Language of document : ECLI:EU:F:2008:112

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA (It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2008 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fil-grad u fl-iskala – Klassifikazzjoni irregolari – Irtirar ta’ att ivvizzjat b’illegalità – Aspettattivi leġittimi – Terminu raġonevoli – Drittijiet tad-difiża – Dritt għal amministrazzjoni tajba”

Fil-kawża F‑51/07,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA,

Philippe Bui Van, uffiċjal tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, residenti f’Hettange-Grande (Franza), irrappreżentat minn S. Rodrigues u R. Albelice, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall u G. Berscheid, bħala aġenti,

konvenuta

IT-TRIBUNAL (It-Tieni Awla),

kompost minn S. Van Raepenbusch (Relatur), President, I. Boruta u H. Kanninen, Imħallfin,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Ġunju 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal fit-30 ta’ Mejju 2007 permezz ta’ faks (l-oriġinal ġie ppreżentat fl-4 ta’ Ġunju segwenti), P. Bui Van qed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-Ċentru Komuni ta’ Riċerka (iktar ’il quddiem iċ-“ĊKR” tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, tal-4 ta’ Ottubru 2006, inkwantu hija tikklassifikah mill-ġdid fil-grad AST 3, skala 2, meta inizjalment kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4, skala 2 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u tad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tal-5 ta’ Marzu 2007, li ċaħdet l-ilment tiegħu, kif ukoll l-għoti ta’ euro simboliku bħala kumpens għad-danni morali allegatament subiti.

 Il-kuntest ġuridiku

2        L-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Perusnal tal-Komunitajiet Ewropej (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal” jistipula:

“Kull somma li tħallset żejda għandha tkun irkuprata jekk ir-riċevitur ma kienx jaf [kien jaf] li ma kien hemm l-ebda raġuna [raġuni] dovuta għall-pagament jew jekk il-fatt tal-ħlas żejjed kien tali evidenti li ma setax [ma] jinduna[x] bih.

It-talba għall-irkuprar trid issir mhux aktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset. Fejn l-Awtorità tal-Ħatra kapaċi tistabbilixxi li r-riċevitur deliberatament ta informazzjoni ħażina lill-amministrazzjoni bil-ħsieb li jikseb is-somma kkonċernata, it-talba għall-irkuprar ma tkunx invalidata jekk dan il-perjodu jkun skada.”

3        Skont l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, intitolat “Miżuri transitorji applikabbli għall-uffiċjali tal-Komunitajiet”, miżjud bir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 124, p. 1), li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2004, l-uffiċjali inklużi f’lista tal-kandidati xierqa qabel l-1 ta’ Mejju 2006 u li jiġu reklutati wara dik id-data għandhom ikunu kklassifikati, fir-rigward ta’ dawk li jgħaddu minn kompetizzjoni miftuħa għall-gradi B 5 u B 4, fil-grad AST 3.

4        L-avviż tal-kompetizzjoni miftuħa EPSO/B/23/04, organizzata sabiex tiġi stabbilita lista ta’ riżerva ta’ membri tal-persunal tekniku (B 5/B 4) fil-qasam tar-riċerka u t-teknika (ĠU C 81 A, tat-31 ta’ Marzu 2004, p. 17, iktar ’il quddiem l-“avviż tal-kompetizzjoni”), jinkludi nota ta’ qiegħ il-paġna li tgħid dan li ġej:

“Din il-kompetizzjoni hija ppubblikata għall-gradi B 5/B 4 skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal attwali. Madankollu, il-Kummissjoni bagħtet formalment lill-Kunsill proposta sabiex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal. Din il-proposta tinkludi b’mod partikolari sistema ġdida ta’ karriera. Tista’ tiġi offruta lil min jgħaddi minn din il-kompetizzjoni pożizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal emendati, wara li dawn jiġu adottati mill-Kunsill. Skont ir-regoli stabbiliti mill-Artikoli 11 u 12 tat-Tieni Taqsima tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal emendati, il-gradi B 5 u B 4 huma sostitwiti, matul il-perijodu ta’ tranżizzjoni bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2006, bil-grad B*3 u wara din id-data bil-grad AST 3.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

5        Ir-rikorrent għadda mill-kompetizzjoni EPSO/B/23/04.

6        Wara li ġie inkluż fil-lista tal-kandidati xierqa mfassla f’Diċembru tal-2005 mill-bord tal-għażla tal-kompetizzjoni EPSO/B/23/04, ir-rikorrent ġie rreklutat, permezz ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tat-28 ta’ Ġunju 2006, bħala uffiċjal taħt prova tal-grupp tal-funzjoni AST, grad 4, skala 2, b’effett mis-16 ta’ Settembru 2006, u ġie assenjat liċ-ĊKR, fi ħdan l-Istitut għall-elementi transuraniċi, f’Karlsruhe (il-Ġermanja). Fit-18 ta’ Lulju 2006, ir-rikorrent iddikjara li kien irċieva din id-deċiżjoni, u afferma li sar jaf biha, permezz tal-posta elettronika, fis-6 ta’ Lulju 2006.

7        Ir-rikorrent beda jaħdem mhux fis-16 ta’ Settembru 2006, iżda fl-1 ta’ Ottubru ta’ wara.

8        Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, li tannulla u tissostitwixxi dik tat-28 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent ġie kklassifikat fil-grupp tal-funzjoni AST, grad 3, skala 2, mill-1 ta’ Ottubru 2006. Dan l-att ġie kkonsenjat lilu personalment fid-19 ta’ Ottubru 2006.

9        Permezz ta’ posta elettronika tas-7 ta’ Novembru 2006, li ġiet irreġistrata dakinhar stess mill-Unità “Ilmenti” tad-DĠ “Persunal u Amministrazzjoni”, ir-rikorrent ressaq ilment skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, kontra d-deċiżjoni kkontestata. F’dan l-ilment, ir-rikorrent sostna, essenzjalment, li l-klassifikazzjoni mill-ġdid tiegħu li kienet seħħet tlett ijiem wara li beda jaħdem kienet poġġietu quddiem “fait accompli” u li huwa kien telaq l-impjieg preċedenti tiegħu għal pożizzjoni fil-grad AST 4, skala 2.

10      Fil-15 ta’ Diċembru 2006, tliet uffiċjali oħra, B., H. u L., irreklutati fi ħdan l-Istitut għall-elementi transuraniċi u li wkoll kienu ġew ikklassifikati mill-ġdid mill-grad AST 4 għall-grad AST 3, ukoll ippreżentaw ilment kontra d-deċiżjonijiet ta’ klassifikazzjoni mill-ġdid li kienu jikkonċernawhom.

11      Permezz ta’ deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2007, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet l-ilment tar-rikorrent. Min-naħa l-oħra, hija tat deċiżjoni favorevoli fir-rigward tal-ilmenti li tressqu mill-uffiċjali msemmija iktar ’il fuq.

 It-talbiet tal-partijiet

12      Ir-rikorrent jitlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jiddikjara r-rikors ammissibbli;

–        jannulla d-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2007 li tiċħad l-ilment tiegħu;

–        jannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jindika lill-Awtorità tal-Ħatra l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu, tar-retroattività tal-ħatra tiegħu mid-data meta beda jaħdem, tad-differenza fir-remunerazzjoni, tal-interessi għad-dewmien u tal-promozzjoni;

–        jagħtih euro simboliku bħala kumpens għad-danni morali subiti;

–        jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

13      Il-Kummissjoni titlob li t-Tribunal jogħġbu:

–        jiċħad it-talba;

–        jiddeċiedi fuq l-ispejjeż kif tmiss il-liġi.

 Id-dritt

A –  Fuq it-talbiet, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-5 ta’ Marzu 2007 u, min-naħa l-oħra, sabiex it-Tribunal jindika l-effetti tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

14      Għalkemm it-talbiet tar-rikorrent huma intiżi b’mod partikolari sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra tal-5 ta’ Marzu 2007, li tiċħad l-ilment imressaq fis-7 ta’ Novembru 2006, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, dan ir-rikors għandu l-effett, skont ġurisprudenza stabbilita, li jadixxi t-Tribunal bl-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ġie ppreżentat l-ilment (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il-Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 8; is-sentenza tat-Tribunal tal-14 ta’ Novembru 2006, Chatziioannidou vs Il-Kummissjoni, F-100/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 24). Minn dan jirriżulta li dan ir-rikors huwa intiż sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, li ttieħdet fl-4 ta’ Ottubru 2006, li tikklassifika lir-rikorrent mill-ġdid fil-grad AST 3, skala 2, meta inizjalment kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4, skala 2.

15      Għaldaqstant, it-talba li tirrigwarda formalment id-deċiżjoni li ċaħdet l-ilment għandha tiġi kkunsidrata bħala diretta wkoll kontra d-deċiżjoni kkontestata u hija parti mit-talba prinċipali għal annullament magħmula kontra dik id-deċiżjoni.

16      Fit-tieni lok, ir-rikorrent jitlob lit-Tribunal sabiex jindika l-effetti tal-annullament eventwali tad-deċiżjoni kkontestata.

17      F’dan ir-rigward, biżżejjed jiġi mfakkar li t-Tribunal mhuwiex kompetenti biex jagħti ordnijiet lil istituzzjoni Komunitarja (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Ġunju 1991, Valverde Mordt vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑156/89, Ġabra p. II‑407, punt 150; is-sentenza tat-Tribunal tat-13 ta’ Diċembru 2006, De Brito Sequeira Carvalho vs Il-Kummissjoni, F‑17/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 134), indipendentement mill-obbligu ġenerali, stipulat fl-Artikolu 233 KE, fil-konfront tal-istituzzjoni li adottat l-att annullat sabiex tieħu l-miżuri neċessarji li tinvolvi l-eżekuzzjoni tas-sentenza li tiddikjara l-annullament.

18      Konsegwentement, it-talba sabiex it-Tribunal jagħti ordni, magħmula fir-rikors, hija inammissibbli u għandha, għaldaqstant, tiġi miċħuda.

1.     Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors għal annullament

a)     Argumenti tal-partijiet

19      Il-Kummissjoni tosserva li l-argument essenzjali ppreżentat fl-ilment tar-rikorrent huwa li dan tal-aħħar kien aċċetta l-offerta ta’ ħatra fil-grad AST 4. L-espressjoni “aspettattivi leġittimi” ma tinsab imkien, iżda l-istituzzjoni taċċetta li l-intenzjoni tar-rikorrent kienet li jirreferi għal dan il-kunċett.

20      L-ilment lanqas ma jallega ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Madankollu, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li dan l-aspett seta’ jiġi invokat mir-rikorrent biss wara li rċieva risposta għall-ilment tiegħu u wara li seta’ jqabbilha ma’ dawk mogħtija lit-tliet persuni l-oħra li ppreżentaw ilmenti simili. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent seta’ raġonevolment kien iddispensat mill-osservanza stretta tal-konkordanza bejn l-ilment u r-rikors.

21      Skont ir-rikorrent, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-Artikolu 91(2) tar-Regolamenti tal-Persunal m’għandux l-għan li jiddelimita, b’mod restrittiv u definittiv, il-fażi kontenzjuża eventwali, sakemm il-pretensjonijiet esposti f’dik il-fażi ma jbiddlu la l-kawża u lanqas is-suġġett tal-ilment (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1986, Rihoux et vs Il-Kummissjoni, 52/85, Ġabra p. 1555, punt 12). Il-kontestazzjonijiet jistgħu għalhekk jiġu żviluppati, quddiem il-qorti Komunitarja, billi jiġu ppreżentati motivi u argumenti li mhux neċessarjament jinsabu fl-ilment, iżda li huma marbutin strettament miegħu (sentenza Rihoux et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13).

22      Ir-rikorrent ifakkar ukoll li, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Marzu 1989, Del Amo Martinez vs Il-Parlament (133/88, Ġabra p. 689, punt 11), il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li, peress li l-proċedura prekontenzjuża hija ta’ natura informali u l-persuni kkonċernati jaġixxu, b’mod ġenerali, f’dan l-istadju mingħajr ma jiġu assistiti minn avukat, l-amministrazzjoni m’għandhiex tinterpreta l-ilmenti b’mod restrittiv, iżda għandha, għall-kuntrarju, teżaminahom b’moħħ miftuħ.

23      F’dan il-każ, ir-rikorrent josserva li ressaq l-ilment tiegħu mingħajr ma ġie assistit minn avukat u invoka, insostenn ta’ dan l-ilment, żball fil-klassifikazzjoni mill-ġdid inkwantu sab ruħu quddiem fait accompli u ma ġiex ikklassifikat fil-grad li kien wasslu sabiex jitlaq l-impjieg preċedenti tiegħu. Il-motivi invokati insostenn tar-rikors għandhom ikunu kkunsidrati bħala ammissibbli peress li huma marbutin strettament ma’ din il-kontestazzjoni.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

24      Skont ġurisprudenza stabbilita, it-talbiet tar-rikorsi tal-uffiċjali għandhom mhux biss ikollhom l-istess suġġett bħal dawk esposti fl-ilment amministrattiv li jkun sar qabel, iżda għandhom jinkludu wkoll kontestazzjonijiet li jistrieħu fuq l-istess kawża bħal dik tal-ilment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Settembru 1998, Rasmussen vs Il-Kummissjoni, T‑193/96, ĠabraSP p. I‑A‑495 u II‑1495, punt 47; is-sentenza tat-Tribunal tal-21 ta’ Frar 2008, Putterie-De-Beukelaer vs Il-Kummissjoni, F‑31/07, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, u li qed tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kawża T‑160/08 P, punt 43). Madankollu, dawn il-kontestazzjonijiet jistgħu jiġu żviluppati billi jiġu ppreżentati motivi u argumenti li mhux neċessarjament jinsabu fl-ilment, iżda li huma marbutin strettament miegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ April 2002, Campogrande vs Il-Kummissjoni, C‑62/01 P, Ġabra p. I‑3793, punt 34; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 1993, Booss u Fischer vs Il-Kummissjoni, T‑58/91, Ġabra p. II‑147, punt 83, u tat-8 ta’ Ġunju 1995, Allo vs Il-Kummissjoni, T‑496/93, ĠabraSP p. I‑A‑127 u II‑405, punt 26; digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Settembru 2003, Vranckx vs Il-Kummissjoni, T‑293/02, ĠabraSP p. I‑A‑187 u II‑947, punt 41; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Lulju 2006, Vounakis vs Il-Kummissjoni, T‑165/04, ĠabraSP p. II‑A‑2‑735, punt 27).

25      F’dan il-każ, huwa paċifiku li s-suġġett tal-ilment u r-rikors huwa d-deċiżjoni tal-klassifikazzjoni mill-ġdid tar-rikorrent, b’effett retroattiv, fil-grad AST 3, skala 2, filwaqt li, meta ġie rreklutat, ir-rikorrent kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4, skala 2. Barra minn hekk, il-kontestazzjonijiet li jinsabu fir-rikors huma bbażati fuq l-istess kawżi bħal dawk li fuqhom huwa bbażat l-ilment, jiġifieri l-fatt li r-rikorrent ġie pprivat mill-grad li minħabba fih huwa jallega li telaq l-impjieg preċedenti tiegħu u li sab ruħu quddiem fait accompli. Il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi huwa għalhekk marbut strettament ma’ dawn il-kontestazzjonijiet.

26      Minbarra dan, hekk kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni, ir-risposta tal-Awtorità tal-Ħatra għall-ilment tar-rikorrent, meta titqabbel ma’ dik mogħtija għall-ilmenti ta’ B., H. u L., wasslet preċiżament lir-rikorrent sabiex iqajjem, fir-rikors, motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni.

27      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra t-talbiet għal annullament jew, għall-inqas, id-dubji espressa minnha f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

2.     Fuq il-mertu tar-rikors għal annullament

28      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka żewġ motivi bbażati, minn naħa waħda, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

29      Jaqbel li qabel kollox jiġi eżaminat it-tieni motiv.

a)     Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni kif ukoll fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

 Argumenti tal-partijiet

30      Fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent ifakkar b’mod preliminari li, skont ġurisprudenza stabbilita, l-irtirar ta’ att illegali huwa permess jekk isir f’terminu raġonevoli u jekk l-istituzzjoni li tkun adottatu tieħu biżżejjed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni ta’ kemm id-destinatarju tal-att seta’ eventwalment jistrieħ fuq il-legalità tiegħu. Jekk dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux osservati, l-irtirar imur kontra l-prinċipji ta’ ċertezza legali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u għandu jiġi annullat (is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Frar 1987, Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, 15/85, Ġabra p. 1005, punti 12 u 17).

31      F’dan il-każ, l-Awtorità tal-Ħatra, minn naħa, għamlet żball ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat, bħala l-punt tat-tluq għall-kalkolu tat-terminu raġonevoli, id-data tan-notifikazzjoni tal-att tal-ħatra, jiġifieri s-6 ta’ Lulju 2006, u mhux id-data tal-adozzjoni tal-att inizjali tal-ħatra, jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2006.

32      Għalkemm il-mument li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi evalwat meta ngħata bidu għall-aspettattivi leġittimi huwa effettivament il-mument tan-notifikazzjoni jew il-mument meta l-persuna kkonċernata tkun saret taf bl-att, l-istess ma jistax jingħad, skont ir-rikorrent, meta jiġi evalwat it-terminu li għandha l-amministrazzjoni sabiex tirtira att illegali. Fil-fatt, dan tal-aħħar huwa indipendenti min-notifikazzjoni lill-persuna kkonċernata tal-att illegali u jiddekorri bejn l-adozzjoni ta’ dan l-att u l-irtirar tiegħu, indipendentement min-notifikazzjoni tiegħu, peress li din hija formalità fir-rigward tad-destinatarju tal-att.

33      Konsegwentement, il-perijodu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi kkalkulat it-terminu raġonevoli huwa, f’dan il-każ, dak li ddekorra bejn id-data tal-adozzjoni tal-att inizjali tal-ħatra (jiġifieri t-28 ta’ Ġunju 2006) u d-data tal-irtirar ta’ dan l-att (jiġifieri l-4 ta’ Ottubru ta’ wara), jiġifieri perijodu ta’ tliet xhur u sebat ijiem.

34      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrent jakkuża lill-Awtorità tal-Ħatra li kkunsidrat bħala raġonevoli, fis-sens tal-ġurisprudenza, it-terminu, ta’ iktar minn tliet xhur, li fih ġiet irtirata d-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2006.

35      Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, in-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi individwali ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessità tiegħu u l-aġir tal-partijiet involuti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C‑238/99 P, C‑244/99 P, C‑245/99 P, C‑247/99 P, C‑250/99 P sa C‑252/99 P u C‑254/99 P, Ġabra p. I‑8375, punt 187; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, Ġabra p. II‑3381, punt 66).

36      F’dan il-każ, ferm qabel il-ħatra tar-rikorrent fit-28 ta’ Ġunju 2006, l-amministrazzjoni kienet adottat tliet atti ta’ ħatra fir-rigward ta’ B., H. u L., fis-7 ta’ April, fit-2 ta’ Mejju u fit-12 ta’ Mejju 2006 rispettivament, li kien fihom l-istess żball ta’ klassifikazzjoni, b’mod li terminu ta’ iktar minn tliet xhur għadda bejn l-att tal-ħatra tar-rikorrent tat-28 ta’ Ġunju 2006 u l-irtirar tiegħu, fl-4 ta’ Ottubru ta’ wara, manifestament mhuwiex raġonevoli fid-dawl taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, u b’mod partikolari l-importanza ta’ dik il-klassifikazzjoni fi grad inferjuri għall-persuna kkonċernata.

37      Ir-rikorrent jitlob ukoll sabiex il-Kummissjoni tispjega għalfejn, filwaqt li kkunsidrat li t-terminu raġonevoli kien, f’dan il-każ, ta’ erba’ xhur, hija rtirat id-deċiżjoni li tikklassifika lil L. mill-ġdid. Fil-fatt, jekk wieħed isegwi r-raġunament tal-Kummissjoni, li t-terminu raġonevoli għall-irtirar ta’ att illegali jestendi min-notifikazzjoni tal-att għal dik tal-irtirar tiegħu, l-Awtorità tal-Ħatra kienet għadha fit-terminu raġonevoli ta’ 4 xhur sabiex tirtira l-att tal-ħatra inizjali ta’ L., billi għaddew 3 xhur u 23 ġurnata min-notifikazzjoni tal-imsemmi att u l-irtirar tiegħu. Minn dan isegwi li l-amministrazzjoni ttrattat b’mod differenti lir-rikorrent u lill-kollega tiegħu L.

38      Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi inkwantu, meta sar jaf bid-deċiżjoni tal-ħatra tat-28 ta’ Ġunju 2006, huwa seta’ leġittimament jafda fl-apparenza ta’ legalità ta’ dan l-att u jippretendi li jinżamm fis-seħħ. Għalkemm l-avviż tal-kompetizzjoni kien jirreferi, f’nota ta’ qiegħ il-paġna, għal “proposta [tal-Kummissjoni] sabiex jiġu emendati r-Regolamenti tal-Persunal” li kienet tintroduċi “sistema ġdida ta’ karriera”, il-kliem użat (jiġifieri “[t]ista’ tiġi offruta lil min jgħaddi minn din il-kompetizzjoni pożizzjoni abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal emendati […]”) seta’, skont ir-rikorrent, jiġi interpretat fis-sens li kienet teżisti sempliċi fakultà ta’ reklutaġġ abbażi tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal emendati.

39      Il-Kummissjoni tosserva, preliminarjament, li kienet inġibdet l-attenzjoni tal-kandidati għall-kompetizzjoni inkwistjoni partikolarment għall-fatt li, f’każ li jintgħażlu, kienu se jiġu kklassifikati fil-grad B*3 jew, jekk ikun il-każ, fil-grad AST 3. Kien biss minħabba żball tal-Istitut għall-elementi transuraniċi, li ġie skopert f’għeluq Settembru tal-2006 mill-unità tar-riżorsi umani taċ-ĊKR, li inizjlament kienet ġiet deċiża ħatra għall-grad AST 4. Dan l-iżball kien wieħed manifest. Ladarba ġie kkonstatat, ittieħdet malajr, fl-4 ta’ Ottubru 2006, deċiżjoni ta’ rettifika mid-Direttur Ġenerali taċ-ĊKR li ġiet ikkomunikata lir-rikorrent fid-19 ta’ Ottubru ta’ wara, waqt laqgħa li matulha huwa ġie informat bil-konsegwenzi finanzjarji kif ukoll bir-rimedji possibbli.

40      Il-Kummissjoni tfakkar li, skont il-ġurisprudenza, meta att ikun ivvizzjat b’illegalità, l-istituzzjoni li tkun adottatu għandha d-dritt tirtirah f’terminu raġonevoli, b’effett retroattiv (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Marzu 1982, Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, 14/81, Ġabra p. 749, punt 10; Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12; tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill vs Il-Kummissjoni, C‑248/89, Ġabra p. I‑2987, punt 20; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Diċembru 2000, Gooch vs Il-Kummissjoni, T‑197/99, ĠabraSP p. I‑A‑271 u II‑1247, punt 53).

41      F’dan il-każ, l-illegalità, li ma jidhirx li r-rikorrent qed jikkontesta, hija manifesta, anki meta wieħed sempliċiċment jaqra l-Artikolu 13 tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal.

42      Fir-rigward tat-terminu raġonevoli, il-Kummissjoni ssostni li, skont il-ġurisprudenza, il-mument determinanti sabiex jiġi evalwat meta ngħata bidu għall-aspettattivi leġittimi tad-destinatarju ta’ att amministrattiv huwa d-data tan-notifikazzjoni tal-att u mhux dik tal-adozzjoni tiegħu (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 1997, De Compte vs Il-Parlament, C‑90/95 P, Ġabra p. I‑1999, punt 35; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Novembru 1997, Pascall vs Il-Kummissjoni, T‑20/96, ĠabraSP p. I‑A‑361 u II‑977, punt 79). B’hekk, ma jistgħux jeżistu tali aspettattivi jekk ir-rikorrent stess ma jkunx jaf bl-eżistenza tal-att li fuqu huma bbażati. F’dan is-sens, il-mument meta l-aspettattivi jiġu leżi għandu jkun dak tan-notifikazzjoni tat-tieni att, li jirtira l-ewwel wieħed.

43      B’hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li t-terminu sabiex jiġi rtirat l-att inizjali tal-ħatra, fi kwalunkwe każ, beda jiddekorri fit-18 ta’ Lulju 2006, id-data meta r-rikorrent għarraf li kien irċieva l-ewwel att tal-ħatra (jew is-6 ta’ Lulja 2006, id-data meta ntbagħat l-att bil-posta elettronika). Il-perijodu li matulu l-att seta’ jiġi rtirat għalaq fid-19 ta’ Ottubru ta’ wara bin-notifika tad-deċiżjoni li rtirat l-ewwel att irregolari.

44      Din il-pożizzjoni hija konformi mas-soluzzjoni stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ewwel ġurnata tat-terminu għall-ilmenti għal dak li jirrigwarda l-miżuri individwali. Dan it-terminu jibda jiddekorri mid-“data tan-notifika tad-deċiżjoni tal-persuna kkonċernata, iżda fl-ebda każ mhux aktar tard mid-data meta ta’ dan ta’ l-aħħar irċieva t-tali notifika, jekk il-miżura taffettwa persuna speċifika”.

45      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tikkunsidra li terminu ta’ tliet xhur u ġurnata huwa raġonevoli. Hija ssostni li n-natura raġonevoli ta’ terminu għandha tiġi evalwata fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ u li t-terminu għall-ilment jew rimedju ieħor fil-kuntest tal-kawżi li għandhom x’jaqsmu mas-servizz pubbliku jista’, f’dan ir-rigward, iservi bħala referenza valida sabiex tiġi evalwata n-natura raġonevoli jew le tat-terminu f’każ ta’ rtirar ta’ att li joħloq drittijiet.

46      Għalkemm ċerti sentenzi f’oqsma oħra tad-dritt Komunitarju jistipulaw terminu ta’ madwar xahrejn, skont il-Kummissjoni, dan huwa dovut għall-fatt li huma ispirati mit-terminu ta’ xahrejn previst mill-Artikolu 230 KE għall-preżentata tar-rikors. Il-Kummissjoni tiddeduċi minn din il-ġurisprudenza li t-terminu raġonevoli għall-irtirar għandu jkun xi ftit itwal mit-terminu applikabbli għall-preżentata tar-rikors.

47      Fil-qasam tas-servizz pubbliku jeżisti terminu ieħor li huwa saħansitra iktar relevanti, jiġifieri dak mogħti lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tagħti risposta għal ilment, li huwa ffissat għal erba’ xhur mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal. Dan it-terminu, li huwa itwal għall-Awtorità tal-Ħatra milli għall-uffiċjali, jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, għall-kuntrarju ta’ kull uffiċjal ikkunsidrat individwalment, l-istituzzjoni għandha tieħu ħsieb numru kbir ta’ każijiet fl-istess ħin, ħaġa li tirrikjedi diversi konsultazzjonijiet interni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 12).

48      Il-Kummissjoni ssostni, prinċipalment, li t-terminu li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għandu jiddekorri mit-18 ta’ Lulju 2006 (jew anki mis-6 ta’ Lulju 2006) sad-19 ta’ Ottubru ta’ wara u huwa raġonevoli fid-dawl tal-ġurisprudenza. Hija żżid li t-terminu applikat fil-każ ta’ L. bl-ebda mod ma huwa ta’ tliet xhur u 23 ġurnata (mid-data meta huwa għarraf li rċieva l-att inizjali), iżda ta’ 4 xhur u ħamest ijiem (mid-data tan-notifiazzjoni tiegħu), u għalhekk huwa itwal mit-terminu ta’ 4 xhur użat bħala referenza. Skont ir-rikorrent stess, dan it-terminu kien biss ta’ 3 xhur u 13-il ġurnata fil-konfront tiegħu. Għaldaqstant, l-argument mhuwiex fondat bil-fatti.

49      Sussidjarjament, il-Kummissjoni tikkunsidra li, anki jekk terminu li jkun ftit itwal minn tliet xhur kellu jiġi kkunsidrat bħala eċċessiv, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li d-deċiżjoni tal-ħatra normalment tiġi adottata f’data partikolari, iżda tidħol fis-seħħ f’data oħra, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3 tar-Regolamenti tal-Persunal.

50      Minn dan, il-Kummissjoni tiddeduċi, b’eċċezzjoni għar-regola ġenerali indikata li tistipula li tittieħed inkunsiderazzjoni d-data ta’ notifikazzjoni tal-att, jingħata bidu għall-aspettattivi leġittimi biss fil-mument meta tidħol fis-seħħ id-deċiżjoni, peress li tali aspettattivi jistgħu jeżistu biss meta l-persuna kkonċernata tinsab effettivament fis-sitwazzjoni maħluqa mid-deċiżjoni tal-ħatra. Din is-sitwazzjoni bdiet teżisti, f’dan il-każ, biss fl-1 ta’ Ottubru 2006, id-data meta effettivament beda jaħdem ir-rikorrent. Skont din l-analiżi, it-terminu bejn il-mument meta jingħata bidu għall-aspettattivi leġittimi u l-ġurnata tan-notifikazzjoni tal-irtirar kien biss ta’ ġimgħatejn u ħamest ijiem (mill-1 sad-19 ta’ Ottubru 2006). Tali terminu huwa ħafna iqsar minn dak ikkunsidrat bħala raġonevoli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tat-Tribunal

51      B’mod preliminari, għandu jiġi mfakkar li l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv favorevoli huwa ġeneralment suġġett għal kundizzjonijiet stretti ħafna (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Marzu 1978, Herpels vs Il-Kummissjoni, 54/77, Ġabra p. 585, punt 38, u De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35). B’hekk, skont giurisprudenza stabbilita, għalkemm għandu jiġi rikonoxxut favur kull istituzzjoni Komunitarja li tikkonstata li l-att li għadha kemm adottat huwa vvizzjat minn illegalità id-drit li tirtirah f’terminu raġonevoli b’effett retroattiv, dan id-dritt jista’ jiġi limitat mill-ħtieġa li jiġu protetti l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att li seta’ jafda fil-legalità tiegħu (sentenzi Alpha Steel vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 10 sa 12; Consorzio Cooperative d’Abruzzo vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 12 sa 17; Cargill vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 20; tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta’ Ġunju 1991, Cargill, C‑365/89, Ġabra p. I‑3045, punt 18, u De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ Settembru 2006, Kontouli vs Il-Kunsill, T‑416/04, ĠabraSP p. II‑A‑2‑897, punt 161).

52      Din il-ġurisprudenza tirrikjedi l-kjarifiki li ġejjin.

–       Fuq l-aspettattivi leġittimi

53      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rispett tal-aspettattivi leġittimi, jirriżulta mill-ġurisprudenza li l-mument determinanti fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ meta jingħata bidu għal tali aspettattivi leġittimi fil-konfront tad-destinatarju ta’ att amministrattiv huwa n-notifikazzjoni tal-att u mhux id-data tal-adozzjoni jew tal-irtirar tiegħu (sentenza De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 36; sentenza Kontouli vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 162).

54      Barra minn hekk, il-benefiċjarju ma jistax jinvoka l-aspettattivi leġittimi meta jkun ipprovoka l-adozzjoni tal-att permezz ta’ indikazzjonijiet foloz jew inkompleti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 1961, Snupat vs L-Awtorità Għolja, 42/59 u 49/59, Ġabra p. 99, 160; tat-12 ta’ Lulju 1962, Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja, 14/61, Ġabra p. 485, 516, u De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37; sentenza Kontouli vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 163).

55      Fir-rigward speċjalment tal-irtirar retroattiv ta’ att li jkun ta drittijiet suġġettivi jew vantaġġi simili lil uffiċjal, għandu jingħad ukoll li l-kundizzjoni tal-eżistenza ta’ aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-benefiċjarju tal-imsemmi att għandha tiġi kkunsidrata bħala mhux sodisfatta meta uffiċjal ta’ diliġenza normali ma setax ma jindunax bl-irregolarità li tiġġustifika l-irtirar, u dan, fid-dawl tal-kapaċità ta’ dan tal-aħħar li jagħmel il-verifiki neċessarji, minħajr ma huwa ddispensat mill-obbligu li jagħmel kull sforz sabiex jirrifletti u jivverifika.

56      F’dan ir-rigward, għandu jittieħed spunt mill-ġurisprudenza dwar il-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw l-irkupru ta’ ħlas indebitu mill-amministrazzjoni, stipulati fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal, b’mod partikolari l-kundizzjoni li l-irregolarità tal-ħlas tkun tant evidenti li l-benfiċjarju ma setax ma jkunx jaf biha (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-24 ta’ Frar 1994, Stahlschmidt vs Il-Parlament, T‑38/93, ĠabraSP p. I‑A‑65 u II‑227, punt 19; tal-5 ta’ Novembru 2002, Ronsse vs Il-Kummissjoni, T‑205/01, ĠabraSP p. I‑A‑211 u II‑1065, punt 47; tal-15 ta’ Lulju 2004, Gouvras vs Il-Kummissjoni, T‑180/02 u T‑113/03, ĠabraSP p. I‑A‑225 u II‑987, punt 110, u tas-16 ta’ Mejju 2007, F vs Il-Kummissjoni, T‑324/04, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 142). Fil-fatt dawn il-kundizzjonijiet jirriflettu preċiżament il-ħtieġa li jiġu rispettati l-aspettattivi leġittimi tal-benefiċjarju tal-att inkwantu seta’ jafda fil-legalità tiegħu.

57      F’dan il-każ, l-avviz tal-kompetizzjoni kien jinkludi nota ta’ qiegħ il-paġna li ġiet riprodotta fil-punt 4 ta’ din is-sentenza.

58      Sempliċi qari ta’ din in-nota ta’ qiegħ il-paġna jmissha wasslet lil kull uffiċjal b’diliġenza normali u li għadda mill-kompetizzjoni EPSO/B/23/04, sabiex ikollu xi dubji dwar ir-regolarità tal-klassifikazzjoni tiegħu meta ġie rreklutat f’każ li l-klassifikazzjoni tiegħu ma kinitx tikkorrispondi mal-grad B*3 jew mal-grad AST 3. Dan japplika a fortiori billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea approva r-Regolamenti tal-Persunal emendati fit-22 ta’ Marzu 2004, li ġew ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fis-27 ta’ April ta’ wara, filwaqt li l-avviż tal-kompetizzjoni, ippubblikat fil-31 ta’ Marzu 2004, kien jipprovdi li l-applikazzjonijiet kellhom jiddaħħlu sa mhux aktar tard mit-30 ta’ April 2004. Dan ifisser li, f’din id-data, ma setgħet teżisti ebda inċertezza fir-rigward tal-applikabbiltà tar-Regolamenti tal-Persunal emendati, u b’mod partikolari tal-Anness XIII tagħhom, fi żmien ir-reklutaġġ ta’ dawk li għaddew mill-kompetizzjoni.

59      F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jitqies li ma setax jiddetermina bi preċiżjoni l-portata tal-iżball kommess mill-amministrazzjoni, ir-rikorrent normalment imissu kellu xi dubji fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni inkwistjoni b’tali mod li jmissu, għall-inqas, talab lill-amministrazzjoni sabiex tagħmel il-verifiki neċessarji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Jannar 2001, Kraus vs Il-Kummissjoni, T‑14/99, ĠabraSP p. I‑A‑7 u II‑39, punt 41, u F vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 157).

60      Barra minn hekk, għal dak li jikkonċerna l-argument tar-rikorrent li l-amministrazzjoni stess ma ndunatx bl-irregolarità għal erba’ darbiet, peress li l-irregolarità kienet tikkonċerna wkoll lil B., H. u L., għandu jiġi enfasizzat li f’dan il-każ, il-kwistjoni mhijiex jekk l-amministrazzjoni setgħetx tinduna bl-iżball, iżda li jiġi vverifikat jek il-persuna kkonċernata setgħetx tafda fil-legalità tal-klassifikazzjoni inizjali tagħha. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni li tinsab fiha amministrazzjoni inkarigata minn eluf ta’ deċiżjonijiet amministrattivi ta’ kull tip ma tistax titqabbel ma’ dik ta’ uffiċjal li għandu interess personali sabiex jivverifika l-klassifikazzjoni tiegħu fil-grad u fl-iskala meta jiġi rreklutat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Lulju 1979, Broe vs Il-Kummissjoni, 252/78, Ġabra p. 2393, punt 11).

61      Minn dan jirriżulta li fis-6 ta’ Lulju 2006, meta sar jaf bid-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2006, ir-rikorrent ma setax jafda fl-apparenza legali ta’ dan l-att. Għaldaqstant, huwa ma jistax, abbażi ta’ dan il-fatt biss, jippretendi li kienu jeżistu aspettattivi leġittimi f’tali legalità.

–       Fuq il-bilanċ tal-interessi

62      Fit-tieni lok, jirriżulta mill-ġurisprudenza li anki meta d-destinatarju tal-att illegali jkollu aspettattivi leġittimi, interess pubbliku perentorju, b’mod partikolari dak tal-amministrazzjoni tajba u l-protezzjoni tar-riżorsi finanzjarji tal-istituzzjoni, jista’ jkun tali li jipprevali fuq l-interess tal-benefiċjarju biex tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni li huwa seta’ jikkunsidra bħala stabbli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Snupat vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, p. 159; Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, p. 518; De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 39, u tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Lulju 1997, Affish, C‑183/95, Ġabra p. I‑4315, punt 57, u l-ġurisprudenza ċċitata; sentenza Kontouli vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 167). Dan il-bilanċ tal-interessi għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura raġonevoli tat-terminu għall-irtirar, hekk kif jirriżulta mill-punt 67 ta’ din is-sentenza.

–       Fuq it-terminu raġonevoli

63      Fit-tielet lok, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-irtirar ta’ att amministrattiv illegali għandu jseħħ f’terminu raġonevoli (sentenza De Compte vs Il-Parlament, iċċitata iktar ’il fuq, punt 35; sentenzi Pascall vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 72 u 77; Gooch vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53, u Kontouli vs Il-Kunsill, iċċitata iktar ’il fuq, punt 161).

64      Għandu jiġi enfasizzat, b’mod preliminari, li, wara r-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal, it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li “t-talba għall-irkuprar trid issir mhux aktar tard minn ħames snin mid-data meta s-somma tħallset”, ħlief meta l-amministrazzjoni hija f’pożizzjoni li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ frodi min-naħa tal-benefiċjarju.

65      It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax madankollu jiġi interpretat fis-sens li l-amministrazzjoni, meta jkunu sodisfatti ċerti kundizzjonijiet, tista’ tkun f’pożizzjoni li tirtira kull att irregolari li fuqu jkun ibbażat ħlas indebitu u li l-adozzjoni tiegħu tista’ tkun seħħet saħansitra iktar minn ħames snin qabel.

66      Fil-fatt, l-Artikolu 85 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkonċerna biss il-kundizzjonijiet li taħthom somma mħallsa indebitament lil uffiċjal mill-amministrazzjoni tista’ tiġi rkuprata indipendentement mir-raġuni għall-ħlas irregolari, iżda m’għandux l-għan li jirregola l-irtirar innifsu tal-atti illegali, li neċessarjament jiġi qabel kwalunkwe rkupru eventwali tal-ammont imħallas indebitament.

67      Fir-rigward tal-irtirar ta’ att amministrattiv, mill-ġurisprudena jirriżulta li n-natura raġonevoli tat-terminu għall-irtirar għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi speċifiċi ta’ kull każ u, b’mod partikolari, skont l-importanza tal-każ għall-persuna kkonċernata, il-kumplessita tiegħu u l-aġir tal-partijiet ikkonċernati (sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 187; sentenza Eagle et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66). Għandu jittieħed inkunsiderazzjoni wkoll il-fatt jekk l-att inkwistjoni joħloqx drittijiet suġġettivi jew le kif ukoll il-bilanċ tal-interessi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Snupat vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, p. 159, u Koninklijke Nederlandsche Hoogovens en Staalfabrieken vs L-Awtorità Għolja, iċċitata iktar ’il fuq, p. 520), f’dan il-każ tal-interess tal-benefiċjarju biex tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni li huwa seta’ jikkunsidra bħala stabbli u ta’ dak tal-amministrazzjoni biex tassigura li tipprevali l-legalità tal-atti individwali kif ukoll biex tipproteġi r-riżorsi finanzjarji tal-istituzzjoni.

68      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, bħala regola ġenerali, terminu għall-iritar li jikkorrispondi għat-terminu ta’ tliet xhur biex jintalab rimedju, previst mill-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli.

69      Fir-rigward tal-metodu tal-kalkolu tat-terminu għall-irtirar sabiex jiġi evalwat jekk huwiex raġonevoli jew le, billi dan it-terminu japplika għall-amministrazzjoni nfisha, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni, bħala l-punt tat-tluq, id-data tal-adozzjoni tal-att li din tal-aħħar biħsiebha tirtira.

70      F’dan il-każ, għaddew 3 xhur u 21 ġurnata bejn it-28 ta’ Ġunju 2006, id-data tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ klassifikazzjoni inizjali, u d-19 ta’ Ottubru 2006, id-data meta r-rikorrent ġie informat li l-amministrazzjoni kienet tikkunsidra din id-deċiżjoni bħala illegali. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi ċirkustanzi:

–        fl-ewwel lok, hekk kif jirriżulta mill-punti 57 sa 61 ta’ din is-sentenza, ir-rikorrent ma uriex li adotta aġir partikolarment diliġenti meta ma talabx lill-amministrazzjoni sabiex tagħmel il-verifiki neċessarji fid-dawl tal-kontenut tan-nota ta’ qiegħ il-paġna tal-avviż tal-kompetizzjoni;

–        fit-tieni lok, id-deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni fl-istadju tar-reklutaġġ tikkostitwixxi deċiżjoni essenzjali għall-iżvolġiment tal-karriera tal-persuna kkonċernata, ħaġa li ssaħħaħ il-ħtieġa li jiġi osservat il-prinċipju ta’ legalità, fil-konfront tal-prinċipju ta’ ċertezza legali li ma jistax jiġi applikat b’mod assolut;

–        fit-tielet lok, l-Artikolu 13(1) tal-Anness XIII tar-Regolamenti tal-Persunal, li fuqu hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, huwa partikolarment ċar u mhux ekwivoku;

–        fir-raba’ lok, fir-realtà, id-deċiżjoni dwar il-kalssifikazzjoni inizjali daħlet fis-seħħ biss fl-1 ta’ Ottubru 2006, b’tali mod li pproduċiet l-effetti tagħha biss matul perijodu qasir ħafna ta’ 19-il ġurnata.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-terminu li fih aġixxiet il-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Ġunju 2006 sabiex tirtiraha għandu jiġi kkunsidrat bħala raġonevoli, għalkemm dan it-terminu huwa ħarira itwal mit-terminu biex jintalab rimedju stipulat fl-Artikolu 91(3) tar-Regolamenti tal-Persunal.

–       Fuq id-drittijiet tad-difiża

72      Fl-aħħar lok, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża f’kull proċedura li tinfetaħ kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawża preġudizzju lilha jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt Komunitarju u għandu jiġi żgurat anki jekk ma tkun teżisti ebda leġiżlazzjoni dwar il-proċedura inkwistjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Lulju 1986, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, 234/84, Ġabra p. 2263, punt 27; tal-5 ta’ Ottubru 2000, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑288/96, Ġabra p. I‑8237, punt 99, u tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry, C‑344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Marzu 2005, Vlachaki vs Il-Kummissjoni, T‑277/03, ĠabraSP p. I‑A‑57 u II‑243, punt 64).

73      Dan il-prinċipju, li jissodisfa r-rekwiżiti ta’ amministrazzjoni tajba, jirrikjedi li l-persuna kkonċernata tingħata l-opportunità tesprimi b’mod utli l-opinjoni tagħha fir-rigward tal-fatturi li jistgħu jintużaw kontriha fl-att li jkun se jiġi adottat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’ il fuq, punt 27; tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill, C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99, u Il-Kummissjoni vs De Bry, iċċitata iktar ’il fuq, punt 38; is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-23 ta’ April 2002, Campolargo vs Il-Kummissjoni, T‑372/00, ĠabraSP p. I‑A‑49 u II‑223, punt 31, u Vlachaki vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, point 64).

74      F’dan ir-rigward, l-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, ipproklamata f’Nizza fis-7 ta’ Diċembru 2000 (ĠU C 364, p. 1), jipprovdi li d-dritt għal amministrazzjoni tajba “jinkludi:

–        id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’, qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali li tolqotha negattivament;

[…]”.

75      Hekk kif jirriżulta mill-preambolu tal-imsemmija Karta, l-għan prinċipali tagħha huwa li tafferma mill-ġdid “id-drittijiet kif jirriżultaw, b’mod partikolari, mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali u mill-obbligi internazzjonali komuni għall-Istati Membri, mit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mit-Trattati Komunitarji, mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, mill-Karti Soċjali adottati mill-Unjoni u mill-Kunsill ta’ l-Ewropa kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja […] u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Ġunju 2006, Il-Parlament vs Il-Kunsill, C‑540/03, Ġabra p. I‑5769, punt 38).

76      Barra minn hekk, meta pproklamaw solennement il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni riedu neċessarjmanet jirrikonoxxu fil-konfront tagħha sinjifikat partikolari, li, f’dan il-każ, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal u tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg ta’ impjegati oħra tal-Komunitajiet (sentenza tat-Tribunal tas-26 ta’ Ottubru 2006, Landgren vs ETF, F‑1/05, ĠabraSP p. II‑A‑1 459, punt 72, li qed tiġi appellata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, kawża T‑404/06 P).

77      Għandu jiġi enfasizzat ukoll li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, aktar speċifikament, id-dritt li uffiċjal jinstema’ fir-rigward tal-fatturi li jistgħu jintużaw kontrih sabiex tiġi bbażata fuqhom deċiżjoni li tikkawżalu preġudizzju, jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li l-ksur tagħha tista’ titqajjem ex officio (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Interhotel vs Il-Kummissjoni, C‑291/89, Ġabra p. I‑2257, punt 14, u tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 67; is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 Mejju 2001, Kaufring et vs Il-Kummissjoni, T‑186/97, T‑187/97, T‑190/97 sa T‑192/97, T‑210/97, T‑211/97, T‑216/97 sa T‑218/97, T‑279/97, T‑280/97, T‑293/97 u T‑147/99, Ġabra p. II‑1337, punt 134; ara, ukoll, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Marzu 2000, Cimenteries CBR et vs Il-Kummissjoni, T‑25/95, T‑26/95, T‑30/95 sa T‑32/95, T‑34/95 sa T‑39/95, T‑42/95 sa T‑46/95, T‑48/95, T‑50/95 sa T‑65/95, T‑68/95 sa T‑71/95, T‑87/95, T‑88/95, T‑103/95 u T‑104/95, Ġabra p. II‑491, punt 487).

78      It-Tribunal jista’ għalhekk jeżamina ex officio jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni rrispettatx id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

79      Għandu jiġi kkonstatat, hekk kif irrikonxxiet il-Kummissjoni fis-seduta, li r-rikorrent ma ngħatax l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu u jipprovdi spjegazzjonijiet qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

80      Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrent.

81      Madankollu, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li mhux kull vjolazzjoni tad-drittijiet tad-difiża tiġi ppenalizzata bl-annullament tal-att ikkontestat. Dan japplika meta l-illegalità ma setgħetx tinfluwenza l-kontenut tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Frar 1990, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑301/87, Ġabra p. I‑307, punt 31; tal-21 ta’ Marzu 1990, Il-Belġju vs Il-Kummissjoni, C‑142/87, Ġabra p. I‑959, punt 48; Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punt 101, u Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 318 u 324).

82      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrent quddiem it-Tribunal ma fihom ebda informazzjoni addizzjonali fil-konfront ta’ dik li l-Kummissjoni diġà kellha f’idejha u li r-rikorrent kien jaf biha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li dan tal-aħħar ma ngħatax l-opportunità jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma setax kien tali li kien ikollu xi influwenza fuq il-kontenut tagħha, li, barra minn hekk, kif jirriżulta mill-ispjegazzjonijiet mogħtija iktar ’il fuq, ma setax ikun differenti.

83      Konsegwentement, għandu jiġi konkluż li l-vjolazzjoni tad-dritt tar-rikorrent għal smigħ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata ma tistax, fiha nfisha, tiġġustifika l-annullament tagħha.

84      Madankollu, l-amministrazzjoni, għal din ir-raġuni, ikkommettiet illegalità li tikkostitwixxi żball amministrattiv li jista’ jiġġustifika l-għoti ta’ kumpens. Din il-kwistjoni se tiġi eżaminata fil-punti 92 sa 94 ta’ din is-sentenza.

85      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

b)     Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ trattament ugwali u ta’ non-diskriminazzjoni

86      Ir-rikorrent josserva li ma jeżistux differenzi essenzjali bejn is-sitwazzjoni tiegħu u s-sitwazzjonijiet rispettivi ta’ B., H. u L.:

–        ilkoll għaddew mill-kompetizzjonijiet EPSO/B/23/04 (fir-rigward tar-rikorrent u ta’ H. u L.) u EPSO/B/21/04 (fir-rigward ta’ B.), ippubblikati fil-grad B 5/B 4;

–        ilkoll ġew ikklassifikati bi żball fil-grad il-ġdid AST 4 (fir-rigward tar-rikorrent u L.) jew fil-grad intermedjarju B*4, li sar AST 4 (fir-rigward ta’ B. u H.), u ġew assenjati lill-Istitut għall-elementi transuraniċi;

–        l-atti tal-ħatra rispettivi tagħhom ġew annullati jew sostitwiti minn deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali taċ-ĊKR tal-4 ta’ Ottubru 2006, li tipprovdi għal kull wieħed minnhom klassifikazzjoni fil-grupp tal-funzjoni AST 3, skala 2.

87      F’dawn iċ-ċirkustanzi, B., H., L. u r-rikorrent jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli. Saret diskriminazzjoni kontra r-rikorrent meta mqabbel mat-tliet uffiċjali l-oħra billi d-deċiżjoni li jerġa’ jiġi kklassifikat fil-grad AST 3 inżammet filwaqt li d-deċiżjonijiet li B., H. u L. jerġgħu jiġu kklassifikati fl-istess grad ġew irtirati u sostitwiti minn tliet deċiżjonijiet li kklassifikawhom fil-grad AST 4. Id-differenza fit-trattament hija partikolarment ovvja bejn ir-rikorrent u L. peress li, fid-dawl tal-argumenti tal-Kummissjoni relattivi għat-tieni motiv, l-Awtorità tal-Ħatra kkunsidrat, bħala risposta għall-ilment ta’ L., li terminu ta’ 3 xhur u 23 ġurnata bejn in-notifikazzjoni tal-att ta’ klassifikazzjoni inizjali u dik tad-deċiżjoni ta’ rtirar ikkontestata kien qabeż it-terminu raġonevoli.

88      F’dan ir-rigward, hekk kif osservat ġustament il-Kummissjoni, anki jekk jitqies li wieħed mill-uffiċjali msemmi mir-rikorrent kien jinsab f’sitwazzjoni sostanzjalment identika għal tiegħu u li l-Awtorità tal-Ħatra, billi ma rtirax l-att inizjali ta’ klassifikazzjoni li kien jikkonċerna lir-rikorrent, ma osservatx il-kundizzjonijiet li huwa suġġett għalihom l-irtirar retroattiv ta’ att amministrattiv illegali, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza, dan il-fatt ma jistax, bħala tali, jiġġustifika trattament identiku favur ir-rikorrent, li qatt ma jista’ jinvoka favur tiegħu prattika illegali kommessa favur ħaddieħor (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-3 ta’ Marzu 1994, Cortes Jimenez et vs Il-Kummissjoni, T‑82/92, ĠabraSP p. I‑A‑69 u II‑237, punt 43; tat-22 ta’ Frar 2000, Rose vs Il-Kummissjoni, T‑22/99, ĠabraSP p. I‑A‑27 u II‑115, punt 39, u tat-13 ta’ Settembru 2005, Pantoulis vs Il-Kummissjoni, T‑290/03, ĠabraSP p. I‑A‑241 u II‑1123, punt 56; is-sentenza tat-Tribunal tat-28 Ġunju 2006, Grünheid vs Il-Kummissjoni, F‑101/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑55 u II‑A‑1‑199, punt 140).

89      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

B –  Fuq ir-rikors għad-danni

90      Ir-rikorrent jitlob kumpens għad-danni morali li jallega li subixxa minħabba l-klassifikazzjoni tiegħu mill-ġdid fil-grad AST 3, wara li inizjalment kien ġie kklassifikat fil-grad AST 4, u dan wara żball li għamlet l-amministrazzjoni.

91      Ir-rikorrent jevalwa l-kumpens għad-danni morali tiegħu għal euro simboliku.

92      F’dan ir-rigward, mill-punt 84 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-Kummissjoni għamlet żball amministrattiv billi ma semgħetx lir-rikorrent qabel ma adottat id-deċiżjoni kkontestata. Madankollu, it-talbiet għal annullament ippreżentati mir-rikorrent ġew miċħuda.

93      Ma jistax jiġi kkontestat li r-rikorrent sofra dannu morali bħala riżultat tas-sensazzjoni li kien sab ruħu quddiem fait accompli, fi kliem ir-rikorent, li ntuża fl-ilment tiegħu tas-7 ta’ Novembru 2006. Dan il-kliem jirrifletti preċiżament il-konsegwenzi tal-vjolazzjoni tad-dritt ta’ kull persuna għal smigħ qabel ma tiġi adottata miżura individwali li taffettwaha ħażin.

94      Fid-dawl taċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, it-Tribunal, billi jevalwa d-danni ex aequo et bono, jikkunsidra li l-għoti ta’ ammont ta’ EUR 1 500 jikkostitwixxi kumpens xieraq għar-rikorrent.

95      Barra minn hekk, it-talba għal kumpens evalwat għal euro simboliku għandha tiġi miċħuda inkwantu tirrigwarda atti allegatament illegali li ma ġewx ippenalizzati minn din is-sentenza.

 Fuq l-ispejjeż

96      Skont l-Artikolu 122 tar-Regoli tal-Proċedura, id-dispożizzjonijiet tat-tmien Kapitolu tat-tieni Titolu, dwar l-ispejjeż ġudizzjarji, huma applikabbli biss għall-kawżi mressqa quddiem it-Tribunal, u dan minn mindu jidħlu fis-seħħ dawn ir-regoli, jiġifieri fl-1 ta’ Novembru 2007. Id-dispożizzjonijiet tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza li huma rilevanti f’dan il-qasam għandhom jibqgħu jkunu applikabbli mutatis mutandis għall-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal qabel din id-data.

97      Skont l-Artikolu 87(2) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Jekk ikun hemm aktar minn parti waħda li titlef, it-Tribunal għandu jiddeċiedi dwar kif għandhom jinqasmu l-ispejjeż. Jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom, jew għal raġunijiet eċċezzjonali, it-Tribunal jista’ jiddeċiedi li jaqsam l-ispejjeż jew jiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 88 tal-istess regoli, fil-kawżi bejn il-Komunitajiet u l-impjegati tagħhom, l-istituzzjonijiet għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

98      Peress li r-rikorrent rebaħ parzjalment, it-Tribunal jikkunsidra li hemm lok li jikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tal-ispejjeż tagħha kif ukoll ta’ terz tal-ispejjeż tar-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IT-TRIBUNAL (It-Tieni Awla)

jaqta’ u jiddeċiedi:

1)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej hija kkundannata tħallas lil P. Bui Van is-somma ta’ EUR 1 500 għad-danni.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      P. Bui Van għandu jbati żewġ terzi tal-ispejjeż tiegħu.

4)      Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għandha tbati l-ispejjeż tagħha u terz tal-ispejjeż ta’ P. Bui Van.

Van Raepenbusch

Boruta

Kanninen

Mogħtija fil-Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-11 ta’ Settembru 2008.

W. Hakenberg

 

      S. Van Raepenbusch

Reġistratur

 

       President

It-testi ta’ din id-deċiżjoni, kif ukoll id-deċiżjonijiet tal-qrati Komunitarji ċċitati fiha li għadhom mhux ippubblikati fil-Ġabra, huma disponibbli fis-sit internet tal-Qorti tal-Ġustizzja www.curia.europa.eu


** Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.