Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Jannar 2019 mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’Awla Estiża) fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawżi magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16, Ville de Paris, Ville de Bruxelles u Ayuntamiento de Madrid vs Il-Kummissjoni Ewropea

(Kawża C-177/19 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol u l-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller, S. Eisenberg u D. Klebs, aġenti)

Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ville de Paris, Ville de Bruxelles, Ayuntamiento de Madrid

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fit-13 ta’ Diċembru 2018 fil-Kawżi magħquda T-339/16, T-352/16 u T-391/16.

tiċħad ir-rikorsi;

tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja;

sussidjarjament, temenda l-punt 3 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza fis-sens li l-effetti tad-dispożizzjoni annullata jinżammu għal perijodu massimu nettament itwal minn tnax-il xahar mir-res judicata tas-sentenza.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellanti tinvoka erba’ aggravji insostenn tal-appell:

L-ewwel nett, kien b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddikjarat ir-rikorsi bħala ammissibbli. Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li l-komuni rikorrenti kienu direttament affettwati mir-Regolament (UE) 2016/646 1 fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra t-tniġġis atmosferiku.

It-tieni nett, is-sentenza għandha nuqqas ta’ motivazzjoni gravi, peress li ma tinkludi ebda motivazzjoni li tikkonċerna l-kwistjoni sa fejn dan ir-regolament jikkonċerna lir-rikorrenti direttament. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet il-kwalità bħala persuni direttament ikkonċernati tar-rikorrenti mill-fatt biss li d-Direttiva 2007/46/KE 2 kienet tipprekludi milli jiġu imposti projbizzjonijiet ta’ ċirkulazzjoni li jikkonċernaw vetturi konformi mal-istandard Euro 6. Din l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2007/46 hija wkoll żbaljata.

It-tielet nett, huwa b’mod legalment żbaljat u b’mod partikolari bi ksur tal-Artikolu 5(3) tar-Regolament (KE) Nru 715/2007 3 li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat li l-Kummissjoni ma kellhiex kompetenza sabiex tadotta r-Regolament 2016/646 kif jippreżenta ruħu konkretament. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazjoni l-fatt li l-Kummissjoni kellha marġni ta’ diskrezzjoni sinjifikattiva meta stabbilixxiet, fir-Regolament 2016/646, fatturi ta’ konformità għall-kejl tal-emissjonijiet fil-kuntest tal-proċedura ta’ ttestajar f’kundizzjonijiet ta’ sewqan reali (RDE). Kuntrarjament għall-analiżi li saret dwar dan mill-Qorti Ġenerali, din ma hijiex hawnhekk modifika tal-valuri limitu stabbiliti mir-Regolament Nru 715/2007, iżda ta’ speċifikazzjonijiet neċessarji minħabba n-natura ġdida u speċifika tal-proċedura ta’ ttestjar (marġni ta’ tolleranza).

Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkunsidrat li kien legalment possibbli li tiddeċiedi għal annullament parzjali tar-Regolament 2016/646. Fil-fatt ma ħaditx inkunsiderazzoni l-fatt li, fuq livell prattiku, il-proċedura ta’ kejl ma tistax tiġi implimentata mingħajr fatturi ta’ konformità u li l-Kummissjoni kienet espressament issuġġettat in-natura obbligatorja tal-proċedura RDE għall-finijiet tar-riċezzjoni għall-introduzzjoni ta’ fatturi korretturi.

Sussidjarjament, il-Gvern Ġermaniż isostni li l-Qorti Ġenerali ma ħaditx debitament inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa impossibbli għal-leġiżlatur tal-Unjoni li jadotta leġiżlazzjoni ġdida fit-terminu stabbilit mis-sentenza. Għal din ir-raġuni għandhom jinżammu l-effetti tad-dispożizzjoni annullata mis-sentenza għal perijodu massimu nettament itwal minn tnax-il xahar mid-data tar-res judicata tas-sentenza.

____________

1     Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2016/646 tal-20 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 692/2008 fir-rigward tal-emissjonijiet minn vetturi ħfief għall-passiġġieri u minn vetturi kummerċjali (Euro 6) (ĠU 2016, L 109, p. 1).

2     Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi kwadru għall-approvazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u l-karrijiet tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi (Direttiva Kwadru) (ĠU 2007, L 263, p. 1).

3     Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi (ĠU 2007, L 171, p. 1).