Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Ottubru 2007 - Petrilli vs Il-Kummissjoni

(Kawża F-98/07)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Nicole Petrilli (Sint Stevens Woluwe, il-Belġju) (rappreżentanti: J. L. Lodomez, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tikkunsidra dan ir-rikors għal annullament, bħala ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni ta' l-20 ta' Lulju 2007 ta' l-Awtorità Investita bis-Setgħa tal-Ħatra (l-Awtorità tal-Ħatra) li tiċħad it-talba tar-rikorrenti skond l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Komunitajiet Ewropej (Regolamenti), sabiex tikseb it-tiġdid tal-kuntratt tagħha fi ħdan id-DĠ "Riċerka" tal-Kummissjoni;

tannulla l-eventwali deċiżjoni li l-Kummissjoni tista' tiġi indotta tieħu fuq l-ilment, li r-rikorrenti għamlet fl-istess ħin ma' dan ir-rikors u għal rikors għas-sospensjoni tad-Deċiżjoni ta' l-Awtorità tal-Ħatra ta' l-20 ta' Lulju 2007;

tikkunsidra dan ir-rikors għad-danni, bħala ammissibbli u fondat;

tordna lill-Kummissjoni li tippermetti li r-rikorrenti tidħol mill-ġdid fil-pożizzjoni tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt fi ħdan it-taqsima "T2" tad-DĠ "Riċerka" għal perijodu ta' 18-il xahar; flimkien ma' penali ta' ta' EUR 1 000 għal kull ġurnata ta' dewmien;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens tad-dannu materjali subit minħabba t-telf ta' qliegħ li rriżulta mir-rifjut li jiġġedded il-kuntratt tagħha, somma korrispondenti għall-qliegħ li kienet tibbenefika minnu li kieku setgħat tkompli l-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt sat-terminu ta' tliet snin;

tikkundanna lill-Kummissjoni tirrimedja għad-dannu addizzjonali subit mir-rikorrenti bit-telf ta' opportunità li tikseb kuntratt għal perijodu mhux determinat ma' dik li għandha tkun l-Aġenzija Eżekuttiva tar-riċerka (AER), in segwitu għan-nuqqas ta' tiġdid ta' l-imsemmi kuntratt u tal-possibbiltà li ttemm il-missjoni tagħha mal-Kummissjoni u li tapprofondixxi l-esperjenza tagħha billi tkompli t-twettiq ta' din il-missjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lir-rikorrenti, bħala kumpens tad-dannu morali kkawżat mid-deċiżjoni ta' rifut ta' tiġdid tal-kuntratt tagħha soma li l-Qorti tal-Prim'Istanza ser tevalwa l-ammont tiegħu u ffissat, bir-riżerva espressa li jiżdied matul l-istanza, b'mod provviżorju għal EUR 1;

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat erba' motivi, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-legalità u ta' l-Artikolu 88 tal-Kundizzjonijiet ta' Impjieg ta' Uffiċjali Oħra (KIU). Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni ta' rifjut ta' tiġdid tal-kuntratt tagħha bħala membru tal-persunal bil-kuntratt, meħuda abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2004, dwar it-terminu massimu ta' l-użu tal-persunal mhux permanenti fis-servizzi tal-Kummissjoni, tostakola lill-Artikolu 88 KIU milli jipproduċi l-effetti tiegħu li jippermettu t-tiġdid tal-kuntratt tagħha għal perijodu ġdid ta' 18-il xahar. Id-Deċiżjoni tat-28 ta' April 2004 hija illegali safejn din tagħmel restrizzjonijiet fuq drittijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet statutorji.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba, tad-dmir ta' premura ta' l-amministrazzjoni u ta' l-interessi tas-servizz. Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata ma tieħux in kunsiderazzjoni la s-sitwazzjoni personali tagħha, la l-interessi tas-servizz u lanqas dawk ta' dik li għandha tkun l-Aġenzija li ser titwaqqaf.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq insuffiċjenża ta' motivi u ksur ta' l-Artikolu 3b tal-KIU. Ir-rikorrenti tinvoka b'mod partikolari li r-rifjut awtomatiku li jiġi mġedded il-kuntratt tagħha mħabba li laħqet il-limitu ta' sitt snin stabbilit mid-Deċiżjoni tat-28 ta' April 2004, tikser il-filosofija ta' l-Artikolu 3b tal-KIU, li hija bbażata fuq ix-xewqa li jitqabbdu persuni bi kuntratt għal perijodu mhux determinat sabiex jitwettqu xogħolijiet f'oqsma speċifiċi għal dak iż-żmien neċessarju għat-twettiq ta' xogħol speċifiku.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni tat-28 ta' April 2004, tikser id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE, tat-28 ta' Ġunju 1999 (ĠU L 175, p 43), il-prinċipji ġenerali tad-dritt tax-xogħol Ewropew, id-drittijiet soċjali tal-ħaddiema, u b'mod partikolari l-prinċipju ta' stabbilità ta' l-impjieg kif ukoll il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni. Fir-rigward ta' dan ta' l-aħħar, ir-rikorrenti tenfasizza li l-limitu ta' sitt snin japplika biss għall-membri tal-persunal bil-kuntratt li jaqgħu taħt l-Artikolu 3b tal-KIU, waqt li dawk li jaqgħu taħt l-Artikolu 3a tal-KIU għandhom il-possibbiltà li jkollhom kuntratt għal perijodu mhux determinat.

____________