Language of document : ECLI:EU:C:2019:108

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

12 ta’ Frar 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI – Mandat ta’ arrest Ewropew – Artikolu 12 – Żamma tal-persuna taħt detenzjoni – Artikolu 17 – Termini għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi s-sospensjoni ex officio tal-miżura ta’ detenzjoni 90 jum wara l-arrest – Interpretazzjoni konformi – Sospensjoni tat-termini – Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 6 – Dritt għal-libertà u għas-sigurtà – Interpretazzjonijiet diverġenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali – Ċarezza u prevedibbiltà”

Fil-Kawża C‑492/18 PPU,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjoni tas‑27 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Lulju 2018, fil-proċedura dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ kontra

TC,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn R. Silva de Lapuerta, Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qed taġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, A. Arabadjiev (Relatur), E. Regan, C. G. Fernlund u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Ferreira, amministratur prinċipali,

wara li rat it-talba tal-qorti tar-rinviju tas‑27 ta’ Lulju 2018, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis‑27 ta’ Lulju 2018, sabiex ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza, skont l-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal TC, minn T. J. Kodrzycki u Th. O. M. Dieben, advocaten,

–        għall-Openbaar Ministerie, minn R. Vorrink, J. Asbroek u K. van der Schaft, Officieren van Justitie,

–        għall-Gvern Olandiż, minn M. K Bulterman, M. A. M. de Ree u J. M. Hoogveld, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, J. Vláčil u A. Kasalická, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn A. Joyce u G. Mullan, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn S. Faraci, avvocato dello Stato,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn R. Troosters, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas‑6 ta’ Novembru 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest tal-eżekuzzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fit‑12 ta’ Ġunju 2017 kontra TC mill-awtoritajiet kompetenti tar-Renju Unit (iktar ’il quddiem il-“mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Il-Karta

3        Skont l-Artikolu 6 tal-Karta, bit-titolu “Id-dritt għal-libertà u għas-sigurtà”:

“Kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà.”

 Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/ĠAI

4        Il-premessa 12 tad-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat‑13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 34, rettifika fil-ĠU 2009, L 17, p. 45),tipprovdi:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tħares il-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta […]”

5        L-Artikolu 1 ta’ din id-deċiżjoni qafas, bit-titolu “Definizzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew u l-obbligu li jiġi esegwit”, jipprevedi fil-paragrafu (3) tiegħu:

“Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu tar-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif imniżżla fl-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.”

6        Skont l-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas, bit-titolu “Iż-żamma tal-persuna f’detenzjoni”:

“Meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk il-persuna rikjesta għandhiex tibqa’ f’detenzjoni, skond il-liġi ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni. Il-persuna tista’ tiġi meħlusa proviżorjament fi kwalunkwe ħin f’konformità mal-liġi domestika ta’ l-Istat Membru ta’ esekuzzjoni, bil-kondizzjoni li l-awtorità kompetenti ta’ dak l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li tikkunsidra meħtieġa biex tippreveni li l-persuna taħrab.”

7        Il-paragrafu (1) tal-Artikolu 15 tal-istess deċiżjoni qafas, bit-titolu “Deċiżjoni dwar il-konsenja”, huwa fformulat kif ġej:

“L-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tiddeċiedi, fil-limiti ta’ żmien u taħt il-kondizzjonijiet definiti f’din id-Deċiżjoni Kwadru, jekk il-persuna għandhiex tiġi kkonsenjata.”

8        L-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, bit-titolu “Limiti ta’ żmien u proċeduri għad-deċiżjoni ta’ l-esekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew”, jipprovdi:

“1.      Mandat ta’ arrest Ewropew għandu jiġi ttrattat u esegwit b’urġenza.

[…]

3.      F’kazijiet oħra, id-deċiżjoni finali dwar l-esekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed f’perjodu ta’ 60 jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta.

4.      Fejn f’każijiet speċifiċi l-mandat ta’ arrest Ewropew ma jistax jiġi esegwit fil-limiti ta’ żmien stabbiliti fil-paragrafi 2 jew 3, l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni għandha tinforma immedjatament lill-awtorità ġudizzjarja emittenti b’dan, u tagħti r-raġunijiet għad-dewmien. F’dan il-każ, il-limiti ta’ żmien jistgħu jiġu estiżi b’ 30 jum ieħor.

5.      Sakemm l-awtorità ġudizzjarja ta’ esekuzzjoni ma tkunx ħadet deċiżjoni finali dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew, hija għandha tiżgura li l-kondizzjonijiet materjali meħtieġa għall-konsenja effettiva tal-persuna jibqgħu sodisfatti.

[…]

7.      Fejn f’ċirkostanzi eċċezzjonali Stat Membru ma jistax iħares il-limiti ta’ żmien previsti f’dan l-Artikolu, huwa għandu jinforma lill-Eurojust, waqt li jagħti r-raġunijiet għad-dewmien. Barra dan, Stat Membru li esperjenza dewmien ripetut min-naħa ta’ Stat Membru ieħor fl-esekuzzjoni ta’ mandati ta’ arrest Ewropej għandu jinforma lill-Kunsill bil-għan li tiġi evalwata l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru fil-livell ta’ l-Istati Membri.”

 Id-dritt Olandiż

9        Skont l-Artikolu 22 tal-Overleverin gswet (il-Liġi dwar il-Konsenja) (Stb. 2004, Nru 195, iktar ’il quddiem l-“OLW”), li tittrasponi d-Deċiżjoni Qafas 2002/584:

“1.      Id-deċiżjoni dwar il-konsenja għandha ssir mir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) mhux iktar tard minn sittin jum wara l-arrest tal-persuna rikjesta, imsemmija fl-Artikolu 21.

[…]

3.      F’każijiet eċċezzjonali u wara li tindika r-raġunijiet lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tista’ testendi sa massimu ta’ tletin jum it-terminu ta’ sittin jum.

4.      Jekk, fit-terminu indikat fil-paragrafu 3, ir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) ma tkunx ħadet deċiżjoni, hija tista’ testendi għal darba oħra t-terminu għal perijodu indefinit, permezz ta’ sospensjoni temporanja, taħt kundizzjonijiet, taċ-ċaħda tal-libertà tal-persuna rikjesta u li l-awtorità ġudizzjarja emittenti tiġi informata b’dan.”

10      Skont l-Artikolu 64 tal-OLW:

“1.      Fil-każijiet fejn deċiżjoni dwar iċ-ċaħda tal-libertà tista’ jew għandha tiġi adottata skont din il-liġi, jista’ jiġi ordnat li din iċ-ċaħda tal-libertà tiġi posposta jew sospiża taħt kundizzjonijiet sakemm tingħata d-deċiżjoni tar-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) li tawtorizza l-konsenja. Il-kundizzjonijiet stabbiliti huma maħsuba biss sabiex jipprevjenu l-ħarba.

2.      L-Artikolu 80, bl-eċċezzjoni tal-paragrafu 2 tiegħu, u l-Artikoli 81 sa 88 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali għandhom japplikaw mutatis mutandis għal digrieti mogħtija mir-rechtbank (il-Qorti Distrettwali) jew il-qorti istruttorja bis-saħħa tal-paragrafu 1.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11      TC, li huwa s-suġġett tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, huwa ċittadin Brittaniku residenti fi Spanja u li huwa ssuspettat li, bħala membru b’responsabbiltà għolja ta’ organizzazzjoni kriminali, ipparteċipa fl-importazzjoni, fid-distribuzzjoni u l-bejgħ ta’ drogi qawwija, b’mod partikolari ta’ 300 kg kokaina. Il-piena massima prevista mid-dritt tar-Renju Unit għal tali reat hija ta’ għomor il-ħabs.

12      Fl‑4 ta’ April 2018, TC kien ġie arrestat fil-Pajjiżi l-Baxxi. It-terminu ta’ 60 jum għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, previst fl-Artikolu 22(1) tal-OLW u fl-Artikolu 17(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, beda jiddekorri minn din id-data.

13      Il-qorti tar-rinviju, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi), eżaminat il-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni matul is-seduta tagħha tal‑31 ta’ Mejju 2018. Fi tmiem din is-seduta, hija ordnat iż-żamma taħt detenzjoni ta’ TC u estendiet bi 30 jum it-terminu għall-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni. Permezz ta’ deċiżjoni interlokutorja tal‑14 ta’ Ġunju 2018, din il-qorti fetħet mill-ġdid id-diskussjoni, issospendiet il-proċeduri sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja għat-talba għal deċiżjoni preliminari mressqa fis‑17 ta’ Mejju 2018 fil-kawża li minn dak iż-żmien tat lok għas-sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO (C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733), u ppreċiżat li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni kellu jiġi sospiż mill‑14 ta’ Ġunju 2018 sal-għoti ta’ din is-sentenza tal-aħħar.

14      TC talab is-sospensjoni tad-detenzjoni tiegħu mill‑4 ta’ Lulju 2018, id-data ta’ skadenza tad‑90 jum mill-arrest tiegħu.

15      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li, skont l-Artikolu 22(4) tal-OLW, hija għandha, bħala prinċipju, tissospendi l-miżura ta’ detenzjoni bil-għan tal-konsenja tal-persuna rikjesta hekk kif it-terminu ta’ 90 jum, mogħti għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, jinqabeż. Billi adotta din id-dispożizzjoni, il-leġiżlatur Olandiż, fil-fatt, ibbaża ruħu fuq il-premessa li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584 timponi tali sospensjoni.

16      Madankollu, mis-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474), jirriżulta li din il-premessa hija żbaljata u ma tiħux suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-obbligi li għandha, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju tal-Unjoni, il-qorti adita b’talba għal eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, fosthom b’mod partikolari l-obbligu li tressaq, bħala l-qorti tal-aħħar istanza f’dan it-tip ta’ kawżi, quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari, meta r-risposta għal din id-domanda tkun neċessarja sabiex tagħti d-deċiżjoni tagħha, u li tissospendi l-proċeduri fir-rigward tal-konsenja jekk ikun hemm riskju reali ta’ trattament inuman jew degradanti fil-konfront tal-persuna rikjesta fl-Istat Membru emittenti, fis-sens tas-sentenza tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru (C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198).

17      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tindika li żviluppat ġurisprudenza li tippermettilha tinterpreta l-Artikolu 22(4) tal-OLW b’mod konformi kemm mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 kif ukoll mal-OLW, fis-sens li l-proċeduri fir-rigward tal-konsenja għandhom jiġu sospiżi fil-każijiet imsemmija fil-punt preċedenti. Din l-interpretazzjoni ma tħallix inapplikat l-Artikolu 22(4) tal-OLW, peress li t-terminu stabbilit sabiex tiddeċiedi dwar il-konsenja huwa sospiż.

18      Din l-interpretazzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li tiġi ordnata s-sospensjoni tal-miżura ta’ detenzjoni bil-għan tal-konsenja, li huwa dak li normalment tagħmel il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari meta l-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet jippermetti li r-riskju ta’ ħarba jitnaqqas għal livell aċċettabbli. F’dan il-każ, madankollu, hemm riskju kbir ħafna ta’ ħarba li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli.

19      Madankollu, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam, il-Pajjiżi l-Baxxi) kienet diġà ddeċidiet li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tal-OLW msemmija fil-punt 17 ta’ din is-sentenza hija żbaljata, filwaqt li qieset ukoll li l-applikazzjoni stretta ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali tista’ tippreġudika l-effettività tad-dritt tal-Unjoni. Il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) kienet għaldaqstant ipproċediet għal ibbilanċjar in abstracto bejn l-interess tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, marbut mal-obbligu li l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’talba għal deċiżjoni preliminari u ma’ dak tal-istennija tar-risposta tagħha jew tal-posponiment tad-deċiżjoni dwar il-konsenja jekk ikun hemm riskju reali li l-persuna mfittxija tissubixxi fl-Istat Membru emittenti kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti, u dak li tiġi żgurata l-osservanza tad-dritt nazzjonali u taċ-ċertezza legali. Ir-riżultat ta’ dan l-ibbilanċjar jimplika li t-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni dwar il-konsenja għandu jitqies bħala sospiż mill-mument li fih ir-Rechtbank (il-Qorti Distrettwali) tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari jew mill-mument li fih hija tissospendi l-proċeduri dwar il-konsenja, sakemm iż-żamma tad-detenzjoni bil-għan tal-konsenja ma tmurx kontra l-Artikolu 6 tal-Karta.

20      Madankollu, il-qorti tar-rinviju kienet, sussegwentement, ikkonfermat l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 22(4) tal-OLW, li fil-fehma tagħha hija konformi mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, interpretazzjoni li għada ma wasslitx, sal-lum, għal riżultat differenti mill-ibbilanċjar in abstracto mwettaq mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam).

21      F’dan il-każ, TC b’mod partikolari jsostni li din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22(4) tal-OLW tmur kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali, b’tali mod li iż-żamma taħt detenzjoni bil-għan tal-konsenja tiegħu tikser l-Artikolu 5 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il- “KEDB”), u l-Artikolu 6 tal-Karta. Insostenn ta’ din l-opinjoni, TC indika li, f’każ preċedenti simili, il-persuna rikjesta kienet ressqet quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ilment kontra r-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi minħabba ksur tal-Artikolu 5 tal-KEDB (kawża Cernea vs Il‑Pajjiżi l-Baxxi, Talba Nru 62318/16) u li, f’din il-kawża, dan l-Istat Membru kien ippreżenta dikjarazzjoni unilaterali li tipprovdi li l-Artikolu 5 tal-KEDB kien ġie miksur. Il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem kienet, madankollu, għadha ma ddeċidietx f’din il-kawża.

22      F’dan ir-rigward, skont il-qorti tar-rinviju, mill-punt 32 tas-sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski (C‑579/15, EU:C:2017:503), jirriżulta li wieħed mil-limiti għall-obbligu li leġiżlazzjoni nazzjonali tiġi interpretata b’mod konformi ma’ deċiżjoni qafas huwa, fil-fatt, il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Barra minn hekk, id-detenzjoni bil-għan tal-konsenja għandha tkun konformi mal-Artikolu 6 tal-Karta.

23      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk iż-żamma ta’ persuna taħt detenzjoni bil-għan tal-konsenja f’każ bħal dak ta’ TC tmurx kontra l-Artikolu 6 tal-Karta, b’mod partikolari kontra l-prinċipju ta’ ċertezza legali li dan jiggarantixxi.

24      Hija tippreċiża, f’dan ir-rigward, li l-ġurisprudenza tagħha dwar is-sospensjoni tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni hija limitata għaż-żewġ tipi ta’ sitwazzjonijiet imsemmija, li din hija ċara u konsistenti u li din hija ppubblikata. Dan jgħodd ukoll għall-ġurisprudenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam). Għalhekk, il-qorti tar-rinviju tqis li TC seta’ jipprevedi, jekk ikun meħtieġ wara li jikkonsulta mal-konsulent legali tiegħu, li ż-żamma taħt detenzjoni tiegħu bil-għan tal-konsenja tiegħu setgħet testendi lil hinn mit-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tiegħu.

25      Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis li d-detenzjoni bil-għan tal-konsenja f’każ bħal dak ta’ TC tmur kontra l-Artikolu 6 tal-Karta, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, barra minn hekk, jekk hija għandhiex tħalli inapplikat l-Artikolu 22(4) tal-OLW, inkwantu l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni twassal għal soluzzjoni kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni u interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li tkun konformi ma’ dan id-dritt ma hijiex għaldaqstant possibbli, u jekk tali approċċ ma huwiex huwa stess kuntrarju għall-prinċipju ta’ ċertezza legali.

26      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rechtbank Amsterdam (il-Qorti Distrettwali ta’ Amsterdam) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Fil-każ fejn:

–        l-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni ttraspona l-Artikolu 17 tad-[Deċiżjoni Qafas 2002/584] fis-sens li d-detenzjoni intiża għall-konsenja tal-persuna rikjesta għandha dejjem tiġi sospiża malli jgħaddi l-perijodu ta’ 90 jum mogħti sabiex tingħata deċiżjoni definittiva dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew, u

–        l-awtoritajiet ġudizzjarji ta’ dan l-Istat Membru interpretaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-sens li l-perijodu għal deċiżjoni huwa sospiż malli l-awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni tiddeċiedi li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari ppreżentata minn awtorità ġudizzjarja tal-eżekuzzjoni oħra, jew ukoll li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti fl-Istat Membru emittenti,

iż-żamma tad-detenzjoni intiża għall-konsenja ta’ persuna rikjesta li hemm riskju li taħrab, għal perijodu li jaqbeż id-90 jum mill-arrest ta’ din il-persuna, tmur kontra l-Artikolu 6 tal-[Karta]?”

 Fuq il-proċedura b’urġenza

27      Il-qorti tar-rinviju talbet li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

28      Insostenn tat-talba tagħha, din il-qorti invokat il-fatt li TC kien taħt detenzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi fuq il-bażi biss tal-mandat ta’ arrest Ewropew inkwistjoni, maħruġ mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq bil-għan li jitressqu proċeduri kriminali kontrih. Skont il-qorti tar-rinviju, hija ma setgħetx tiddeċiedi fuq it-talba għas-sospensjoni tal-miżura ta’ detenzjoni li TC kien is-suġġett tagħha qabel ma l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi fuq it-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari. Hija kienet tqis, għalhekk, li t-terminu li fih tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja jkollu effett dirett u deċiżiv fuq it-tul tad-detenzjoni ta’ TC.

29      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fl-ewwel lok, li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li taqa’ taħt l-oqsma koperti mit-Titolu V tat-Tielet Parti tat-Trattat FUE, dwar l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Għaldaqstant, dan ir-rinviju jista’ jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

30      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kriterju relatat mal-urġenza, huwa neċessarju, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-persuna kkonċernata kienet imċaħħda mil-libertà u li ż-żamma f’detenzjoni tagħha tiddependi mis-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-persuna kkonċernata għandha tiġi evalwata skont kif tkun fis-seħħ fid-data tal-eżami tat-talba intiża sabiex ir-rinviju preliminari jiġi suġġett għall-proċedura b’urġenza (sentenza tad‑19 ta’ Settembru 2018, RO, C‑327/18 PPU, EU:C:2018:733, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku, minn naħa, li f’din id-data TC kien f’detenzjoni u, min-naħa l-oħra, li ż-żamma tiegħu f’dik is-sitwazzjoni kienet tiddependi fuq id-deċiżjoni li kellha tittieħed rigward it-talba tiegħu għas-sospensjoni ta’ din il-miżura ta’ detenzjoni, talba li fir-rigward tagħha kien ġie deċiż li jiġu sospiżi l-proċeduri sakemm tingħata r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja, b’mod partikolari, f’din il-kawża.

32      F’dawn iċ-ċirkustanzi, fid‑9 ta’ Awwissu 2018, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tilqa’ t-talba tal-qorti tar-rinviju intiża sabiex dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jkun suġġett għall-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

33      It-tielet nett, fid‑9 ta’ Ottubru 2018, il-qorti tar-rinviju informat lill-Qorti tal-Ġustizzja li, l-ġurnata ta’ qabel, hija kienet ordnat is-sospensjoni, suġġetta għal kundizzjonijiet, tal-miżura ta’ detenzjoni li TC kien is-suġġett tagħha, mit‑8 ta’ Ottubru 2018 sakemm tingħata d-deċiżjoni dwar il-konsenja tiegħu lir-Renju Unit. Fil-fatt, skont il-kalkoli ta’ din il-qorti, it-terminu ta’ 90 jum għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni kien jiskadi, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-perijodu li matulu dan it-terminu kien ġie sospiż, fit‑8 ta’ Ottubru 2018.

34      Barra minn hekk, peress li l-Openbaar Ministerie (il-Prosekutur Pubbliku, il-Pajjiżi l-Baxxi) kien appella mid-deċiżjoni tal-qorti tar-rinviju tat‑8 ta’ Ottubru 2018, il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) informat lill-Qorti tal-Ġustizzja, fit‑12 ta’ Novembru 2018, li hija kienet issospendiet din il-proċedura ta’ appell sakemm tingħata din is-sentenza.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-urġenza f’din il-kawża ma baqgħetx tapplika mit‑8 ta’ Ottubru 2018 u li, għaldaqstant, ma kienx għad hemm lok li din tkompli tiġi ttrattata skont il-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari.

 Fuq id-domanda preliminari

36      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li d-domanda magħmula hija bbażata fuq il-premessi, l-ewwel nett, li proċedura ta’ konsenja, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tista’ ddum iktar minn 90 jum, b’mod partikolari f’waħda mis-sitwazzjonijiet li huma s-suġġett tad-domanda magħmula, it-tieni nett, li l-obbligu li tiġi sospiża l-miżura ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija, fi kwalunkwe każ, hekk kif ikun għadda t-terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, kif impost mill-Artikolu 22(4) tal-OLW, huwa inkompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, it-tielet nett, li kemm l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) huma intiżi sabiex tiġi stabbilita mill-ġdid il-konformità tal-qafas ġuridiku nazzjonali ma’ din id-deċiżjoni qafas u, ir-raba’ nett, li l-imsemmija interpretazzjonijiet ma wasslux, sal-lum, minkejja l-bażijiet ġuridiċi distinti tagħhom, għal deċiżjonijiet diverġenti. Barra minn hekk, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 25 ta’ din is-sentenza, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk hija għandhiex, jekk ikun meħtieġ, tħalli inapplikata l-imsemmija dispożizzjoni nazzjonali.

37      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilita fl-Artikolu 267 TFUE, huwa l-kompitu ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha tiddeċiedi l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula. Il-fatt li qorti nazzjonali fasslet, formalment, domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi lil dik il-qorti bil-punti kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, indipendentement minn jekk għamlitx riferiment għalihom jew le meta għamlet id-domandi tagħha. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tal-kawża (sentenza tas‑27 ta’ Ġunju 2017, Congregación de Escuelas Pías Provincia Betania, C‑74/16, EU:C:2017:496, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      F’dan il-każ, peress li fit‑8 ta’ Ottubru 2018 il-qorti tar-rinviju ddeċidiet li tissospendi l-miżura ta’ detenzjoni ta’ TC u l-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) ma bidlitx din id-deċiżjoni, ma hemmx lok li tiġi indirizzata l-kwistjoni mqajma fil-motivi tad-deċiżjoni tar-rinviju, dwar l-inapplikazzjoni eventwali tal-Artikolu 22(4) tal-OLW. Madankollu, sabiex il-qorti tar-rinviju tingħata elementi ta’ interpretazzjoni utli għas-soluzzjoni tal-kawża quddiemha, id-domanda magħmula għandha tiġi fformulata mill-ġdid u r-risposta għaliha għandha tingħata b’teħid inkunsiderazzjoni tal-premessi stabbiliti fil-punt 36 ta’ din is-sentenza.

39      Minn dan jirriżulta li hemm lok li jitqies li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi, minn naħa, jekk id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien ta’ persuna mfittxija u arrestata bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif ikun għadda terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, meta jkun hemm riskju kbir ħafna li din il-persuna taħrab, li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati, u, min-naħa l-oħra, jekk l-Artikolu 6 tal-Karta għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti ż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija lil hinn minn dan it-terminu ta’ 90 jum, abbażi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li dan it-terminu huwa sospiż meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi jew li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra, jew li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba li jista’ jkun hemm, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti.

40      L-ewwel nett, f’dan ir-rigward għandu jitfakkar li d-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 1(1) u (2) tagħha moqrija fid-dawl tal-premessi 5 u 7 tagħha, għandha l-għan li tissostitwixxi s-sistema ta’ estradizzjoni multilaterali bbażata fuq il-Konvenzjoni Ewropea dwar l-Estradizzjoni, iffirmata f’Pariġi fit‑13 ta’ Diċembru 1957, b’sistema ta’ konsenja bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-persuni kkundannati jew issuspettati għall-finijiet tal-eżekuzzjoni ta’ sentenzi jew tat-tressiq ta’ proċeduri kriminali, liema sistema hija bbażata fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

41      B’hekk, permezz tal-introduzzjoni ta’ sistema ġdida ssimplifikata u iktar effettiva ta’ konsenja tal-persuni kkundannati jew issuspettati li kisru l-liġi kriminali, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 hija intiża li tiffaċilita u li tħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja bil-għan li tikkontribwixxi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti lill-Unjoni li ssir spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, billi tibbaża ruħha fuq il-livell għoli ta’ fiduċja li għandu jkun hemm bejn l-Istati Membri (sentenza tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Dan il-għan li titħaffef il-kooperazzjoni ġudizzjarja huwa preżenti b’mod partikolari, fit-termini għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew. F’dan ir-rigward, hekk kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikoli 15 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandhom jiġu interpretati bħala li jeħtieġu li d-deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha tittieħed, bħala prinċipju, f’dawn it-termini, li l-importanza tagħhom hija barra minn hekk espressa f’diversi dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni qafas (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 29 u 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, l-evalwazzjoni, mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni li għandha tiddeċiedi dwar il-konsenja tal-persuna li hija s-suġġett ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, tal-eżistenza ta’ riskju reali li din il-persuna tissubixxi, fil-każ ta’ konsenja lill-awtorità ġudizzjarja emittenti, trattament inuman jew degradanti, fis-sens tal-Artikolu 4 tal-Karta, jew ksur tad-dritt fundamentali tagħha għal qorti indipendenti u, għaldaqstant, tal-kontenut essenzjali tad-dritt fundamentali tagħha għal smigħ xieraq, iggarantit mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, skont l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ April 2016, Aranyosi u Căldăraru, C‑404/15 u C‑659/15 PPU, EU:C:2016:198, punti 83 u 88, u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑25 ta’ Lulju 2018, Minister for Justice and Equality (Nuqqasijiet tas-sistema ġudizzjarja), C‑216/18 PPU, EU:C:2018:586, punti 59 u 60 u l-ġurisprudenza ċċitata), tista’ twassal sabiex it-tul tal-proċedura ta’ konsenja jaqbeż terminu ta’ 90 jum, hekk kif tindika ġustament il-qorti tar-rinviju. Hemm riskju li l-istess jiġri fir-rigward tat-terminu addizzjonali marbut mas-sospensjoni tal-proċeduri sakemm tingħata deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja b’risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni, abbażi tal-Artikolu 267 TFUE.

44      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi dwar jekk għandhiex iżżomm persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew f’detenzjoni, skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni. Dan l-artikolu jippreċiża wkoll li l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna jista’ jsir fi kwalunkwe ħin, skont id-dritt dan l-Istat Membru, bil-kundizzjoni li l-awtorità kompetenti tal-imsemmi Stat tieħu kull miżura li hija tqis meħtieġa sabiex tipprevjeni li l-imsemmija persuna taħrab.

45      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li dan l-artikolu ma jipprevedix, b’mod ġenerali, li ż-żamma f’detenzjoni tal-persuna mfittxija tista’ tkun prevista biss f’limiti ta’ żmien preċiżi u lanqas, b’mod partikolari, li din tkun eskluża wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tal-istess deċiżjoni qafas (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 44).

46      Bl-istess mod, minkejja li l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jammetti l-possibbiltà, taħt ċerti kundizzjonijiet, ta’ ħelsien provviżorju tal-persuna arrestata fuq il-bażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, la din id-dispożizzjoni u lanqas dispożizzjoni oħra ta’ din id-deċiżjoni qafas ma tipprevedi li, wara l-iskadenza tat-termini previsti fl-Artikolu 17 tagħha, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tkun obbligata tipproċedi għal tali ħelsien provviżorju jew, a fortiori, għal ħelsien pur u sempliċi ta’ din il-persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punti 45 u 46).

47      Fil-fatt, peress li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għandha titkompla wkoll wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien provviżorju jew, a fortiori, ta’ ħelsien pur u sempliċi ta’ din il-persuna wara l-iskadenza ta’ dawn it-termini jew meta t-tul totali tal-perijodu ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija jeċċedi l-imsemmija termini jista’ jillimita l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita minn din id-deċiżjoni qafas u, b’hekk, ikun ta’ ostakolu biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnha (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 50).

48      Għaldaqstant, jekk l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi li twaqqaf id-detenzjoni tal-persuna mfittxija, hija għandha għalhekk, skont l-Artikoli 12 u 17(5) ta’ din id-deċiżjoni qafas, tissuġġetta l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna għal kwalunkwe miżura li hija tqis neċessarja sabiex jiġi evitat li din il-persuna taħrab u sabiex tiżgura ruħha li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti sakemm tingħata deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 61).

49      Minn dan isegwi li, meta jkun hemm, hekk kif tindika f’dan il-każ il-qorti tar-rinviju, riskju kbir ħafna ta’ ħarba li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati, li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tal-persuna mfittxija jibqgħu ssodisfatti, il-ħelsien provviżorju tagħha jista’ jippreġudika l-effettività tas-sistema ta’ konsenja stabbilita mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u, għaldaqstant, ikun ta’ ostakolu biex jintlaħqu l-għanijiet imfittxija minnha, peress li ma jkunx hemm iktar garanzija li dawn il-kundizzjonijiet materjali jibqgħu ssodisfatti.

50      Minn dan jirriżulta li l-obbligu, skont l-Artikolu 22(4) tal-OLW, ta’ sospensjoni, f’kull każ, tal-miżura ta’ detenzjoni li l-persuna mfittxija kienet is-suġġett tagħha bil-għan tal-konsenja tagħha, meta jkun għadda terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, huwa inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, hekk kif barra minn hekk tosserva l-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari.

51      Fit-tielet lok, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali magħmula mill-qorti tar-rinviju ma tidhirx li hija ta’ natura li tirrimedja għal din l-inkompatibbiltà fiċ-ċirkustanzi kollha, peress li, hekk kif jirriżulta mill-punt 33 ta’ din is-sentenza, f’dan il-każ, minkejja l-fatt li hija kienet espressament qieset, fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li kien hemm riskju kbir ħafna li TC jaħrab li ma setax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tiegħu jibqgħu ssodisfatti, il-qorti tar-rinviju ordnat is-sospensjoni, taħt kundizzjonijiet, tal-miżura ta’ detenzjoni li TC kien is-suġġett tagħha b’effett mit‑8 ta’ Ottubru 2018, peress li, skont il-kalkoli tagħha, it-terminu ta’ 90 jum għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni kien jiskadi f’din id-data, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-perjodu ta’ sospensjoni ta’ dan it-terminu.

52      Sussegwentement, filwaqt li l-ġurisprudenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) tista’ wkoll twassal għall-ħelsien provviżorju ta’ persuna mfittxija, minkejja l-fatt li jkun hemm riskju kbir ħafna li din taħrab li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tagħha jibqgħu ssodisfatti, din il-ġurisprudenza lanqas ma tippermetti li l-Artikolu 22(4) tal-OLW jiġi interpretat b’mod li jkun kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

53      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, fi kwalunkwe każ, kull sospensjoni tat-terminu għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni finali dwar l-eżekuzzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew tista’ tiġi aċċettata biss jekk jiġi osservat l-obbligu ta’ għoti ta’ informazzjoni impost fuq l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni b’mod partikolari mill-Artikolu 17(4) u (7) ta’ din id-deċiżjoni qafas.

54      Fir-raba’ lok, għandu jitfakkar li, l-Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 jipprevedi espressament li din ma għandhiex ikollha l-effett li timmodifika l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali, kif stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u riflessi fil-Karta, obbligu li, barra minn hekk, jirrigwarda lill-Istati Membri kollha, b’mod partikolari, kemm lill-Istat Membru emittenti kif ukoll lil dak ta’ eżekuzzjoni (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

55      L-Artikolu 12 ta’ din id-deċiżjoni qafas għandu, għalhekk, jiġi interpretat konformement mal-Artikolu 6 tal-Karta, li jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt għal-libertà u għas-sigurtà. (sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 54).

56      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 52(1) tal-Karta jaċċetta li jistgħu jsiru xi limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt, sakemm dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti mil-liġi, josservaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u libertajiet u, fl-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu meħtieġa u jissodisfaw effettivament għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor (sentenzi tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan, C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37).

57      Issa, sa fejn il-Karta tinkludi drittijiet li jikkorrispondu għad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, l-Artikolu 52(3) tal-Karta huwa maħsub sabiex jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fil-Karta u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB, u dan mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni u tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-Artikolu 5(1) tal-KEDB għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 6 tal-Karta, bħala limitu ta’ protezzjoni minima (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 37, u tal‑14 ta’ Settembru 2017, K., C‑18/16, EU:C:2017:680, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar l-Artikolu 5 tal-KEDB jirriżulta li l-fatt li kull ċaħda ta’ libertà għandha tkun legali mhux biss jimplika li din għandha jkollha bażi fid-dritt nazzjonali, iżda wkoll li dan tal-aħħar għandu jkun suffiċjentement aċċessibbli, preċiż u prevedibbli fl-applikazzjoni tiegħu sabiex jiġi evitat kull riskju ta’ arbitrarjetà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Barra minn hekk, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-garanziji mogħtija lil-libertà, kif stabbiliti kemm fl-Artikolu 6 tal-Karta kif ukoll fl-Artikolu 5 tal-KEDB, huwa b’mod partikolari kkostitwit mill-protezzjoni tal-individwu kontra l-arbitrarjetà. Għalhekk, sabiex tikkonforma ma’ dan l-għan, l-implimentazzjoni ta’ miżura ta’ ċaħda tal-libertà timplika, b’mod partikolari, li din tkun nieqsa minn kwalunkwe element ta’ mala fide jew ta’ qerq min-naħa tal-awtoritajiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 39).

60      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, peress li ż-żamma taħt detenzjoni ta’ persuna mfittxija lil hinn minn terminu ta’ 90 jum tippreġudika serjament id-dritt għal-libertà ta’ din tal-aħħar, din iż-żamma taħt detenzjoni hija suġġetta għall-osservanza ta’ garanziji stretti, jiġifieri l-eżistenza ta’ bażi legali li tiġġustifikaha, fejn din il-bażi legali għandha tissodisfa r-rekwiżiti ta’ ċarezza, ta’ prevedibbiltà u ta’ aċċessibbiltà sabiex jiġi evitat kwalunkwe riskju ta’ arbitrarjetà, hekk kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑15 ta’ Marzu 2017, Al Chodor, C‑528/15, EU:C:2017:213, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-każ, huwa paċifiku li l-OLW tikkostitwixxi l-bażi legali, fl-ordinament ġuridiku tal-Pajjiżi l-Baxxi, tal-miżura ta’ detenzjoni msemmija fl-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali, dik tal-Unjoni u l-ġurisprudenza f’dan il-qasam huma liberament aċċessibbli u li ma hemm xejn li jissuġġerixxi li din il-leġiżlazzjoni nazzjonali tkun applikata b’mod arbitrarju. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat biss jekk din il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandhiex il-karatteristiċi ta’ ċarezza u ta’ prevedibbiltà meħtieġa fir-rigward tar-regoli relatati mat-tul tad-detenzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ persuna, bħal TC, sakemm issir il-konsenja tagħha fil-kuntest tal-eżekuzzjoni ta’ mandat ta’ arrest Ewropew.

62      F’dan ir-rigward, qabel kollox, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, meta persuna tiġi arrestata abbażi ta’ mandat ta’ arrest Ewropew, l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni għandha tiddeċiedi jekk din il-persuna għandhiex tinżamm taħt detenzjoni skont id-dritt tal-Istat Membru ta’ eżekuzzjoni u li l-ħelsien provviżorju ta’ din il-persuna huwa possibbli biss jekk l-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tieħu l-miżuri kollha li hija tqis meħtieġa sabiex tevita li din il-persuna taħrab.

63      Hekk kif jirriżulta mill-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, imfakkra fil-punti 54 u 55 iktar ’il fuq, jirriżulta li, meta jkun hemm riskju kbir ħafna ta’ ħarba li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati, li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva tal-persuna mfittxija jibqgħu ssodisfatti, hekk kif tqis il-qorti tar-rinviju f’dan il-każ, il-ħelsien tagħha, anki jekk biss b’mod provviżorju, minħabba s-sempliċi fatt li jkun għadda terminu ta’ 90 jum mid-data tal-arrest tagħha, ma huwiex kompatibbli mal-obbligi li jirriżultaw mid-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

64      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat ukoll, fil-punti 57 sa 59 tas-sentenza tas‑16 ta’ Lulju 2015, Lanigan (C‑237/15 PPU, EU:C:2015:474), il-kundizzjonijiet li għandha tissodisfa l-estensjoni tad-detenzjoni tal-persuna mfittxija lil hinn mit-termini stabbiliti fl-Artikolu 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u sal-konsenja effettiva ta’ din il-persuna.

65      Minn dan isegwi li d-dritt tal-Unjoni, hekk kif interpretat minn din is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jistabbilixxi regoli ċari u prevedibbli relatati mat-tul tad-detenzjoni ta’ persuna mfittxija.

66      Sussegwentement, huwa paċifiku li l-Artikolu 22(4) tal-OLW jistabbilixxi, huwa wkoll, regola ċara u prevedibbli, inkwantu din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-miżura ta’ detenzjoni tal-persuna mfittxija hija, bħala prinċipju, ipso facto sospiża sempliċement bħala riżultat tal-iskadenza ta’ terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha. Issa, fil-punti 49 u 50 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 tipprekludi tali sistema.

67      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li n-natura vinkolanti ta’ deċiżjoni qafas twassal sabiex, fir-rigward tal-awtoritajiet nazzjonali, inklużi l-qrati nazzjonali, ikun hemm obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali. Meta japplikaw id-dritt nazzjonali, dawn il-qrati, li huma mitluba jinterpretawh, għandhom jagħmlu dan, sa fejn huwa possibbli, fid-dawl tat-test u tal-għan tad-deċiżjoni qafas sabiex jintlaħaq ir-riżultat intiż minnha. Dan l-obbligu ta’ interpretazzjoni konformi tad-dritt nazzjonali huwa fil-fatt inerenti fis-sistema tat-Trattat FUE għaliex dan jippermetti lill-qrati nazzjonali jiżguraw, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħhom, l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni meta dawn jiddeċiedu t-tilwimiet li jkunu aditi bihom (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      B’mod partikolari, il-prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi jeżiġi li l-qrati nazzjonali jagħmlu dak kollu li jinsab fil-kompetenza tagħhom, billi jieħdu inkunsiderazzjoni d-dritt nazzjonali kollu u billi japplikaw metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minn dan id-dritt, sabiex tiġi ggarantita l-effettività sħiħa tad-deċiżjoni qafas inkwistjoni u sabiex tinstab soluzzjoni konformi mal-għan imfittex minnha (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2017, Popławski, C‑579/15, EU:C:2017:503, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

69      Minn dan jirriżulta li, f’dan il-każ, kien ukoll ċar u prevedibbli, u dan sa minn ħafna qabel it-tressiq tal-proċeduri fil-kawża prinċipali, li l-qorti tar-rinviju kif ukoll il-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) kellhom l-obbligu jagħmlu dak kollu li jaqa’ taħt il-kompetenza tagħhom sabiex jiggarantixxu l-effettività sħiħa tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, billi jinterpretaw l-Artikolu 22(4) tal-OLW, u l-obbligu ta’ ħelsien provviżorju li din id-dispożizzjoni tipprevedi, b’mod konformi mal-għan imfittex minn din id-deċiżjoni qafas.

70      Madankollu, fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza ġie kkonstatat li l-interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali adottati mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) bil-għan li tiġi żgurata l-konformità tagħha ma’ din id-deċiżjoni qafas ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti ta’ din tal-aħħar. B’mod partikolari, dik adottata mill-qorti tar-rinviju ma ppermettiex li jiġi żgurat, f’dan il-każ, il-konformità tal-Artikolu 22(4) tal-OLW mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584.

71      Fl-aħħar nett, f’dak li jirrigwarda ċ-ċirkustanzi enfasizzati mill-qorti tar-rinviju fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, li skonthom kemm l-interpretazzjoni tagħha tal-Artikolu 22(4) tal-OLW kif ukoll il-ġurisprudenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) huma, l-ewwel nett, ċari u prevedibbli, sussegwentement, ibbażati fuq raġunamenti ġuridiċi diverġenti u, fl-aħħar nett, għalkemm dan ma kienx għadu seħħ, jistgħu jwasslu għal deċiżjonijiet diverġenti, għandu jitqies dan li ġej.

72      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 60 tal-konklużjonijiet tiegħu, peress li l-qorti tar-rinviju u l-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) ma jagħmlux riferiment, b’mod partikolari, għall-istess punt ta’ tluq għall-kalkolu tal-perijodu ta’ sospensjoni tat-terminu li fih dawn il-qrati għandhom jiddeċiedu dwar il-konsenja tal-persuna mfittxija, l-iskadenza tat-terminu ta’ 90 jum tista’ tvarja skont il-qorti kkonċernata u, għaldaqstant, twassal għal tul ta’ żamma taħt detenzjoni differenti.

73      Fil-fatt, filwaqt li, f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju ordnat is-sospensjoni tat-terminu ta’ 90 jum b’effett mill‑14 ta’ Ġunju 2018, hekk kif jirriżulta mill-punt 13 ta’ din is-sentenza, skont l-approċċ tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam), din is-sospensjoni kienet tidħol fis-seħħ fis‑17 ta’ Mejju 2018, peress li din il-qorti kienet tqis li tali sospensjoni tat-terminu għandha sseħħ mill-mument li fih il-Qorti tal-Ġustizzja tkun adita b’talba għal deċiżjoni preliminari li hija rilevanti għall-kawża prinċipali.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li dawn l-approċċi diverġenti jaqgħu taħt kuntest ġuridiku kkaratterizzat minn dispożizzjoni nazzjonali inkompatibbli mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, inkwantu, minn naħa, din tista’ twassal għall-ħelsien ta’ persuna mfittxija, minkejja riskju li din taħrab li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati, li jippermettu li jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet materjali neċessarji għall-konsenja effettiva ta’ din l-persuna jibqgħu ssodisfatti, u, min-naħa l-oħra, l-interpretazzjonijiet diverġenti ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali adottati mill-qrati nazzjonali bil-għan li tiġi żgurata l-konformità tagħha ma’ din id-deċiżjoni qafas ma jissodisfawx għal kollox ir-rekwiżiti ta’ din tal-aħħar.

75      Minn dan jirriżulta li, f’kawża bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, persuni arrestati fil-Pajjiżi l-Baxxi bil-għan tal-konsenja tagħhom, bħal TC, isibu ruħhom quddiem dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, jiġifieri l-Artikolu 22(4) tal-OLW, u tad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri l-Artikoli 12 u 17 tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, li huma inkompatibbli ma xulxin, kif ukoll quddiem diverġenza fil-ġurisprudenza nazzjonali dwar din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali bil-għan li tingħatalha interpretazzjoni konformi mad-dritt tal-Unjoni.

76      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li diverġenza eżistenti bejn l-interpretazzjoni adottata mill-qorti tar-rinviju u l-ġurisprudenza tal-Gerechtshof Amsterdam (il-Qorti tal-Appell ta’ Amsterdam) ma tippermettix li jiġi ddeterminat biċ-ċarezza u bil-prevedibbiltà meħtieġa mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hekk kif imfakkra fil-punti 59 u 60 ta’ din is-sentenza, it-tul taż-żamma taħt detenzjoni, fil-Pajjiżi l-Baxxi, ta’ persuna mfittxija fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew maħruġ fir-rigward tagħha.

77      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li:

–        id-Deċiżjoni Qafas 2002/584 għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien ta’ persuna mfittxija u arrestata bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif ikun għadda terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, meta jkun hemm riskju kbir ħafna li din il-persuna taħrab, li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati, u li

–        l-Artikolu 6 tal-Karta għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti ż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija lil hinn minn dan it-terminu ta’ 90 jum, abbażi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li dan it-terminu huwa sospiż meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi jew li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja b’talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra, jew li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba li jista’ jkun hemm, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti, sa fejn din il-ġurisprudenza ma tiżgurax il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tinvolvi diverġenzi li jistgħu jwasslu għal tul ta’ żamma taħt detenzjoni differenti.

 Fuq l-ispejjeż

78      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI tat13 ta’ Ġunju 2002 dwar il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi obbligu ġenerali u inkundizzjonat ta’ ħelsien ta’ persuna mfittxija u arrestata bis-saħħa ta’ mandat ta’ arrest Ewropew hekk kif ikun għadda terminu ta’ 90 jum mill-arrest tagħha, meta jkun hemm riskju kbir ħafna li din il-persuna taħrab, li ma jistax jitnaqqas għal livell aċċettabbli permezz tal-impożizzjoni ta’ miżuri adegwati.

L-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tippermetti ż-żamma taħt detenzjoni tal-persuna mfittxija lil hinn minn dan it-terminu ta’ 90 jum, abbażi ta’ interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali li tipprovdi li dan it-terminu huwa sospiż meta l-awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni tiddeċiedi jew li tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b’talba għal deċiżjoni preliminari, jew li tistenna r-risposta għal talba għal deċiżjoni preliminari mressqa minn awtorità ġudizzjarja ta’ eżekuzzjoni oħra, jew li tipposponi d-deċiżjoni dwar il-konsenja minħabba li jista’ jkun hemm, fl-Istat Membru emittenti, riskju reali ta’ kundizzjonijiet ta’ detenzjoni inumani jew degradanti, sa fejn din il-ġurisprudenza ma tiżgurax il-konformità ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali mad-Deċiżjoni Qafas 2002/584 u tinvolvi diverġenzi li jistgħu jwasslu għal tul ta’ żamma taħt detenzjoni differenti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.