Language of document :

Appell ippreżentat fl-1 ta’ Settembru 2020 minn Danilo Poggiolini mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Lulju 2020, fil-Kawżi T-347/19 u T-348/19, Enrico Falqui u Danilo Poggiolini vs Il-Parlament Ewropew

(Kawża C-408/20 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Danilo Poggiolini (rappreżentanti: F. Sorrentino, A. Sandulli, B. Cimino, avukati)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara l-ammissibbiltà tat-talba mressqa minn D. Poggiolini għall-annullament tan-nota Nru D(2019) 14435 tal-11 ta’ April 2019 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew u għall-annullament tan-nota D309419 tat-8 ta’ Lulju 2019 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi-Direttorat għad-Drittijiet Finanzjarji u Soċjali tad-Deputati – Unità Remunerazzjoni u Drittijiet Soċjali tad-Deputati-II Kap tal-Unità; u għaldaqstant tannulla l-imsemmija noti jew tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea għall-għoti tas-sentenza.

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż ta’ din il-fażi u għall-ispejjeż tal-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appellant jinvoka tliet aggravji insostenn tat-talba għall-annullament tad-Digriet Nru 951576 tat-3 ta’ Lulju 2020, mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, it-Tmien Awla, fil-kawża T-348/19, b’mod partikolari:

l-aggravju ibbażat fuq it-tardività, fid-dawl tat-terminu ta’ xahrejn stabbilit fl-Artikolu 81 flimkien mal-Artikolu 130(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tal-eċċezzjoni li permezz tagħha l-Parlament Ewropew ilmenta dwar l-inammissibbiltà tar-rikors ippreżentat minn D. Poggiolini quddiem il-Qorti Ġenerali u dwar l-applikabbiltà għad-depożiti mwettqa permezz tas-sistema e-Curia skont l-Artikolu 60 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali li jipprovdi “[i]t-termini proċedurali għandhom jiżdiedu b’terminu fiss ta’ għaxart ijiem għal raġuni ta’ distanza”;

l-aggravju ibbażat fuq il-possibbiltà li tiġi kkontestata n-nota Nru D(2019) 14435 tal-11 ta’ April 2019 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi tal-Parlament Ewropew, sa fejn din tipproduċi effetti immedjati u l-ammissibbiltà konsegwenti tat-talba għall-annullament tagħha;

l-aggravju ibbażat fuq l-ammissibbiltà tat-talba għall-annullament tan-nota D309419 tat-8 ta’ Lulju 2019 tad-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi-Direttorat għad-Drittijiet Finanzjarji u Soċjali tad-Deputati – Unità Remunerazzjoni u Drittijiet Soċjali tad-Deputati-II Kap tal-Unità fformulata permezz tan-nota ta’ adattament skont l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali u li tikkonċerna n-neċessità, fid-dawl tar-rekwiżiti kollha, li tali nota tiġi kkonvertita għal rikors.

L-appellant jinvoka tliet aggravji oħra relatati mal-illegalità tan-nota D(2019) 14435 tal-11 ta’ April 2019 u tan-nota D309419 tat-8 ta’ Lulju 2019, b’mod partikolari:

l-aggravju ibbażat fuq il-ksur tad-Deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Mejju u tad-9 ta’ Lulju 2008, li tistabbilixxi Miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament Ewropew;

l-aggravju ibbażat fuq in-nuqqas li ma japplikax, min-naħa tal-Parlament Ewropew, leġiżlazzjoni nazzjonali (dik introdotta mid-deliberazzjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati Taljana Nru. 14/2018) invalida;

l-aggravju ibbażat fuq l-applikazzjoni illeġittima, min-naħa tal-Parlament Ewropew, ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tikser il-prinċipji fundamentali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni u, in primis, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u l-ksur tal-prinċipju ta’ supremazija tad-dritt tal-Unjoni.

____________