Language of document : ECLI:EU:C:2019:149

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

HOGAN

ippreżentati fit‑28 ta’ Frar 2019 (1)

Kawżi magħquda C612/17 u C613/17

Federazione Italiana Golf (FIG)

vs

Istituto Nazionale di Statistica (ISTAT)

Ministero dell’Economia e delle Finanze (C-612/17)

u

Federazione Italiana Sport Equestri (FISE)

vs

Istituto Nazionale di Statistica (ISTAT) (C613/17)

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Regolament (UE) Nru 549/2013 — Sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea — Istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru (NPI) — Klassifikazzjoni ta’ NPI bħala parti mill-gvern ġenerali jew bħala Istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru li sservi lill-unitajiet domestiċi (NPISH) — Eżistenza ta’ kontroll mill-gvern — Kriterji applikabbli għall-kontroll ta’ NPI mill-gvern”






I.      Introduzzjoni

1.        Kif faċilment tista’ turi l-istorja reċenti tal-ekonomija tal-Istati Membri tal-Unjoni, ftit hemm affarijiet iktar importanti għas-sistema finanzjarja moderna mit-tħejjija ta’ kontijiet nazzjonali preċiżi u standardizzati. Il-leġiżlatur Ewropew irrikonoxxa dan, l-iktar reċentement meta għadda r-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea li jirregola s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SEK”) (2). Il-premessa 3 tar-Regolament SEK għaldaqstant tipprovdi li “[g]ħall-fini tal-komparabbiltà” il-kontijiet nazzjonali “għandhom jitfasslu fuq il-bażi ta’ sett wieħed ta’ prinċipji li ma jkunux miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti.” Il-fatt stess li dan ir-regolament huwa mifrux fuq kważi 730 paġna ta’ test jagħti minnu nnifsu indikazzjoni tal-importanza tal-kwistjoni u tal-kumplessità tax-xogħol ta’ kontabbiltà involut.

2.        Kwistjoni kumplessa bħal din issa qiegħda titqajjem f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari mill-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja). Id-domanda fundamentali magħmula hija, essenzjalment, din: il-Federazione Italiana Golf (il-Federazzjoni Taljana tal-Golf, iktar ’il quddiem il-“FIG”) u l-Federazione Italiana Sport Equestri (il-Federazzjoni Taljana tal-Isport Ekwestri, iktar ’il quddiem il-“FISE”) għandhom jiġu ttrattati mill-Istituto Nazionale di Statistica (l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, iktar ’il quddiem l-“ISTAT”) bħala parti mis-settur tal-gvern ġenerali (3) (S.13) (4), kopert mill-kontijiet pubbliċi kkonsolidati ta’ qligħ u ta’ telf tal-Istat Taljan jew, alternattivament, bħala istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru li jservu lill-unitajiet domestiċi (5) (“NPISH”), (S.15) (6). NPISH hija unità jew settur istituzzjonali li hija produttur mhux tas-suq u li ma hijiex suġġetta għall-kontroll mill-gvern (7). Għall-kuntrarju, NPI mhux tas-suq li huma kkontrollati mill-gvern huma kklassifikati fis-settur tal-gvern ġenerali (8).

3.        Din min-naħa tagħha tqajjem id-domanda dwar kif għandhom jiġi interpretati d-diversi kriterji inklużi fir-Regolament SEK li jirregola t-trattament, għal dan il-għan, ta’ organizzazzjonijiet/istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru (NPI) bħall-FIG u l-FISE. Minħabba li jidher li din hija l-ewwel darba li l-Qorti tal-Ġustizzja ntalbet tagħti gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament importanti, dawn iż-żewġ rinviji għal deċiżjoni preliminari huma, għalhekk, ta’ ċertu importanza.

4.        Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati l-fatti kuntestwali, huwa l-ewwel nett meħtieġ li jiġu deskritti d-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament SEK.

II.    Il-kuntest ġuridiku – Id-dritt tal-Unjoni

5.        Kif diġà osservajt, ir-Regolament SEK waqqaf is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (9). Ir-Regolament SEK jinkludi żewġ annessi (10). L-Anness A jipprovdi metodoloġija dwar l-istandards komuni, id-definizzjonijiet, il-klassifikazzjonijiet u r-regoli tal-kontabbiltà li huma meħtieġa li jintużaw fit-tħejjija tal-kontijiet nazzjonali. L-Anness B jipprevedi programm li jistabbilixxi t-termini, inklużi l-limiti ta’ żmien, li fihom l-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-kontijiet nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni (Eurostat).

6.        Il-punt 1.34 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdi li “[i]l-kontijiet tas-setturi huma kkreati permezz tal-allokazzjoni ta’ unitajiet għas-setturi u dan jippermetti li t-transazzjonijiet u l-entrati saldatorji ta’ kontijiet jiġu ppreżentati skont is-settur. Il-preżentazzjoni skont is-settur tikxef ħafna miżuri prinċipali għal skopijiet ta’ politika ekonomika u fiskali. Is-setturi prinċipali huma l-unitajiet domesitiċi, il-gvern, il-korporazzjonijiet (finanzjarji u mhux finanzjarji), istituzzjonijiet mhux għall-profitt li jservu lill-unitajiet domestiċi (NPISHs) u l-bqija tad-dinja (11). Id-distinzjoni bejn l-attività tas-suq u dik li mhix tas-suq hija waħda importanti. Entità kkontrollata mill-gvern, li jintwera li hija korporazzjoni tas-suq, tiġi kklassifikata fis-settur tal-korporazzjoni, barra mis-settur tal-gvern ġenerali. Għaldaqstant id-defiċit u l-livelli ta’ dejn tal-korporazzjoni mhumiex sejrin ikunu parti mid-defiċit u d-dejn tal-gvern ġenerali.”

7.        Skont il-punt 1.35 tal-Anness A tar-Regolament SEK:

“Is-settur pubbliku jikkonsisti mill-unitajiet istituzzjonali kollha residenti fl-ekonomija kkontrollati mill-gvern. Is-settur privat jikkonsisti mill-unitajiet residenti l-oħrajn kollha”.

8.        Il-punt 1.36 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdi li “[i]l-kontroll huwa ddefinit bħala l-kapaċità li tiġi ddeterminata l-politika [ġenerali] jew il-programm […] ta’ unità istituzzjonali”.

9.        Skont il-punt 1.37 tal-Anness A tar-Regolament SEK “[i]d-diffrenzjar bejn tas-suq u mhux tas-suq, u għalhekk, għall-entitajiet tas-settur pubbliku, li jikklassifikawhom fis-settur tal-gvern ġenerali jew fis-settur tal-korporazzjonijiet, tiġi deċiża permezz tar-regola li ġejja:

Attività għandha titqies bħala attività tas-suq meta l-oġġetti u s-servizzi korrispondenti jiġu kkumerċjalizzati taħt il-kondizzjonijiet li ġejjin:

(1)      il-bejjiegħa jaġixxu sabiex jimmassimizzaw il-profitti tagħhom fuq medda twila ta’ żmien, u jagħmlu dan billi jbigħu l-oġġetti u s-servizzi liberament fis-suq, u lil min ikun lest li jħallas il-prezz mitlub;

(2)      ix-xerrejja jaġixxu sabiex jimmassimizzaw l-utilità tagħhom minħabba r-riżorsi limitati tagħhom, billi jixtru skont liema prodotti jaqdu bl-aqwa mod il-ħtiġijiet tagħhom bil-prezz offrut;

(3)      jeżistu swieq effettivi fejn il-bejjiegħa u x-xerrejja għandhom aċċess għal informazzjoni dwar is-suq. Suq effettiv jista’ jopera anke jekk dawn il-kondizzjonijiet ma jintlaħqux totalment.”

10.      Il-punt 4.125 tal-Anness A tar-Regolament SEK dwar it-Trasferimenti kurrenti lin-NPISH jipprovdi li “[i]t-trasferimenti kurrenti lill-NPISHs jinkludu l-kontribuzzjonijiet volontarji kollha (għajr il-wirt), abbonamenti ta’ sħubija u għajnuna finanzjarja li l-NPISHs jirċievu minn unitajiet domestiċi […].” Skont il-punt 4.126(a) tal-Anness A tar-Regolament SEK, it-trasferimenti kurrenti lin-NPISH jinkludu abbonamenti regolari mħallsin mill-unitajiet domestiċi lil organizzazzjonijiet sportivi kklassifikati fis-settur tan-NPISH.

11.      Il-Kapitolu 20 tar-Regolament SEK għandu bħala titolu “Il-Kontijiet tal-Gvern”. Il-punt 20.01 tar-Regolament SEK jispjega li l-attivitajiet tal-Gvern huma ttrattati b’mod differenti mill-bqija tal-ekonomija minħabba li “is-setgħat, il-motivazzjoni, u l-funzjonijiet tal-gvern huma differenti minn dawk ta’ setturi oħra”. Il-punt 20.01 tal-Anness A tar-Regolament SEK jissokta billi jipprovdi li l-Kapitolu 20 jippreżenta l-kontijiet tal-gvern b’mod li “[j]agħti stampa integrata tal-attivitajiet ekonomiċi tal-gvern: id-dħul, l-infiq, id-defiċit/l-eċċess, il-finanzjament, flussi ekonomiċi oħra u l-karta tal-bilanċ.”

12.      Il-punt 20.04 tal-Anness A tar-Regolament SEK jirrikonoxxi d-diffikultajiet ta’ klassifikazzjoni u kejl għas-settur tal-gvern ġenerali. Id-dispożizzjonijiet ewlenin tar-Regolament SEK, fir-rigward ta’ dan ir-rinviju, jinsabu, madankollu, fil-punti 20.13 sa 26.16 tal-Anness A.

13.      Il-punt 20.13 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdi li:

“L-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ (NPIs) li huma produtturi mhux tas-suq u kkontrollati mill-unitajiet tal-gvern huma unitajiet tas-settur tal-gvern ġenerali.”

14.      Il-punt 20.14 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdi li:

“Il-gvernijiet jistgħu jagħżlu li jużaw xi NPIs minflok aġenziji tal-gvern biex iwettqu politiki tal-gvern minħabba li huma jitqiesu bħala aktar distakkati, oġġettivi, u inqas soġġetti għal pressjonijiet politiċi. Pereżempju, ir-riċerka u l-iżvilupp u l-istabbiliment u ż-żamma ta’ standards f’oqsma bħas-saħħa, is-sikurezza, l-ambjent u l-edukazzjoni huma oqsma li fihom l-NPIs jistgħu jkunu aktar effettivi minn aġenziji tal-gvern.”

15.      Madankollu, huwa l-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK li huwa d-dispożizzjoni l-iktar importanti s’issa f’dak li jirrigwarda dawn it-talbiet għal deċiżjoni preliminari. Dan jipprovdi kif ġej:

“Il-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI. L-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali. Għad-determinazzjoni ta’ jekk NPI hijiex ikkontrollata mill-gvern, għandhom jiġu kkunsidrati l-ħames indikaturi ta’ kontroll li ġejjin:

(a)      il-ħatra tal-uffiċjali;

(b)      dispożizzjonijiet oħra tal-istrument ta’ aġevolazzjoni bħall-obbligi fl-istatut tal-NPI;

(c)      il-ftehimiet kuntrattwali;

(d)      il-livell ta’ finanzjament;

(e)      l-esponiment għar-riskju.

Indikatur wieħed jista’ jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit kontroll. Madankollu, jekk NPI li tkun iffinanzjata prinċipalment mill-gvern tibqa’ kapaċi tiddetermina l-politika jew il-programm tagħha sa punt sinifikanti skont kif imsemmi fl-indikaturi l-oħra, hija, għalhekk, ma tkunx meqjusa li tkun ikkontrollata mill-gvern. Fil-parti l-kbira tal-każijiet, għadd ta’ indikaturi jistgħu jindikaw kontroll b’mod kollettiv. Deċiżjoni bbażata fuq dawn l-indikaturi kollha tkun waħda ġudizzjarja min-natura tagħha.” (12)

16.      Il-punt 20.16 tal-Anness A tar-Regolament SEK sussegwentement jipprovdi li “[i]l-karatteristika mhux tas-suq ta’ NPI tiġi ddeterminata bl-istess mod bħal fil-każ ta’ unitajiet oħra tal-gvern ġenerli.”

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

17.      Qabel ma nqis id-domandi magħmula mill-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri) fid-dettall, jeħtieġli qabel xejn insemmi fil-qosor xi dettalji dwar il-mod kif jiġi organizzat l-isport Taljan. Kif ikkonstatat il-qorti tar-rinviju, l-organizzazzjoni tal-isport fl-Italja hija bbażata fuq il-Comitato Olimpico Nazionale Italiano (il-Kumitat Olimpiku Nazzjonali Taljan, iktar ’il quddiem il-“CONI”). Il-CONI huwa persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku Taljan li miegħu huma msieħba d-diversi organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali. Dawn l-aħħar entitajiet huma kollha persuni ġuridiċi mingħajr skop ta’ lukru. (13)

18.      Għalkemm il-CONI huwa organizzazzjoni rregolata mid-dritt pubbliku, dan huwa, madankollu, essenzjalment konfederazzjoni ta’ organizzazzjonijiet sportivi nazzjonali u ta’ dixxiplini sportivi relatati. Il-funzjoni ewlenija tiegħu hija dik ta’ awtorità responsabbli mid-dixxiplina, ir-regolamentazzjoni u t-tmexxija ta’ attivitajiet sportivi fl-Italja. Il-prinċipju ta’ awtonomija fl-isport huwa karatteristika ewlenija tal-Istatut tal-CONI (14), sabiex b’hekk il-federazzjonijiet sportivi nazzjonali jingħataw awtonomija teknika, organizzattiva u ta’ tmexxija taħt is-superviżjoni ġenerali tal-CONI. Madankollu, il-CONI għandu s-setgħa jadotta prinċipji fundamentali li jirregolaw ir-rikonoxximent għal finijiet sportivi tal-federazzjonijiet, il-kriterji u l-proċedura għat-twettiq tal-ispezzjonijiet tiegħu fir-rigward tal-federazzjonijiet sportivi u d-deċiżjoni li jqiegħed il-federazzjonijiet taħt tutela fil-każ ta’ ksur serju u eċċezzjonali tar-regoli tal-isport (15). L-Istatut tal-CONI jistabbilixxi wkoll is-setgħat ta’ approvazzjoni tal-istatuti u tal-baġits tal-federazzjonijiet.

19.      Ir-rappreżentanti tal-federazzjonijiet sportivi bħall-FIG u l-FISE jipparteċipaw fil-Kunsill Nazzjonali u fil-Bord Nazzjonali tal-CONI. Il-federazzjonijiet, għalhekk, jipparteċipaw fl-organizzazzjoni u fl-attivitajiet tal-CONI billi jgħinu sabiex ikunu fformati l-korpi ċentrali li għandhom l-iktar setgħat sinjifikattivi u li jikkontribwixxu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-CONI.

20.      Il- FIG u l-FISE huma federazzjonijiet sportivi nazzjonali fl-Italja. Hekk kif indikat fil-punt 17 iktar ’il fuq, dawn huma assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru b’personalità ġuridika taħt id-dritt privat. Il-qorti tar-rinviju tqis li l-federazzjonijiet sportivi għandhom natura ġuridika, uniformi u omoġenja ta’ entitajiet irregolati mid-dritt privat koperti mill-Ktieb I tal-Kodiċi Ċivili Taljan, b’tali mod li atti tal-federazzjonijiet sportivi huma normalment irregolati mid-dritt ġenerali (bla ħsara għad-dritt speċjali dwar l-isport). (16)

21.      L-istatuti tal-FIG u tal-FISE jipprovdu li l-attivitajiet ta’ tmexxija rispettivi tagħhom huma eżerċitati esklużivament mill-korpi ta’ dawn il-federazzjonijiet. Il-korpi ewlenin ta’ tmexxija ta’ dawn il-federazzjonijiet huma l-Assemblea Nazzjonali tagħhom, il-President tagħhom, il-Kunsill Federali tagħhom u s-Segretarjat Ġenerali tagħhom. Is-setgħat ġenerali ta’ gwida jaqgħu taħt l-Assemblea Nazzjonali li hija magħmula mir-rappreżentanti tal-kategoriji bażiċi u li wkoll teleġġi l-uffiċjali prinċipali tal-organizzazzjoni, flimkien mal-membri tal-Kunsill Federali. Is-setgħat ta’ amministrazzjoni f’kull każ jaqgħu taħt il-President li jiġi elett mill-Assemblea Federali. Il-Kunsill Federali għandu s-setgħa jikkontrolla li l-programm tekniku sportiv jiġi implimentat b’mod korrett, jevalwa r-riżultati sportivi u jissupervizza l-iżvolġiment tajjeb tat-tmexxija. Madankollu, għandu jiġi nnutat li l-CONI għandu s-setgħa jaħtar żewġ membri tal-Bord tal-Awdituri, filwaqt li l-President ukoll huwa elett mill-Assemblea Nazzjonali.

22.      Il-FIG u l-FISE huma ġeneralment responsabbli għar-reġistrazzjoni tal-membri tal-klabbs. Il-FIG u l-FISE huma ffinanzjati minn kontribuzzjonijiet mingħand il-CONI, flimkien mar-riżorsi tagħhom stess, inklużi miżati ta’ sħubija, miżati ta’ assoċjazzjoni u ta’ reġistrazzjoni, kuntratti ta’ sponsorizzazzjoni u dħul minn avvenimenti sportivi u mit-tmexxija ta’ prodotti u servizzi. L-istatut tal-FIG jistabbilixxi l-prinċipju fundamentali li jirregolaha, jiġifieri, l-istatus privat tagħha bbażat fuq il-membri tagħha u l-fatt li hija ma għandhiex skop ta’ lukru (17). Huwa importanti li jingħad, madankollu, li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet mill-CONI lill-FIG u lill-FISE huwa sinjifikattiv, u ammonta għal 30 % tad-dħul tal-FIG fl‑2013, għal 27 % fl‑2014 u għal 30 % fl‑2015. Il-kontribuzzjonijiet mill-CONI lill-FISE huma wkoll madwar 30 % tad-dħul ta’ din tal-aħħar.

23.      Il-kwistjonijiet li tqajmu fit-talbiet għal deċiżjoni preliminari joriġinaw bil-mod li ġej: l-ISTAT ingħata l-awtorità mil-leġiżlazzjoni Taljana (18) sabiex iħejji l-kontijiet annwali pubbliċi kkonsolidati ta’ qligħ u ta’ telf tal-awtoritajiet pubbliċi bħala parti mir-rekwiżiti tal-Artikolu 121 TFUE. Parti minn dak il-proċess neċessarjament tinvolvi l-identifikazzjoni tal-elementi istituzzjonali tal-Istat Taljan li jifformaw parti mis-settur tal-gvern ġenerali skont il-kriterji preskritti mir-Regolament SEK nnifsu.

24.      Permezz ta ’ deċiżjoni ppubblikata fil-Gazzetta ufficiale della Repubblica Italiana (Il-Ġurnal Uffiċjali tar-Repubblika Taljana) fit‑30 ta’ Settembru 2016, l-ISTAT irreġistra lill-FIG u lill-FISE fuq il-lista tal-ISTAT tal‑2016. L-ISTAT qies li, skont ir-Regolament SEK, il-FIG u l-FISE kienu, bis-saħħa tat-test tas-suq/mhux tas-suq previst fil-punt 20.29 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, unitajiet istituzzjonali mhux tas-suq. Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn l-unitajiet kellhomx ikunu kklassifikati bħala NPISH jew fis-settur tal-gvern ġenerali, l-ISTAT ivverifika jekk il-FIG u l-FISE kinux suġġetti għal kontroll mill-gvern.

25.      L-ISTAT ikkonkluda li ż-żewġ federazzjonijiet kienu kkontrollati mill-gvern. Filwaqt li l-federazzjonijiet kellhom ċertu grad ta’ awtonomija fir-rigward ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet, l-ISTAT qies li l-FIG u l-FISE ma kellhomx “il-kapaċità sħiħa jeżerċitaw awtodeterminazzjoni” minħabba l-influwenza sinjifikattiva eżerċitata mill-CONI fuq it-tmexxija tagħhom.

26.      Il-FIG u l-FISE jiċħdu li huma jissodisfaw dawn il-kriterji. Għaldaqstant huma bdew dawn il-proċeduri fid‑29 ta’ Novembru 2016 u fis‑7 ta’ Diċembru 2016 rispettivament, li fihom huma talbu l-annullament tal-lista tal-awtoritajiet pubbliċi inklużi fil-kontijiet pubbliċi ta’ qligħ u ta’ telf, u identifikati skont l-Artikolu 1(3) tal-Liġi Nru 196 tal‑31 ta’ Diċembru 2009, li kienet ġiet adottata mill-ISTAT (iktar ’il quddiem il-“lista tal-ISTAT”), sa fejn il-FIG u l-FISE kienu ġew elenkati bħala fornituri ta’ “servizzi soċjali, rekreattivi u kulturali.” Wieħed jista’ jinnota li l-FIG kienet qabel bdiet proċeduri simili fir-rigward tal-inklużjoni tagħha kemm fil-lista tal-ISTAT tal‑2014 kif ukoll f’dik tal‑2015. L-ewwel sett ta’ proċeduri li jirrigwardaw il-lista tal‑2014 kien ġie miċħud mill-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri) fil‑11 ta’ Frar 2015, filwaqt li s-sett li kien ikkontesta l-lista tal-ISTAT tal‑ 2015 kien ġie ikkonfermat mill-Awli Magħquda tal-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri) permezz ta’ sentenza mogħtija fid‑9 ta’ Marzu 2017.

27.      Fir-rigward ta’ dawn il-proċeduri, permezz ta’ sentenzi tat‑13 ta’ Settembru 2017, il-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri) iddeċidiet li tagħmel it-tliet domandi li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 267 TFUE:

“1.      Il-kunċett ta’ ‘intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività’ previst fil-punt 20.15 [tal-Anness A tar-Regolament SEK] għandu jinftiehem fis-sens wiesa’ bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ gwida ta’ natura sportiva (magħrufa bħala soft law) u setgħat ta’ rikonoxximent, previsti mil-liġi, għall-finijiet tal-akkwist tal-personalità ġuridika u tal-kapaċità li wieħed jaġixxi fis-settur tal-isports, setgħat li t-tnejn li huma ġeneralment jappartjenu lill-federazzjonijiet sportivi nazzjonali Taljani kollha?

2.      L-indikatur ġenerali tal-kontroll previst fil-punt 20.15 [tal-Anness A tar-Regolament SEK] (magħruf bħala s-‘SEK 2010’) (‘[i]l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-[istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru[]]’ għandu jinftiehem f’sens sostantiv bħala l-kapaċità ta’ tmexxija, ta’ restrizzjoni u ta’ kkundizzjonar tal-attività ta’ tmexxija tal-entità mingħajr skop ta’ lukru, jew dan jista’ jinftiehem f’sens mhux tekniku bħala li jinkludi wkoll setgħat ta’ superviżjoni esterna differenti minn dawk iddefiniti mill-indikaturi speċifiċi tal-kontroll previsti fil-punt 20.15 (a), (b), (c), (d) u (e) [tal-Anness A tar-Regolament SEK] (bħal pereżempju setgħat ta’ approvazzjoni tal-baġits, ta’ ħatra tal-awdituri, ta’ approvazzjoni ta’ statuti u ta’ xi tipi ta’ regolamenti, ta’ gwida ta’ natura sportiva jew ta’ rikonoxximent għal finijiet sportivi)?

3.      Abbażi tad-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-punt 20.15, 4.125 u 4.126 [tal-Anness A tar-Regolament SEK], jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kontribuzzjonijiet tal-membri sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza jew le tal-kontroll pubbliku, filwaqt li jiġi speċifikat jekk ammont għoli ta’ dawn il-kontribuzzjonijiet, flimkien mar-riżorsi l-oħra tagħha, jistax juri, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tal-każ inkwistjoni, il-preżenza ta’ kapaċità sinjifikattiva ta’ awtodeterminazzjoni tal-entità mingħajr skop ta’ lukru?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

28.      Il-Kawża C‑612/17u l-Kawża C‑613/17 ġew magħquda flimkien permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Novembru 2017.

29.      It-talba mressqa mill-qorti tar-rinviju skont l-Artikolu 105(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u intiża sabiex il-Kawża C‑612/17 u l-Kawża C‑613/17 jiġu deċiżi skont il-proċedura mħaffa ġiet miċħuda permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑14 ta’ Diċembru 2017.

30.      Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-FIG, mill-FISE, mir-Repubblika Taljana u mill-Kummissjoni. Il-FIG, ir-Repubblika Taljana u l-Kummissjoni dehru matul is-seduta li nżammet mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑6 ta’ Frar 2019.

V.      Analiżi

A.      Osservazzjonijiet preliminari

31.      Jeħtieġ li jkun hemm proċedura b’żewġ stadji sabiex jiġi ddeterminat jekk federazzjonijiet sportivi bħall-FIG u l-FISE jistgħux jiġu kklassifikati bħala NPI kkontrollati mill-gvern jew, alternattivament, bħala NPISH u, għalhekk, ’il barra mis-settur pubbliku. L-ewwel stadju jikkonsisti fid-determinazzjoni ta’ jekk NPI hijiex produttur tas-suq jew mhux tas-suq. Ikun biss fil-każ li n-NPI rilevanti tfalli dan it-test (jiġifieri, il-bejgħ ta’ prodotti u servizzi jkun ikopri inqas minn 50 % tal-ispejjeż), u tkun meqjusa bħala produttur mhux tas-suq (19) li, imbagħad, wieħed jgħaddi għat-tieni stadju, jiġifieri, l-eżami tal-kwistjoni dwar jekk entità governattiva għandhiex kontroll fir-rigward tan-NPI rilevanti.

32.      Il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar fid-digrieti tar-rinviju tagħha li l-FIG u l-FISE huma produtturi mhux tas-suq. Din il-konstatazzjoni ta’ fatt ma tistax tiġi kkontestata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (20). Il-kwistjoni kritika li hija l-qofol tad-domandi preliminari rrinvijati lill-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk hija jekk entità governattiva teżerċitax “kontroll” fuq il-federazzjonijiet sportivi bħall-FIG u l-FISE skont ir-regoli tar-Regolament SEK sabiex għall-finijiet tal-kontijiet nazzjonali huma għandhom jiġu inklużi fis-settur pubbliku taħt il-kategorija “gvern ġenerali” (S.13).

33.      Wieħed jista’ ċertament jipprevedi sitwazzjoni fejn federazzjoni sportiva partikolari tkun tiddependi kważi esklużivament minn fondi tal-Istat għad-dħul tagħha u fejn, tabilħaqq, l-uffiċjali tagħha kienu maħtura minn gvern nazzjonali. Tali federazzjoni wisq probabbli tkun titqies bħala li hija suġġetta għall-kontroll mill-gvern fir-rigward ta’ firxa ta’ finijiet tad-dritt pubbliku — mhux l-inqas għall-finijiet ta’ statistika previsti mir-Regolament SEK — preċiżament għaliex il-politika ġenerali tagħha kienet essenzjalment jew ikkontrollata jew għall-inqas influwenzata ħafna minn aġenzija governattiva rilevanti, anki jekk kien ukoll jidher b’mod ċar li f’materji purament ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-isport id-deċiżjonijiet tal-federazzjoni sportiva kkonċernata kienu awtonomi u ġenwinament indipendenti.

34.      Għaldaqstant x’inhi l-pożizzjoni fir-rigward tal-FIG u tal-FISE, fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK? Din, essenzjalment, hija l-kwistjoni aħħarija mqajma mit-tliet domandi separati li għamlet il-qorti tar-rinviju. Madankollu, qabel ma jiġu eżaminati dawn id-domandi, ta’ min jinnota mill-bidu nett li l-kliem tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK huwa min-natura tiegħu esklużiv. Din id-dispożizzjoni tindika b’mod ċar li “[…] għandhom jiġu kkunsidrati l-ħames indikaturi ta’ kontroll li ġejjin […]” (21). Dan ifisser li fil-każ ta’ NPI bħall-FIG u l-FISE huma biss dawn il-kriterji enumerati li jistgħu jintużaw sabiex tiġi ddeterminata l-kwistjoni ta’ kontroll, u jekk NPI li tkun produttur mhux tas-suq għandhiex tkun ikklassifikata taħt il-gvern ġenerali jew bħala NPISH.

35.      Dan huwa ta’ ċerta importanza minħabba li f’partijiet oħra tar-Regolament SEK, b’mod partikolari fil-punti 20.309 (22) u 20.310 tal-Anness A ta’ dan ir-regolament, tintuża definizzjoni ta’ kontroll kemmxejn differenti — u, f’xi każijiet, għall-inqas, usa’ — fil-kuntest tad-determinazzjoni ta’ jekk ċerti korpi oħra għandhomx ikunu ttrattati bħala korpi tas-settur pubbliku (23). Kuntrarjament għall-argument magħmul mill-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet tagħha u fis-seduta, ma naħsibx li dispożizzjonijiet oħra – ċertament analogi – tar-Regolament SEK ta’ dan it-tip jistgħu, sabiex ngħid hekk, jiġu importati fid-definizzjoni ta’ kontroll li tinsab fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Id-definizzjoni ta’ kontroll li tinsab f’din l-aħħar imsemmija dispożizzjoni tammonta għal lex specialis li ma tistax tkun estiża b’riferiment għal dispożizzjonijiet ġenerali oħra bħall-punti 20.309 u 20.310 tal-Anness A tar-Regolament SEK, anki jekk dawn id-dispożizzjonijiet jindirizzaw ukoll il-kwistjoni ta’ kontroll jew, tabilħaqq, kontroll fis-settur pubbliku fil-każ ta’ dawn l-aħħar imsemmija dispożizzjonijiet.

36.      Fil-fehma tiegħi, l-għan tal-punti 20.309 u 20.310 tal-Anness A tar-Regolament SEK ma huwiex li jiġi ddeterminat jekk NPI mhux tas-suq għandhiex tkun ikklassifikata taħt gvern ġenerali jew bħala NPIS (24) iżda pjuttost huwa li jiġi ddeterminat jekk korporazzjonijiet (li huma produtturi tas-suq u li jistgħu jinkludu NPI) (25) għandhomx ikunu kklassifikati taħt is-settur pubbliku jew taħt il-kontroll privat (26).

37.      Filwaqt li nżommu dan f’moħħna, nistgħu issa nduru sabiex inqisu d-domandi speċifiċi magħmula mill-qorti tar-rinviju.

B.      Fuq l-ewwel domanda: l-interpretazzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali”

38.      Kif diġà osservajt, l-ewwel żewġ sentenzi tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdu:

“Il-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI. L-intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività, mhuwiex rilevanti waqt id-deċiżjoni dwar jekk il-gvern għandux kontroll fuq unità individwali […].”

39.      Il-qorti tar-rinviju ma hijiex ċerta xi tfisser il-frażi “regolamenti ġenerali” f’dan is-sens. Hija tqis li dan huwa kunċett wiesa’ li, fir-rigward tal- organizzazzjonijiet sportivi, jista’ jirreferi kemm għal-linji gwida (“soft law”) tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, kif ukoll għal dawk tal-CONI, flimkien mad-dispożizzjonijiet ġenerali tad-dritt Taljan dwar ir-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet bħal dawn għal finijiet sportivi. Skont il-qorti tar-rinviju r-rikonoxximent ordinarju ta’ tali korpi sportivi għandu jiġi wara r-rikonoxximent mill-CONI (27).

40.      Filwaqt li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li s-setgħa tal-CONI li jadotta regoli ġenerali li jistabbilixxu standards komuni għall-attivitajiet sportivi taqa’, bħala prinċipju, taħt il-kliem “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali”, hija tqis li s-setgħa tal-CONI li jirrikonoxxi federazzjonijiet sportivi tista’ toħloq monopolju de facto favur dik il-federazzjoni fir-rigward tal-isport inkwistjoni, minħabba li federazzjoni waħda biss tista’ tiġi rrikonoxxuta għal dak l-isport. Il-Kummissjoni għalhekk tqis li setgħa bħal din ma taqax taħt il-kliem “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali”.

41.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-setgħa tal-CONI li jirrikonoxxi federazzjonijiet sportivi tagħtih il-kapaċità jiddetermina l-politika ġenerali ta’ dawn il-federazzjonijiet skont l-indikatur ta’ kontroll inkluż fil-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament SEK li jirreferi għal “kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva”. Skont din id-dispożizzjoni, “[m]eta r-regolazzjoni hija tant stretta li tiddetta effettivament il-politika ġenerali tan-negozju, din hija forma ta’ kontroll. L-awtoritajiet pubbliċi jistgħu f’xi każijiet ikollhom involviment regolatorju b’saħħtu, b’mod partikolari fl-oqsma bħal tal-monopolji u l-utilitajiet privatizzati li jkollhom element ta’ servizz pubbliku. Huwa possibbli li jkun jeżisti involviment regolatorju fl-oqsma importanti, bħall-iffissar tal-prezzijiet, mingħajr ma l-entità ċċedi l-kontroll tal-politika ġenerali”. Il-Kummissjoni tqis li l-indikatur ta’ kontroll fil-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament SEK huwa marbut ma’ dawk fil-punti 20.15(b) u 2.39(b) tal-Anness A tar-Regolament SEK.

42.      Fil-fehma tiegħi, il-kliem “regolamenti ġenerali” kif jidher fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK naturalment ma jistax jiġi interpretat sempliċement fl-astratt: dan pjuttost jieħu t-tifsira tiegħu mill-kuntest leġiżlattiv ġenerali. Il-fatt li qabel din il-frażi hemm il-kliem “intervent pubbliku f’forma ta’ […]” ċertament huwa ta’ ċerta importanza, minħabba li dan b’hekk jippresupponi li r-regolamenti inkwistjoni għandhom xi sostenn jew pożizzjoni uffiċjali. Isegwi, għalhekk, li f’dan il-kuntest ir-riferiment għal “regolamenti ġenerali” huwa prinċipalment għal regolamenti inklużi jew f’att leġiżlattiv tal-Istat Taljan jew li xort’oħra jikkostitwixxu regoli ta’ implimentazzjoni jew prinċipji inklużi f’tali leġiżlazzjoni.

43.      Bla ħsara għal verifika aħħarija mill-qorti tar-rinviju, l-iskema leġiżlattiva Taljana li tipprovdi għar-rikonoxximent ta’ organizzazzjonijiet sportivi tidher li tikkostitwixxi eżattament il-forma ta’ regolamenti ġenerali msemmija fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Hekk kif il-qorti tar-rinviju nnifisha tagħmilha ċara, ir-regoli dwar kwistjonijiet bħar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet sportivi, il-protezzjoni tal-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi u tal-kompetizzjonijiet li huma jorganizzaw u l-ħarsien tas-saħħa u tal-benesseri tal-atleti huma espressament previsti mil-liġi u japplikaw mingħajr distinzjoni u b’mod ġenerali għall-organizzazzjonijiet sportivi kollha billi jistabbilixxu standards komuni għal dan il-għan. Lanqas, hekk kif osservat il-Kummissjoni fl-osservazzjonijiet tagħha, dawn ir-regoli ma jfittxu li jikkontrollaw jew inkella li jiddeterminaw il-politika ġenerali jew il-programm (28) li organizzazzjonijiet sportivi bħall-FIG jew il-FISE jkunu jixtiequ jsegwu. Il-punt ewlieni, madankollu, huwa li “regolament ġenerali” ta’ dan it-tip li ġeneralment ikun applikabbli għall-organizzazzjonijiet sportivi kollha u li ma jfittix, b’ebda mod rilevanti, li jikkontrolla l-politika jew il-programm tal-organizzazzjoni sportiva konċernata, huwa irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni ta’ jekk l-organizzazzjoni inkwistjoni hijiex suġġetta għal kontroll minn unitajiet tal-gvern (29) għall-finijiet tar-Regolament SEK (30).

44.      Dan kollu jfisser li l-fatt li l-FIG u l-FISE — bħall-organizzazzjonijiet sportivi Taljani oħra — kien jeħtiġilhom, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Taljan, japplikaw għand il-CONI għal rikonoxximent huwa irrilevanti għall-finijiet li jiġi stabbilit jekk kienx hemm il-livell meħtieġ ta’ kontroll mill-gvern skont il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Jekk, għalhekk, il-FIG u l-FISE għandhom jitqiesu li huma suġġetti għal kontroll mill-gvern għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolament SEK, dan għandu jkun għal xi raġuni oħra.

45.      Jiena tal-fehma, għalhekk, li l-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” stabbilit fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK jirreferi, inter alia, għar-regoli dwar kwistjonijiet bħar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet sportivi, il-protezzjoni tal-integrità tal-organizzazzjonijiet sportivi u tal-kompetizzjonijiet li huma jorganizzaw u l-ħarsien tas-saħħa u tal-benesseri tal-atleti. Dawn huma espressament previsti mil-liġi u japplikaw mingħajr distinzjoni u b’mod ġenerali għall-organizzazzjonijiet sportivi kollha billi jistabbilixxu standards komuni għal dan il-għan. Is-setgħa li jiġu stabbiliti tali regoli ma hijiex rilevanti meta jiġi sabiex ikun deċiż jekk il-gvern jikkontrollax organizzazzjoni sportiva li tkun NPI u produttur mhux tas-suq għall-finijiet tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK.

C.      Fuq it-tieni domanda: l-interpretazzjoni preċiża tal-kunċetti ta’ “kontroll” u ta’ “kapaċità li tiġi ddeterminata l-politika ġenerali jew il-programm ta’ unità istituzzjonali”

46.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa possibbli jkunu previsti żewġ interpretazzjonijiet tal-kunċett ta’ “kontroll” skont it-tifsira tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Skont interpretazzjoni waħda, “kontroll” jirreferi għall-kapaċità ta’ gvern jew ta’ aġenzija governattiva li jiddeterminaw il-politika ġenerali jew il-programm tal-entità kkonċernata billi jmexxu jew jinfluwenzaw b’mod deċiżiv it-tmexxija tal-unità istituzzjonali. L-interpretazzjoni l-oħra ta’ “kontroll” issuġġerita mill-qorti tar-rinviju tirreferi għal dak li hija tiddeskrivi bħala l-kontroll formali permezz tas-superviżjoni ġenerali u esterna tal-organizzazzjonijiet sportivi prevista mill-iskema leġiżlattiva Taljana b’mod ġenerali u mill-CONI b’mod partikolari.

47.      Hekk kif taċċetta l-qorti tar-rinviju, il-kunċett ta’ “kontroll” inkwistjoni hawnhekk jirreferi għas-setgħa li tiġi ddeterminata l-politika ġenerali jew il-programm tal-entità kkonċernata permezz tat-tmexxija ta’ dik l-entità jew tal-influwenzar b’mod deċiżiv fir-rigward tat-tmexxija tagħha. Daqstant huwa ċar mill-kliem u mill-kuntest tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, peress li, hekk kif ser naraw dalwaqt, kull wieħed mill-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll enumerati fih (31) huwa relatat mal-kunċett ta’ “kontroll” f’dik it-tifsira sostantiva. Wieħed jista’ f’dan l-istadju b’mod konvenjenti jisħaq dwar il-fatt li r-riferiment hawnhekk għat-“tmexxija tal-unità istituzzjonali jew għall-influwenzar b’mod deċiżiv fir-rigward tat-tmexxija tagħha” ma huwiex kriterju separat iżda jfittex biss li jiċċara jew li juri l-indikatur ta’ kontroll stabbilit fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, jiġifieri “l-kapaċità li tiġi ddeterminata l-politika [ġenerali] jew il-programm […] ta’ unità istituzzjonali”. Huwa evidenti minn din il-formulazzjoni li l-indikatur ta’ kontroll f’din id-dispożizzjoni ma jirrigwardax it-tmexxija ta’ kuljum tan-NPI iżda pjuttost id-definizzjoni u t-tmexxija tal-istrateġija ġenerali tagħha.

48.      Barra minn hekk, hekk kif diġà osservajt fir-risposta għall-ewwel domanda, huwa wkoll ċar mill-kliem tar-Regolament SEK li s-superviżjoni esterna inerenti fir-regoli ġeneralment applikabbli previsti fid-dritt Taljana hija irrilevanti (32) sabiex ikun iddeterminat tali kontroll skont it-tifsira tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Barra minn hekk, minħabba n-natura ta’ lex specialis tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, jistgħu jitqiesu biss il-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll imsemmija fis-subparagrafi (a), (b), (c), (d) u (e) tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ kontroll mill-gvern fuq in-NPI — bħall-FIG u l-FISE — li huma produtturi mhux tas-suq u, għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk l-gvern jistax jiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tagħhom.

49.      Il-Kummissjoni ressqet l-argument li minħabba li l-federazzjonijiet sportivi Taljani jeżerċitaw ċerti funzjonijiet bħall-għażla tal-atleti li jipparteċipaw f’kompetizzjonijiet nazzjonali u internazzjonali bħal-logħob Olimpiku, u minħabba li huma wkoll jaqtgħu tilwim fil-qasam sportiv, dawn il-federazzjonijiet jeżerċitaw funzjonijiet pubbliċi u għandhom, għalhekk, jiġu kklassifikati bħala unitajiet tal-gvern skont il-punt 20.06 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Dawn il-funzjonijiet ma humiex, fil-fehma tiegħi, intrinsikament ta’ natura pubblika u, f’kull każ, għandu jkun enfasizzat għal darb’oħra li l-kriterju determinanti huwa biss dak inkluż fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Għalhekk wieħed huwa kostrett jikkonkludi li l-argument tal-Kummissjoni bbażat fuq il-punt 20.06 ta’ dak l-anness huwa irrilevanti għal dan il-għan.

50.      Fil-fatt, fir-realtà, l-Istatut tal-CONI jagħti lil dik l-entità għadd ta’ setgħat fuq organizzazzjonijiet sportivi bħall-FIG u l-FISE. Għalhekk, l-istatut tal-CONI jipprovdi li l-kungress nazzjonali tiegħu għandu japprova il-bilanċi previżjonali u finali ta’ dawn il-federazzjonijiet sportivi (33) u għandu jaħtar l-awdituri li jirrappreżentaw il-CONI (34). Kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni, dawn is-setgħat ma jistgħux, fil-fehma tiegħi, jitqiesu bħala ekwivalenti għall-ħatra effettiva tal-uffiċjali mill-CONI għall-FIG u l-FISE (35). Fir-rigward tas-setgħat sostantivi nnifishom, is-setgħa ta’ approvazzjoni tal-kontijiet u ta’ ħatra tal-awdituri tal-organizzazzjonijiet sportivi (36) inkwistjoni normalment ma titqiesx bħala setgħa ta’ kontroll jew ta’ influwenzar materjali fir-rigward tal-politika ġenerali tal-organizzazzjonijiet innifishom. Ċertament, l-affarijiet jistgħu jkunu differenti jekk, pereżempju, dawn is-setgħat kellhom imorru lil hinn minn dan u jinkludu setgħa ta’ approvazzjoni jew (skont il-każ) ta’ veto fir-rigward ta’ pjanijiet partikolari ta’ nfiq min-naħa tal-FIG jew tal-FISE. Filwaqt li din fl-aħħar mill-aħħar tkun kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti tar-rinviju, jidher impliċitu fid-digrieti tar-rinviju li dik il-qorti tqis li s-setgħat ta’ approvazzjoni tal-kontijiet ta’ kull federazzjoni sportiva u ta’ ħatra tal-awdituri li l-CONI għandu jirrappreżentaw biss setgħa ta’ awditu standard (37). Meqjusa minn dan l-aspett, dawn is-setgħat ta’ awditu minnhom innifishom ma jammontawx għal indikatur ta’ kontroll għall-finijiet tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament ESA (38). F’dan il-kuntest, irrid nosserva li, bla ħsara wkoll għal verifika mill-qorti tar-rinviju, filwaqt li l-kontijiet annwali tal-federazzjonijiet sportivi nazzjonali huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-CONI, fil-każ ta’ opinjoni negattiva ta’ din l-entità, hija l-assemblea nazzjonali tal-federazzjoni sportiva li fl-aħħar mill-aħħar għandha tapprova dawn il-kontijiet (39). F’kull każ, kif kemm il-FIG kif ukoll l-aġent tar-Repubblika Taljana issottomettew matul is-seduta, dan ikompli jenfasizza n-natura purament superviżorja ta’ dan il-kontroll estern.

51.      Il-Kummissjoni tirreferi wkoll għas-setgħat mogħtija lill-kummissjoni nazzjonali tal-CONI sabiex tapprova l-istatuti u ċerti regoli jew regolamenti ta’ organizzazzjonijiet sportivi (40) u tqis li dawn huma indikaturi ta’ kontroll skont il-punt 20.309(i) u tabilħaqq il-punt 20.15(b) tal-Anness A tar-Regolament SEK. Minbarra l-fatt li l-uniċi indikaturi li huma rilevanti huma dawk li jinsabu fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, is-setgħat inkwistjoni jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” stabbilit fil-punt20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Dawn is-setgħat huma għalhekk irrilevanti meta jiġi sabiex ikun deċiż jekk gvern jikkontrollax organizzazzjoni sportiva li tkun NPI u produttur mhux tas-suq għall-finijiet tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament ESA. (41)

52.      Il-Kummissjoni tqis ukoll li s-setgħa tal-CONI li jqiegħed federazzjonijiet taħt tutela fil-każ ta’ irregolaritajiet serji fit-tmexxija tagħhom jew fil-każ ta’ ksur serju tad-dritt tal-isport, meta jkun stabbilit li l-korpi regolatorji tagħhom ma jistgħux jiffunzjonaw jew f’każijiet meta ma jkunux jistgħu jiġu ggarantiti l-organizzazzjoni tajba u l-iżvolġiment tajjeb ta’ kompetizzjonijiet sportivi nazzjonali (42), kif ukoll is-setgħa li jirrevoka r-rikonoxximent għal finijiet sportivi mogħti lill-federazzjonijiet, fil-każ li ma jkunux iktar issodisfatti l-kriterji relatati mar-rikonoxximent (43) għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-punt 20.15(b) tal-Anness A tar-Regolament SEK.

53.      Għal darb’oħra, madankollu, jiena nifhimha mod ieħor. Inqis li setgħat bħal dawn, li jiġu eżerċitati darba waħda biss fil-każ li federazzjoni sportiva tonqos milli tkun konformi mar-regoli u l-obbligi l-iktar importanti imposti sabiex hija tiffunzjona b’mod korrett, huma setgħat simili jew korollarji għas-setgħa ta’ rikonoxximent tal-CONI ta’ tali federazzjoni (44) u, għalhekk, ma humiex rilevanti għall-finijiet tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Setgħat bħal dawn ma jagħtux lill-CONI s-setgħa jiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tal-federazzjoni sportiva kkonċernata.

54.      Għalhekk, jiena tal-fehma li l-kliem “[i]l-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI”, li jinsab fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-kapaċità ta’ tmexxija jew ta’ influwenza b’mod deċiżiv fir-rigward tat-tmexxija ta’ NPI, u ma jirreferi għal ebda setgħat ta’ superviżjoni esterna fil-forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività. Huma biss il-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll imsemmija fis-subparagrafi (a), (b), (c), (d) u (e) ta’ dan il-punt li jistgħu jintużaw sabiex ikun stabbilit jekk entità għandhiex il-kapaċità tiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI.

D.      Fuq it-tielet domanda: l-interpretazzjoni preċiża tal-kunċett ta’ “livell ta’ finanzjament” u ta’ “finanzjament prinċipali” u r-rilevanza tal-“miżati ta’ sħubija” biex tkun stabbilita l-kapaċità ta’ awtodeterminazzjoni tal-entità mingħajr skop ta’ lukru

55.      Il-qorti tar-rinviju taċċetta li l-evidenza ma tistabbilixxix il-livell meħtieġ ta’ kontroll fir-rigward tal-indikaturi speċifiċi enumerati fis-subparagrafi (a), (b), (c) u (e) tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, jiġifieri l-ħatra tal-uffiċjali, l-obbligi inklużi fl-istatuti tal-FIG u tal-FISE, il-ftehimiet kuntrattwali jew l-esponiment għar-riskju. Il-kwistjoni mqajma mill-qorti tar-rinviju minflok tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament SEK, jiġifieri l-livell ta’ finanzjament u jekk jistax jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul li l-FIG u l-FISE jirċievu mill-miżati ta’ sħubija tagħhom stess sabiex tiġi ddeterminata l-kwistjoni tal-allegat kontroll governattiv. Tabilħaqq hemm essenzjalment żewġ aspetti ta’ din il-kwistjoni, jiġifieri, il-kunċett tal-livell ta’ finanzjament u r-rilevanza tal-miżati ta’ sħubija. Nipproponi li nqis dawn il-kwistjonijiet separatament, billi nibda bil-kwistjoni tal-miżati ta’ sħubija.

1.      L-istatus tal-miżati tasħubija

56.      Kif jista’ jiġi nnutat mill-punt 22 iktar ’il fuq, id-dħul ewlieni tal-FIG u tal-FISE jirriżulta mill-miżati ta’ sħubija, flimkien ma’ dħul ieħor kemm minn kompetizzjonijiet nazzjonali kif ukoll minn dawk internazzjonali, minn reklamar u minn arranġamenti ta’ sponsorizzazzjoni. Il-qorti tar-rinviju tqis li livell għoli ta’ miżati ta’ sħubija jkollu t-tendenza juri li jkun inkiseb livell biżżejjed għoli ta’ awtonomija finanzjarja u amministrattiva mill-FIG u mill-FISE, hekk li ma jkunx jista’ jingħad li huma kkontrollati minn unità governattiva bħall-CONI, minkejja l-kontribuzzjoni finanzjarja sinjifikattiva magħmula minn dan l-aħħar korp. (45)

57.      Il-qorti tar-rinviju indikat fid-digriet tar-rinviju tagħha li fil-fehma tal-ISTAT u tal-Prosekutur Pubbliku l-miżati tas-sħubija huma, madankollu, kontribuzzjonijiet ta’ natura pubblika u parafiskali minħabba l-pożizzjoni ta’ monopolju li l-FIG u l-FISE jokkupaw fir-rigward tas-setturi sportivi Taljani tal-golf u tal-ekwestru. It-tnejn li huma jsostnu li tali miżati ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu li huma rilevanti f’kull evalwazzjoni tal-livell ta’ awtonomija finanzjarja li għandhom dawn il-federazzjonijiet.

58.      Il-qorti tar-rinviju tqis li l-argument li tali dħul mis-sħubija kien jammonta, fil-fatt, għal dħul mill-finanzi pubbliċi għandu jiġi miċħud. Min-naħa tiegħi nqis li dan l-approċċ huwa għalkollox korrett. Huwa minnu li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha lill-Qorti tal-Ġustizzja, huma biss dawk irreġistrati mal-FIG u mal-FISE li jistgħu jsegwu l-isport li jinteressahom (46) sabiex sa dan l-estent huma jistgħu jitqiesu bħala li jokkupaw pożizzjoni ta’ monopolju fir-rigward tal-organizzazzjoni tas-setturi sportivi Taljani tal-golf u tal-ekwestru. Madankollu, huwa fatt li l-isport tal-golf u tal-ekwestru jibqa’ sport volontarju (47) u l-miżati ta’ sħubija inkwistjoni jirrappreżentaw ħlasijiet volontarji mogħtija minn unitajiet domestiċi. (48)

59.      Il-ħlas, pereżempju, tal-miżata ta’ sħubija lill-FIG ma huwiex iktar obbligatorju f’dan is-sens milli huwa, pereżempju, il-ħlas li jagħmel min jilgħab il-golf li jkun jixtieq jilgħab f’korsa tal-golf partikolari fir-rigward tal-ħlas għal aċċess (jew “green fee”) għal dik il-korsa. Hekk kif tosserva l-qorti tar-rinviju, skont id-dritt Taljan, il-federazzjonijiet sportivi huma entitajiet mingħajr skop ta’ lukru, ibbażati fuq sħubija u rregolati mir-regoli tal-Ktieb 1 tal-Kodiċi Ċivili Taljan. Is-sħubija hija, għalhekk, att volontarju li permezz tiegħu membru kkonċernat jintrabat li josserva għadd ta’ regoli interni u li jħallas il-miżata ta’ sħubija. Essenzjalment dan il-ħlas jista’ jitqies bħala konsegwenza tal-aċċettazzjoni volontarja ta’ obbligu kuntrattwali minn naħa tal-membru kkonċernat. Tali ħlas jippermetti lill-membru jipparteċipa fl-assoċjazzjoni sportiva kkonċernata u, permezz tal-ħlas tal-miżata, huwa jikkontribwixxi sabiex jiġġenera dħul li jippermetti lil din l-organizzazzjoni tilħaq l-għanijiet tagħha.

60.      Il-ħlas tal-miżati ta’ sħubija lil organizzazzjonijiet sportivi bħall-FIG u l-FISE huwa, għaldaqstant, ħlas purament privat, volontarju u kuntrattwali mill-membru kkonċernat, imwettaq bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet. Minn dan isegwi, għalhekk, li, kuntrarjament għall-argumenti mressqa mill-ISTAT u mill-Prosekutur Pubbliku quddiem il-qorti tar-rinviju u mill-Kummissjoni quddiem il-Qorti, tal-Ġustizzja, tali miżati ta’ sħubija ma jistgħux realistikament jitqiesu bħala li huma taxxi pubbliċi u parafiskali. Dan huwa minħabba li l-karatteristika li tiddefinixxi tali taxxa parafiskali hija li l-ħlas huwa impost u huwa rkuprat b’mod obbligatorju mhux b’riferiment għal xi arranġament kuntrattwali iżda pjuttost abbażi tad-dritt pubbliku. Tabilħaqq, f’xi każijiet, in-nuqqas ta’ ħlas ta’ taxxa jista’ jwassal għal sanzjonijiet amministrattivi jew anki għal pieni kriminali. Taxxa parafiskali bħal din, barra minn hekk, ma tinġabarx b’riferiment għall-użu effettiv jew għall-ispiża tas-servizzi pprovduti mill-organizzazzjoni inkwistjoni. (49)

61.      Barra minn hekk, ma hemm xejn x’jissuġġerixxi (50) li, jekk ma jsirx il-ħlas tal-miżati, il-FIG jew il-FISE jkunu intitolati jirkuprawhom b’mod ieħor għajr permezz tar-rimedji standard previsti mid-dritt privat.

62.      Għalhekk inqis li d-dħul mill-miżati ta’ sħubija mħallsa lill-organizzazzjonijiet sportivi, li huma ħlasijiet purament privati, volontarji u kuntrattwali mwettqa mill-membri bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ finanzjament mill-gvern għall-finijiet tal-punt 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament SEK. L-importanza relattiva ta’ tali miżati ta’ sħubija u ta’ dħul “privat” ieħor kif imqabbla ma’ finanzjament mill-gvern hija, għalhekk, indikazzjoni ċara li NPI ma hijiex ikkontrollata mill-gvern u, għalhekk, għandha tkun ikklassifikata bħala NPISH.

2.      Il-kontribuzzjonijiet annwali magħmula mill-CONI

63.      Tibqa’ l-kwistjoni dwar il-kontribuzzjoni annwali magħmula mill-CONI — entità governattiva — li, kif diġà ġie nnotat, tammonta għal madwar 30 % tad-dħul tal-FIG u tal-FISE. Il-livell ta’ din il-kontribuzzjoni huwa ċertament sinjifikattiv u ma neskludix il-possibbiltà li, f’xi kuntesti u f’xi ċirkustanzi, kontribuzzjoni ta’ dan id-daqs tista’ tkun indikatur ta’ kontroll. Madankollu, normalment, kontribuzzjoni rikorrenti ta’ din ix-xorta ma tkunx minnha nnifisha biżżejjed sabiex jiġi stabbilit kontroll.

64.      Jista’, madankollu, ikun differenti jekk ikun hemm evidenza li l-organizzazzjoni sportiva inkwistjoni kienet adattat it-tmexxija tagħha u l-politika ta’ organizzazzjoni u l-programm tagħha għax-xewqat tal-entità pubblika kontributriċi minħabba d-dipendenza fiskali de facto tagħha fuq din l-entità. Madankollu, anki f’tali ċirkustanzi, sabiex tintwera l-eżistenza ta’ kontroll, ikun meħtieġ jintwera li tali dipendenza fiskali kienet fil-fatt ħolqot sitwazzjoni fejn l-entità governattiva kontributriċi kienet eżerċitat influwenza deċiżiva fir-rigward ta’ deċiżjonijiet ta’ tmexxija u organizzattivi prinċipali.

65.      Hawnhekk għandu jitfakkar li l-punt20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK espressament jirrikonoxxi li anki jekk NPI partikolari li “tkun iffinanzjata prinċipalment mill-gvern” tibqa’ kapaċi li tiddetermina “l-politika jew il-programm tagħha sa punt sinifikanti […] hija, għalhekk, ma tkunx meqjusa li hija kkontrollata mill-gvern.” Dan isir billi jiġu eżaminati l-erba’ indikaturi l-oħra stabbiliti fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK (51). F’dawn il-kawżi il-FIG u l-FISE ma humiex “iffinanzjat[i] prinċipalment” minn entità governattiva (52), u anki kieku kienu, xorta waħda jkun meħtieġ li jintwera li huma ma għadhomx iktar il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw il-politika ġenerali tagħhom jew il-programm tagħhom (53) sabiex tiġi stabbilita għal dan il-għan l-eżistenza ta’ kontroll minn entità governattiva.

66.      Jidher impliċitu fis-sentenza tal-qorti tar-rinviju li xejn minn dan ma seħħ f’dawn il-kawżi. Ma ġiet prodotta ebda prova li tissuġġerixxi li l-FIG jew il-FISE ma żammewx, permezz tal-membri tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jiddeterminaw il-programmi u l-politiki tagħhom stess, għalkemm fl-aħħar mill-aħħar din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata minn din il-qorti.

67.      F’kull każ, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk il-FIG u l-FISE humiex de facto fiskalment dipendenti fuq il-CONI minħabba d-daqs tal-kontribuzzjoni annwali ta’ dan tal-aħħar. Madankollu, anki kieku fl-aħħar mill-aħħar kellha tiġi stabbilita tali dipendenza fiskali għas-sodisfazzjon tal-qorti tar-rinviju, ikun ukoll meħtieġ li jintwera li l-FIG u l-FISE kienu fill-fatt adattaw il-politiki ġenerali jew il-programmi tagħhom għax-xewqat tal-CONI, minħabba, inter alia, xi tip ta’ tali dipendenza fiskali de facto fuq dan il-korp qabel ma jkun jista’ jiġi debitament ikkonstatat li hemm kontroll minn unità governattiva. Għalhekk, fin-nuqqas ta’ prova li l-CONI jmexxi jew jinfluwenza b’mod deċiżiv it-tmexxija tal-FIG u tal-FISE, hemm lok, għaldaqstant, li r-risposta tkun li, f’dawn iċ-ċirkustanzi partikolari, ma ntweriex li l-FIG u l-FISE huma suġġetti għall-kontroll ta’ entità governattiva skont it-tifsira tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK.

VI.    Konklużjoni

68.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula iktar ’il fuq, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi d-domandi magħmula mill-Corte dei Conti (il-Qorti tal-Awdituri, l-Italja) kif ġej:

Il-kunċett ta’ “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” stabbilit fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea li jirregola s-Sistema Ewropea tal-Kontijiet 2010 (iktar ’il quddiem ir-“Regolament SEK”), jirreferi, inter alia, għar-regoli dwar kwistjonijiet bħar-rikonoxximent tal-organizzazzjonijiet sportivi, il-protezzjoni tal-integrità tal- organizzazzjonijiet sportivi u tal-kompetizzjonijiet li huma jorganizzaw, u l-ħarsien tas-saħħa u tal-benesseri tal-atleti, li huma espressament previsti mil-liġi u li japplikaw mingħajr distinzjoni u b’mod ġenerali għall-organizzazzjonijiet sportivi kollha billi jistabbilixxu standards komuni għal dan il-għan. Is-setgħa li jiġu stabbiliti tali regoli ma hijiex rilevanti meta jiġi sabiex ikun deċiż jekk il-gvern jikkontrollax organizzazzjoni sportiva li tkun istituzzjoni mingħajr skop ta’ lukru (iktar ’il quddiem “NPI”) u produttur mhux tas-suq għall-finijiet tal-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK.

Il-kliem “[i]l-kontroll ta’ NPI huwa definit bħala l-kapaċità għad-determinazzjoni tal-politika ġenerali jew tal-programm tal-NPI”, li jinsab fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, għandu jiġi interpretat bħala li jirreferi għall-kapaċità ta’ tmexxija jew ta’ influwenza b’mod deċiżiv fir-rigward tat-tmexxija ta’ NPI, u ma jirreferi għal ebda setgħat ta’ superviżjoni esterna, fil-forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività. Huma biss il-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll imsemmija fis-subparagrafi (a), (b), (c), (d) u (e) ta’ dan il-punt li jistgħu jintużaw sabiex ikun stabbilit jekk entità għandhiex il-kapaċità tiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI.

Id-dħul mill-miżati ta’ sħubija mħallsa lill-organizzazzjonijiet sportivi, li huma ħlasijiet purament privati, volontarji u kuntrattwali mwettqa mill-membri bħala korrispettiv għas-servizzi pprovduti minn dawn l-organizzazzjonijiet ma għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-livell ta’ finanzjament mill-gvern għall-finijiet tal-punt 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament SEK. L-importanza relattiva ta’ tali miżati ta’ sħubija u ta’ dħul “privat” ieħor kif imqabbla ma’ finanzjament mill-gvern hija, għalhekk, indikazzjoni ċara li NPI ma hijiex ikkontrollata mill-gvern u, għalhekk, għandha tkun ikklassifikata bħala NPISH. Barra minn hekk, il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK espressament jirrikonoxxi li anki jekk NPI partikolari li tkun “iffinanzjata prinċipalment mill-gvern” tibqa’ kapaċi li tiddetermina “l-politika jew il-programm tagħha sa punt sinifikanti […] hija, għalhekk, ma tkunx meqjusa li hija kkontrollata mill-gvern”.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU 2013, L 174, p. 1. Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament SEK Il-bażi legali tar-Regolament SEK hija l-Artikolu 338(1) TFUE li jipprovdi li “[m]ingħajr preġudizzju għall-Artikolu 5 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jadottaw miżuri għall-produzzjoni ta’ statistiċi fejn meħtieġa għat-twettiq ta’ l-attivitajiet ta’ l-Unjoni.” Il-punt 1.01 tal-Anness A tar-Regolament SEK jipprovdi li s-sistema Ewropea tal-kontijiet hija “qafas ta’ kontabbiltà internazzjonalment kompatibbli għal deskrizzjoni sistematika u dettaljata ta’ ekonomija totali (jiġifieri reġjun, pajjiż jew grupp ta’ pajjiżi), il-komponenti tiegħu u r-relazzjonijiet tiegħu ma’ ekonomiji totali oħrajn.”


3      Ara l-punt 1.57(c) tal-Anness A tar-Regolament SEK.


4      Ara t-Tabella 2.1, tal-Anness A tar-Regolament SEK bit-titolu “Setturi u sottosetturi”.


5      Ara l-punti 1.57(e) u 2.129 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


6      Ara t-Tabella 2.1 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


7      Ara l-punt 2.129 tal-Anness A tar-Regolament SEK li jirreferi għall-fatt li dawn huma “produtturi privati mhux għas-suq”.


8      Ara l-punt 2.130 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


9      Ara l-Artikolu 1(1) tar-Regolament SEK.


10      Ara l-Artikolu 1(2) tar-Regolament SEK.


11      Dawn l-unitajiet u s-setturi istituzzjonali huma reċiprokament esklużivi. Ara wkoll il-punt 1.57 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


12      Ara wkoll il-punt 2.39 tal-Anness A tar-Regolament SEK li japplika għan-NPI rrikonoxxuti bħala entitajiet ġuridiċi indipendenti.


13      Il-Kodiċi Ċivili Taljan, Ktieb 1, kif emendat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 242 tat‑23 ta’ Lulju 1999 (iktar ’il quddiem id-“Digriet Leġiżlattiv 242/1999”).


14      Artikolu 4 tal-Istatut tal-CONI.


15      Artikolu 6(4) tal-Istatut tal-CONI u Artikolu 5 tad-Digriet Leġiżlattiv 242/1999.


16      Il-federazzjonijiet jistgħu wkoll iwettqu funzjonijiet pubbliċi, speċifikament mogħtija mil-liġi, li fir-rigward tagħhom japplika d-dritt pubbliku fil-limiti stabbiliti fl-Artikolu 1(1b) tal-Liġi 241/1990.


17      Ara l-Artikolu 4 tal-Istatut ta’ FIG u l-Artikolu 1 tal-Istatut ta’ FISE.


18      Liġi Nru 196 tal-31 ta’ Diċembru 2009.


19      F’dan ir-rigward huwa importanti li wieħed jinnota li n-NPI li jkunu produtturi tas-suq ikkontrollati minn entità governattiva huma kklassifikati bħala korporazzjonijiet pubbliċi. Ara l-punt 20.307 tal-Anness A tar-Regolament SEK. NPI kkontrollata privatament hija kklassifikata fis-setturi tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji u tal-korporazzjonijiet finanzjarji, jekk din tkun produttur tas-suq. Ara l-punt 3.31 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


20      Skont il-qorti tar-rinviju, ir-rikavat mill-bejgħ tas-servizzi tal-FIG u tal-FISE fil-fatt huwa baxx ħafna u jammonta għal inqas minn 10 % tar-riżultati tagħhom. Il-FIG u l-FISE ma jistgħux, għalhekk, jitqiesu bħala entitajiet tas-suq u, għalhekk, huma b’mod ċar NPI mhux tas-suq fis-sens tal-punti 20.29 u 20.30 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


21      Ma jingħata ebda piż jew prijorità partikolari lil ebda wieħed mill-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll stabbiliti fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Tabilħaqq, din id-dispożizzjoni tipprovdi li “indikatur wieħed jista’ jkun biżżejjed biex jiġi stabbilit kontroll.”


22      Il-Kummissjoni tagħmel diversi riferimenti fl-osservazzjonijiet tagħha għal din id-dispożizzjoni u tqis li din hija rilevanti sabiex jiġi ddeterminat il-kontroll tan-NPI. Hija tqis, fil-fatt, li r-regoli fil-punt 20.309 tal-Anness A tar-Regolament SEK huma iktar ddettaljati minn dawk fil-punt 20.15.


23      Ara wkoll il-punti 1.36, 2.32, 2.35 sa 2.39 u 20.18 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


24      Dan huwa l-għan ta’ lex specialis fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK. Ara wkoll dwar dan, Eurostat Manual on Government Deficit and Debt, Implementation of ESA 2010, Edizzjoni 2016 disponibbli biss fil-verżjoni Ingliża fl-indirizz: https://ec.europa.eu/eurostat/documents/3859598/7203647/KS-GQ-16-001-EN-N.pdf/5cfae6dd-29d8-4487-80ac-37f76cd1f012. Fil-paragrafu 11 fil-paġna 15 ta’ dan il-manwal jingħad li “il-kunċett ta’ kontroll mill-gvern fil-kontijiet nazzjonali huwa l-istess kemm għall-korporazzjonijiet finanzjarji kif ukoll għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji, u l-kunċett huwa żviluppat fil-paragrafi sussegwenti. Il-kontroll tal-istituzzjonijiet mingħajr skop ta’ lukru u tal-unitajiet edukattivi huwa indirizzat separatament iktar ’il quddiem.” (enfasi miżjuda)


25      F’konformità mal-punt 20.307 tal-Anness A tar-Regolament SEK, l-unitajiet tas-settur pubbliku mhux tas-suq huma kklassifikati taħt il-gvern ġenerali u l-unitajiet tas-settur pubbliku tas-suq huma kklassifikati bħala korporazzjonijiet pubbliċi.


26      Mit-tabella inkluża fil-punt 20.303 tal-Anness A tar-Regolament SEK jirriżulta b’mod ċar li r-regoli dwar is-settur pubbliku stabbiliti fil-punti 20.303 sa 20.319 tal-imsemmi anness ma jinkludux regoli li jippermettu li jiġi ddeterminat jekk entità hijiex NPISH.


27      Artikolu 15 tad-Digriet Leġiżlattiv 242/1999.


28      Ara, inter alia, il-punt1.36 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


29      Ara l-punt 20.13 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


30      Filwaqt li nqis li r-riferiment tal-Kummissjoni għall-“kontroll permezz ta’ regolazzjoni eċċessiva” previst fil-punt 20.309(h) tal-Anness A tar-Regolament SEK ma huwiex rilevanti, peress li hija l-lex specialis inkluża fil-punt 20.15 ta’ dan l-anness li hija applikabbli, jirriżulta wkoll b’mod ċar mill-kliem stess tal-ewwel dispożizzjoni li dan il-kriterju bl-ebda mod ma japplika fil-kuntest tal-federazzjonijiet sportivi, għaliex dan jirreferi għall-“monopolji u l-utilitajiet privatizzati li jkollhom element ta’ servizz pubbliku”.


31      Li jikkostitwixxu kategorija magħluqa.


32      Fiha nnifisha jew flimkien ma’ kriterji oħra.


33      Artikoli 7(5)(g2) u 21(5) tal-Istatut tal-CONI.


34      Artikolu 7(5)(h12) tal-Istatut tal-CONI.


35      Is-setgħa ta’ ħatra tal-uffiċjali hija waħda mill-ħames indikaturi speċifiċi ta’ kontroll previsti espressament fil-punt 20.15(a) tal-Anness A tar-Regolament SEK.


36      Li potenzjalment tista’ taqa’ taħt il-kliem tal-punt 20.15(b) tal-Anness A tar-Regolament SEK.


37      Il-FIG u l-aġent tar-Repubblika Taljana indikaw matul is-seduta li l-għan ta’ tali superviżjoni esterna mill-CONI kien li jkun żgurat li l-fondi pubbliċi mogħtija lill-federazzjonijiet sportivi ma jintużawx għal finijiet differenti minn dawk debitament awtorizzati iktar milli sabiex tkun iddeterminata l-politika ġenerali jew il-programm tal-federazzjoni sportiva.


38      Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-CONI għandu setgħa wiesgħa ta’ kontroll fuq l-assoċjazzjonijiet sportivi msieħba mal-federazzjonijiet, li jikkostitwixxu parti sinjifikattiva mill-attivitajiet ta’ dawn tal-aħħar. Skont il-Kummissjoni, l-istatuti tal-CONI jipprovdu li l-kunsill nazzjonali tal-CONI jistabbilixxi, sabiex jiġi ggarantit l-iżvolġiment tajjeb tal-kampjonati sportivi, il-kriterji għall-verifiki mwettqa mill-federazzjonijiet fir-rigward tal-imsieħba tagħhom sabiex jivverifikaw l-istabbiltà finanzjarja tagħhom. Dawn il-verifiki jitwettqu mill-federazzjonijiet bis-saħħa ta’ delega ta’ setgħat mill-CONI, li jista’ jissostitwixxi lill-federazzjonijiet jekk jiġi stabbilit li l-verifiki mwettqa minn dawn tal-aħħar ma humiex adegwati. Id-delega, lill-federazzjonijiet, tas-setgħa ta’ superviżjoni fuq l-imsieħba tikkonferma, skont il-Kummissjoni, li l-CONI għandu influwenza deċiżiva fuq il-politika ġenerali tal-federazzjonijiet u, għalhekk, għandu kontroll fuqhom. Min-naħa tiegħi, madankollu, ma naqbilx. Ma nistax nimmaġina kif il-fatt li l-CONI ddelega lill-federazzjonijiet sportivi ċerti setgħat ta’ kontroll estern, partikolarment kontroll finanzjarju, fuq l-imsieħba tagħhom jagħti lill-CONI, per se u mingħajr ebda prova partikolari oħra, is-setgħa li jiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tal-federazzjonijiet sportivi kkonċernati.


39      Ara l-Artikolu 15(3) tad-Digriet Leġiżlattiv 242/1999 u, pereżempju, l-Artikolu 30(3(d) tal-istatuti tal-FIG.


40      Ara l-Artikolu 7(5)(l) tal-Istatut tal-CONI.


41      Il-Kummissjoni tinnota wkoll li l-CONI għandu s-setgħa jiddefinixxi l-prinċipji fundamentali applikabbli għall-istatuti tal-federazzjonijiet, bħall-prinċipju ta’ separazzjoni tas-setgħat bejn l-organi prinċipali tal-federazzjonijiet (l-assemblea, il-kunsill federali, il-president federali u l-kulleġġ tal-awdituri); il-prinċipju ta’ demokrazija interna li jirregola d-drittijiet tal-vot tal-kumpanniji u tal-assoċjazzjonijiet imsieħba u tal-atleti fi ħdan il-federazzjoni; il-prinċipju ta’ eliġibbiltà għall-funzjonijiet federali li jirregola l-elezzjoni, it-terminu u t-tiġdid tal-mandati tar-rappreżentanti eletti, kif ukoll l-inkompatibbiltà bejn ċertu funzjonijiet; il-prinċipju tar-rappreżentanza tal-atleti fil-korpi regolatorji nazzjonali. Skont il-Kummissjoni, din is-setgħa tagħti lill-entità pubblika CONI s-setgħa jinfluwenza l-istruttura interna tal-federazzjonijiet u, għaldaqstant, tista’ titqies bħala indikazzjoni tal-kapaċità tiegħu li jiddetermina l-politika ġenerali tal-federazzjonijiet jew bħala forma ta’ kontroll pubbliku. Jiena ma naqbilx ma dan. Fl-opinjoni tiegħi, dawn is-setgħat jaqgħu għal darb’oħra taħt il-kunċett ta’ intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” stabbilit fil-punt20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


42      Artikoli 6(fl) u 7(5)(f) tal-Istatut tal-CONI.


43      Artikolu 21(5) tal-Istatut tal-CONI.


44      B’hekk jikkostitwixxu “intervent pubbliku f’forma ta’ regolamenti ġenerali applikabbli għall-unitajiet kollha li jaħdmu fl-istess attività” kif stabbilit fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


45      Ta’ min jiftakar li, skont il-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, anki jekk NPI tkun prinċipalment iffinanzjata mill-gvern, din tista’ xorta waħda tkun f’pożizzjoni li tiddetermina il-politika jew il-programm tagħha b’mod sinjifikattiv u għaldaqstant ma titqiesx bħala li hija kkontrollata mill-gvern.


46      Għall-inqas għal dak li jikkonċerna lill-atleti kompetittivi.


47      Kemm jekk jiġi eżerċitat f’kapaċità professjonali jew ta’ dilettanti.


48      Ara l-punti 4.125 u 4.126 tal-Anness A tar-Regolament SEK.


49      Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza tat‑12 ta’ Settembru 2013, IVD (C‑526/11, EU:C:2013:543, punt 24).


50      Bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju.


51      Inqis ukoll li, anki jekk NPI ma tkunx iffinanzjata prinċipalment (jew, tabilħaqq, jekk niġu f’dan, ma tkunx wara kollox iffinanzjata) mill-gvernijiet, hija tista’ xorta waħda tkun ikkontrollata minn entità governattiva meta, wara li jkunu tqiesu l-ħames indikaturi ta’ kontroll previsti fil-punt 20.15 tal-Anness A tar-Regolament SEK, jiġi stabbilit li din l-entità tista’ tiddetermina l-politika ġenerali jew il-programm tan-NPI.


52      Jiġifieri, il-CONI.


53      F’dan ir-rigward, jidher, skont l-indikatur stabbilit fil-punt 20.15(d) tal-Anness A tar-Regolament SEK, li l-FIG u l-FISE huma fl-aħħar mill-aħħar ikkontrollati mill-membri tagħhom. Madankollu, finalment din hija kwistjoni li għandha tiġi vverifikata mill-qorti nazzjonali.