Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Frar 2009 mill-Ungerija mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawża T-339/16, T-352/16 u T-391/16, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-178/19 P)

Lingwi tal-kawża: l-Ispanjol u l-Franċiż

Partijiet

Appellanti: L-Ungerija (rappreżentant: M. Z. Fehér, aġent)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid

Talbiet

Fl-appell tiegħu, il-Gvern Ungeriż jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħgobha:

prinċipalment:

tannulla s-sentenza mogħtija fit-13 ta’ Diëembru 2018 mill-Qorti Ġenerali fil-Kawżi Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs il-Kummissjoni (T-339/16, T-352/16 u T-391/16, EU:T:2018:927), u tiċħad ir-rikors tal-ville de Paris, tal-ville de Bruxelles u tal-ayuntamiento de Madrid bħala infondati,

sussidjarjament:

tannulla d-dispożittiv tas-sentenza sa fejn tiddetermina t-tul taż-żamma tal-effetti tad-dispożizzjoni annullata għal tnax-il xahar mid-data li fiha s-sentenza tidħol fis-seħħ u, fl-istess ħin, tiddeċiedi li żżomm l-effetti tad-dispożizzjoni annullata sa l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni l-ġdida li tieħu post dawn id-dispożizzjonijiet,

u

tikkundanna lill-partijiet fil-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ispejjeż tal-prodeduri tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Fl-appell tiegħu, il-Gvern Ungeriż jikkontesta, minn naħa, il-konstatazzjonijiet tas-sentenza appellata dwar l-ammissibbiltà u, għalhekk, l-ammissibbiltà tar-rikorsu, u, fuq in-naħa l-oħra, l-evalwazzjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-effetti ratione temporis tad-dispożizzjonijiet annullati u l-konklużjoni li tiġbed minnhom.

Skont il-Gvern Ungeriż, il-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li r-Regolament Nru 2016/646 1 ma jeħtieġ ebda miżura ta’ eżekuzzjoni fir-rigward tar-rikorrenti u li jikkonċernahom direttament u li, konsegwentement, huma għandhom id-dritt li jippreżetnaw rikors skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, ir-Regolament 2016/646 jirrikjedi miżuri ta’ implimentazzjoni wkoll fir-rigward tar-rikorrenti, u, barra minn hekk, ma jikkonċernahomx direttament, minħabba li ma jillimitax, kuntrarjament għal dak li huwa ddikjarat fis-sentenza appellata, is-setgħa tar-rikorrenti li jadottaw miżuri li jirrestrinġu l-moviment ta’ ċerti vetturi.

Skont il-Gvern Ungeriż, il-Qorti Ġenerali kisret barra minn hekk il-prinċipju taċ-ċertezza legali meta stabbilixxiet fis-sentenza appellata tul massimu ta’ 12-il xahar għaż-żamma tal-effetti ġuridiċi tad-dispożizzjoni annullata, peress li dak it-tul ma jistax jitqies bħala biżżejjed sabiex tkun tista’ tiġi adottata dispożizzjoni legali sabiex tissostitwixxi d-dispożizzjoni annullata. It-tqassir tat-terminu ta’ aġġustament għall-impriżi ma jippermettilhomx li jippreparaw għad-dispożizzjonijiet emendati u l-kwistjoni tal-mitigazzjoni tad-danni tagħhom, li diġà jistgħu jiġu stmati, ma hijiex solvuta. Is-sitwazzjoni matul il-perjodu bejn l-iskadenza tal-effetti ratione temporis tad-dispożizzjoni annullata u l-adozzjoni tad-dispożizzjoni l-ġdida tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali u kemm id-drittijiet tal-manifatturi tal-karozzi u dawk tal-konsumaturi jkunu affettwati serjament.

____________

1 Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1).