Language of document : ECLI:EU:F:2014:188

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(Imħallef uniku)

10 ta’ Lulju 2014

Kawżi magħquda F‑95/11 u F‑36/12

CG

vs

Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI)

“Servizz pubbliku — Persunal tal-BEI — Riorganizzazzjoni ta’ direttorat — Ħolqien ta’ diviżjoni ġdida — Trasferiment ta’ kompetenzi ta’ kap ta’ diviżjoni — Rikors għal annullament — Ammissibbiltà — Att li jikkawża preġudizzju — Ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Sanzjoni moħbija — Użu ħażin ta’ poter — Rikors għad-danni — Lis alibi pendens”

Suġġett:      Rikorsi, ippreżentati skont l-Artikolu 270 TFUE, li bihom CG titlob, essenzjalment, lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jannulla d-deċiżjoni tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI jew iktar ʼil quddiem il-“Bank”) li temenda l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju kif ukoll in-natura tal-funzjonijiet tagħha, li tikkonstata li l-Bank wettaq nuqqasijiet amministrattivi li jinvolvu r-responsabbiltà tiegħu fil-konfront tagħha u li tikkundanna lill-Bank li jikkumpensaha għad-danni materjali u morali allegatament subiti.

Deċiżjoni:      Ir-rikorsi fil-Kawżi magħquda F‑95/11 u F‑36/12 huma miċħuda. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fil-Kawżi magħquda F‑95/11 u F‑36/12.

Sommarju

1.      Rikorsi tal-uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Termini — Rekwiżit ta’ terminu raġonevoli — Bidu tad-dekorrenza tat-terminu

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 41)

2.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Organizzazzjoni tad-dipartimenti — Assenjazzjoni tal-persunal — Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni — Limiti — Interess tas-servizz — Osservanza tal-ekwivalenza tal-pożizzjonijiet — Emenda ta’ funzjonijiet li ma tikkostitwixxix sanzjoni dixxiplinari

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 7(1) u Anness IX)

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment — Drittijiet u obbligi — Obbligu tal-Bank li jinnotifika deċiżjoni individwali — Portata

(Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment, Artikolu 42)

1.      Hemm lakuna kbira fis-sistema kontenzjuża tal-Bank Ewropew tal-Investiment sa fejn li ma tipprovdix għal terminu għall-preżentata ta’ rikors. B’hekk, it-tilwim bejn il-Bank u l-membri tal-persunal tiegħu għandu jitressaq quddiem il-qorti tal-Unjoni fi żmien raġonevoli u għandha timtela l-lakuna msemmija billi tissejjes fuq il-kundizzjonijiet relatati mat-terminu għall-preżentata ta’ rikors iddefiniti mill-Artikolu 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Rigward il-bidu tad-dekorrenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors, meta membru tal-persunal jitlob l-implementazzjoni tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni prevista fl-Artikolu 41 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank, li hija fakultattiva, it-terminu għall-preżentata ta’ rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni jibda jiddekorri biss minn meta l-proċedura ta’ konċiljazzjoni ntemmet, bil-kundizzjoni madankollu li l-membru tal-persunal ikun għamel talba għal konċiljazzjoni f’terminu raġonevoli wara li jirċievi l-komunikazzjoni tal-att li jikkawża preġudizzju u li t-tul tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni nnifisha kienet raġonevoli.

(ara l-punti 79 u 80)

Referenza:

Il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea: 6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T-192/99, punti 51 sa 54 u 56; 27 ta’ April 2012, De Nicola vs BEI, T-37/10 P, punt 75

2.      L-istituzzjonijiet għandhom setgħa diskrezzjonali wiesgħa fl-organizzazzjoni tas-servizzi tagħhom skont il-kompiti assenjati lilhom u fl-assenjazzjoni, għal dan il-għan, tal-persunal li huwa disponibbli għalihom, bil-kundizzjoni, madankollu, minn naħa, li din l-assenjazzjoni hija magħmula fl-interess tas-servizz u, min-naħa l-oħra, li hija tosserva l-ekwivalenza tal-karigi. Din il-ġurisprudenza tapplika wkoll għall-Bank Ewropew tal-Investiment.

Fil-każ ta’ tibdil tal-kompiti assenjati lil uffiċjal, ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-kariga jimplika paragun mhux bejn il-kompiti attwali u preċedenti tal-persuna kkonċernata, iżda bejn il-kompiti attwali u l-grad tagħha fil-ġerarkija. Għaldaqstant, ma hemm xejn li jipprekludi li deċiżjoni tinvolvi l-assenjazzjoni ta’ kompiti ġodda li, għalkemm ikunu differenti minn dawk eżerċitati qabel u huma pperċepiti mill-persuna kkonċernata bħala li jfissru tnaqqis tal-kompetenzi tagħha, madankollu huma konformi mal-impjieg li jikkorrispondi għall-grad tagħha. B’hekk, tnaqqis effettiv tal-kompetenzi ta’ uffiċjal jikser biss ir-regola ta’ korrispondenza bejn il-grad u l-impjieg biss jekk dawn il-kompiti huma, kollha kemm huma, b’mod sinjifikattiv inqas dawk li jikkorrispondu mal-grad u mal-impjieg tiegħu, meta jittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tagħhom, l-importanza tagħhom u l-ambitu tagħhom.

Għaldaqstant, peress li ma ġiex stabbilit li deċiżjoni li temenda l-funzjonijiet assenjati lil uffiċjal hija kuntrarja għall-ekwivalenza tal-impjiegi, ma jistax ikun hemm kwistjoni ta’ sanzjoni dixxiplinarja moħbija jew ta’ użu ħażin ta’ poter.


(ara l-punti 90, 92 u 105)

Referenza:

Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 16 ta’ Diċembru 2004, De Nicola vs BEI, T-120/01 u T-300/01, punt 84; 7 ta’ Frar 2007, Clotuche vs Il-Kummissjoni, T-339/03, punti 47 u 91

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 8 ta’ Mejju 2008, Kerstens vs Il-Kummissjoni, F-119/06, punti 82 u 103, u l-ġurisprudenza ċċitata

3.      L-Artikolu 42 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Bank Ewropew tal-Investiment jistabbilixxi biss regola ta’ forma, jiġifieri l-obbligu tal-Bank li jinnotifika d-deċiżjonijiet individwali lill-membru tal-persunal ikkonċernat. Madankollu, xorta huwa neċessarju li tali deċiżjoni individwali teżisti.

F’dan ir-rigward, meta, qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni tal-Bank li tibdel in-natura tal-kompiti ta’ membru tal-persunal kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tagħhom, l-imsemmi membru tal-persunal huwa informat bil-fomm mis-superjuri ġerarkiċi tiegħu dwar bidliet organizzattivi li ser ikunu adottati fid-direttorat ġenerali tiegħu, liema bidliet ma jinvolvux la l-assenjazzjoni mill-ġdid tal-imsemmi membru tal-persunal u lanqas tibdil ta’ relazzjonijiet ġerarkiċi bejn id-Direttur Ġenerali tal-imsemmi direttorat u l-membru tal-persunal, il-Bank ma huwiex obbligat li jadotta deċiżjoni individwali fir-rigward tal-membru tal-persunal u lanqas li jinnotifikah skont l-imsemmi Artikolu 42.

(ara l-punti 142 u 145)