Language of document :

Appell ippreżentat fit-12 ta’ Settembru 2019 minn Fereydoun Mahmoudian mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Lulju 2019 fil-Kawża T-406/15 Mahmoudian vs Il-Kunsill

(Kawża C-681/19 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Fereydoun Mahmoudian (rappreżentanti: A. Bahrami, N. Korogiannakis, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

tagħti deċiżjoni definittiva dwar it-tilwima;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lill-appellant is-somma ta’ EUR 966 581 għad-danni materjali u EUR 500 000 għad-danni morali, flimkien mal-interess moratorji;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Sussidjarjament

tannulla parzjalment is-sentenza appellata;

terġa’ tibgħat il-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fir-rigward tad-danni materjali, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kisret il-prinċipju ta’ kumpens sħiħ u ċaħdet minn kull effettività l-Artikolu 340(2) TFUE kif ukoll l-Artikolu 41(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-livell ta’ prova rikjesta mill-Qorti Ġenerali għamlet kull kumpens għad-dannu mġarrab impossibbli, minkejja l-eżistenza ta’ ksur suffiċjentement gravi u serju tad-dritt tal-Unjoni. Fit-tieni lok, is-sentenza kkontestata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi kif ukoll b’motivazzjoni kontradittorja. Fit-tielet lok, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi u l-fatti.

Fir-rigward tad-danni immaterjali, is-sentenza appellata hija nieqsa minn kull motivazzjoni fir-rigward tal-kriterji meħuda inkunsiderazzjoni sabiex l-ammont tal-kumpens jiġi evalwat ex aequo et bono.

____________