Language of document : ECLI:EU:F:2013:122

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

12 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑32/12

Luigi Marcuccio

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu tar-rikors u ffirmat permezz ta’ timbru jew permezz ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni tal-firma tal-avukat — Tardività tar-rikors — Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA bis-saħħa tal-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu L. Marcuccio jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tiċħad it-talba tiegħu tal-4 ta’ Jannar 2011, kif ukoll il-pagament tas-somma ta’ EUR 3 174.87, bħala kwart tal-ispejjeż esposti għall-finijiet tal-proċedura fil-kawża li wasslet għas-sentenza tat-Tribunal tad-9 ta’ Ġunju 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F‑56/09), bl-interessi moratorji u pagamenti ta’ penalità. Il-preżentata tar-rikors bil-posta ġiet ippreċeduta minn faks, fis-7 ta’ Marzu 2012, ta’ dokument ippreżentat bħala kopja tal-oriġinal tar-rikors mibgħut bil-posta.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Sommarju

Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Firma ta’ avukat miktuba bl-idejn — Regola sostanzjali li għandha applikazzjoni stretta — Rikors ippreżentat permezz ta’ faks — Firma tal-avukat stampata permezz ta’ timbru jew ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni — Data ta’ meta waslet il-faks li ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu tar-rikors — Preżentata tar-rikors debitament iffirmat wara li skada t-terminu — Inammissibbiltà manifesta tar-rikors

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

Ir-rekwiżit ta’ firma miktuba bl-idejn fir-rikors promotur skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jfittex, bil-għan ta’ ċertezza legali, li jiggarantixxi l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li, fil-verità, din ma tkunx tal-awtur li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li huwa regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li n-nuqqas ta’ osservanza tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors. F’dan ir-rigward, il-metodu indirett u mekkaniku ta’ kif wieħed “jiffirma” li jikkonsisti fl-istampar, fir-rikors promotur, ta’ timbru li jirriproduċi l-firma ta’ avukat imqabbad mir-rikorrent ma jippermettix, waħdu, li jiġi kkonstatat li huwa neċessarjament l-avukat stess li ffirma l-att tal-proċedura inkwistjoni.

Konsegwentement, rikors ippreżentat permezz ta’ faks u ffirmat permezz ta’ timbru li jirriproduċi l-firma tal-avukat jew permezz ta’ metodu ieħor ta’ riproduzzjoni ma jinkludix l-oriġinal tal-firma tal-avukat tar-rikorrent, b’mod kuntrarju għal dak li jipprovdi l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 34(1) tar-Regoli tal-Proċedura, u għandu, għal din ir-raġuni, jiġi ddikjarat inammissibbli.

Minn dan isegwi li d-data ta’ meta jasal dan id-dokument li ntbagħat permezz ta’ faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat jekk it-terminu tar-rikors, previst fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, ġiex osservat u li l-uniku rikors li jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, huwa dak li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li fih tidher il-firma tal-avukat tar-rikorrent miktuba bl-idejn.

Meta dan ir-rikors jasal fir-Reġistru wara l-iskadenza tat-terminu ta’ rikors, dan għandu jitqies li huwa tardiv, li jfisser f’dan is-sens l-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 28, 29, 32 u 33)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza 23 ta’ Mejju 2007, Il‑Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punt 50