Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta’ Awissu 2012 – ZZ et vs BEI

(Kawża F-83/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: ZZ et (rappreżentant: L. Levi, avukat)

Konvenut: Bank Ewropew tal-Investiment

Suġġett

Minn naħa, l-annullament tad-deċiżjonijiet li jiġi applikat fir-rigward tar-rikorrenti primjum skont is-sistema l-ġdida ta’ prestazzjonijiet kif tirriżulta mid-deċiżjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 u mid-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Novembru 2010 u tas-16 ta’ Novembru 2011 tal-kumitat ta’ tmexxija u, min-naħa l-oħra, it-talba sussegwenti li l-konvenut jiġi kkundannat għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni kif ukoll għall-ħlas tad-danni.

Talbiet tar-rikorrenti

L-annullament tad-deċiżjonijiet li jiġi applikat fir-rigward tar-rikorrenti primjum skont is-sistema l-ġdida ta’ prestazzjonijiet kif tirriżulta mid-deċiżjoni tal-kunsill ta’ amministrazzjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 u mid-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Novembru 2010 u tas-16 ta’ Novembru 2011 tal-kumitat ta’ tmexxija, peress li d-deċiżjoni individwali ta’ applikazzjoni, li kienet inkluża fir-rendikont ta’ April 2012, ġiet innotifikata lill-partijiet ikkonċernati mhux qabel it-22 ta’ April 2012;

u konsegwentement,

il-kundanna tal-konvenut għall-ħlas tad-differenza fir-remunerazzjoni li tirriżulta mid-deċiżjoni tal-14 ta’ Diċembru 2010 tal-kunsill ta’ amministrazzjoni u mid-deċiżjonijiet tad-9 ta’ Novembru 2010 u tas-16 ta’ Novembru 2011 b’riferiment għall-applikazzjoni tas-sistema preċedenti tal-bonus; dik id-differenza fir-remunerazzjoni għandha tiżdied bl-interessi moratorji li jibdew jiddekorru mit-22 ta’ April 2012 sal-clearance sħiħ, peress li dawk l-interessi ġew stabbiliti skont ir-rata tal-BĊE miżjuda bi tliet punti;

il-kundanna tal-konvenut għall-ħlas tad-danni għall-ħsara subita minħabba t-telf tal-kapaċità ta’ xiri, peress li ġiet valutat ex aequo et bono u proviżorjament, għal 1.5 % tar-remunerazzjoni mensili ta’ kull rikorrent;

tikkundanna lill-BEI għall-ispejjeż.