Kummissjoni ma xtaqitx tibbaża l-konklużjoni tagħha fuq il-mument tal-bejgħ. Hija għalhekk impliċitament ikkonċediet, f’dan il-każ, li dan l-element kien jimmilita kontra l-eżistenza ta’ evitar.

275    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tosserva li ma huwiex fuq il-bażi ta’ dan l-element li kkonstatat l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti, peress li l-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata tirrigwarda s-sempliċi reġistrazzjoni ta’ fatt. Barra minn hekk, hija ssostni li ma pprovatx tipprova intenzjoni li jiġi evitat l-ordni ta’ rkupru. Fl-kontroreplika, hija tallega li l-argument tar-rikorrenti li l-obbligu ta’ rkupru qatt ma jista’ jiġi estiż għal xerrej mhux informat, minkejja l-eżistenza oġġettiva ta’ kontinwità ekonomika, ma jsib l-ebda sostenn fil-ġurisprudenza, u lanqas ma jagħti l-impressjoni li l-kontinwità ekonomika ma tistax tiġi stabbilita meta t-trasferiment tal-assi jseħħ qabel il-ftuħ tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali.

276    Fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni eżaminat il-kriterju tal-mument tal-bejgħ. Hija osservat li “[l]-bejgħ [sar] wara [il-bidu ta’] investigazzjoni preliminari fuq ilment u [t-trażmissjoni] tar-riżultati tagħha lir-Repubblika Slovakka għal osservazzjonijiet” u li din tal-aħħar “kienet tal-inqas [informata] li l-miżuri li kienu qegħdin jiġu kkunsidrati setgħu jitqiesu bħala għajnuna illegali u inkompatibbli li għandha tiġi rkuprata”.

277    Għandu jiġi kkonstatat li, fost l-elementi rilevanti ċċitati fil-ġurisprudenza, hemm “il-mument li fih isir it-trasferiment (wara l-bidu tal-investigazzjoni, il-ftuħ tal-proċedura jew id-deċiżjoni finali)” (ara l-punt 208 iktar ’il fuq). Filwaqt li l-Kummissjoni eżaminat dan l-element fil-premessa 163 tad-deċiżjoni kkontestata, hija ma rreferietx għalih, fil-premessi 168 sa 170 tad-deċiżjoni kkontestata, li jinkludu l-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika, bħala indikazzjoni ta’ din il-kontinwità f’dan il-każ.

278    Barra minn hekk, kuntrarjament għad-dikjarazzjoni tar-rikorrenti, ma jirriżultax b’mod ċar mid-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni rrikonoxxiet impliċitament li ż-żmien li fih sar il-bejgħ jaħdem kontra l-eżistenza ta’ evitar. Din fil-fatt sempliċement indikat li għalkemm ma għandhiex prova diretta li t-tranżazzjoni kellha l-għan li tevita l-effetti ta’ deċiżjoni eventwali ta’ rkupru, “l-awtoritajiet Slovakki kienu jafu li [hija] kienet qed tinvestiga b’mod preliminarju ilment introdott kontra NCHZ mis‑17 ta’ Ottubru 2011 [premessa 2 tad-deċiżjoni kkontestata] u li kien hemm dritt għall-ħlas tal-multa ta’ EUR 19.6 miljun imposta fuq NCHZ b’deċiżjoni tat‑22 ta’ Lulju 2009 [premessa 12 tad-deċiżjoni kkontestata]” (premessa 131 tad-deċiżjoni kkontestata).

279    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, bl-argument li l-għarfien ta’ deċiżjoni dwar l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat, jew tal-inqas tar-riskju ta’ tali deċiżjoni, jikkostitwixxi kundizzjoni neċessarja għall-eżistenza ta’ evitar tal-irkupru, ir-rikorrenti tinvoka it-twettit ta’ bejgħ bil-għan li jiġi evitat l-irkupru tal-għajnuna mill-Istat. Issa, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv għall-istess raġuni stabbilita fil-punt 268 iktar ’il fuq.

280    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi ppreċiżat li, hekk kif sostnut mir-rikorrentii, id-deċiżjoni dwar il-bejgħ ta’ NCHZ skont il-prinċipju ta’ tkomplija tal-attività kienet ittieħdet l-ewwel u qabel kollox bħala indikazzjoni tal-fatt li l-Kummissjoni kienet qiegħda teżamina l-possibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat. Anki meta titqies id-data tas-sejħa għal offerti tal‑2010 jew, wara li din l-offerta ma rnexxietx, id-data tal-ordni ta’ infurzar tas-súd v Trenčíne (il-Qorti ta’ Trenčín) li timponi lill-amministratur ibiegħ f’Ġunju 2011, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma rċevietx l-ilment tal-intervenjenti. Barra minn hekk, ma huwiex neċessarjament sinjifikattiv il-fatt li l-ftehim ta’ bejgħ ma’ Via Chem Slovakia ġie finalment konkluż fis‑16 ta’ Jannar 2012, jiġifieri l-jum li fih il-Kummissjoni bagħtet lill-gvern il-verżjoni Slovakka tal-ilment, li kienet diġà ġiet ikkomunikata, b’lingwa oħra li ma kinitx dik Slovakka, fis‑17 ta’ Ottubru 2011. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li meta NCHZ inbiegħet lir-rikorrenti f’Awwissu 2012, l-eżistenza tal-ilment kienet magħrufa u l-eżami qabel il-ftuħ tal-investigazzjoni formali kien għadu għaddej. Ir-rikorrenti nnifisha tindika li l-amministratur kellu indikazzjoni inizjali tal-eżistenza ta’ eżami preliminari mill-Kummissjoni ta’ għajnuna mill-Istat bħala riżultat ta’ ittra tat‑2 ta’ April 2012, li kienet ġiet ippreżentata lilu fl‑10 ta’ April 2012. Għaldaqstant, matul it-tieni bejgħ, Via Chem Slovakia u r-rikorrenti kellhom ikunu konxji ta’ dan minħabba li, fir-rigward ta’ din tal-aħħar, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet tagħha matul is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, għandu jiġi rrilevat li kwalunkwe operatur diliġenti huwa mistenni li jkun kompletament konxju mis-sitwazzjoni ekonomika tal-entità li qiegħed jipprevedi x-xiri tagħha.

6.      Fuq l-evalwazzjoni globali tal-Kummissjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti

281    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat il-konklużjoni tagħha fuq l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika fuq il-fatt li l-prezzijiet imħallsa fiż-żewġ bejgħ sussegwenti probabbilment ma kinux jikkostitwixxu l-prezz tas-suq kif ukoll il-portata tat-tranżazzjoni, fit-tifsira tal-għan tat-trasferiment, u l-loġika ekonomika tat-tranżazzjoni (premessi 168 u 169 tad-deċiżjoni kkontestata).

282    Mill-analiżi tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta qieset, fl-ewwel lok, li kemm il-portata tat-tranżazzjoni (l-għan tat-trasferiment) kif ukoll il-loġika ekonomika tagħha setgħu jikkostitwixxu indikazzjoni tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti (ara l-punti 254 sa 258 u 261 sa 265 iktar ’il fuq) u, fit-tieni lok, li ma setax jiġi kkunsidrat li ż-żewġ bejgħ sussegwenti kienu saru bil-prezz tas-suq (ara l-punt 251 iktar ’il fuq).

283    F’dan il-kuntest, fid-dawl tal-fatt li, konformement mal-ġurisprudenza, minn naħa, jekk wieħed jassumi li l-prezz tat-trasferiment kien konformi mal-prezz tas-suq, dan kien biss element wieħed fl-analiżi tal-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika eventwali u, min-naħa l-oħra, il-ħlas ta’ prezz skont il-kundizzjonijiet tas-suq jista’ ma jkunx biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għall-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta mill-għajnuna illegali, għandu jitqies li, minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi li l-obbligu ta’ rkupru ġie estiż għar-rikorrenti, irrispettivament minn kwalunkwe konstatazzjoni dwar l-intenzjoni ta’ evitar.

284    Konsegwentement, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud.

G.      Fuq il-ħames motiv, invokat sussidjarjament, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 107(1) u tal-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 14(1) tar-Regolament Nru 659/1999, bħala riżultat tal-assenza ta’ limitazzjoni tal-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru tal-allegata għajnuna mill-Istat tar-rikorrenti għal 60 % tal-ammont ta’ din l-għajnuna

285    Ir-rikorrenti ssostni, sussidjarjament, li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata b’illegalità, peress li l-Kummissjoni ma llimitatx l-obbligu ta’ rkupru għal 60 % tal-ammont tal-għajnuna mill-Istat allegatament mogħtija lil NCHZ. Hija ssostni li ma setgħetx tkun benefiċjarju tal-ammont sħiħ, peress li xtrat minn Via Chem Slovakia 60 % biss tal-assi ta’ NCHZ u lanqas ma bbenefikat indirettament mill-parti li baqgħet proprjetà ta’ Via Chem Slovakia, peress li tħallas kera li kienet iffissata skont il-kundizzjonijiet tas-suq.

286    Il-Kummissjoni, sostnuta mill-intervenjenti, tikkontesta l-fondatezza tal-argument tar-rikorrenti.

287    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ppreċiżat li r-rikorrenti “[kienet tikri] lil […] Via Chem Slovakia l-[proprjetajiet immobbli] (art u bini) meħtieġa għall-produzzjoni ta’ kimiċi” u li “[bl]-eċċezzjoni tal-[proprjetajiet immobbli], l-assi kollha u d-drittijiet u l-obbligi kollha marbuta mal-impriża ttrasferita [kienu] nxtraw [mir-rikorrenti, li] kienet [topera] NCHZ u li [kompliet] bl-istess portafoll ta’ prodotti” (premessa 153 tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonkludiet li “[l]-fatt li parti mill-assi jintużaw abbażi ta’ kuntratt ta’ kiri[,] iktar milli taħt dritt dirett għall-proprjetà[,] ma [jbiddilx] il-fatt li [r-rikorrenti] sempliċiment qed [t]kompli l-attivitajiet ekonomiċi ta’ NCHZ fl-istess portata bħal qabel it-tranżazzjoni” (premessa 156 tad-deċiżjoni kkontestata).

288    Hekk kif ġie deċiż, il-Kummissjoni setgħet ġustament tikkonkludi għall-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru lir-rikorrenti minħabba l-eżistenza ta’ kontinwità ekonomika bejn NCHZ u din. Issa, din il-kontinwità hija bbażata, fost raġunijiet oħra, fuq il-fatt li r-rikorrenti kellha d-drittijiet u l-obbligi kollha ta’ NCHZ sabiex tkompli l-istess attivitajiet.

289    Barra minn hekk, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt li hija kienet tikri l-proprjetajiet immobbli neċessarji għall-produzzjoni kimika li ma xtratx, li jikkostitwixxu l-40 % li jifdal, proprjetà ta’ Via Chem Slovakia. Issa, il-fatt li ma kellhiex il-pussess ta’ dawn il-proprjetajiet immobbli, iżda kienet qiegħda tikri, skont id-dikjarazzjoni tagħha, bil-prezz tas-suq, bl-ebda mod ma kien jibdel il-fatt li setgħet tużahom għall-benefiċċju tagħha għat-tkomplija tal-attivitajiet preċedentement imwettqa minn NCHZ.

290    Għalhekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża li wasslu għall-konklużjoni li kien hemm kontinwità ekonomika bejn NCHZ u r-rikorrenti, ma kien hemm l-ebda raġuni sabiex tiġi limitata l-estensjoni tal-obbligu ta’ rkupru għal 60 % u l-ħames motiv għandu jiġi miċħud.

291    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

292    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

293    Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, AlzChem, li intervjeniet insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Sitt Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Fortischem a.s. hija kkundannata għall-ispejjeż sostnuti minnha stess kif ukoll għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      AlzChem AG għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Berardis

Papasavvas

Spineanu-Matei

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Settembru 2019.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.