Language of document : ECLI:EU:C:2017:108

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

TANCHEV

ippreżentati fid-9 ta’ Frar 2017 (1)

Kawża C‑578/16 PPU

C. K.,

H. F.,

A. S.

u

Ir-Repubblika tas-Slovenja

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kunċett ta’ qorti nazzjonali li kontra d-deċiżjonijiet tagħha ma jkunx hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali – Sistema Ewropea komuni tal-ażil –– Determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali – Regolament (UE) Nru 604/2013 – It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) – Nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti tal-Istat Membru responsabbli – Artikolu 17(1) – Klawżola ta’ sovranità”







I.      Introduzzjoni

1.        Ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari preżenti jirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (2). Dan ir-regolament ifittex, bħal dawk ta’ qablu (3), minn naħa, li jiġi evitat li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jkunu jistgħu, billi jippreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f’diversi Stati Membri, jagħżlu l-Istat Membru li ser jeżamina l-applikazzjoni tagħhom (il-fenomenu ta’ “forum shopping”), u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġi żgurat li kull applikazzjoni tiġi eżaminata effettivament minn Stat Membru (4). Għal dan il-għan, ir-Regolament Nru 604/2013 jipprovdi li kull applikazzjoni għandha tiġi eżaminata minn Stat Membru wieħed u jistabbilixxi l-kriterji li jippermettu li jiġi ddeterminat liema Stat Membru għandu jiġi indikat bħala responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni (5).

2.        X’jiġri fil-każ meta, Stat Membru li jkun ġie indikat bħala responsabbli bl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti bir-Regolament Nru 604/2013, jiġi allegat li ma jirrispettax id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil? Huwa minnu li, l-Istati Membri jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet fundamentali, hekk kif huma stabbiliti, mhux biss mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), iżda wkoll mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), u mill-Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951 (6) (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Genève”). Madankollu, ma jistax jiġi eskluż li sitwazzjoni tippreżenta ruħha fejn Stat Membru jikser dritt fundamentali tal-applikanti għall-ażil. Ir-Regolament Nru 604/2013 jieħu inkunsiderazzjoni tali ipoteżi. Fil-fatt, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) jipprovdi li huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli meta jeżistu, f’dan l-Istat Membru, xi nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet tal-akkoljenza tal-applikanti, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

3.        Issa, x’jiġri jekk dawn in-nuqqasijiet, mingħajr ma jaffettwaw is-sistema ta’ ażil kollha tal-Istat Membru responsabbli, jikkonċernaw biss is-sitwazzjoni partikolari ta’ applikant? Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jiġu kklassifikati bħala “sistematiċi”, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013? Jekk dawn ma jkunux jistgħu jiġu hekk ikklassifikati, jistgħu joħolqu l-obbligu li l-applikant ma jiġix ittrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli? Huma dawn id-domandi li għandha tirrispondi l-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża preżenti.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Id-dritt internazzjonali

4.        L-Artikolu 3 tal-KEDB jipprovdi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal trattament jew piena inumana jew degradanti.”

5.        L-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Genève jipprovdi:

“1. L-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jibgħat lura, bi kwalunkwe mod, refuġjat lejn il-fruntieri ta’ territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, in-nazzjonalità tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal ċertu grupp soċjali, jew minħabba l-opinjonijiet politiċi tiegħu.

2. Madankollu din id-dispożizzjoni ma tistax tiġi invokata minn refuġjat li għal raġunijiet serji jiġi kkunsidrat bħala perikolu għas-sigurtà tal-pajjiż fejn huwa residenti jew jikkostitwixxi, minħabba kundanna definittiva għal reat jew delitt partikolarment gravi, perikolu għall-kollettività ta’ dak il-pajjiż.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

B.      Id-dritt tal-Unjoni

1.      Il-Karta

6.        L-Artikolu 4 tal-Karta jiddisponi:

“Ħadd m’għandu jkun assoġġettat għal tortura jew għal pieni jew trattamenti inumani jew degradanti”.

7.        L-Artikolu 19(2) tal-Karta jipprevedi:

“Ħadd ma jista’ jitneħħa, jitkeċċa jew jkun estradit lejn Stat fejn hemm riskju serju li jkun soġġett għall-piena tal-mewt, għat-tortura jew għal pieni jew trattamenti oħra inumani jew degradanti”.

2.      Ir-Regolament Nru 604/2013

8.        L-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “L-aċċess għall-proċedura tal-eżami ta’ applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali” jiddisponi li:

“Fejn ebda Stat Membru responsabbli ma jkun jista’ jinħatar fuq il-bażi tal-kriterji elenkati f’dan ir-Regolament, l-ewwel Stat Membru li fih l-applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali kienet iddepożitata għandu jkun responsabbli biex jeżaminaha.

Fejn huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit għall-Istat Membru primarjament nominat bħala responsabbli għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-[Karta], l-Istat Membru determinanti għandu jkompli jeżamina l-kriterji stipulati fil-Kapitolu III sabiex jistabbilixxi jekk Stat Membru ieħor jistax jiġi nominat bħala responsabbli.

Fejn it-trasferiment ma jistax isir skont dan il-paragrafu għal kwalunkwe Stat Membru nominat abbażi tal-kriterji stipulati fil-Kapitolu III jew għall-ewwel Stat Membru li miegħu tkun ġiet iddepożitata l-applikazzjoni, l-Istat Membru determinanti għandu jsir l-Istat Membru responsabbli.”

9.        L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, intitolat “Klawsoli diskrezzjonali” jipprevedi:

“Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 3(1), kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz, ukoll jekk it-tali eżami ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħu taħt il-kriterji preskritti f’dan ir-Regolament.

L-Istat Membru li jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont dan il-paragrafu għandu jsir l-Istat Membru responsabbli u għandu jassumi l-obbligi assoċjati ma’ dik ir-responsabbiltà. Fejn jixraq, huwa għandu jgħarraf, billi juża in-netwerk ta’ komunikazzjoni elettronika ‘DubliNet’ stabbilita skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (KE) Nru 1560/2003, lill-Istat Membru li qabel kien responsabbli, l-Istat Membru li jmexxi proċedura biex jiddetermina l-Istat Membru responsabbli jew l-Istat Membru li kien intalab biex jinkariga ruħu minn, jew biex jieħu lura l-applikant.

L-Istat Membru li jsir responsabbli skont dan il-paragrafu għandu minnufih jindika dak il-fatt fil-Eurodac skont l-Artikolu 17(6) tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 billi jżid id-data ta’ meta ttieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi eżaminata l-applikazzjoni.”

III. Il-fatti, il-proċedura fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10.      C. K., ċittadina Sirjana, u r-raġel tagħha, H. F., ċittadin Eġizzjan, daħlu fit-territorju tal-Istati Membri mill-Kroazja, fis-16 ta’ Awwissu 2015. Huma kienu fil-pussess ta’ viżi turistiċi maħruġa mill-Kroazja, li kienu validi mis-6 ta’ Awwissu 2015 sat-28 ta’ Awwissu 2015.

11.      Fis-17 ta’ Awwissu 2015, C. K., li kienet sitt xhur tqila, u H. F. daħlu fl-Islovenja b’karti ta’ identità foloz Griegi. Huma jinsabu hemm issa u jgħixu fiċ-ċentru ta’ akkoljenza għall-applikanti għall-ażil ta’ Ljubljana.

12.      Fl-20 ta’ Awwissu 2015, C. K. u H. F. ippreżentaw applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Islovenja. Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Sloven jirriżulta li, fl-istess ġurnata, tabib eżamina lil C. K. u kkonstata li t-tqala kienet qed timxi normalment u li ma kellhiex sintomi psikoloġiċi manifesti u li kienet kapaċi tikkomunika. H. F. ukoll ġie eżaminat minn tabib fl-istess ġurnata, li sabu fi stat ta’ saħħa tajjeb (7).

13.      Fit-28 ta’ Awwissu 2015, l-awtoritajiet Sloveni għamlu mistoqsijiet lill-awtoritajiet Kroati. Fl-14 ta’ Settembru 2015, ir-Repubblika tal-Kroazja wieġbet li hija kienet responsabbli mill-eżami tal-applikazzjoni ta’ C. K. u ta’ H. F.

14.      Fl-20 ta’ Novembru 2015, C. K. welldet tifel, A. S. Fis-27 ta’ Novembru 2015, applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ġiet ippreżentata mis-Slovenja għal A. S. L-awtoritajiet Sloveni ttrattaw din l-applikazzjoni flimkien ma’ dawk ippreżentati minn C. K. u H. F.

15.      Fit-18 ta’ Jannar 2016, l-awtoritajiet Sloveni rċevew mir-rappreżentat tar-rikorrenti, xi opinjonijiet mediċi li jaffermaw it-tqala riskjuża ta’ C. K., kif ukoll id-diffikultajiet tagħha wara l-ħlas. Fost dawn id-dokumenti kien hemm evalwazzjoni psikjatrika ta’ C. K., tal-4 ta’ Diċembru 2015, li kienet tindika li hija u t-tarbija tat-twelid tagħha kellhom jibqgħu fiċ-ċentru ta’ akkoljenza minħabba l-fatt li kellhom bżonn il-kura. Xi evalwazzjonijiet psikjatriċi oħra, tal-1 ta’ April, tal-15 ta’ April, tat-22 ta’ April u tat-13 ta’ Mejju 2016 indikaw li C. K. kienet tbati, wara l-ħlas tagħha, minn depressjoni u minn tendenzi suwiċidali perjodiċi, li kienu dovuti għall-inċertezza tal-istatus tagħha.

16.      Minħabba l-preżenza, b’mod partikolari, ta’ tarbija ta’ età żgħira, l-awtoritajiet Sloveni talbu lill-kollegi rispettivi Kroati tagħhom xi assigurazzjonijiet fir-rigward tal-kura medika li l-familja kienet tibbenefika minnha fiċ-ċentru ta’ akkomodazzjoni fil-Kroazja. Fis-7 ta’ April 2016, huma rċevew l-assigurazzjoni li C. K., H. F. u l-wild tagħhom kienu ser jibbenefikaw, fil-Kroazja, minn akkomodazzjoni, minn kura adegwata, u minn trattament mediku neċessarju (8).

17.      B’deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016 (iktar ’il quddiem, id-“deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016”), l-awtoritajiet Sloveni rrifjutaw li jeżaminaw l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali ta’ C. K., H. F. u A. S. Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 12(2) tar-Regolament Nru 604/2013, li jipprovdi li, fejn l-applikant ikun fil-pussess ta’ viża valida, l-Istat Membru li jkun ħareġ il-viża għandu jkun responsabbli biex jeżamina l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

18.      B’sentenza tal-1 ta’ Ġunju 2016, l-Upravno sodišče (qorti amministrattiva, is-Slovenja), annullat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016. B’digriet tal-istess ġurnata, issospendiet l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016 sal-adozzjoni ta’ deċiżjoni definittiva fit-tilwima amministrattiva.

19.      B’sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja) bidlet is-sentenza tal-Upravno sodišče (qorti amministrattiva) u kkonfermat id-deċiżjoni tal-5 ta’ Mejju 2016. Il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ikkunsidrat b’mod partikolari li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma kienx applikabbli. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti fil-Kroazja ma kienet stabbilita minn ebda rapport tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati. Bil-kontra, minn rapport ta’ dan il-kummissarjat għoli jirriżulta li s-sitwazzjoni fil-Kroazja hija tajba, b’mod partikolari li l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza għar-refuġjati fiċ-ċentru ta’ Kutina, fil-Kroazja, huma tajbin. Dan iċ-ċentru, intiż għal gruppi vulnerabbli applikanti għall-ażil, jista’ jilqa’ sa mitt applikant iżda normalment ma jakkomodax iktar minn għoxrin sa tletin. F’dan iċ-ċentru, aċċess għall-kura huwa ggarantit (imur tabib darba f’ġimgħa, kif ukoll ġinekologu) u, fil-każ ta’ urġenza, l-applikanti għall-ażil għandhom aċċess għall-isptar lokali ta’ Kutina jew dak ta’ Zagreb. Ħaddiem soċjali huwa preżenti kuljum fiċ-ċentru ta’ Kutina u għajnuna legali hija offerta fih darbtejn f’xahar.

20.      Ir-rikorrenti ppreżentaw quddiem il-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali, is-Slovenja), ilment Kostituzzjonali mressaq kontra s-sentenza mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2016 mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema), li sadanittant kisbet l-awtorità ta’ res judicata.

21.      B’deċiżjoni tat-28 ta’ Settembru 2016, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) annullat is-sentenza tal-Vrhovno sodišče (qorti suprema) u bagħtet il-kawża lura lilha.

22.      Fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2016, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) approvat li l-Vrhovno sodišče (qorti suprema) kkunsidrat li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma kienx applikabbli, peress li ma kinux jeżistu nuqqasijiet sistematiċi fil-Kroazja fil-proċedura għal ażil u fil-kundizzjonijiet għal akkoljenza għall-applikanti, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Madankollu, l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) xorta waħda ma kkonkludietx li r-rikorrenti setgħu jiġu ttrasferiti lejn il-Kroazja. Fil-fatt, hija kkunsidrat li, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-preżunzjoni li r-Repubblika tal-Kroazja hijiex stat sigur tiġix ikkonfutata, l-awtoritajiet Sloveni kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari s-sitwazzjoni personali u l-istat ta’ saħħa tal-applikanti. Issa, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema), għalkemm evalwat jekk C. K. u t-tarbija tat-twelid tagħha jibbenefikawx minn kura tas-saħħa adegwata fil-Kroazja, hija ma vverifikatx jekk it-trasferiment stess setax ikollu effett fuq l-istat ta’ saħħa ta’ C. K. u tat-tarbija tat-twelid tagħha. Huwa dan li mmotiva l-annullament tas-sentenza tal-Vrhovno sodišče (qorti suprema) u li l-kawża tintbagħat lura quddiemha, sabiex jiġu eżaminati ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha.

23.      Il-Vrhovno sodišče (qorti suprema), li quddiemha hija pendenti l-kawża, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-interpretazzjoni tar-regoli dwar l-applikazzjoni tal-klawżola diskrezzjonali stabbilita fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament [Nru 604/2013], b’teħid inkunsiderazzjoni tan-natura ta’ din id-dispożizzjoni, hija tali li l-qorti tal-Istat Membru għandu l-kompetenza finali, jew hija tali li teżonera lill-qorti, li mid-deċiżjonijiet tagħha ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju, mir-rinviju tal-kawża lill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

[Sussidjarjament, jekk ir-risposta għall-ewwel domanda tkun fin-negattiv:]

2)      L-evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 604/2013] (f’każ bħal dak tas-suġġett tat-talba għal deċiżjoni preliminari) hija suffiċjenti sabiex tiżgura l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 19(2) tal-[Karta], flimkien mal-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fondamentali u l-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni ta’ Ġinevra?

Fil-kuntest ta’ din id-domanda:

3)      Mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament [Nru 604/2013] jirriżulta li l-użu tal-klawżola diskrezzjonali min-naħa ta’ Stat Membru, sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva fir-rigward ta’ ksur ta’ dritt stabbilit fl-Artikolu 4 tal-[Karta], f’każijiet bħal dawk tas-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, huwa obbligatorju u jipprekludi t-trasferimenti tal-applikant għal protezzjoni internazzjonali lejn l-Istat Membru kompetenti, li jkun iddikjara l-kompetenza tiegħu skont l-imsemmi regolament?

Jekk ir-risposta għat-tielet domanda tkun pożittiva:

4)      Skont il-klawżola diskrezzjonali fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament [Nru 604/2013], l-applikant għal protezzjoni internazzjonali jew persuna oħra fil-kuntest ta’ proċedura ta’ trasferiment fis-sens tar-regolament imsemmi jistgħu jinvokaw l-applikazzjoni tal-klawżola stess, li fuqha jridu jiddeċiedu l-korpi amministrattivi kompetenti u l-qrati tal-Istat Membru, jew l-imsemmija korpi u l-qrati tal-Istat Membru huma obbligati li jivverifikaw ex officio ċ-ċirkustanzi deskritti?”

24.      Fl-1 ta’ Diċembru 2016, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissuġġetta r-rinviju għal deċiżjoni preliminari għal proċedura b’urġenza skont l-Artikolu 107(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (9). Id-domandi preliminari kienu s-suġġett ta’ osservazzjonijiet bil-miktub min-naħa tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, tar-Repubblika tas-Slovenja u tal-Kummissjoni Ewropea. Dawn il-partijiet, kif ukoll ir-Repubblika Taljana u r-Renju Unit, instemgħu wkoll matul is-seduta tat-23 ta’ Jannar 2017.

IV.    Analiżi

A.      Fuq l-ewwel domanda preliminari

25.      Permezz tal-ewwel domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel lok, jekk id-deċiżjoni ta’ Stat Membru li jeżamina huwa stess applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 taqax taħt id-dritt nazzjonali jew taħt id-dritt tal-Unjoni u, fit-tieni lok, jekk fit-tieni ipoteżi, il-qorti li qed tagħti l-aħħar deċiżjoni hijiex obbligata tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

26.      Il-partijiet (10) jaqblu fuq il-fatt li l-eżerċizzju tal-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jaqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

27.      Fir-rigward tat-tieni parti tad-domanda, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali huma tal-opinjoni li l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) ma kellhiex l-obbligu tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, peress li, b’mod partikolari, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali biss li tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hijiex imposta b’tant provi li ma jagħtux lok għal dubju raġonevoli. Il-Gvern Sloven jikkunsidra li, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qatt ma ddeċidiet dwar iċ-ċirkustanzi tal-eżerċizzju tal-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, qorti nazzjonali li ma jistax ikun hemm rimedju għad-deċiżjonijiet tagħha skont id-dritt nazzjonali hija marbuta sabiex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni tafferma li huma l-qrati nazzjonali li d-deċiżjonijiet tagħhom ma għandhomx rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali li għandhom jevalwaw jekk humiex fil-preżenza ta’ acte clairjew jekk għandhomx jagħmlu domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

28.      Fl-ewwel lok, inqis li d-deċiżjoni ta’ Stat Membru sabiex jeżerċita jew le l-fakultà offerta lilu fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 sabiex jeżamina huwa stess applikazzjoni għall-ażil filwaqt li dan ir-regolament ma jiddeskrivihx bħala responsabbli taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

29.      Fil-fatt, l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jiddisponi li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali hija eżaminata mill-Istat Membru li l-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament jindikawh bħala responsabbli minn dan l-eżami. L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprevedi li, permezz ta’ deroga fl-Artikolu 3(1) tiegħu, l-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni “jista’ jiddeċiedi” li jeżaminaha huwa stess, ukoll jekk il-kriterji stabbiliti minn dan ir-regolament ma jiddeskrivuhx bħala responsabbli. Għaldaqstant, dan l-Istat Membru jiddisponi minn setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk jeżerċitax jew le l-fakultà ta’ eżami li jagħtih l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

30.      Issa, ma jistax jiġi kkunsidrat li l-eżerċizzju, minn Stat Membru, tas-setgħa diskrezzjonali li jiddisponi minnha sabiex jiddeċiedi li jeżamina jew le applikazzjoni, ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 65 sa 69), l-Istat Membru li jieħu d-deċiżjoni sabiex jeżamina huwa stess applikazzjoni jsir l-Istat Membru responsabbli għal dan l-eżami fis-sens tar-Regolament Nru 604/2013 u għandu jinforma l-Istat jew lill-Istati Membri kkonċernati l-oħra. L-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali kkonferita lill-Istati Membri minn din id-dispożizzjoni huwa għaldaqstant parti mill-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli. Għaldaqstant, id-deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru jiddeċiedi li jeżerċita jew le l-fakultà li jagħtih l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

31.      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-obbligu ta’ qorti li tiddeċiedi fl-aħħar istanza sabiex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, huwa diffiċli sabiex jiġi ddeterminat, permezz ta’ qari tal-ewwel domanda preliminari, jekk il-qorti tar-rinviju titlobx lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk kinitx il-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) li kienet marbuta sabiex tagħmel domandi, jew jekk kellhiex tkun hija stess li tagħmel dan. Fil-fatt, l-ewwel domanda sempliċement tagħmel riferiment għall-“qorti, li mid-deċiżjonijiet tagħha ma hemm ebda rimedju ġudizzjarju”, mingħajr ma ssemmiha. Madankollu, jidhirli li l-qorti tar-rinviju tfittex qabel kollox sabiex tikkjarifika l-obbligi tagħha stess, minħabba l-fatt li, minn naħa, hija ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma ddeċidiet is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016 u, min-naħa l-oħra, hija qed tagħmel domandi issa minkejja li l-qorti superjuri, jiġifieri l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali), ma kinitx għamlet hija stess domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, ser neżamina iktar ’il quddiem jekk il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) hijiex marbuta sabiex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013. Dan huwa, fl-opinjoni tiegħi, il-każ.

32.      F’dan ir-rigward, infakkar li qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jistax ikun hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali, hija marbuta, meta kwistjoni ta’ liġi tal-Unjoni titqajjem quddiemha, li tissodisfa l-obbligu tagħha li tadixxi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dejjem jekk ma tkunx ikkonstatat li d-domanda magħmula hija irrilevanti jew li d-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni inkwistjoni diġà ġiet interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja jew li l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni hija tant ovvja li ma hemm lok għal ebda dubju raġonevoli (11).

33.      Fl-ewwel lok, fl-opinjoni tiegħi, il-fatt li lment kostituzzjonali jista’ jitressaq kontra s-sentenzi tal-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ma jneħħilhiex il-karatteristika ta’ qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jistax ikun hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. Fil-fatt, fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 72), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-possibbiltà li jiġi introdott, quddiem il-qorti kostituzzjonali Slovakka, rikors kontra d-deċiżjonijiet tan-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema, ir-Repubblika Slovakka), “limitat għall-eżami ta’ ksur eventwali tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Kostituzzjoni nazzjonali jew minn konvenzjoni internazzjonali”, ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li n-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka) ma tistax tiġi kklassifikata bħala qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jistax ikun hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE. In-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema tar-Repubblika Slovakka), “bħala qorti suprema”, “għandha l-obbligu li tressaq talba […] quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja”. Dan huwa minnu wkoll għall-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja). Fil-fatt, ilment kostituzzjonali ma jistax jitressaq kontra s-sentenzi tagħha, ħlief fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali tar-rikorrent.

34.      Fit-tieni lok, ma tantx huwa importanti l-fatt li l-Vrhovno sodišče (qorti suprema) hija, abbażi tad-dritt nazzjonali, marbuta mill-interpretazzjoni mogħtija mill-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2), u tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013. Fil-fatt, fis-sentenza tal-15 ta’ Jannar 2013, Križan et (C‑416/10, EU:C:2013:8, punt 68), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li dispożizzjoni legali nazzjonali, li bis-saħħa tagħha evalwazzjonijiet magħmula minn qorti superjuri, f’dan il-każ l-Ústavný súd Slovenskej republiky (qorti kostituzzjonali tar-Repubblika Slovakka), jorbtu lil qorti nazzjonali oħra, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema), ma tistax iċċaħħad lil din tal-aħħar milli tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni kkonċernat minn tali evalwazzjonijiet fid-dritt. Issa, in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema) hija, hekk kif rajna fil-punt preċedenti, qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jista’ jkun hemm ebda rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFEU. Għaldaqstant, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ma hijiex, daqskemm ma hijiex in-Najvyšší súd Slovenskej republiky (qorti suprema), meħlusa mill-obbligu tagħha sabiex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja mid-dispożizzjoni legali li torbotha mal-interpretazzjoni mogħtija mill-qorti Kostituzzjonali nazzjonali, a fortiori jekk din, bħal fil-kawża preżenti, tkun naqset milli tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja.

35.      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 għandux jiġi kkunsidrat bħala acte clair li jeħles lill-Vrhovno sodišče (qorti suprema) mill-obbligu tagħha sabiex tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja, nirrileva li, minn naħa, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni tkunx tant ovvja li ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli (12), u min-naħa l-oħra, li jirriżulta b’mod ċar mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Vrhovno sodišče (qorti suprema) tikkunsidra, fid-dawl tad-deċiżjoni mogħtija fit-28 ta’ Settembru 2016 mill-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali), li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma huwiex acte clair (13).

36.      Għaldaqstant, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li d-deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru jiddeċiedi sabiex jeżerċita l-fakultà li huwa għandu taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. Qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, għandha titqies bħala qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jistax ikun hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat, quddiem il-qorti Kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, rikors kontra d-deċiżjonijiet tagħha huwa limitat għall-eżami ta’ eventwali ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali. Ma huwiex sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, li, abbażi tad-dritt nazzjonali, din il-qorti nazzjonali hija marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti Kostituzzjonali.

B.      Fuq it-tieni domanda preliminari

37.      Permezz tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ipoteżi prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, jiġifieri l-eżistenza, fl-Istat Membru indikat bħala responsabbli, ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, hijiex l-unika ipoteżi li fiha huwa impossibbli li jiġi ttrasferit l-applikant lejn dan l-Istat Membru. Hija tfittex li tiddetermina jekk jeżistux ipoteżijiet oħra li fihom ikun impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli, jiġifieri meta, minħabba l-istat ta’ saħħa tal-applikant, it-trasferiment fih innifsu jikkostitwixxi riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Fi kliem ieħor, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk, meta nuqqasijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni partikolari tal-applikant iwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, huwiex possibbli li dan jiġi ttrasferit.

38.      Nippreċiża li, fil-proċedura fil-kawża prinċipali, kemm il-Vrhovno sodišče (qorti suprema), fis-sentenza tagħha tad-29 ta’ Ġunju 2016, kif ukoll l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali), fid-deċiżjoni tagħha tat-28 ta’ Settembru 2016, ikkunsidraw li fil-Kroazja ma kinux jeżistu nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura għall-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Madankollu, b’differenza mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema), l-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) ma kkonkludietx li kien possibbli li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jiġu ttrasferiti lejn il-Kroazja. Fil-fatt, hija kkunsidrat li l-preżunzjoni li l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti tista’ tiġi kkonfutata, mhux biss meta fl-Istat Membru responsabbli jeżistu nuqqasijiet sistematiċi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, iżda wkoll meta l-Istat Membru responsabbli ma josservax l-obbligi tiegħu abbażi tal-Artikolu 3 tal-KEDB jew tal-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni ta’ Genève. Din l-ipoteżi tal-aħħar tkopri sitwazzjonijiet li ma jaqgħux taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013. Konsegwentement, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx possibbli li jiġi ttrasferit applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, kienu l-awtoritajiet kompetenti li kellhom jieħdu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, b’mod partikolari s-sitwazzjoni personali tal-applikanti u l-istat ta’ saħħa tagħhom. Issa, il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ma kinitx ivverifikat jekk it-trasferiment kellux effett fuq is-stat ta’ saħħa ta’ C. K. u tal-wild tagħha. Għaldaqstant, is-sentenza mogħtija fid-29 ta’ Ġunju 2016 mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema) kellha tiġi annullata u l-kawża tintbagħat lura lilha sabiex din tevalwa, fir-rigward tas-sitwazzjoni personali ta’ C. K. u tal-wild tagħha, jekk kienx possibbli li jiġu ttrasferiti lejn il-Kroazja.

39.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, kif ukoll il-Gvern Taljan, huma tal-opinjoni li l-ipoteżi prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma hijiex l-unika ipoteżi li fiha huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli. Il-Gvern Sloven, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jsostnu t-teżi kuntrarja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza li l-preżunzjoni ta’ rispett minn kull Stat Membru tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti, li fuqha huwa bbażat ir-Regolament Nru 604/2013, ma tistax tiġi kkonfutata ħlief f’sitwazzjonijiet kompletament eċċezzjonali. Tali sitwazzjonijiet ikunu kkaratterizzati mill-preżenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni, in-nuqqasijiet sistematiċi jestendu ruħhom ukoll għan-nuqqasijiet li jaffettwaw il-kura tas-saħħa u t-teħid ta’ inkarigu tal-persuni partikolarment vulnerabbli, kif ukoll it-tul ta’ żmien mhux raġonevoli tal-proċedura amministrattiva u/jew ġudizzjarja. Fil-kawża preżenti, l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-Kroazja ma hijiex stabbilita. Fir-rigward tal-istat ta’ saħħa ta’ C. K., dan ma huwiex, skont il-Kummissjoni, suffiċjentement fi stat kritiku, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti EDB, sabiex tiġi ġġustifikata impossibbiltà ta’ trasferiment.

40.      Ser nippreżenta iktar ’l isfel l-ipoteżi li fiha, skont it-termini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, huwa impossibbli t-trasferiment ta’ applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, u wara, l-ipoteżi, li hija iktar wiesgħa, li fiha l-Qorti EDB tipprojbixxi lill-Istati Membri li jittrasferixxu l-applikanti. Wara ser nindika għaliex, fl-opinjoni tiegħi, għandu jiġi ristrett l-obbligu li ma jiġix ittrasferit l-applikant għall-unika ipoteżi prevista fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013.

1.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013: teħid inkunsiderazzjoni unikament tan-nuqqasijiet “sistematiċi”

41.      Infakkar li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprevedi li, wara li Stat Membru jiġi ddikjarat bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni ta’ talba għal protezzjoni nazzjonali bl-applikazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, l-applikant ma jistax jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru “għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru, li jirriżultaw f’riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta”.

42.      Issa, la r-Regolament Nru 604/2013 u lanqas il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jiddefinixxu n-“nuqqasijiet sistematiċi”.

43.      Fl-opinjoni tiegħi, in-nuqqasijiet “sistematiċi” ma jistgħux jinftiehmu b’mod ieħor ħlief bħala nuqqasijiet li jaffettwaw is-sistema tal-ażil stess tal-Istat Membru responsabbli, kemm fir-rigward ta’ dispożizzjonijiet legali li jikkomponu din is-sistema jew l-applikazzjoni prattika tagħhom. Nippreċiża li dawn in-nuqqasijiet għandhom ikunu gravi, peress li, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 84 u 85), il-Qorti tal-Ġustizzja eskludiet li “l-iċken ksur” jew “ksur minuri” tad-direttivi dwar l-ażil (14) jikkostitwixxu nuqqasijiet sistematiċi. Tali nuqqasijiet għandhom ikunu stabbiliti permezz ta’ provi serji u konkordanti, b’mod partikolari, minn rapporti regolari u konkordanti ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi internazzjonali, tal-Kummissarjat Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni (15). Fuq kollox, peress li n-nuqqasijiet għandhom jirrigwardaw is-sistema ta’ ażil stess, kull teħid inkunsiderazzjoni ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni partikolari ta’ applikant huwa eskluż. Għaldaqstant, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jimponix fuq l-Istati Membri li jwettqu eżami każ b’każ sabiex jiġi ddeterminat jekk l-applikant inkwistjoni jirriskjax li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti fl-Istat Membru responsabbli (16).

44.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 huwa kodifikazzjoni tas-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865). F’din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja, li kienet qed tiddeċiedi fl-Awla Manja, irrilevat li, għalkemm għandu jiġi preżunt li t-trattament irriżervat għall-applikanti għall-ażil f’kull Stat Membru huwa konformi mar-rekwiżiti tal-Karta, ma jistax jiġi eskluż li s-sistema Ewropea komuni ta’ ażil ikollha diffikultajiet kbar ta’ funzjonament fi Stat Membru partikolari. Dan ikun il-każ fil-preżenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi li jimplikaw trattament inuman jew degradanti (17). Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet li l-Istati Membri huma marbuta li ma jittrasferixxux applikant lejn l-Istat Membru responsabbli “meta ma jistgħux ma jkunux jafu li n-nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura tal-ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu ażil f’dan l-Istat Membru jikkostitwixxu motivi serji u kkonfermati li jwasslu lil dak li jkun sabiex jemmen li l-persuna li tkun qiegħda tfittex ażil ser tkun affaċċjata b’riskju reali li tkun suġġetta għal trattamenti inumani jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” (18).

45.      Issa, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), l-Istat Membru responsabbli kien ir-Repubblika Ellenika. Ma kien hemm l-ebda dubju li, f’dan l-Istat Membru, in-nuqqasijiet kienu jaffettwaw is-sistema ta’ ażil innifisha. Fil-fatt, il-Ġreċja, ħdax-il xahar qabel, kienet is-suġġett ta’ kundanna mill-Qorti EDB peress li ssuġġettat lill-applikanti għall-ażil għal trattament inuman u degradanti (19). Bil-kontra, skont il-qorti tar-rinviju, fil-Kroazja ma jeżistux nuqqasijiet sistematiċi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 (20). Għaldaqstant, huwa biss fir-rigward tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali li l-awtoritajiet Sloveni jsibu ruħhom, jekk ikun il-każ, fl-impossibbiltà li jittrasferixxuhom lejn il-Kroazja. Issa, għalkemm it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jeskludi kull eżami tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikanti, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 3 tal-KEDB, hekk kif interpretat mill-Qorti EDB, jeżiġi tali eżami.

2.      Il-pożizzjoni tal-Qorti EDB: teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni partikolari tal-applikant

46.      Fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs. L‑Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD002921712) (21), il-Qorti EDB, billi ċċitat is-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), fakkret il-preżunzjoni li abbażi tagħha l-Istati Membri jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil. Sussegwentement hija tirrileva li, sabiex jiġi ddeterminat jekk din il-preżunzjoni hijiex ikkonfutata, “l-oriġini tar-riskju inkors” hija irrilevanti. Li r-riskju ta’ trattamenti inumani u degradanti għandu jew ma għandux l-“oriġini” tiegħu fl-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-Istat Membru kkonċernat huwa irrilevanti. L-Istat Membru li għandu jwettaq it-trasferiment huwa marbut “sabiex jeżamina b’mod iddettaljat u individwalizzat is-sitwazzjoni tal-persuna li hija s-suġġett tal-miżura u sabiex jissospendi t-trattament tal-każ fejn ir-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti jiġi kkonfermat” (22). Fil-kawża preżenti, ir-rikorrent kellu jiġi ttrasferit lejn l-Italja. Il-Qorti EDB hija tal-opinjoni li, minkejja li s-sitwazzjoni ġenerali fl-Italja ma tikkostitwixxix ostakolu għat-trasferiment “l-ipoteżi li numru sinjifikattiv ta’ applikanti għall-ażil mibgħuta lejn dan il-pajjiż huma miċħuda minn akkomodazzjoni, jew akkomodati fi strutturi ffullati żżejjed f’kundizzjonijiet ta’ promiskwità, jew ukoll bi ħsara lis-saħħa jew ta’ vjolenza, ma hijiex infondata”. Konsegwentement, il-Qorti EDB tirrikjedi mill-awtoritajiet Svizzeri li, qabel ma jittrasferixxu lill-applikanti lejn ir-Repubblika Taljana, huma jiksbu mingħand dan l-Istat, “garanzija individwali”, li dawn ser jintlaqaw f’dan il-pajjiż f’kundizzjonijiet konformi mar-rekwiżiti tal-Artikolu 3 tal-KEDB (23).

47.      Fi kliem ieħor, filwaqt li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrikjedi nuqqasijiet “sistematiċi” minn dan l-Istat Membru sabiex tipprojbixxi t-trasferiment ta’ applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, il-Qorti EDB tissodisfa ruħha b’nuqqasijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni partikolari tal-applikant.

3.      In-“nuqqasijiet sistematiċi”, l-unika ipoteżi fejn it-trasferiment huwa impossibbli

48.      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprekludi li jiġi rrikonoxxut obbligu li l-applikant ma jiġix ittrasferit f’ipoteżi oħra barra dik li huwa jipprevedi, jiġifieri fil-preżenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti tal-Istat Membru responsabbli?

49.      Jidhirli li dan jipprekludi tali possibbiltà.

50.      Huwa minnu li xejn, fil-formulazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013, ma jissuġġerixxi li l-ipoteżi li huwa jipprevedi, jiġifieri l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi, hija l-unika sitwazzjoni fejn huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi li “huwa impossibbli li applikant jiġi trasferit […] għax ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li hemm difetti sistemiċi fil-proċedura tal-asil u fil-kondizzjonijiet ta’ akkoljenza għall-applikanti f’dak l-Istat Membru”; huwa għaldaqstant permess li jiġi kkunsidrat li l-impossibbiltà ta’ trasferiment tista’ jkollha raġunijiet oħra barra n-nuqqasijiet sistematiċi. Huwa għalhekk possibbli li, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), il-Qorti tal-Ġustizzja ma kellhiex l-intenzjoni li teżiġi li n-nuqqasijiet ikunu sistematiċi sabiex ikun impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit, iżda li sempliċement ma pprevedietx il-kwistjoni. Peress li f’din il-kawża, in-nuqqasijiet kienu inkontestabbilment sistematiċi, kien inutli li tistaqsi dwar il-konsegwenzi ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni speċifika tal-applikant.

51.      Madankollu, fl-opinjoni tiegħi, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġi interpretat f’dan is-sens. Fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni jidhirli li ma tantx hija kompatibbli mal-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li fuqu hija bbażata s-sistema komuni Ewropea tal-ażil. F’dan ir-rigward, nirrileva li, skont il-premessa 3 tar-Regolament Nru 604/2013, “Stati Membri, li kollha jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement, jitqiesu bħala pajjiżi siguri għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi”. Għaldaqstant, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li huwa l-bażi tal-ispazju tal-libertà, tas-sigurtà u tal-ġustizzja (24), jimponi fuq l-Istati Membri sabiex “[jikkunsidraw], ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, li l-Istati Membri l-oħra kollha josservaw id-dritt tal-Unjoni u, b’mod iktar partikolari, id-drittijiet fundamentali rrikonoxxuti minn dan id-dritt” (25). Issa, li jkun meħtieġ mill-Istati Membri li, qabel ma jittrasferixxu applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, dawn jivverifikaw jekk jeżistix, f’dan l-Istat Membru, nuqqas li jaffettwa s-sitwazzjoni partikolari ta’ dan l-applikant, iwassal sabiex jiġi meħtieġ mill-Istati Membri li huma jivverifikaw sistematikament ir-rispett, mill-Istat Membru responsabbli, tad-drittijiet fundamentali tal-applikanti għall-ażil. Li jiġi impost tali obbligu jikkomprometti mhux biss il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, iżda wkoll l-effett utli tar-Regolament Nru 604/2013 u l-mekkaniżmu ta’ determinazzjoni mgħaġġla tal-Istat Membru responsabbli li, skont il-premessa 5 tiegħu, huwa jimplementa (26).

52.      Fit-tieni lok, ma jidhirlix li huwa impossibbli li jiġi kkunsidrat li, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865), il-Qorti tal-Ġustizzja ma pprevedietx l-ipoteżi ta’ nuqqasijiet li jaffettwaw lill-applikant biss, peress li l-espressjoni “nuqqasijiet sistematiċi”, ma tidhirx fil-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak (27).

53.      Fit-tielet lok, infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta bl-ebda mod sabiex issegwi l-pożizzjoni tal-Qorti EDB. Huwa minnu li l-Artikolu 52(3) tal-Karta jiddisponi li sa fejn din il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu ma’ drittijiet iggarantiti mill-KEDB, “it-tifsira u l-ambitu ta’ dawk id-drittijiet għandhom ikunu l-istess bħal dawk stabbiliti mill-[KEDB]”. Skont l-Ispjegazzjonijiet dwar il-Karta, “[i]t-tifsira u l-ambitu tad-drittijiet iggarantiti huma ddeterminati mhux biss mit-test [tal-Karta u tal-protokolli tagħha], iżda wkoll mill-każistika tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ l-Unjoni Ewropea” (28). Madankollu, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif jirrileva l-Avukat Ġenerali Trstenjak, “ikun żbaljat jekk il-ġurisprudenza [ta’ Strasbourg] tiġi kkunsidrata bħala sors ta’ interpretazzjoni b’validità sħiħa fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Karta” (29).

54.      Fir-raba’ lok, nirrileva li, fis-sentenza tal-10 ta’ Diċembru 2013, Abdullahi (C‑394/12, EU:C:2013:813, punt 60), il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprovdi li deċiżjoni ta’ trasferiment tista’ tkun is-suġġett ta’ rikors, fis-sens li, meta Stat Membru jkun ġie indikat bħala responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali skont kriterju stabbilit bir-Regolament Nru 343/2003 (30), l-applikanti “tista’ tikkontesta l-għażla ta’ dan il-kriterju biss billi tinvoka l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi tal-proċedura tal-ażil u tal-kundizzjonijiet ta’ riċeviment tal-persuni li jkunu qegħdin ifittxu l-ażil f’dak l-Istat Membru li jikkostitwixxu raġunijiet serji u vverifikati li jwasslu għall-konvinzjoni li din il-persuna li qegħda tfittex l-ażil ser tassumi riskju reali li tiġi ssuġġettata għal trattamenti inumani jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta” (31). Fi kliem ieħor, l-Istat Membru ddikjarat responsabbli skont kriterji stabbiliti bir-Regolament Nru 604/2013 jevita r-responsabbiltà tiegħu f’każ wieħed biss, dak fejn il-proċedura ta’ ażil tiegħu u l-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tiegħu jippreżentaw nuqqasijiet sistematiċi fis-sens tal-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, huwa ma jevitahomx jekk nuqqasijiet ma jaffettwaw xejn ħlief is-sitwazzjoni partikolari tal-applikant.

55.      Huwa minnu li, fis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409, punt 61), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “applikant għall-ażil jista’ jinvoka, fil-kuntest ta’ appell eżerċitat kontra deċiżjoni ta’ trasferiment meħuda fir-rigward tiegħu, l-applikazzjoni żbaljata ta’ kriterju ta’ responsabbiltà stabbilit fil-Kapitolu III [ta’] ir-Regolament [Nru 604/2013]”. Madankollu, nenfasizza li, f’din il-kawża, l-applikant ma allegax li kien jeżisti r-riskju li jkun suġġett, fl-Istat Membru responsabbli, għal trattament inuman jew degradanti (32). Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx fuq dan il-punt. Konsegwentement, ma jistax jiġi dedott mis-sentenza tas-7 ta’ Ġunju 2016, Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:409), li l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fl-Istat Membru responsabbli ma hijiex l-unika ipoteżi li fiha dan l-Istat Membru jaħrab mir-responsabbiltà tiegħu u fejn l-applikant ma jistax jiġi ttrasferit lejn dan l-Istat Membru.

56.      Għaldaqstant, inqis li l-eżistenza ta’ nuqqasijiet sistematiċi fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 hija l-unika ipoteżi li fiha huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit. Fl-opinjoni tiegħi ma huwiex impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli meta nuqqasijiet li jaffettwaw is-sitwazzjoni partikolari tiegħu jikkostitwixxu riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

57.      Fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li t-trasferiment ta’ C. K. u tal-wild tagħha lejn il-Kroazja jwassal, fid-dawl tal-istat ta’ saħħa tagħhom, għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. Issa, l-eżami dwar jekk it-trasferiment jistax ikollu effett fuq l-istat ta’ saħħa ta’ C. K. u tal-wild tagħha jwassal sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tagħhom, li, kif rajna, imur kontra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013. Fi kwalunkwe każ, nirrileva li, fil-kawża preżenti, l-awtoritajiet Sloveni kisbu mill-kollegi rispettivi Kroati tagħhom l-assigurazzjoni li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali kienu ser jibbenefikaw minn akkomodazzjoni, minn kura adegwata, u minn trattament mediku neċessarju.

58.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprekludi li Stat Membru li jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jkun marbut li ma jittrasferixxix l-applikant lejn dan l-Istat Membru f’ipoteżi oħra barra dik prevista minn dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2), jiġifieri, meta jeżistu, fl-Istat Membru responsabbli, nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. B’mod partikolari, ma huwiex impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli meta t-trasferiment stess iwassal għar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

C.      Fuq it-tielet domanda preliminari

59.      It-tielet domanda hija magħmula fl-eventwalità fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis, fir-risposta għat-tieni domanda, li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jipprekludix li l-Istati Membri jkunu marbuta li ma jittrasferixxux l-applikant f’ipoteżijiet oħra barra dawk li jipprevedi. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 17(1) ta’ dan ir-regolament għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru jkun marbut li ma jittrasferixxix applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, dan għandu jeżerċita l-fakultà li tagħtih din id-dispożizzjoni u jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali.

60.      Fid-dawl tar-risposta li qed nipproponi li tingħata għat-tieni domanda, ma nqisx li hemm lok sabiex tingħata risposta għat-tielet domanda. Madankollu, sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tat-tieni domanda, ser neżamina t-tielet domanda.

61.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li l-eżerċizzju tal-fakultà prevista fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 huwa obbligatorju meta jkun hemm riskju għall-applikant li jiġi suġġett, fl-Istat Membru responsabbli, għal trattament inuman jew degradanti. Il-Gvern Sloven, il-Gvern Taljan u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, huma tal-opinjoni li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġġustifika tali obbligu.

62.      Fl-opinjoni tiegħi, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġġustifika obbligu li applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali tiġi eżaminata meta huwa impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli.

63.      Fil-fatt, fl-ewwel lok, tali interpretazzjoni tmur kontra l-formulazzjoni stess ta’ din id-dispożizzjoni. Din tikkostitwixxi, hekk kif jindika t-titolu tal-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 604/2013, “klawżola diskrezzjonali”. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jipprevedi espressament li l-Istat Membru li lilu tiġi ppreżenta applikazzjoni, “jista’ jiddeċiedi” li jeżamina anki jekk dan l-eżami ma huwiex impost fuqu abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament.

64.      Fit-tieni lok, fis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2013, Puid (C‑4/11, EU:C:2013:740, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “l-impossibbiltà li applikant għall-ażil jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru inizjalment indikat bħala responsabbli ma timplikax, bħala tali, li l-Istat Membru li jkun qed jiddetermina liema huwa l-Istat Membru responsabbli huwa obbligat li jeżamina huwa nnifsu l-applikazzjoni għall-ażil abbażi tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament [Nru 343/2003]” (li jikkorrispondi mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013). L-istess, fis-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 96), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fil-każ ta’ impossibbiltà li applikant jiġi ttrasferit, l-eżami tal-applikazzjoni mill-Istat Membru li kellu jwettaq it-trasferiment huwa sempliċi “possibbiltà”. Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-Artikolu 17(2), li huwa wkoll jinsab taħt it-titolu “klawżoli diskrezzjonali”, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li din hija “dispożizzjoni fakultattiva li tagħti setgħa ta’ diskrezzjoni wiesgħa lill-Istati Membri” (33).

65.      Fit-tielet lok, l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ġie kklassifikat bħala “klawżola ta’ sovranità” (34). Fis-sentenza tat-30 ta’ Mejju 2013, Halaf (C‑528/11, EU:C:2013:342, punt 37), il-Qorti tal-Ġustizzja rreferiet għall-proposta tal-Kummissjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 343/2003, li “tispeċifika li r-regola li tinsab fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament iddaħħlet biex tippermetti li kull Stat Membru jiddeċiedi b’mod sovran, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet politiċi, umanitarji jew prattiċi, li jaċċetta li jeżamina applikazzjoni għal ażil”. Għaldaqstant, li l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni jsir obbligu għall-Istat Membru kkonċernat ikun paradoss.

66.      Fir-raba’ lok, nirrileva li, fil-proposta tagħha għal emenda tar-Regolament Nru 604/2013 (35), il-Kummissjoni tfittex li tirrestrinġi l-fakultà stess li tiġi applikata l-klawżola ta’ sovranità. Fil-fatt, l-Artikolu 19(1) tal-proposta tal-Kummissjoni jiddisponi li “kull Stat Membru jista’ jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għandu minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew apolidu abbażi ta’ raġunijiet familjali fir-rigward tal-familja usa’ mhux koperta mill-Artikolu 2(g)(jiġifieri l-mara jew is-sieħba tal-applikant, it-tfal minuri tiegħu, missieru jew ommu jekk huwa minuri) (36). Anki kieku l-fakultà li tiġi eżaminata l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-klawżola tas-sovranità hija limitata, ma hijiex kwistjoni li din issir obbligu (37).

67.      Konsegwentement, ir-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru huwa marbut sabiex ma jittrasferixxix applikant lejn l‑Istat Membru responsabbli, għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata lilu anki jekk dan l-eżami ma huwiex impost fuqu abbażi ta’ kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament.

D.      Fuq ir-raba’ domanda preliminari

68.      Ir-raba’ domanda hija magħmula fl-eventwalità li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja tqis, bħala risposta għat-tielet domanda, li, meta Stat Membru huwa marbut sabiex ma jittrasferixxix l-applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013. Permezz tar-raba’ domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji kompetenti tal-Istati Membru li għandhom iwettqu t-trasferiment humiex marbuta sabiex japplikaw ex officio l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

69.      Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li tingħata għat-tielet domanda, nikkunsidra li ma hemmx lok li tingħata risposta għar-raba’ domanda. Madankollu, sussidjarjament, fl-ipoteżi fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ma taqbilx mal-analiżi tiegħi tat-tielet domanda, ser neżamina r-raba’ domanda.

70.      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jsostnu li, peress li l-applikant jippreżenta “ilment invokabbli”, li jipprovdi li t-trasferiment tiegħu lejn l-Istat Membru responsabbli jesponih għal ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħu, l-awtoritajiet amministrattivi jew ġudizzjarji kompetenti għandhom l-obbligu li japplikaw ex officio l-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013. Il-Gvern Sloven u l-Gvern tar-Renju Unit, kif ukoll il-Kummissjoni, jikkunsidraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji u amministrattivi kompetenti ma għandhomx l-obbligu li japplikaw din id-dispożizzjoni ex officio. Huma jenfasizzaw li l-eżami ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fuq il-bażi tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 huwa fakultà għall-Istat Membru kkonċernat, u mhux dritt tal-applikant.

71.      F’dan ir-rigward, infakkar li, fl-assenza ta’ regoli tal-Unjoni dwar il-qasam, huwa l-ordinament ġuridiku nazzjonali ta’ kull Stat Membru li għandu jistabbilixxihom, skont il-prinċipju tal-awtonomija proċedurali, bil-kundizzjoni madankollu li dawn ma jkunux inqas favorevoli minn dawk li jirregolaw sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt nazzjonali (prinċipju ta’ ekwivalenza), u li ma jirrendux impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività) (38).

72.      Fil-kawża preżenti, ir-Regolament Nru 604/2013, minkejja li fih dispożizzjonijiet proċedurali (Kapitoli II u VI), ma jgħid xejn dwar il-fakultà jew l-obbligu tal-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji sabiex jeżaminaw ex officio jekk ikunx hemm ir-riskju għall-applikant li jkun suġġett, fl-Istat Membru responsabbli, għal trattament inuman jew degradanti, f’liema każ, l-Istat Membru li jwettaq it-trasferiment ikun marbut sabiex jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali. Għaldaqstant, huwa fir-rigward tal-prinċipji ta’ ekwivalenza u ta’ effettività li għandu jiġi ddeterminat jekk l-awtoritajiet amministrattivi u ġudizzjarji nazzjonali humiex marbuta li jeżaminaw ex officio l-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4 tal-Karta u tal-applikazzjoni tal-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013.

73.      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali setgħu, mill-fażi tal-proċedura amministrattiva, jopponu t-trasferiment tagħhom lejn il-Kroazja minħabba l-fatt li dan kien jesponihom għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti. Għaldaqstant, jidhirli li d-domanda hija ipotetika, u bħala tali, inammissibbli (39).

74.      Għaldaqstant, nipproponi li r-raba’ domanda preliminari tiġi miċħuda bħala inammissibbli.

V.      Konklużjoni

75.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi magħmula mill-Vrhovno sodišče (qorti suprema, is-Slovenja):

Prinċipalment:

1) Id-deċiżjoni li permezz tagħha Stat Membru jiddeċiedi sabiex jeżerċita l-fakultà li huwa għandu taħt l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni.

2) Qorti nazzjonali, bħall-qorti tar-rinviju, għandha titqies bħala qorti li mid-deċiżjonijiet tagħha ma jistax ikun hemm rimedju ġudizzjarju taħt il-liġi nazzjonali fis-sens tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 267 TFUE, meta l-possibbiltà li jiġi ppreżentat, quddiem il-qorti kostituzzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, rikors kontra d-deċiżjonijiet tagħha huwa limitat għall-eżami ta’ eventwali ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali. Ma huwiex sinjifikattiv, f’dan ir-rigward, li, abbażi tad-dritt nazzjonali, din il-qorti nazzjonali hija marbuta mill-evalwazzjonijiet magħmula mill-qorti kostituzzjonali.

3) It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 604/2013 jipprekludi li Stat Membru li jipproċedi għad-determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli jkun marbut li ma jittrasferixxix l-applikant lejn dan l-Istat Membru f’ipoteżi oħra barra dik prevista minn dan it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2), jiġifieri, meta jeżistu, fl-Istat Membru responsabbli, nuqqasijiet sistematiċi fil-proċedura ta’ ażil u fil-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza tal-applikanti, li jwasslu għal riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta. B’mod partikolari, ma huwiex impossibbli li l-applikant jiġi ttrasferit lejn l-Istat Membru responsabbli meta t-trasferiment stess iwassal għar-riskju ta’ trattament inuman jew degradanti fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta.

Sussidjarjament:

4) L-Artikolu 17(1) tar-Regolament Nru 604/2013 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li, meta Stat Membru huwa marbut sabiex ma jittrasferixxix applikant lejn l-Istat Membru responsabbli, għandu jeżamina huwa stess l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali li ġiet ippreżentata lilu anki jekk dan l-eżami ma huwiex impost fuqu abbażi tal-kriterji stabbiliti f’dan ir-regolament.

5) Ir-raba’ domanda preliminari hija inammissibbli.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU 2013, L 180, p. 31.


3      Ir-Regolament Nru 604/2013 ħassar u ssostitwixxa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 343/2003, tat-18 ta’ Frar 2003, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-ażil iddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 109). Ir-Regolament Nru 343/2003 stess issostitwixxa l-Konvenzjoni li tiddetermina l-Istat Membru responsabbli mill-eżami ta’ applikazzjoni għall-ażil ippreżentata f’wieħed mill-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, iffirmata f’Dublin fil-15 ta’ Ġunju 1990 (ĠU 1997, C 254, p. 1). Peress li din il-konvenzjoni ġiet iffirmata f’Dublin, ir-Regolament Nru 343/2003 huwa magħruf bl-isem “Dublin II” u r-Regolament Nru 604/2013 bl-isem “Dublin III”.


4      Hailbronner, K., u Thym, D., “Legal Framework for EU Asylum Policy”, f’Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law. A Commentary, Beck – Hart – Nomos, 2016, p. 1024-1054 (p. 1024).


5      Artikolu 3(1), tar-Regolament Nru 604/2013.


6      Il-Konvenzjoni dwar l-istatus ta’ refuġjati, iffirmata f’Genève fit-28 ta’ Lulju 1951, ikkompletata bil-Protokoll dwar l-Istatus tar-Refuġjati, konkluż fi New York fil-31 ta’ Jannar 1967.


7      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Sloven, li ma ġewx ikkonfutati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


8      Hekk kif jirriżulta mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Sloven, li ma ġewx ikkonfutati mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali.


9      F’dan ir-rigward, nippreċiża li, bħala tweġiba għal talba għal kjarifikazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti tar-rinviju indikat li l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni amministrattiva tal-5 ta’ Mejju 2016 ma hijiex sospiża, u li din kienet ir-raġuni li minħabba fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tissuġġetta r-rinviju preżenti għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari. Bil-kontra, il-kawża A. S. (C‑490/16, attwalment pendenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja), fejn l-istess qorti – il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) – ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja b’rinviju preliminari għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 604/2013, ma ġietx suġġetta għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari, minkejja d-domanda fformulata mill-qorti tar-rinviju. Fil-fatt, f’din il-kawża A. S., id-deċiżjoni ta’ trasferiment hija sospiża.


10      Nippreċiża madankollu li la l-Gvern Taljan u lanqas il-Gvern tar-Renju Unit ma ppreżentaw osservazzjonijiet fuq l-ewwel domanda preliminari.


11      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 55).


12      Sentenza tad-9 ta’ Settembru 2015, X u van Dijk (C‑72/14 u C‑197/14, EU:C:2015:564, punt 58).


13      F’dan ir-rigward, nippreċiża li, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, għalkemm il-Vrhovno sodišče (qorti suprema) ma għamlitx domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja qabel ma adottat is-sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2016, kien minħabba li kkunsidrat it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(2) bħala acte clair. Kien biss wara d-deċiżjoni tal-Ustavno sodišče (qorti kostituzzjonali) tat-28 ta’ Settembru 2016, deċiżjoni li tinjora l-ġurisprudenza u l-prassi amministrattiva Slovena preċedenti, li l-qorti tar-rinviju kellha dubji dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.


14      Dawn huma d-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar standards għall-kwalifika ta’ ċittadini nazzjonali ta’ pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, p. 9); id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/32/UE, tas-26 ta’ Ġunju 2013, dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 60), u d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2013/33/UE, tas-26 ta’ Ġunju 2013, li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, p. 96).


15      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 91).


16      Ara Hruschka, C., u Maiani, F., “Dublin III Regulation (EU) Nru 604/2013 ”, f’Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law. A Commentary, Beck – Hart – Nomos, 2016, p. 1479 sa 1605 (p. 1499).


17      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punti 80, 81 u 86).


18      Sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, N. S. et (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:865, punt 94). Din is-sentenza ngħatat mhux taħt ir-Regolament Nru 604/2013, iżda taħt dak preċedenti, ir-Regolament Nru 343/2003. Issa r-Regolament Nru 343/2003 ma semma xejn fir-rigward tal-impossibbiltà li applikant jiġi ttrasferit lejn Stat Membru fejn kien hemm ir-riskju li jkun suġġett għal trattament inuman jew degradanti. Huwa għaldaqstant fuq il-bażi tal-Artikolu 4 tal-Karta li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet, f’din is-sentenza, obbligu li ma jkunx hemm trasferiment.


19      Sentenza tal-Qorti EDB, tal-21 ta’ Jannar 2011, M.S.S. vs Il‑Belġju u Il‑Greċja (CE:ECHR:2011:0121JUD003069609, § 233, 264 u 321).


20      F’dan ir-rigward, infakkar li kull evalwazzjoni tal-fatti tal-kawża taqa’ taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti nazzjonali (sentenza tas-16 ta’ Settembru 1999, WWF et, C‑435/97, EU:C:1999:418, punt 32).


21      Li għaliha d-deċiżjoni tar-rinviju tagħmel riferiment.


22      Sentenza tal-Qorti EDB tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD 002921712, § 103 u 104) (enfasi miżjuda minni).


23      Sentenza tal-Qorti EDB tal-4 ta’ Novembru 2014, Tarakhel vs L‑Isvizzera (CE:ECHR:2014:1104JUD 002921712, § 114, 115u 120 sa 122).


24      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Bot, fil-kawżi Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:140, punt 4).


25      Avviż 2/13 (Adeżjoni tal-Unjoni għall-KEDB), tat-18 ta’ Diċembru 2014, EU:C:2014:2454, punt 191).


26      Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jääskinen fil-kawża Puid (C‑4/11, EU:C:2013:244, punti 61 u 62).


27      L-Avukat Ġenerali Trstenjak jillimita ruħu li jeżiġi “riskju serju ta’ ksur tad-drittijiet fundamentali”, li l-Karta tiggarantixxi lill-applikanti, mingħajr ma jsemmi xejn dwar in-natura sistematika ta’ tali ksur għad-drittijiet fundamentali tal-applikanti (konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawżi magħquda NS, C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:610, punt 127).


28      ĠU 2007, C 303, p. 17.


29      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Trstenjak fil-kawżi magħquda NS (C‑411/10 u C‑493/10, EU:C:2011:610, punt 146).


30      Dan huwa l-kriterju previst fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 343/2003, li jipprevedi r-responsabbiltà tal-Istat Membru li l-applikant jaqsam il-fruntiera tiegħu b’mod irregolari minn Stat terz.


31      Enfasi miżjuda minni.


32      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Ghezelbash (C‑63/15, EU:C:2016:186, punt 52).


33      Sentenza tas-6 ta’ Novembru 2012, K (C‑245/11, EU:C:2012:685, punt 27).


34      Ara Hruschka, C., u Maiani, F., “Dublin III Regulation (EU) No 604/2013”, f’Hailbronner, K., u Thym, D., EU Immigration and Asylum Law. A Commentary, Beck – Hart – Nomos, 2016, p. 1479 sa 1605 (p. 1534).


35      Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Mejju 2016, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiz terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) [COM(2016) 270 finali].


36      Enfasi miżjuda minni. Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li tiġi emendata l-premessa 17 tar-Regolament Nru 604/2013 b’tali mod li din tindika li l-użu tal-klawżola ta’ sovranità “għandu jkun eċċezzjonali”, peress li tidderoga mill-kriterji stabbiliti bir-Regolament Nru 604/2013 u hemm ir-riskju li tipperikola l-effiċjenza tas-sistema.


37      Madankollu, nirrileva li, fil-proposta tal-emenda għar-Regolament Nru 343/2003, il-Kummissjoni kienet diġà ssuġġerixxiet li temenda l-klawżola ta’ sovranità sabiex din tkun tiddisponi li “kull Stat Membru jista’, b’mod partikolari għal raġunijiet umanitarji u ta’ kompassjoni, jiddeċiedi li jeżamina applikazzjoni […] ukoll jekk eżami tali mhux ir-responsabbilta tiegħu” (enfasi miżjuda minni), iżda tali proposta ma ġietx milqugħa. Ara l-proposta għar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-3 ta’ Diċembru 2008, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (COM(2008) 820 finali).


38      Sentenza tas-17 ta’ Marzu 2016, Bensada Benallal (C‑161/15, EU:C:2016:175, punt 24).


39      Sentenza tat-13 ta’ Marzu 2014, Márquez Samohano (C‑190/13, EU:C:2014:146, punt 35).