Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Ġunju 2020 – NP vs Daimler AG

(Kawża C-232/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landesarbeitsgericht Berlin-Brandenburg

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: NP

Konvenuta: Daimler AG, Mercedes-Benz Werk Berlin

Domandi preliminari

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija ma’ impriża utenti għandha titqies li ma għadhiex “temporanja” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 1 , meta l-impjieg ta’ dan il-ħaddiem ikun għal pożizzjoni li hija permanenti, u ma jkunx imtela bħala sostituzzjoni?

L-assenjazzjoni ta’ ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija għal perijodu ta’ inqas minn 55 xahar għandha titqies li ma għadhiex “temporanja” fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104?

Fil-każ li tingħata risposta affermattiva għall-ewwel jew għat-tieni domanda iktar ’il fuq, iqumu d-domandi addizzjonali li ġejjin:

3.1    Ħaddiem temporanju permezz ta’ aġenzija jista’ jsostni li għandu bażi għal relazzjoni ta’ xogħol mal-impriża utenti, ukoll meta d-dritt nazzjonali ma jipprevedix din is-sanzjoni qabel l-1 ta’ April 2017?

3.2    Regola nazzjonali bħal dik prevista fl-Artikolu 19(2) tal-Arbeitnehmerüberlassungsgesetz (il-Liġi dwar l-Assenjazzjoni ta’ Ħaddiema Temporanji) tikser l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/104 sa fejn tipprevedi, għall-ewwel darba, perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni ta’ 18-il xahar, iżda teskludi speċifikament it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ perijodi mgħoddija, jekk it-teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodi mgħoddija jkollu bħala konsegwenza li l-assenjazzjoni ma tkunx tista’ tibqa’ tiġi kklassifikata bħala “temporanja?

3.3    L-estensjoni tal-perijodu massimu individwali ta’ assenjazzjoni tista’ titħalla f’idejn l-imsieħba soċjali? Fil-każ ta’ risposta affermattiva: dan japplika wkoll għal imsieħba soċjali li għandhom kompetenza mhux fir-rigward tar-relazzjoni ta’ xogħol tal-ħaddiem temporanju kkonċernat, iżda fir-rigward tas-settur tal-impriża utenti?

____________

1     Direttiva 2008/104/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad- 19 ta’ Novembru 2008 dwar xogħol temporanju permezz ta’ aġenzija (ĠU 2008, L 327, p. 9).