Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja) fit-3 ta’ Lulju 2019 – Bundesrepublik Deutschland vs XT

(Kawża C-507/19)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverwaltungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Bundesrepublik Deutschland

Konvenut: XT

Domandi preliminari

Għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE 1 , ntemmetx il-protezzjoni jew l-assistenza tal-UNRWA lil Palestinjan apolidi, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, minn perspettiva ġeografika, biss iż-żona ta’ operazzjoni kkonċernata (Strixxa ta’ Gaza, il-Ġordan, il-Libanu, is-Sirja, ix-Xatt tal-Punent) li fih apolidi kellu r-residenza effettiva tiegħu (fil-każ ineżami: is-Sirja), jew anki ta’ żoni ta’ operazzjoni oħra li jaqgħu taħt it-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

Jekk, waqt it-tluq, ma tittiħidx inkunsiderazzjoni biss iż-żona ta’ operazzjoni: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, sistematikament u indipendentement minn kundizzjonijiet oħra, iż-żoni kollha ta’ operazzjoni fit-territorju tal-mandat? Fin-negattiv: żoni ta’ operazzjoni oħra għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni biss jekk l-apolidi kellu konnessjoni (territorjali) sostanzjali ma’ dik iż-żona ta’ operazzjoni? Għal tali konnessjoni, hija neċessarja – waqt it-tluq jew preċedentement – residenza abitwali? Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi oħra meta tiġi eżaminata konnessjoni (territorjali) sostanzjali? Fl-affermattiv: liema ċirkustanzi? Huwa rilevanti jekk huwiex possibbli jew raġonevoli għal apolidi li jidħol fiż-żona ta’ operazzjoni meta jitlaq mit-territorju tal-mandat ta’ UNRWA?

Apolidi li jitlaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA peress li s-sigurtà personali tiegħu tkun f’riskju serju fit-territorju tal-mandat fejn tinsab ir-residenza effettiva tiegħu, u ma jkunx possibbli li l-UNRWA tipprovdilu protezzjoni jew assistenza hemmhekk, huwa ipso facto intitolat, fis-sens tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE, għall-protezzjoni tad-Direttiva anki jekk preċedentement ikun mar f’dan it-territorju tal-mandat mingħajr ma s-sigurtà personali tiegħu kienet f’riskju serju fit-territorju tal-mandat tar-residenza preċedenti tiegħu u mingħajr ma kellu aspettattiva, skont iċ-ċirkustanzi eżistenti dakinhar, għal protezzjoni jew assistenza mill-UNRWA fit-territorju tal-mandat il-ġdid u lanqas il-possibbiltà li jirritorna, f’qasir żmien, fit-territorju tal-mandat fejn kien jirrisjedi preċedentement?

Għall-finijiet tal-kwistjoni dwar jekk apolidi għandux jingħata ipso facto l-istatus ta’ refuġjat peress li l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE ma baqgħux issodisfatti ladarba huwa telaq mit-territorju tal-mandat tal-UNRWA, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni biss it-territorju tal-mandat tal-aħħar residenza abitwali? Fin-negattiv: għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll, b’analoġija, żoni oħra li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni skont it-tieni domanda waqt it-tluq? Fin-negattiv: liema kriterji għandhom jintużaw sabiex jiġu ddeterminati ż-żoni li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-mument li tingħata d-deċiżjoni? Il-fatt li ma jibqgħux jeżistu l-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE jeżiġi li l-awtoritajiet (statali jew kważi-statali) jospitaw l-apolidi (mill-ġdid)?

Fil-każ li, b’konnessjoni mal-eżistenza jew mat-tmiem tal-kundizzjonijiet tat-tieni sentenza tal-Artikolu 12(1)(a) tad-Direttiva 2011/95/UE, huwa rilevanti t-territorju tal-mandat ta’ (l-aħħar) residenza abitwali: liema kriterji huma deċiżivi sabiex tiġi stabbilta r-residenza abitwali? Residenza legali awtorizzata mill-pajjiż ta’ residenza hija meħtieġa? Fin-negattiv: l-awtoritajiet kompetenti tat-territorju tal-mandat għandhom, minn tal-inqas, ikunu xjentement aċċettaw ir-residenza tal-apolidi inkwistjoni? Fl-affermattiv: l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikollhom għarfien tal-preżenza konkreta u individwali tal-apolidi inkwistjoni jew huwa biżżejjed li huma xjentement jaċċettaw ir-residenza tal-apolidi bħala membru ta’ grupp ikbar ta’ persuni? Fin-negattiv: hija suffiċjenti residenza effettiva għal perijodu relattivament twil?

____________

1     Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU 2011, L 337, p. 9).