Language of document : ECLI:EU:C:2013:160

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

14 ta’ Marzu 2013 (*)

“Kompetizzjoni – Artikolu 101(1) TFUE – Applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali simili – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Atti ta’ ftehim bilaterali bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u persuni li jsewwu l-karozzi marbuta mar-rati ta’ kull siegħa għat-tiswija – Rati miżjuda skont in-numru ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni konklużi bil-ħila ta’ dawk il-persuni li jsewwu waqt li jaġixxu bħala intermedjarji tal-kumpannija tal-assigurazzjoni – Kunċett ta’ ‛ftehim li għandu l-għan tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni’”

Fil-Kawża C‑32/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Magyar Köztársaság Legfelsőbb Bírósága (L-Ungerija), permezz ta’ deċiżjoni tat-13 ta’ Ottubru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Jannar 2011, fil-proċedura

Allianz Hungária Biztosító Zrt.,

Generali-Providencia Biztosító Zrt.,

Gépjármű Márkakereskedők Országos Szövetsége,

Magyar Peugeot Márkakereskedők Biztosítási Alkusz Kft,

Paragon-Alkusz Zrt., aventi kawża ta’ Magyar Opelkereskedők Bróker Kft

vs

Gazdasági Versenyhivatal,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn A. Tizzano, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), A. Borg Barthet, M. Safjan u M. Berger, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: P. Cruz Villalón,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-7 ta’ Ġunju 2012,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Allianz Hungária Biztosító Zrt., minn Z. Hegymegi-Barakonyi u P. Vörös, ügyvédek,

–        għal Generali-Providencia Biztosító Zrt., minn G. Fejes u L. Scheuer-Szabó, ügyvédek,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehrér, K. Szíjjártó u K. Molnár, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn V. Bottka, L. Malferrari u M. Kellerbauer, bħala aġenti,

–        għall-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA, minn X. Lewis u M. Schneider, bħala aġenti

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-25 ta’ Ottubru 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101(1) TFUE.

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn il-kumpanniji Allianz Hungária Biztosító Zrt. (iktar ’il quddiem “Allianz”), Generali-Providencia Biztosító Zrt. (iktar ’il quddiem “Generali”), Magyar Peugeot Márkakereskedők Biztosítási Alkusz Kft (iktar ’il quddiem “Peugeot Márkakereskedők”) u Paragon-Alkusz Zrt., aventi kawża ta’ Magyar Opelkereskedők Bróker Kft, (iktar ’il quddiem “Opelkereskedők”) u l-assoċjazzjoni Gépjármű Márkakereskedők Országos Szövetsége (iktar ’il quddiem “GÉMOSZ”), minn naħa, u Gazdasági Versenyhivatal (l-uffiċċju tal-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GVH”), min-naħa l-oħra, dwar deċiżjoni meħuda minn dan tal-aħħar li timponi multi fuq dawn l-impriżi kif ukoll fuq Porsche Biztosítási Alkusz Kft (iktar ’il quddiem “Porsche Biztosítási”) peress li kkonkludew numru ta’ atti ta’ ftehim bi skopijiet antikompetittivi (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Ungeriża

3        Il-preambolu tal-liġi Nru LVII. tal-1996 li tipprojbixxi prattiki kummerċjali inġusti jew li jirrestrinġu l-kompetizzjoni (A tisztességtelen piaci magatartás és a versenykorlátozás tilalmáról szóló 1996. évi LVII. Törvény, iktar ’il quddiem it-“Tpvt”) jiddikjara:

“L-interess pubbliku fiż-żamma tal-kompetizzjoni fis-suq, li twassal għall-effikaċja ekonomika u l-iżvilupp soċjali, kif ukoll l-interess tal-konsumaturi u tal-impriżi li josservaw l-eżiġenzi tal-lealtà kummerċjali, jirrikjedu li l-Istat jiżgura l-kompetizzjoni ekonomika effettiva u libera permezz ta’ regolamentazzjoni legali. Dan jirrikjedi l-adozzjoni ta’ regoli fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni li jipprekludu l-prattiki tas-suq li jmorru kontra l-eżiġenzi tal-kompetizzjoni leali jew li jirristrinġu l-kompetizzjoni ekonomika, li jwaqqfu l-konċentrazzjonijiet ta’ impriżi li jippreġudikaw il-kompetizzjoni, filwaqt li jiżguraw l-osservanza tal-kundizzjonijiet organizzazzjonali u proċedurali rikjesti. Sabiex jilħaq dawn l-għanijiet, il-Parlament – fid-dawl tal-eżiġenza tal-approssimazzjoni tar-regoli tal-Komunità Ewropea u tat-tradizzjonijiet tal-liġi Ungeriża dwar il-kompetizzjoni – qiegħed jadotta il-liġi segwenti [...]”.

4        It-Tpvt fil-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Projbizzjoni ta’ atti ta’ ftehim li jirrestrinġu l-kompetizzjoni”:

“1.      Huma pprojbiti kull ftehim bejn impriżi, kull prattika miftiehma u kull deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi, ta’ korpi ta’ dritt pubbliku, ta’ assoċjazzjonijiet u ta’ entitajiet simili oħrajn […] li għandhom l-għan jew li għandhom jew jista’ jkollhom effett li jipprevjenu, jirrestrinġu jew joħolqu distorsjoni fil-kompetizzjoni. Din id-definizzjoni ma tkoprix atti ta’ ftehim milħuqa bejn impriżi li ma humiex indipendenti waħda minn oħra.

2.       Il-projbizzjoni tapplika b’mod partikolari fir-rigward:

a) tal-iffissar dirett jew indirett tal-prezz tax-xiri jew tal-bejgħ jew ta’ kundizzjonijiet oħra tat-tranżazzjoni;

b) tal-limitazzjoni jew tal-kontroll tal-produzzjoni, id-distribuzzjoni, l-iżvilupp tekniku jew l-investimenti;

ċ) tal-kondiviżjoni tas-swieq tal-provvista, il-limitazzjoni tal-għażla tal-provvista u l-esklużjoni ta’ ċerti konsumaturi għax-xiri ta’ ċerti prodotti;

d) tad-diviżjoni tas-swieq, l-esklużjoni tal-bejgħ jew ir-restrizzjoni tal-għażla tal-metodi tal-bejgħ;

[imħassar]

f) tal-impendiment tad-dħul fis-suq;

ġ) ta’ każijiet fejn, it-tranżazzjonijiet ikollhom l-istess valur jew l-istess natura, u tkun teżisti diskriminazzjoni bejn il-partijiet kontraenti, partikolarment fl-applikazzjoni tal-prezz, tat-termini għall-ħlas, tal-kundizzjonijiet jew tal-metodi tal-bejgħ jew tax-xiri, li tpoġġi ċerti partijiet kontraenti fi żvantaġġ antikompetittiv;

h) tal-issuġġettar tal-konklużjoni tal-kuntratt għall-aċċettazzjoni ta’ obbligi li, la min-natura tagħhom, u lanqas skont l-użu kummerċjali, ma huma marbuta mal-għan ta’ tali kuntratti.”

5        Skont l-espożizzjoni tal-motivi tat-Tpvt, il-proposta tal-imsemmi Artikolu 11 kienet immotivata mill-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

“It-tibdiliet l-iktar sinjifikattivi u r-riperkussjonijiet ekonomiċi l-iktar importanti huma mistennija fil-qasam tad-dritt tal-akkordji. Ir-raġuni prinċipali għat-tibdil hija l-armonizzazzjoni tad-dritt. […] L-Artikolu 85 tat-Trattat KEE jistabbilixxi projbizzjoni ġenerali fir-rigward tal-akkordji u jipprekludi wkoll kemm l-akkordji orizzontali kif ukoll l-akkordji vertikali. […] Fil-qasam tal-akkordji, il-proposta tivvalida l-prinċipju tal-projbizzjoni – bħalma tagħmel il-liġi dwar is-swieq tal-kapitali u l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE. Dan ifisser li r-regolamentazzjoni tistabbilixxi l-prinċipju tal-projbizzjoni ġenerali tal-akkordji u s-sistema assoċjata miegħu tal-eċċezzjonijiet u d-derogi. […] L-Artikolu 11(1) tal-proposta ma tipprekludix biss, bħal-liġi dwar is-swieq kapitali, dak kollu li jirristrinġi jew jew jeskludi (jipprevjeni) il-kompetizzjoni, iżda wkoll, skont l-Artikolu 85 tat-Trattat KEE, dak kollu li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni. […] Barra l-projbizzjoni ġenerali tal-akkordji, il-prososta – ispirata mis-soluzzjoni regolamentarja applikata fil-liġi dwar is-swieq kapitali u fl-Artikolu 85 tat-Trattat KEE – tistabbilixxi lista mhux eżawrjenti ta’ eżempji tipiċi ta’ atti ta’ ftehim li jirristrinġu l-kompetizzjoni. Din l-enumerazzjoni hija ikbar minn dik li tinsab fil-liġi dwar is-swieq kapitali u hija simili għal-lista ta’ tipi ta’ akkordji li tinsab fl-Artikolu 85(1) tat-Trattat KEE.”

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

6        L-assiguraturi Ungeriżi, u partikolarment Allianz u Generali, darba fis-sena, flimkien mal-ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, kien jaqblu dwar kundizzjonijiet u tariffi applikabbli għas-servizzi ta’ tiswija li għandhom jitħallsu mill-assiguratur f’każ ta’ ħsara fil-vetturi assigurati. B’hekk dawn il-ħwienet tax-xogħol tat-tiswija setgħu jipproċedu direttament bit-tiswijiet skont il-kundizzjonijiet u t-tariffi maqbula mal-assiguratur.

7        Sa mill-aħħar tas-sena tal-2002, għadd ta’ bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta li joperaw ukoll bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija inkarigaw lil GÉMOSZ, l-assoċjazzjoni nazzjonali tal-bejjiegħa tal-karozzi tad-ditta, sabiex f’isimhom u annwalment tinnegozja mal-assiguraturi oqfsa ta’ ftehim relatati mar-rati ta’ kull siegħa għat-tiswija applikabbli għat-tiswija ta’ karozzi danneġġati.

8        Dawn il-bejjiegħa huma marbuta mal-assiguraturi minn żewġ lati. Minn naħa, huma jsewwu, f’każ ta’ ħsara, il-karozzi assigurati għall-interessi tal-assiguraturi u, min-naħa l-oħra, huma jintervjenu bħala intermedjarji għal dawn tal-aħħar billi joffru, fil-kwalità tagħhom ta’ mandatarji tas-sensara tal-assigurazzjoni proprji tagħhom jew ta’ sensara assoċjati, assigurazzjonijiet tal-karozzi lill-klijenti tagħhom fl-okkażjoni tal-bejgħ jew tat-tiswija tal-vetturi.

9        Matul is-snin 2004 u 2005, ġew konklużi oqfsa ta’ ftehim bejn GÉMOSZ u Allianz. Sussegwentement din tal-aħħar ikkonkludiet atti ta’ ftehim individwali mal-imsemmija bejjiegħa abbażi ta’ oqfsa ta’ ftehim. Dawn l-atti ta’ ftehim kienu jipprovdu li l-bejjiegħa għandhom jirċievu, għat-tiswija tal-vetturi danneġġati, tariffa miżjuda f’każ li l-assigurazzjonijiet tal-karozzi ta’ Allianz ikunu jirrappreżentaw ċertu perċentwal mill-assigurazzjonijiet mibjugħa mill-bejjiegħa.

10      Matul dan il-perijodu, Generali ma kkonkludietx oqfsa ta’ ftehim ma’ GÉMOSZ, iżda kkonkludiet atti ta’ ftehim individwali mal-bejjiegħa tagħha. Għalkemm dawn l-atti ta’ ftehim ma kinux jinkludu klawżoli bil-miktub dwar żieda tat-tariffi bħal dawk inklużi fl-atti ta’ ftehim ta’ Allianz, madankollu l-GVH ikkonstatat li, fil-prattika, Generali kienet tapplika inċentivi kummerċjali simili.

11      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata tagħha, il-GVH ikkonstatat li l-imsemmija atti ta’ ftehim kif ukoll atti oħra ta’ ftehim konklużi mill-ħames rikorrenti fil-kawża prinċipali u minn Porsche Biztosítási kienu inkompatibbli mal-Artikolu 11 tat-Tpvt. Dawk l-atti ta’ ftehim jistgħu jinġabru kif ġej:

–        atti ta’ ftehim ta’ natura orizzontali kkostitwiti minn tliet deċiżjonijiet meħuda minn GÉMOSZ matul il-perijodu ta’ bejn l-2003 u l-2005, deċiżjonijiet li jistabbilixxu “prezzijiet issuġġeriti” lill-bejjiegħa ta’ karozzi tad-ditta għat-tiswija ta’ vetturi u applikabbli għall-assiguraturi;

–        l-oqfsa ta’ ftehim konklużi matul is-snin 2004 u 2005 bejn GÉMOSZ u Allianz kif ukoll l-atti ta’ ftehim individwali konklużi matul dak l-istess perijodu bejn ċerti bejjiegħa ta’ karozzi tad-ditta u, Allianz u Generali rispettivament, li kienu jirrendu l-kwoti tar-rata ta’ kull siegħa għal servizzi ta’ tiswija dipendenti fuq ir-riżultat miksub fil-qasam tal-konklużjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni;

–        atti ta’ ftehim differenti konklużi bejn l-2000 u l-2005 rispettivament bejn, minn naħa, Allianz u Generali u, min-naħa l-oħra, Peugeot Márkakereskedők, Opelkereskedők u Porsche Biztosítási bħala sensara tal-assigurazzjoni, intiżi sabiex jinfluwenzaw il-prattika ta’ dawn tal-aħħar billi jiddeterminaw, partikolarment, numru jew perċentwal minimu ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni tal-karozzi li għandhom jinkisbu permezz ta’ sensarija matul perijodu speċifiku u billi jipprovdu għal remunerazzjoni tas-sensar li kienet tiskala skont in-numru ta’ kuntratti miksuba mill-assiguratur.

12      Il-GVH kkunsidrat li dan l-assjem ta’ atti ta’ ftehim, ikkunsidrati konġuntement kif ukoll individwalment, kellu l-għan li jirristrinġi l-kompetizzjoni fis-suq tal-kuntratti tal-assigurazzjoni tal-karozzi u fis-suq tas-servizzi tat-tiswija tal-karozzi. Il-GVH ikkunsidrat li, minħabba nuqqas ta’ inċidenza fuq il-kummerċ intra-Komunitarju, l-Artikolu 101 TFUE ma kienx applikabbli għal dawk l-atti ta’ ftehim u li l-illegalità ta’ dawn tal-aħħar għalhekk tirriżulta biss mid-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni. Minħabba din l-illegalità, il-GVH pprojbixxiet l-eżekuzzjoni tal-prattiki inkwistjoni u imponiet multi fl-ammont ta’ HUF 5 319 000 000 fil-konfront ta’ Allianz, ta’ HUF 1 046 000 000 fil-konfront ta’ Generali, ta’ HUF 360 000 000 fil-konfront ta’ GÉMOSZ, ta’ HUF 13 600 000 fil-konfront ta’ Peugeot Márkakereskedők u ta’ HUF 45 000 000 fil-konfront ta’ Opelkereskedők.

13      Wara rikors għal annullament ippreżentat mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Fővárosi Bíróság (qorti ta’ Budapest) irriformat id-deċiżjoni kkontestata b’mod parzjali, liema deċiżjoni, madankollu, ġiet ikkonfermata mill-ġdid fl-appell permezz tad-deċiżjoni tal-Fővárosi Ítélőtábla (qorti tal-appell ta’ Budapest).

14      Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw appell kontra din l-aħħar sentenza quddiem il-Legfelsőbb Bíróság (qorti ta’ kassazzjoni), fejn sostnew partikolarment li l-atti ta’ ftehim inkwistjoni ma kellhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni.

15      Il-Legfelsőbb Bíróság tosserva, fl-ewwel lok, li l-kliem tal-Artikolu 11(1) tat-Tpvt huwa kważi identiku għal dak tal-Artikolu 101(1) TFUE u li l-interpretazzjoni tal-imsemmi Artikolu 11 tat-Tpvt, li ser finalment tingħata fir-rigward tal-atti ta’ ftehim inkwistjoni, fil-futur ser tinċidi wkoll fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 101 TFUE f’dak l-Istat Membru. Din il-qorti tenfasizza, barra minn hekk, li jeżisti interess manifest li d-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti naxxenti mid-dritt tal-Unjoni jkunu suġġetti għal interpretazzjoni uniformi. Fit-tieni lok, il-Legfelsőbb Bíróság tikkonstata li l-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma tatx deċiżjoni fuq il-punt dwar jekk atti ta’ ftehim bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistgħux jiġu kklassifikati bħala “atti ta’ ftehim li għandhom, min-natura tagħhom, l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni”.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Legfelsőbb Bíróság iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Ftehim bilaterali milħuqa bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u ċerti kumpanniji li jsewwu l-karozzi jew bejn kumpannija tal-assigurazzjoni u assoċjazzjoni ta’ kumpanniji li jsewwu l-karozzi, li permezz tagħhom ir-rata għal kull siegħa ta’ xogħol ta’ tiswija mħallsa lil kumpannija li ssewwi l-karozzi mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ karozzi assigurati minn din tal-aħħar tiddependi, fost fatturi oħra, min-numru u mill-proporzjon tal-kuntratti ta’ assigurazzjoni sottoskritti minn din il-kumpannija tal-assigurazzjoni permezz tal-kumpannija li ssewwi l-karozzi, li jaġixxu bħala intermedjarji ta’ assigurazzjoni jistgħu jiġu kkunsidrati bħala li jiksru l-Artikolu 101(1) TFUE billi huma ftehim li għandhom l-għan ta’ prevenzjoni, restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern?”

 Fuq il-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

17      Allianz, Generali, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni Ewropea ikkunsidraw li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġursidizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda preliminari minkejja li l-Artikolu 101(1) TFUE ma huwiex applikabbli għall-kawża prinċipali minħabba n-nuqqas ta’ inċidenza tal-atti ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali fuq il-kummerċ intra-Komunitarju.

18      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dak il-punt waqt is-seduta minn Generali u mill-Gvern Ungeriż, tinvoka r-rabta partikolari li teżisti bejn l-Artikolu 101 TFUE u l-Artikolu 11 tat-Tpvt, li tirriżulta mhux biss mill-użu ta’ kunċetti identiċi, iżda wkoll mis-sistema ta’ applikazzjoni diċentralizzata tad-dritt tal-kompetizzjoni implementata bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205). Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju, jirriżulta li l-Legfelsőbb Bíróság sejra ssegwi l-orjentazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja u li hija ser tapplikaha b’mod uniformi kemm fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet purament interni kif ukoll fir-rigward ta’ sitwazzjonijiet li għalihom japplika simultanjament l-Artikolu 101 TFUE. Allianz issostni partikolarment li jeżisti interess tal-Unjoni li d-dispożizzjonijiet meħuda mid-dritt tal-Unjoni, bħall-Artikolu 11 tat-Tpvt, jingħataw interpretazzjoni uniformi.

19      F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, skont l-Artikolu 267 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi, b’mod preliminari, dwar l-interpretazzjoni tat-trattati kif ukoll tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, stabbilita permezz ta’ dan l-artikolu, huma biss il-qrati nazzjonali li għandhom jevalwaw, fir-rigward tal-partikolaritajiet ta’ kull kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex ikunu f’pożizzjoni li jagħtu d-deċiżjoni tagħhom, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, peress li d-domandi mressqa mill-qrati nazzjonali jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tiddeċiedi (ara s-sentenza tal-21 ta’ Diċembru 2011, Cicala, C‑482/10, Ġabra p. I‑14139, punti 15 u 16, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

20      B’applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja kemm-il darba ddikjarat li hija għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talbiet għal deċiżjoni preliminari li jirrigwardaw dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni f’sitwazzjonijiet fejn il-fatti fil-kawża prinċipali jkunu jinsabu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, iżda fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet ta’ dan id-dritt kienu saru applikabbli permezz tad-dritt nazzjonali li tikkonforma ruħha, minħabba s-soluzzjonijiet li toffri għal sitwazzjonijiet purament interni, ma’ dawk tad-dritt tal-Unjoni. Fil-fatt, f’tali każ, jeżisti interess ċert tal-Unjoni li, sabiex jiġu evitati differenzi fl-interpretazzjonijiet futuri, id-dispożizzjonijiet jew il-kunċetti meħuda mid-dritt tal-Unjoni jirċievu interpretazzjoni uniformi, ikunu xi jkunu l-kundizzjonijiet fejn ikollhom japplikaw (ara f’dan is-sens, partikolarment, is-sentenzi tat-18 ta’ Ottubru 1990, Dzodzi, C-297/88 u C-197/89, Ġabra p. I-3763, punt 37; tas-17 ta’ Lulju 1997, Leur-Bloem, C-28/95, Ġabra p. I-4161, punti 27 u 32; tal-11 ta’ Jannar 2001, Kofisa Italia, C-1/99, Ġabra p. I-207, punt 32; tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C-217/05, Ġabra p. I-11987, punt 19; tal-11 ta’ Diċembru 2007, ETI et, C-280/06, Ġabra p. I-10893, punt 21; tal-20 ta’ Mejju 2010, Modehuis A. Zwijnenburg, C‑352/08, Ġabra p. I‑4303, punt 33, kif ukoll tat-18 ta’ Ottubru 2012, Pelati, C‑603/10, punt 18).

21      Fir-rigward ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari, hemm lok li jiġi rrilevat li l-Artikolu 11(1) u (2) tat-Tpvt kien jirriproduċi b’mod fidil il-kontenut essenzjali tal-Artikolu 101(1) TFUE. Barra minn hekk, jirriżulta, b’mod ċar mill-preambolu kif ukoll mill-espożizzjoni tal-motivi tat-Tpvt li l-leġiżlatur Ungeriż xtaq jarmonizza d-dritt nazzjonali dwar il-kompetizzjoni ma’ dak tal-Unjoni u li, b’mod partikolari, l-imsemmi Artikolu 11(1), għandu l-għan li jipprojbixxi, “b’applikazzjoni tal-Artikolu 85 tat-Trattat KEE”, li sar l-Artikolu 101 TFUE, “dak kollu li jwassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni”. Huwa stabbilit ukoll li dan il-leġiżlatur iddeċieda li japplika trattament identiku għas-sitwazzjonijiet interni u għas-sitwazzjonijiet regolati mid-dritt tal-Unjoni.

22      Wara kollox, jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li l-Legfelsőbb Bíróság tikkunsidra li l-kunċetti li jinsabu fl-Artikolu 11(1) tat-Tpvt għandhom effettivament jingħataw l-istess interpretazzjoni bħall-kunċetti simili tal-Artikolu 101(1) TFUE u li hija marbuta f’dan ir-rigward bl-interpretazzjoni tal-imsemmija kunċetti mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja.

23      F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti risposta għad-domanda magħmula, li tirrigwarda l-Artikolu 101(1) TFUE, anki jekk dan tal-aħħar ma jirregolax direttament s-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

 Fuq l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari

24      Il-Gvern Ungeriż jikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari peress li l-fatti esposti mill-qorti tar-rinviju ma jinkludux l-elementi kollha neċessarji sabiex jippermettu lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domanda li tressqet quddiemha. Dan il-Gvern isostni b’mod partikolari li, sabiex jiġi evalwat jekk l-atti ta’ ftehim bilaterali msemmija fid-domanda preliminari kellhomx jew le l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, jeħtieġ li jittieħed kont mhux biss ta’ dawk l-atti ta’ ftehim, iżda tas-sistema sħiħa ta’ atti ta’ ftehim u tal-fatt li dawn tal-aħħar isaħħu lil xulxin b’mod reċiproku.

25      L-Awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA, mingħajr ma tinvoka l-inammissibbiltà tal-imsemmija talba, tosserva wkoll li l-qorti tar-rinviju ma tippreċiżax il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jeżistu l-atti ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali, b’tali mod li huwa diffiċli li tingħatalha risposta utli.

26      Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rifjut mill-Qorti tal-Ġustizzja ta’ talba mressqa minn qorti nazzjonali hija possibbli biss meta jkun jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha ebda konnessjoni mal-fatti jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew inkella meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi ta’ fatt u ta’ liġi neċessarji sabiex tirrispondi b’mod utli għad-domandi li jkunu sarulha (ara, b’mod partikolari, s-sentenzi tat-13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, Ġabra p. I-2099, punt 39; tal-5 ta’ Diċembru 2006, Cipolla et, C-94/04 u C-202/04, Ġabra p. I-11421, punt 25, kif ukoll tal-15 ta’ Novembru 2012, Bericap Záródástechnikai, C‑180/11, punt 58).

27      Fir-rigward, b’mod iktar partikolari, tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjoni tar-rinviju, din l-informazzjoni ma sservix biss sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposti utli lill-qorti tar-rinviju, iżda għandha wkoll tagħti lill-gvernijiet tal-Istati Membri, kif ukoll lill-partijiet l-oħra interessati, il-possibbiltà li jippreżentaw osservazzjonijiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għal dawn il-finijiet huwa neċessarju li l-qorti nazzjonali tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv li fih jidħlu d-domandi li hija tagħmel jew li, għall-inqas, tispjega s-sitwazzjonijiet fattwali li fuqhom dawn id-domandi huma bbażati (ara s-sentenza tas-16 ta’ Frar 2012, Varzim Sol, C-25/11 punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata).

28      Issa, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi deskrizzjoni suffiċjenti tal-kuntest ġuridiku u fattwali tal-kawża prinċipali, u l-indikazzjonijiet pprovduti mill-qorti tar-rinviju jippermettu li tiġi ddeterminata l-portata tad-domanda magħmula. L-imsemmija deċiżjoni għalhekk tat lill-partijiet ikkonċernati possibbiltà effettiva li jippreżentaw osservazzjonjiet skont l-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, kif barra minn hekk jixhed il-kontenut tal-osservazzjonijiet ippreżentati lill-Qorti tal-Ġustizzja.

29      Barra minn hekk u abbażi tal-indikazzjonijiet inklużi fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja tinsab f’pożizzjoni li tagħti risposta utli lill-Legfelsőbb Bíróság. F’dak ir-rigward, jeħtieġ li jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 267 TFUE, li hija bbażata fuq separazzjoni netta tal-funzjonijiet bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, ir-rwol ta’ din tal-aħħar huwa limitat għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li ssirilha domanda dwarhom, f’dan il-każ dwar l-Artikolu 101(1) TFUE. Għalhekk, ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja iżda l-Legfelsőbb Bíróság li għandha tapplika din l-interpretazzjoni għal każ inkwistjoni u għaldaqstant li tevalwa b’mod definittiv jekk, fid-dawl tal-elementi rilevanti kollha li jikkaratterizzaw is-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali u tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih teżisti din tal-aħħar, l-atti ta’ ftehim inkwistjoni għandhomx l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni. Għaldaqstant, anki jekk jiġi preżunt li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tesponix b’mod suffiċjentement iddettaljat dawn l-elementi u dan il-kuntest sabiex tkun tista’ ssir l-imsemmija evalwazzjoni, tali difett ma jaffettwax l-eżekuzzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-kompitu li hija fdata bih mill-Artikolu 267 TFUE.

30      Isegwi li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

 Fuq id-domanda preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 101(1) TFUE għandux jiġi interpretat fis-sens li atti ta’ ftehim, li permezz tagħhom kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-karozzi jaqblu bilateralment kemm ma’ bejjiegħa ta’ karozzi li joperaw bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, kif ukoll ma’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn tal-aħħar, fuq ir-rata ta’ kull siegħa li għandha titħallas mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ vetturi assigurati minn din tal-aħħar, filwaqt li jipprevedu li din ir-rata tiddependi, inter alia, fuq in-numru u fuq il-proporzjon ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni li l-bejjiegħ ikun ikkonkluda bħala intermedjarju ta’ din il-kumpannija, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

32      Allianz u Generali jikkunsidraw li tali atti ta’ ftehim ma jikkostitwixxux restrizzjoni “minħabba l-għan” u li għaldaqstant jistgħu jiġu kkwalifikati bħala kuntrarji għall-Artikolu 101(1) TFUE biss sa fejn jintwera li huma effettivament jistgħu jipproduċu effetti antikompetittivi. Għall-kuntrarju, il-Gvern Ungeriż u l-Kummissjoni jipproponu risposta pożittiva għad-domanda preliminari. L-awtorità ta’ sorveljanza tal-EFTA tikkunsidra li r-risposta għal din id-domanda tiddependi fuq il-livell ta’ ħsara li l-imsemmija atti ta’ ftehim jistgħu joħolqu fil-konfront tal-kompetizzjoni, fatt li għandu jiġi evalwat mill-qorti tar-rinviju.

33      Preliminarjament, għandu jitfakkar li sabiex jaqa’ taħt il-projbizzjoni pprovduta fl-Artikolu 101(1) TFUE, ftehim għandu jkollu “bħala għan jew riżultat [tiegħu] il-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fi ħdan is-suq komuni”. Skont ġurisprudenza stabbilita sa mis-sentenza tat-30 ta’ Ġunju 1966, LTM (56/65, Ġabra p. 337), in-natura alternattiva ta’ din il-kundizzjoni, enfasizzata mill-konġunzjoni “jew”, għandha twassal sabiex qabel kollox jiġi kkunsidrat l-għan innifsu tal-ftehim, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku li fih dan għandu jiġi applikat.

34      Għalhekk, meta jiġi stabbilit l-għan antikompetittiv ta’ ftehim, ma jkunx hemm lok li jiġu mistħarrġa l-effetti tiegħu fuq il-kompetizzjoni. Madankollu, f’każ li l-analiżi tal-kontenut tal-ftehim ma jurix grad suffiċjenti ta’ ħsara għall-kompetizzjoni, ikun meħtieġ għalhekk li jiġu eżaminati l-effetti tiegħu u, sabiex dan jiġi pprojbit, li jiġu sodisfatti l-elementi li jistabbilixxu li kien hemm, fil-fatt, prevenzjoni jew restrizzjoni jew distorsjoni tal-kompetizzjoni b’mod sostanzjali (ara s-sentenzi tal-4 ta’ Ġunju 2009, T-Mobile Netherlands et, C‑8/08, Ġabra. p. I‑4529, punt 28, kif ukoll tas-6 ta’ Ottubru 2009, GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, C‑501/06 P, C‑513/06 P, C‑515/06 P u C‑519/06 P, Ġabra p. I‑9291, punt 55; tal-4 ta’ Ottubru 2011, Football Association Premier League et, C-403/08 u C-429/08, Ġabra, p. I-9083, punt 135, kif ukoll tat-13 ta’ Ottubru 2011, Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, C-439/09, Ġabra, p, I-9419,punt 34).

35      Id-distinzjoni bejn “ksur minħabba l-għan” u “ksur minħabba r-riżultat” tikkonċerna ċ-ċirkustanza li ċerti forom ta’ kollużjoni bejn impriżi jistgħu jiġu kkunsidrati, min-natura tagħhom stess, bħala li huma ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tal-20 ta’ Novembru 2008, Beef Industry Development Society u Barry Brothers, C‑209/07, Ġabra p. I‑8637, punt 17, T-Mobile Netherlands et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29, kif ukoll tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C-226/11, punt 36).

36      Bil-għan li jiġi evalwat jekk ftehim jinvolvix restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat il-kontenut tad-dispożizzjonijiet tiegħu, l-għanijiet li huwa maħsub li jikseb kif ukoll il-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkun jeżisti fih (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, punt 58; Football Association Premier League et, punt 136, kif ukoll Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, punt 35). Fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-imsemmi kuntest, hemm lok ukoll li tittieħed inkunsiderazzjoni n-natura tal-beni jew tas-servizzi affettwati kif ukoll il-kundizzjonijiet reali tal-funzjonament u tal-istruttura tas-suq jew tas-swieq inkwistjoni (ara s-sentenza Expedia, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21, u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Barra minn hekk, għalkemm l-attenzjoni tal-partijiet ma tikkostitwixxix element neċessarju sabiex tiġi ddeterminata n-natura restrittiva ta’ ftehim, xejn ma jipprekludi lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni jew lill-qrati nazzjonali u tal-Unjoni milli jikkunsidrawha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza GlaxoSmithKline Services et vs Il-Kummissjoni et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 58, u l-ġurisprudenza ċċitata).

38      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat li, sabiex ftehim ikollu għan antikompetittiv, huwa biżżejjed li jkun jista’ jipproduċi effetti negattivi fuq il-kompetizzjoni, jiġifieri, li jkun jista’, b’mod konkret li jipprevjeni, jirrestrinġi jew joħloq distorsjoni fis-suq komuni. Il-kwistjoni dwar jekk u sa liema punt tali effett jipproduċi ruħu realment ma jistax ikollu importanza ħlief sabiex jiġi kkalkolat l-ammont tal-multa u sabiex jiġu evalwati d-drittijiet għad-danni u l-interessi (ara s-sentenza T-Mobile Netherlands et, iċċitata, punt 31).

39      Fir-rigward tal-atti ta’ ftehim imsemmija fid-domanda preliminari, jeħtieġ li jiġi rrilevat li dawn tal-aħħar jirrigwardaw ir-rata ta’ kull siegħa li għandha titħallas mill-kumpannija tal-assigurazzjoni lil bejjiegħa ta’ karozzi, li joperaw bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, għat-tiswiija ta’ vetturi f’każ ta’ ħsarat. Dawn jipprevedu li din ir-rata tiżdied skont in-numru u skont il-proporzjoni ta’ kuntratti ta’ assigurazzjoni li l-bejjiegħ ikun ikkonkluda għal din il-kumpannija.

40      Għalhekk tali atti ta’ ftehim jorbtu r-remunerazzjoni għas-servizz ta’ tiswija tal-vetturi danneġġati ma’ dik għas-sensarija tal-assigurazzjoni tal-karozzi. Il-ħolqien ta’ din ir-rabta bejn żewġ servizzi differenti huwa possibbli minħabba l-partikolarità li l-bejjiegħa jintervjenu doppjament fir-rigward tal-assiguraturi, jiġifieri bħala intermedjarji jew sensara, billi joffru assigurazzjonijiet tal-karozzi lill-klijenti tagħhom fl-okkażjoni tal-bejgħ jew tat-tiswija ta’ vetturi, u bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, billi jsewwu vetturi danneġġati għall-interessi tal-assiguraturi.

41      Issa, għalkemm l-istabbilment ta’ tali rabta bejn żewġ attivitajiet li huma fil-prinċipju indipendenti ma jfissirx awtomatikament li l-ftehim ikkonċernat għandu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dan jista’ jikkostitwixxi element importanti għall-evalwazzjoni dwar jekk dak il-ftehim huwiex min-natura tiegħu ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni, bħal ma jkun il-każ, partikolarment, meta l-indipendenza tal-imsemmija attivitajiet tkun neċessarja għal dan il-funzjonament.

42      Barra minn hekk, jeħtieġ li jittieħed kont tal-fatt li tali ftehim jista’ jaffettwa mhux biss suq wieħed iżda tnejn, f’dan il-każ dak tal-assigurazzjoni tal-karozzi u dak tas-servizzi tat-tiswija tal-vetturi, u li l-għan tiegħu għalhekk għandu jiġi evalwat inkonnessjoni maż-żewġt iswieq ikkonċernati.

43      F’dan ir-rigward, hemm lok, qabel xejn li jiġi enfasizzat li, għall-kuntrarju ta’ dak li jidhru li jikkunsidraw Allianz u Generali, iċ-ċirkustanza li fiż-żewġ każijiet jeżistu relazzjonijiet vertikali bl-ebda mod ma teskludi l-possibbiltà li l-ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”. Fil-fatt, għalkemm l-atti ta’ ftehim vertikali huma, min-natura tagħhom, ħafna drabi inqas ta’ ħsara għall-kompetizzjoni meta mqabbla mal-atti ta’ ftehim orizzontali, dawn jistgħu, madankollu, f’ċerti ċirkustanzi, ikollhom wkoll potenzjal restrittiv partikolarment għoli. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi li ftehim vertikali kellu l-għan li jirrestrinġi l-kompetizzjoni (ara s-sentenzi tat-13 ta’ Lulju 1966, Consten u Grundig vs Il-Kummissjoni, 56/64 u 58/64, Ġabra p. 429; tal-1 ta’ Frar 1978, Miller International Schallplatten vs Il-Kummissjoni, 19/77, Ġabra p. 131; tat-3 ta’ Lulju 1985, Binon, 243/83, Ġabra p. 2015, kif ukoll Pierre Fabre Dermo-Cosmétique, iċċitata iktar ’il fuq).

44      Sussegwentement, fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-għan tal-atti ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali inkonnessjoni mas-suq tal-assigurazzjonijiet tal-karozzi, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li, permezz ta’ tali atti ta’ ftehim, kumpanniji tal-assigurazzjoni bħal Allianz u Generali għandhom l-intenzjoni li jżommu jew li jkabbru s-sehem tagħhom mis-suq.

45      Huwa stabbilit li, jekk jeżisti bejn dawn iż-żewġ kumpanniji ftehim orizzontali jew prattika miftiehma maħsuba sabiex jitqassam is-suq, tali ftehim jew tali prattika jkollhom jiġi kklassifikati bħala restrizzjoni minħabba l-għan u jwasslu wkoll għall-illegalità tal-atti ta’ ftehim vertikali konklużi sabiex jiġi implementat dan il-ftehim jew din il-prattika. Madankollu Allianz u Generali jikkontestaw il-fatt li huma qablu jew ftehmu u jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata kkonkludiet favur l-assenza ta’ tali ftehim jew tali prattika. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżattezza ta’ dawn l-allegazzjonijiet u, sa fejn jippermettilha d-dritt nazzjonali, li tevalwa jekk jeżistux provi suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma bejn Allianz u Generali.

46      Madankollu, anki fl-assenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma bejn dawn il-kumpanniji tal-assigurazzjoni, ikun jinħtieġ ukoll li jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li fih jeżistu, l-atti ta’ ftehim vertikali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrilevawx livell suffiċjenti ta’ ħsara fir-rigward tal-kompetizzjoni fis-suq tal-assigurazzjonijiet tal-karozzi sabiex ikunu jikkostitwixxu restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

47      Dan jista’ jkun il-każ partikolarment jekk, kif isostni l-Gvern Ungeriż, ir-rwol mogħti mid-dritt nazzjonali lill-bejjiegħa li jaġixxu bħala intermedjarji jew sensara ta’ assigurazzjoni jkun jirrikjedi l-indipendenza ta’ dawn tal-aħħar mill-kumpanniji tal-assigurazzjoni. Dan il-Gvern jirrileva, f’dan ir-rigward, li dawn il-bejjiegħa jaġixxu mhux għan-nom ta’ assiguratur, iżda tal-akkwirent tal-assigurazzjoni u għandhom il-kompitu li jipproponu lil dan tal-aħħar l-assigurazzjoni li tkun l-iktar waħda konvenjenti fost l-offerti ta’ diversi kumpanniji tal-assigurazzjoni. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dawn il-kundizzjonijiet u fid-dawl tal-attentati tal-imsemmija akkwirenti, il-funzjonament tajjeb tas-suq tal-assigurazzjonijiet tal-karozzi jistax jiġi mfixkel b’mod sinjifikattiv mill-atti ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Barra minn hekk, dawn l-atti ta’ ftehim jikkostitwixxu wkoll restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan fil-każ fejn il-qorti tar-rinviju tikkonstata li huwa probabbli li, fid-dawl tal-kuntest ekonomiku, il-kompetizzjoni fuq l-imsemmi suq tiġi eliminata jew indebbolita b’mod serju wara l-konklużjoni tal-imsemmija atti ta’ ftehim. Sabiex jiġi evalwat ir-riskju ta’ tali konsegwenza, din il-ġurisdizzjoni għandha partikolarment tieħu inkunsiderazzjoni l-istruttura ta’ dan is-suq, l-eżistenza ta’ kanali ta’ distribuzzjoni alternattivi u l-importanza rispettiva tagħhom kif ukoll is-setgħa tas-suq tal-kumpanniji kkonċernati.

49      Fl-aħħar, dwar l-evalwazzjoni tal-għan tal-atti ta’ ftehim inkwistjoni fil-kawża prinċipali inkonnessjoni mas-suq tas-servizzi tat-tiswija tal-vetturi, hemm lok li jittieħed kont tal-fatt li dawk l-atti ta’ ftehim jidhru li ġew konklużi abbażi tal-“prezzijiet issuġġeriti” stabbiliti fit-tliet deċiżjonijiet meħuda minn GÉMOSZ matul il-perijodu li jkopri s-snin 2003 sa 2005. F’dan il-kuntest, hija l-qorti tar-rinviju li jkollha tiddetermina n-natura u l-portata eżatta ta’ dawn id-deċiżjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C-260/07, Ġabra p. I-2437, punti 78 u 79).

50      F’każ li din il-qorti kellha tikkonstata li d-deċiżjonijiet meħuda minn GÉMOSZ matul l-imsemmi perijodu kellhom effettivament l-għan li jirrestrinġu l-kompetizzjoni billi jirrendu uniformi r-rati ta’ kull siegħa għat-tiswija tal-vetturi u li, permezz tal-atti ta’ ftehim, il-kumpanniji tal-assigurazzjoni volontarjament irrattifikaw dawn id-deċiżjonijiet, fatt li jista’ jiġi preżunt fil-każ li l-kumpannija tal-assigurazzjoni tkun ikkonkludiet ftehim direttament ma’ GÉMOSZ, l-illegalità tal-imsemmija deċiżjonijiet tkun tivvizzja l-imsemmija atti ta’ ftehim li għaldaqstant ikollhom bl-istes mod jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan.

51      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, jeħtieġ li tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li atti ta’ ftehim li permezz tagħhom kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-karozzi jaqblu bilateralment kemm ma’ bejjiegħa ta’ karozzi li joperaw bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, kif ukoll ma’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn tal-aħħar, fuq ir-rata ta’ kull siegħa li għandha titħallas mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ vetturi assigurati minn din tal-aħħar, filwaqt li jipprevedu li din ir-rata tiddependi, inter alia, fuq in-numru u fuq il-proporzjon ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni li l-bejjiegħ ikun ikkonkluda bħala intermedjarju ta’ dik il-kumpannija, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ dawn l-atti ta’ ftehim kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkunu jeżistu fih, ikun jidher li dawn tal-aħħar huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni f’wieħed miż-żewġt iswieq ikkonċernati.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li atti ta’ ftehim li permezz tagħhom kumpanniji tal-assigurazzjoni tal-karozzi jaqblu bilateralment kemm ma’ bejjiegħa ta’ karozzi li joperaw bħala ħwienet tax-xogħol tat-tiswija, kif ukoll ma’ assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil dawn tal-aħħar, fuq ir-rata ta’ kull siegħa li għandha titħallas mill-kumpannija tal-assigurazzjoni għat-tiswija ta’ vetturi assigurati minn din tal-aħħar, filwaqt li jipprevedu li din ir-rata tiddependi, inter alia, fuq in-numru u fuq il-proporzjon ta’ kuntratti tal-assigurazzjoni li l-bejjiegħ ikun ikkonkluda bħala intermedjarju ta’ din il-kumpannija, jistgħu jiġu kkunsidrati bħala restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, jekk, wara eżami individwali u konkret tal-kontenut u tal-għan ta’ dawn l-atti ta’ ftehim kif ukoll tal-kuntest ekonomiku u ġuridiku li jkunu jeżistu fih, ikun jidher li dawn tal-aħħar huma, min-natura tagħhom stess, ta’ ħsara għall-funzjonament normali tal-kompetizzjoni f’wieħed miż-żewġt iswieq ikkonċernati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż.