Language of document :

Rikors ippreżentat fil-25 ta’ Jannar 2019 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Portugiża

(Kawża C-49/19)

Lingwa tal-kawża: il-Portugiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: P. Costa de Oliveira u L. Nicolae, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Portugiża

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tiddikjara li, billi stabbilixxiet kontribuzzjoni straordinarja għat-tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali mill-2007 sal-bidu tal-provvista tas-servizz universali mill-persuna li tipprovdi jew persuni li jipprovdu servizzi li jkunu ser jintgħażlu bis-saħħa tal-Artikolu 99(3) tal-Lei n.o 5/2004 (il-Liġi Nru 5/2004), kif inhu previst fl-Artikoli 17 u 18 tal-Lei n.o 35/2012, relativa ao Fundo de Compensação (il-Liġi Nru 35/2012 dwar il-Fond ta’ Kumpens), ir-Repubblika Portugiża ma naqqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 13(3) u l-parti B tal-Anness IV tad-Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) 1 ;

tikkundanna lir-Repubblika Portugiża għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Skont l-Artikolu 13(3) u l-parti B tal-Anness IV tad-Direttiva Servizz Universali, ikkunsidrati flimkien, kwalunkwe mekkaniżmu ta’ tqassim tal-ispiża netta tal-obbligi ta’ servizz universali għall-operaturi ta’ netwerks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi għandu josserva l-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ distorsjoni minima tas-suq, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità.

Il-Liġi Portugiża Nru 35/2012 tistabbilixxi l-fond ta’ kumpens tas-servizz universali ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi intiż li jiffinanzja l-ispejjeż netti li jirriżultaw mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz universali u li jiggarantixxi t-tqassim ta’ dawn l-ispejjeż bejn l-impriżi li għandhom l-obbligu li jikkontribwixxu.

Skont l-Artikolu 6 ta’ din il-liġi, il-fond ta’ kumpens huwa intiż għall-finanzjament tal-ispejjeż netti tas-servizz universali ddeterminati fil-kuntest tas-sejħiet għal offerti li għalihom jirreferi l-Artikolu 99(3) tal-Liġi Nru 5/2004 tal-10 ta’ Frar, u li huma meqjusa eċċessivi mill-ICP-ANACOM. Minbarra dan, il-fond huwa intiż għall-finanzjament tal-ispejjeż netti tas-servizz universali li jirriżultaw sal-bidu tal-provvista ta’ servizz universali mill-persuna li tipprovdi jew mill-persuni li jipprovdu servizz li jkunu ser jintgħażlu bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjoni, permezz tal-ħolqien ta’ kontribuzzjoni straordinarja imposta fuq l-impriżi obbligati jikkontribwixxu fir-rigward ta’ kull waħda mis-snin 2013, 2014 u 2015.

Il-Kummissjoni tqis li billi timponi kontribuzzjoni straordinarja intiża sabiex tkopri l-ispejjeż tas-servizz universali li jirriżultaw fil-perijodu li jippreċedi l-adozzjoni tal-Liġi Nru 35/2012, ir-Repubblika Portugiża ma tosservax il-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ distorsjoni minima tas-suq, ta’ nondiskriminazzjoni u ta’ proporzjonalità, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 13(3) u mill-parti B tal-Anness IV tad-Direttiva Servizz Universali.

____________

1     Direttiva 2002/22/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar servizz universali u d-drittijiet ta’ l-utenti li jirrelataw ma’ networks u servizzi ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi (Direttiva Servizz Universali) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 367).