Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2020 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Isvezja

(Kawża C-22/20)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: E. Manhaeve, C. Hermes, E. Ljung Rasmussen u K. Simonsson, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju tal-Isvezja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li, billi ma kkomunikax lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-eżattezza tal-allegazzjonijiet li l-agglomerazzjonijiet ta’ Habo u ta’ Töreboda jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE tal-21 ta’ Mejju 1991 dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi 1 , ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

tikkonstata li, billi ma żgurax li, qabel ma jiġi skarikat, l-ilma urban mormi provenjenti mill-agglomerazzjonijiet ta’ Lycksele, ta’ Malå, ta’ Mockfjärd, ta’ Pajala, ta’ Robertsfors u ta’ Tänndalen jkun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti, konformement mar-rekwiżiti tad-Direttiva 91/271/KEE, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, moqri mal-Artikoli 10 u 15 tagħha;

tikkonstata li, billi ma żgurax li, qabel ma jiġi skarikat, l-ilma urban mormi provenjenti minn agglomerazzjonijiet ta’ Borås, ta’ Skoghall, ta’ Habo u ta’ Töreboda jkun suġġett għal trattament iktar strett minn dak deskritt fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 91/271/KEE u dan konformement mar-rekwiżiti tiegħu, ir-Renju tal-Isvezja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikou 5 ta’ din id-direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 15 tiegħu;

tikkundanna lir-Renju tal-Isvezja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 91/271/KEE jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ilma urban mormi provenjenti minn agglomerazzjoniijet ta’ ċertu daqs ikun suġġett għal trattament sekondarju jew għal trattament ekwivalenti qabel ma jiġi skarikat.

Skont l-Artikolu 5 ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ilma urban mormi provenjenti minn agglomerazzjoniijet ta’ ċertu daqs ikun suġġett għal trattament iktar strett minn dak li huwa deskritt fl-Artikolu 4 qabel ma jiġi skarikat f’żoni sensittivi.

L-Artikolu 4(3) tad-Direttiva, moqri flimkien mal-punt B.2 u t-Tabella 1 tal-Anness 1 – kif ukoll l-Artikolu 5(3) tiegħu, moqri flimkien mal-punt B.3 u t-Tabella 2 tal-Anness I, meta l-ilma urban mormi li jkun ġie skarikat provenjenti minn agglomerazzjonijiet li għandhom ekwivalenti ta’ popolazzjoni ta’ iktar minn 10 000 – jistabbilixxi l-kriterji dwar l-iskariki ta’ ilma mormi ttrattat (iktar ’il quddiem il-“kriterji dwar l-iskariki”). Għal dak li huwa rilevanti f’dan il-każ, dawn il-kriterji jiffissaw valuri-limitu tal-konċentrazzjoni tat-talba bijokimika f’ossiġenu (TBO), tat-talba kimika f’ossiġenu (TKO) kif ukoll skarikar ta’ nitroġenu.

L-Artikolu 15 tad-Direttiva, moqri flimkien mal-punt D tal-Anness I jistabbilixxi r-rekwiżiti fil-qasam ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni tal-osservanza ta’ kriterji relatati mal-iskariki. Dawn ir-rekwiżiti jippreċiżaw in-numru u frekwenzi annwali ta’ ġbir ta’ kampjuni (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżiti fil-qasam ta’ kontroll”).

L-Artikolu 10 tad-Direttiva jindika r-rekwiżiti fil-qasam ta’ ppjanar, ta’ bini, ta’ tħaddim u ta’ żamma ta’ impjanti tat-trattament mibnija sabiex jissodisfaw il-kriterji dwar l-iskariki.

Wara evalwazzjoni ta’ informazzjoni kkomunikata mill-Isvezja, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, f’dak li jikkonċerna sitt agglomerazzjonijiet, l-Isvezja ma tikkonformax mal-kriterji tal-Artikolu 4 tad-Direttiva, moqri mal-Artikoli 10 u 15 tagħha, peress li ma tissodisfax il-kriterji dwar l-iskariki u/jew ir-rekwiżiti fil-qasam ta’ kontroll.

Wara evalwazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata mill-Isvezja, il-Kummissjoni hija wkoll tal-fehma li, f’dak li jikkonċerna erba’ agglomerazzjoniiet oħra, l-Isvezja ma tikkonformax ruħha mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tad-Direttiva, moqri flimkien mal-Artikoli 10 u 15 tagħha, peress li ma tissodisfax ir-rekwiżiti relatati mal-iskariki.

L-Isvezja tafferma li, f’dak li jikkonċerna tnejn minn dawn l-agglomerazzjoniijet, huma ssodisfatti r-rekwiżiti relatati mal-iskariki ta’ nitroġenu permezz ta’ ritenzjoni naturali. Iżda l-Isvezja ma kkomunikatx lill-Kummissjoni l-informazzjoni neċessarja sabiex tevalwa l-eżattezza tal-allegazzjonijiet tal-Isvezja dwar l-importanza tar-ritenzjoni naturali u dwar l-osservanza tar-rekwiżiti tad-Direttiva fil-qasam ta’ eliminazzjoni tan-nitroġenu fuq dan il-bażi. Il-Kummissjoni għalhekk hija tal-fehma li l-Isvezja kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE.

____________

1 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 26.