Language of document : ECLI:EU:F:2014:187

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2014

Kawża F‑115/11

CG

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Ħatra — Pożizzjoni ta’ Kap ta’ Diviżjoni — Ħatra ta’ kandidat li ma huwiex ir-rikorrenti — Irregolaritajiet tal-proċedura ta’ selezzjoni — Dmir ta’ imparzjalità tal-membri tal-Bord ta’ Selezzjoni — Imġieba skorretta tal-President tal-Bord ta’ Selezzjoni fil-konfront tar-rikorrenti — Kunflitt ta’ interessi — Espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha — Dokumenti pprovduti għall-espożizzjoni orali li jistgħu jiffavorixxu wieħed mill-kandidati — Kandidat li pparteċipa fir-redazzjoni tad-dokumenti pprovduti — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza — Rikors għal annullament — Talba għad-danni”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, li permezz tiegħu CG titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jannulla d-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ’il quddiem il-“Bank”) li taħtar lil A, minflok ir-rikorrenti, għall-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-“Politika tar-Riskju u tat-Tarifikazzjoni” (“Risk Policy and Pricing division”, iktar ’il quddiem id-“Diviżjoni RPP”), li tifforma parti mid-Dipartiment tar-Riskju-Kreditu tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) tal-Amministrazzjoni tar-Riskji (iktar ’il quddiem id-“DĠ ‘Amministrazzjoni tar-Riskji’”), u jikkundanna lill-Bank għall-ħlas tad-danni materjali u morali li hija tqis li sofriet.

Deċiżjoni:      Id-deċiżjoni tal-President tal-Bank Ewropew tal-Investiment tat-28 ta’ Lulju 2011 dwar il-ħatra ta’ A fil-pożizzjoni ta’ Kap tad-Diviżjoni tal-“Politika tar-riskju u tat-tarifikazzjoni” hija annullata. Il-Bank Ewropew tal-Investiment huwa kkundannat iħallas lil CG is-somma ta’ EUR 25 000. Il-Bank Ewropew tal-Investiment għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat ibati l-ispejjeż sostnuti minn CG.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Pożizzjoni vakanti — Bord ta’ selezzjoni — Applikazzjoni tal-prinċipji li jirregolaw il-funzjonament tal-bordijiet tal-għażla ta’ kompetizzjonijiet — Prinċipju ta’ imparzjalità — Obbligu ta’ astensjoni ta’ membru tal-bord waqt l-evalwazzjoni ta’ kandidat fil-każ ta’ kunflitt ta’ interessi bejn il-membru u l-kandidat

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41; Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 11a u Anness III)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Modalitajiet u kontenut tal-eżamijiet — Eżami orali — Għażla ta’ dokumenti pprovduti lill-kandidati li tagħti vantaġġ lil wieħed minn fosthom — Ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

(Regolamenti tal-Persunal, Anness III)

3.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Proċedura prekontenzjuża — Natura fakultattiva — Possibbiltà ta’ analoġija mal-proċedura prekontenzjuża prevista mir-Regolamenti tal-Persunal — Assenza

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

1.      Is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa mogħtija lil bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew bord ta’ selezzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-modalitajiet u tal-kontenut dettaljat tal-eżamijiet orali li għalihom huma suġġetti l-kandidati għandha tiġi kkumpensata bl-osservanza skrupluża tar-regoli li jirregolaw l-organizzazzjoni ta’ dawn l-eżamijiet. Konsegwentement, il-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni huwa marbut li jiggarantixxi li l-evalwazzjonijiet tiegħu tal-kandidati kollha eżaminati, fl-eżamijiet orali, isiru f’kundizzjonijiet ta’ ugwaljanza u ta’ oġġettività. Dan japplika wkoll meta l-proċedura ta’ reklutaġġ ma tiħux il-forma ta’ kompetizzjoni iżda ta’ proċedura ta’ selezzjoni bl-użu ta’ bord ta’ selezzjoni, peress li bord ta’ selezzjoni għandu l-għan, bħal bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni, li jagħżel l-aħjar kandidati minn fost dawk li applikaw wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ pożizzjoni vakanti u għandu marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni fl-organizzazzjoni tal-eżamijiet ta’ selezzjoni.

F’dan ir-rigward, is-sempliċi fatt li membru ta’ bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew ta’ bord ta’ selezzjoni jkun is-suġġett ta’ lment ta’ fastidju mressaq minn kandidat f’kompetizzjoni jew fi proċedura ta’ selezzjoni ma jistax, bħala tali, jimplika l-obbligu għall-membru kkonċernat li jirrikuża ruħu mill-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jew mill-bord ta’ selezzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk ikun jidher, fuq il-bażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u konkordanti, li dan il-membru tal-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni jkollu kunflitt ta’ interessi fis-sens li jkollu, direttament jew indirettament, interess personali sabiex jiffavorixxi jew jiżvantaġġa wieħed mill-kandidati, l-obbligu ta’ imparzjalità, kif stipulat fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jeżiġi li dan ma jkunx jista’ jesprimi ruħu fuq il-merti ta’ dan il-kandidat, partikolarment jekk il-persuna magħżula fit-tmiem tas-selezzjoni inkwistjoni tkun mistennija tikkollabora sussegwentement taħt l-awtorità ġerarkika tiegħu diretta.

(ara l-punti 59, 60, 65 u 76)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenzi Girardot vs Il-Kummissjoni, T-92/01, EU:T:2002:220, punt 24; Christensen vs Il-Kummissjoni, T-336/02, EU:T:2005:115, punt 38; u Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T-290/03, EU:T:2005:316, punt 90 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenza BY vs AESA, F-81/11, EU:F:2013:82, punt 72

2.      Il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni, jew ta’ ugwaljanza fit-trattament, jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jkunux ittrattati b’mod differenti, sakemm differenzjazzjoni ma tkunx oġġettivament iġġustifikata. Dan il-prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li huwa applikabbli b’mod partikolari fil-qasam tal-kompetizzjonijiet u li l-bord tal-għażla ta’ kompetizzjoni għandu jiżgura strettament l-osservanza tiegħu matul l-andament tal-kompetizzjoni.

F’dan ir-rigward, kull eżami jinvolvi, b’mod ġenerali u b’mod inerenti, riskju ta’ inugwaljanza fit-trattament, fid-dawl tan-natura neċessarjament limitata tan-numru ta’ mistoqsijiet li jistgħu raġonevolment isiru matul eżami fir-rigward ta’ suġġett partikolari. B’hekk, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jista’ jiġi kkonstatat biss meta l-bord ma jkunx illimita, fl-għażla tal-eżamijiet, ir-riskju ta’ inugwaljanza tal-opportunitajiet inerenti għaliha, b’mod ġenerali, f’kull eżami.

Għalhekk, billi tagħżel li tibbaża l-eżami tal-espożizzjoni orali komuni għall-kandidati kollha fuq iż-żewġ noti interni tal-istituzzjoni, li wieħed mill-kandidati jkun ipparteċipa fir-redazzjoni tagħhom, l-istess istituzzjoni tkun qiegħda tikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, is-sempliċi fatt li wieħed ikun l-awtur jew il-koawtur ta’ dawn in-noti jagħti familjarità reali fir-rigward tal-kontenut tagħhom u potenzjalment jiffaċilita kull preżentazzjoni bbażata fuqhom.

(ara l-punti 93 sa 95, 97 u 102)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza Giannini vs Il-Kummissjoni, T-100/04, EU:T:2008:68, punti 131 sa 133 u l-ġurisprudenza ċċitata

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: sentenzi Brown vs Il-Kummissjoni, F-37/05, EU:F:2009:121, punt 64, u De Mendoza Asensi vs Il-Kummissjoni, F-127/11, EU:F:2014:14, punti 43 sa 45

3.      Mill-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, li jipprevedi proċedura ta’ konċiljazzjoni li titmexxa b’mod indipendenti mill-azzjoni mressqa quddiem il-qorti, jirriżulta ċar li l-ammissibbiltà ta’ din l-azzjoni kontenzjuża ma hija bl-ebda mod suġġetta għall-eżawriment ta’ din il-proċedura amministrattiva li hija ta’ natura fakultattiva għall-impjegati tal-Bank, filwaqt li l-uffiċjali jew l-aġenti għandhom jistennew it-tmiem tal-proċedura prekontenzjuża prevista mir-Regolamenti tal-Persunal.

Konsegwentement, l-ammissibbiltà ta’ rikors għad-danni ta’ membru tal-persunal tal-Bank ma tistax tkun suġġetta għall-kundizzjoni tat-tressiq minn qabel ta’ talba għad-danni quddiem il-Bank u lanqas għall-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ att li jikkawża preġudizzju li miegħu jistgħu jintrabtu t-talbiet għad-danni. F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni indirizzata lill-Bank minn membru tal-persunal tiegħu taqa’ taħt il-proċedura interna għal ftehim bonarju, li, skont l-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal, hija fi kwalunkwe każ fakultattiva.

(ara l-punti 110 u 112)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: sentenza De Nicola vs BEI, T-7/98, T-208/98 u T‑109/99, EU:T:2001:69, punt 96