Language of document : ECLI:EU:F:2013:112

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tieni Awla)

9 ta’ Lulju 2013

Kawża F‑34/12

Annalisa Vacca

vs

Il‑Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Kompetizzjoni ġenerali — Avviż ta’ kompetizzjoni EPSO/AD/207/11 — Nuqqas ta’ ammissjoni għall-eżamijiet ta’ evalwazzjoni — Talba għal eżami mill-ġdid — Assenza ta’ risposta espliċita — Talbiet għal annullament li ma huma bbażati fuq ebda raġuni speċifika jew fuq argument ta’ fatt u ta’ liġi — Inammissibbiltà”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu A. Vacca titlob l-annullament tad-deċiżjoni impliċita li ttieħdet, skont din, fl-assenza ta’ risposta għat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni tal-Bord tal-Għażla tal-kompetizzjoni ġenerali EPSO/AD/207/11 li hija ma tiġix ammessa sabiex tipparteċipa fl-eżamijiet ta’ evalwazzjoni għar-reklutaġġ ta’ amministraturi tal-grad AD 7, fil-qasam tal-amministrazzjoni pubblika Ewropea. Ir-rikorrenti barra minn hekk titlob il-kundanna tal-Kummissjoni sabiex tikkumpensa d-dannu morali li hija sostniet minħabba l-esklużjoni tagħha mill-proċedura ta’ kompetizzjoni u minħabba l-assenza ta’ risposta espliċita għat-talba tagħha għal eżami mill-ġdid.

Deċiżjoni:      Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja — Spejjeż — Responsabbiltà — Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti ta’ ekwità — Kundanna, tal-parti li tirbaħ, għall-ispejjeż

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikoli 87(2) u 88)

2.      Uffiċjali — Kompetizzjoni — Avviż ta’ kompetizzjoni — Stabbiliment ta’ dritt tal-kandidati għall-eżami mill-ġdid tal-kandidatura tagħhom — Nuqqas ta’ osservanza ta’ dan id-dritt mill-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) — Nuqqas amministrattiv ta’ natura li jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-amministrazzjoni

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1))

3.      Proċedura — Rikors promotur — Regolarizzazzjoni — Talba għall-produzzjoni ta’ verżjoni mqassra — Preżentata ta’ rikors identiku għal dak oriġinali redatt b’tipa iktar żgħira — Inammissibbiltà

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 36)

1.      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jista’ jiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ ekwità, li parti li titlef il-kawża tiġi kkundannata biss parzjalment għall-ispejjeż, jew saħansitra li ma għandhiex tiġi kkundannata f’dan is-sens. Madankollu, skont l-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, parti, anki jekk tkun rebħet, tista’ tiġi kkundannata parzjalment, u saħansitra totalment għall-ispejjeż, jekk dan jidher li huwa ġustifikat minħabba l-atteġġament tagħha, anki qabel ma titressaq il-kawża. F’dan ir-rigward, il-kundanna tal-istituzzjoni għall-ispejjeż tista’ tkun iġġustifikata minħabba n-nuqqas ta’ diliġenza tagħha matul il-proċedura prekontenzjuża.

(ara l-punti 32 u 34)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 5 ta’ Lulju 2011, Coedo Suárez vs Il‑Kunsill, F‑73/10, punt 48

2.      Meta avviż ta’ kompetizzjoni jirrikonoxxi, lil kandidat għal kompetizzjoni ġenerali, id-dritt speċifiku li jressaq talba għal eżami mill-ġdid tal-kandidatura tiegħu fil-każ li huwa jqis li l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO) ma osservax id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura ta’ kompetizzjoni jew li l-Bord tal-Għażla ma osservax id-dispożizzjonijiet li jirregolaw il-ħidma tiegħu, il-kandidat għandu dritt li jirċievi risposta li l-EPSO huwa obbligat li jipprovdi mill-iktar fis possibbli. Dan id-dritt huwa intiż b’mod partikolari kemm li jiżgura li kandidat validu ma jiġix eskluż kif ukoll li jiġu evitati, sa fejn possibbli, ilmenti u azzjonijiet inutli mill-kandidati li l-esklużjoni tagħhom mill-kompetizzjoni tirriżulta, wara eżami mill-ġdid, li hija iġġustifikata b’mod sħiħ.

L-osservanza stretta mill-EPSO ta’ dritt speċifiku hija l-espressjoni tad-dmirijiet li jirriżultaw mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Issa, in-nuqqas ta’ osservanza mill-EPSO tad-dritt speċifiku ta’ kandidat li l-Bord tal-Għażla jwettaq eżami mill-ġdid tal-kandidatura tiegħu jista’ jikkostitwixxi nuqqas amministrattiv li jista’ jagħti lok, jekk ikun il-każ, għal dritt għal kumpens fir-rigward tal-kandidat.

(ara l-punti 36 u 37)

Referenza:

It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 18 ta’ Settembru 2012, Cuallado Martorell vs Il-Kummissjoni, F-96/09, punti 47 u 48

3.      L-eżekuzzjoni ta’ talba għal regolarizzazzjoni permezz tal-preżentata ta’ rikors identiku għall-oriġinali, iżda redatt b’tipa iktar żgħira wara t-talba għall-produzzjoni ta’ verżjoni mqassra, ma hijiex biss manifestament kuntrarja għar-ratio tal-punt 8 tal-Istruzzjonijiet Prattiċi lill-Partijiet, iżda timponi fuq it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku xogħol inutli peress li huwa jkollu jittratta verżjoni oħra tar-rikors li hija identika, f’kull aspett, għall-ewwel verżjoni.

(ara l-punt 38)