Language of document : ECLI:EU:C:2011:173

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

JÄÄSKINEN

ippreżentati fl-24 ta’ Marzu 2011 (1)

Kawża C‑323/09

Interflora Inc

Interflora British Unit

vs

Marks & Spencer plc

Flowers Direct Online Limited

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Justice of England and Wales, Chancery Division (Ir-Renju Unit)]

“Trade marks – Reklamar fuq bażi ta’ kliem prinċipali identiku għal trade mark ta’ kompetitur ta’ min jirreklama – Trade marks li għandhom reputazzjoni – Ċajpir – Titbigħ – Parassitiżmu – Direttiva 89/104 – Artikolu 5(2) – Regolament Nru 40/94 – Artikolu 9(1)(ċ)”





I –    Introduzzjoni

1.        Dan il-każ huwa l-aħħar rinviju preliminari f’sensiela ta’ każijiet dwar reklamar fuq bażi ta’ kliem prinċipali [“keywords”] f’mutur ta’ riċerka tal-internet.

2.        Il-partijiet fil-proċedimenti nazzjonali t-tnejn li huma joffru servizz ta’ kunsinna ta’ fjuri. Il-kumpanniji rikorrenti fil-proċedimenti nazzjonali (iktar ’il quddiem imsejħin flimkien bħala “Interflora”) jallegaw li l-konvenuta, Marks and Spencer (2), qiegħda tikser it-trade mark INTERFLORA (3), billi essenzjalment xtrat diversi tipi ta’ marki li huma identiċi jew li jixbhu dik it-trade mark bħala kliem prinċipali fis-servizz ta’ reklamar AdWords offrut minn Google.

3.        L-erbgħa domandi preliminari jistgħu jinqasmu f’żewġ gruppi.

4.        L-ewwel grupp ta’ domandi jikkonċerna d-drittijiet mogħtija lit-trade marks kollha. Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma stipulati fl-Artikolu 5(1) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (4) u d-dispożizzjoni korrispondenti fl-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (5). Għal dan il-grupp ta’ domandi, ir-risposti jinsabu fis-sentenzi mogħtija fl-2010 Google France u Google (6), segwita b’BergSpechte, eis.de u Portakabin (7). Dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw l-“użu” minn kompetituri, f’servizzi ta’ reklamar f’muturi ta’ riċerka bl-internet, ta’ sinjali identiċi għat-trade marks li kienu proprjetà tar-rikorrenti fil-kawżi (8).

5.        It-tieni grupp ta’ domandi huma n-novità ta’ dan il-każ: dawn id-domandi jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni. Fir-rigward ta’ trade marks bħal dawn, tista’ tingħata protezzjoni iktar wiesgħa mill-Istati Membri bis-saħħa tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/109. Din il-protezzjoni estiża għal trade marks li għandhom reputazzjoni (9), li hija kkontemplata wkoll fl-Artikolu  9(1)(ċ) tar-Regolament 40/94 għal trade marks Komunitarji, kienet is-suġġett ta’ numru iżgħar ta’ kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja milli fil-każ tal-protezzjoni ġenerali msemmija fil-punt ta’ qabel. Il-kwistjonijiet ġodda hawnhekk jikkonċernaw il-protezzjoni ta’ trade mark li għandha reputazzjoni u l-kwistjoni taħt liema kundizzjonijiet kompetitur iċajpar dik it-trade mark (tnaqqis tal-effett biċ-ċajpir) jew jieħu vantaġġ inġust minnha (parassitiżmu) meta dak il-kompetitur jixtri kliem prinċipali f’servizz ta’ reklamar fuq l-internet (10).

6.        Fil-fatt, il-kelma “Interflora” għandha tliet funzjonijiet differenti f’dan il-każ. L-ewwel, hija terminu ta’ riċerka [search term] li jista’ jiġi mdaħħal f’mutur ta’ riċerka tal-internet b’għażla minn kwalunkwe utent tal-internet. It-tieni, din hija wkoll kelma prinċipali [keyword], li min jirreklama xtara mis-servizz ta’ reklamar ta’ operatur ta’ mutur ta’ riċerka tal-internet sabiex tiskatta d-dehra ta’ reklam partikolari. It-tielet, din hija simbolu b’tifsira li kien irreġistrat u li qiegħed jiġi użat bħala trade mark li juri li ċerti prodotti jew servizzi ġejjin minn sors kummerċjali wieħed.

7.        F’dan il-kuntest għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni kkritikat aspetti tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li jikkonċernaw funzjonijiet ta’ trade marks differenti mill-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini, għaliex dawn isibuha erratika u problematika mill-perspettiva taċ-ċertezza legali. Madankollu, jidher li hija biss il-funzjoni relatata mal-indikazzjoni tal-oriġini tal-prodotti jew servizzi li hija rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari. Lanqas l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 ma tidher li twassal f’dan il-każ għal protezzjoni wiesgħa b’mod mhux raġonevoli tal-interessi tal-proprjetarju tat-trade mark. Għalhekk, ma naħsibx li jkun neċessarju li nitkellem iktar dwar dan is-suġġett.

8.        Madankollu, ma jistax jiġi miċħud li l-Qorti tal-Ġustizzja ssib ruħha f’sitwazzjoni diffiċli fir-rigward tal-aċċettabbilità tal-ġurisprudenza tagħha dwar l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 anki minħabba l-kritika li ssir minn diversi kummentaturi akkademiċi u minn imħallfin ewlenin speċjalizzati fit-trade marks. (11)

9.        Madankollu, fil-fehma tiegħi, dawn il-problemi joriġinaw parzjalment mill-formulazzjoni problematika tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Għalhekk is-sitwazzjoni attwali tista’ tiġi rimedjata b’mod aħjar permezz ta’ miżuri leġiżlattivi xierqa milli b’riorjentazzjoni tal-ġurisprudenza, kif juri l-eżempju tal-iżvilupp tal-leġiżlazzjoni federali tal-Istati Uniti dwar it-tnaqqis tal-effett tat-trade marks (12). Nosserva li l-Kummissjoni, f’Diċembru 2010, irċeviet studju dwar it-tħaddim globali tas-sistema tat-trade marks fl-Ewropa, u wieħed jittama u jistenna li jkun hemm passi oħra f’dan il-qasam (13).

II – Il-kuntest legali

A –    Id-Direttiva 89/104

10.      L-ewwel premessa fil-preambolu tad-Direttiva 89/104 tipprovdi (14):

“[…] l-liġijiet dwar it-trade marks applikabbli fil-preżent fl-Istati Membri fihom disparitajiet li jistgħu jfixklu l-moviment liberu tal-merkanzija u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi u jistgħu jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq komuni; billi huwa għalhekk neċessarju minħabba l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern li jiġu approssimati l-liġijiet ta’ l-Istati Membri”.

11.      Id-disa’ premessa fil-preambolu tad-Direttiva 89/104 tipprovdi:

“[…] huwa fundamentali, sabiex tkun iffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ merkanzija u servizzi, li jkun żgurat li minn issa ’l quddiem trade marks irreġistrati jgawdu l-istess protezzjoni taħt is-sistemi legali ta’ l-Istati Membri kollha; billi dan m’għandux għalfejn iżżomm l-Istati Membri milli jagħtu fuq għażla tagħhom protezzjoni estensiva lil dawk it-trade marks li għandhom reputazzjoni.”

12.      L-għaxar premessa fil-preambolu tad-Direttiva 89/104 tipprovdi:

“[…] l-protezzjoni mogħtija lit-trade marks registrati, li l-funzjoni tagħhom hi partikolarment li jiggarantixxu t-trade mark bhala indikazzjoni ta’ oriġini, hi assoluta fil-każ ta’ identità bejn il-marka u s-sinjal u l-merkanzija jew is-servizzi; […] l-protezzjoni tapplika wkoll f’każ ta’ xebħ bejn il-marka u l-merkanzija jew is-servizzi; […] hu indispensabbli li tingħata interpretazzjoni tal-kunċett ta’ xebħ fir-rigward tal-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni; […] l-possibbiltà li jkun hemm konfużjoni, li l-apprezzament tagħha jiddependi fuq ħafna elementi u, partikolarment fuq ir-rikonoxximent tat-trade mark fis-suq, ta’ l-assoċjazzjoni li tista’ ssir bis-sinjal użat jew registrat, tal-grad ta’ xebħ bejn it-trade mark u s-sinjal u bejn il-merkanzija jew is-servizzi identifikati, tikkostitwixxi l-kondizzjoni specifika għal tali protezzjoni; […] l-metodi għall-istabbiliment tal-possibbiltà ta’ konfużjoni u partikolarment l-onus tal-prova, huma kwistjoni għar-regolamenti ta’ proċedura nazzjonali li ma humiex preġudikati bid-Direttiva.”

13.      L-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104, intitolat “Drittijiet mogħtija minn trade mark”, jipprovdi li (15) (16):

“1. It-trade mark reġistrata għandha tagħti l-proprjetarju drittijiet esklużivi fuqha. Il-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw matul il-kummerċ:

(a)      kwalunkwe sinjal li hu identiku mat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li huma identiċi għal dawk li t-trade mark hi reġistrata;

(b)      kwalunkwe sinjal li, minħabba l-identità ma’, jew li jixbaħ it-trade mark u l-identità jew xebħ ta’ l-merkanzija jew is-servizzi koperti mit-trade mark u s-sinjal, teżisti l-possibbiltà ta’ konfużjoni da parti tal-pubbliku, li tinkludi l-possibbiltà ta’ assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

2. Kwalunkwe Stat Membru jista’ wkoll jistabbilixxi li l-proprjetarju għandu jkun intitolat li jimpedixxi lil terzi persuni kollha li ma għandhomx il-kunsens tiegħu li jużaw matul il-kummerċ kwalunkwe sinjal li hu identiku ma’, jew simili għat-trade mark fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi li mhux simili għal dawk li għalihom it-trade mark hi reġistrata, fejn ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fl-Istat Membru u fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark.

3. Is-segwenti, inter alia, jistgħu jkunu projbiti taħt paragrafi 1 u 2:

[…]

b)      li joffru l-merkanzija, jew li jqiegħduhom fuq is-suq jew li jaħżnuhom għal dawn l-iskopijiet taħt dak is-sinjal, jew li joffru u jfornu servizzi kif jidhru hawn taħt;

[…]

d)      juzaw is-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar.

[…]

5. Il-paragrafi 1 sa’ 4 m’għandhomx jaffettwaw id-disposizzjonijiet fi kwalunkwe Stat Membru dwar protezzjoni kontra l-użu tas-sinjal barra dak għall-iskopijiet li jiddistingwu bejn merkanzija jew servizzi, fejn l-użu ta’ dak is-sinjal mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ minn, jew hu ta’ detriment għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark.”

B –    Ir-Regolament Nru 40/94

14.      Is-seba’ premessa fil-preambolu għar-Regolament Nru 40/94 (17) hija identika mutatis mutandis għall-għaxar premessa fil-preambolu għad-Direttiva 89/104. L-Artikoli 8(5), 9 u 12(1) tar-Regolament Nru 40/94 essenzjalment jikkorrispondu għall-Artikoli 4(4), 5 u 6(1) tad-Direttiva 89/104.

15.      L-Artikolu 9 (“Id-drittijiet li jirriżultaw minn trade mark Komunitarja”) tar-Regolament Nru 40/94 jiddisponi kif ġej:

“1. It-trade mark Komunitarja tagħti lill-proprjetarju id-drittijiet esklużivi fiha. Il-proprjetarju għandu l-jedd li jistabbilixxi lil terzi persuni li ma jkollhomx il-kunsens tiegħu milli jużaw fil-kummerċ:

(a) kull sinjal li huwa identiku għat-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi għal dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata;

(b) kull sinjal li, minħabba identiċità jew xebħ mat-trade mark Komunitarja u l-identiċità jew xebħ mal-prodotti jew is-servizzi koperti mit-trade mark Komunitarja u mis-sinjal, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni minn naħa tal-publiku; il-probabiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni bejn is-sinjal u t-trade mark.

(ċ) kull sinjal li huwa identiku għal jew li jixbaħ lit-trade mark Komunitarja fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma jixbħux lil dawk li għalihom it-trade mark Komunitarja hija reġistrata, meta din ta’ l-aħħar għandha reputazzjoni fil-Komunità u fejn l-użu mingħajr raġuni valida tas-sinjal ikun jieħu vantaġġ inġust, jew ikun ta’ ħsara għall-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trademark Komunitarja.

2. Dawn li ġejjin, inter alia, huma projbiti taħt il-paragrafu 1:

[…]

(b) l-offerta ta’ prodotti, it-tqegħid fis-suq jew il-ħżin tagħhom għal dawn l-għanijiet taħt dak is-sinjal, jew l-offerta jew il-provvista ta’ servizzi b’dak l-istess sinjal;

[…]

(d) l-użu ta’ sinjal f’gazzetta kummerċjali u fir-riklamar.”

III – It-tilwima fil-proċedimenti prinċipali u d-domandi rrinvijati għal deċiżjoni preliminari

A –    Is-servizz ta’ referenzjar “AdWords”

16.      Google topera mutur ta’ riċerka fuq l-internet. Meta utent tal-internet jagħmel riċerka fuq il-bażi ta’ kelma waħda jew iktar, il-mutur ta’ riċerka juri s-siti li jidhru li jikkorrispondu l-iktar għal dan il-kliem, skont l-ordni ta’ rilevanza tagħhom. Dawn jikkonċernaw l-hekk imsejħa riżultati “naturali” tar-riċerka.

17.      Barra minn hekk, Google toffri servizz ta’ referenzjar bi ħlas imsejjaħ “AdWords”. Dan is-servizz jippermetti lil kull operatur ekonomiku li juri link pubbliċitarju għas-sit tiegħu permezz tal-għażla ta’ kelma prinċipali jew iktar, fil-każ li din jew dawn il-kliem prinċipali jaqblu ma’ dik jew dawk inklużi mdaħħla fir-rikjesta li ssir mill-utent tal-internet fil-mutur ta’ riċerka. Dan il-link pubbliċitarju jidher fit-taqsima “links sponsorjati”, li tidher jew fuq in-naħa tal-lemin tal-iskrin, lejn il-lemin tar-riżultati naturali, inkella fuq in-naħa ta’ fuq tal-iskrin, fuq dawn ir-riżultati.

18.      L-imsemmi link pubbliċitarju huwa akkumpanjat minn messaġġ kummerċjali qasir. Flimkien, dan il-link u dan il-messaġġ jikkostitwixxu reklam (“ad”) muri fit-taqsima “links sponsorjati”.

19.      Min jirreklama għandu jħallas miżata għas-servizz ta’ referenzjar għal kull klikk fuq il-link pubbliċitarju. Din il-miżata hija kkalkolata abbażi, b’mod partikolari, tal-“prezz massimu għal kull klikk” li min jirreklama ddikjara li huwa lest li jħallas meta kkonkluda l-kuntratt ta’ servizz ta’ referenzjar, kif ukoll tan-numru ta’ klikks mill-utenti tal-internet fuq l-imsemmi link.

20.      Diversi persuni li jirreklamaw jistgħu jagħżlu l-istess kelma prinċipali. L-ordni li fih jintwerew il-links pubbliċitarji tagħhom huwa stabbilit, b’mod partikolari, abbażi tal-prezz massimu għal kull klikk, tan-numru ta’ klikks li diġà saru fuq l-imsemmija links, kif ukoll tal-kwalità tar-reklam kif evalwat minn Google. Fi kwalunkwe mument, min jirreklama jista’ jtejjeb il-pożizzjoni tiegħu fl-ordni ta’ wiri billi jiffissa prezz massimu iktar għoli għal kull klikk jew billi jipprova jtejjeb il-kwalità tar-reklam tiegħu.

21.      Google stabbilixxiet proċess awtomatiku għall-għażla ta’ kliem prinċipali u għall-ħolqien ta’ reklami. Dawk li jirreklamaw jagħżlu l-kliem prinċipali, jabbozzaw il-messaġġ kummerċjali u jdaħħlu l-link għas-sit tagħhom.

B –    L-użu tal-kliem prinċipali fit-tilwima fil-proċedimenti prinċipali

22.      Interflora Inc., kumpannija stabbilita fl-Istat ta’ Michigan (L-Istati Uniti tal-Amerika) topera netwerk ta’ kunsinna ta’ fjuri madwar id-dinja. Interflora British Unit hija liċenzjata ta’ Interflora Inc.

23.      In-netwerk Interflora huwa magħmul minn bejjiegħa tal-fjuri indipendenti li magħhom jistgħu jsiru ordnijiet personalment jew permezz tat-telefon. Madankollu, Interflora għandha wkoll websites li jagħmluha possibbli li jsiru ordnijiet permezz tal-internet, ordnijiet li jiġu mwettqa mill-membru tan-netwerk li jkun l-iktar viċin tal-indirizz fejn għandhom jiġu kkonsenjati l-fjuri. L-indirizz tal-website prinċipali huwa www.interflora.com. Dik il-website tidderiġi lill-utent lejn il-website speċifika tal-pajjiż, bħal www.interflora.co.uk.

24.      INTERFLORA hija trade mark nazzjonali fir-Renju Unit u hija wkoll trade mark Komunitarja (18). Ma huwiex ikkontestat li dawk it-trade marks għandhom reputazzjoni sostanzjali fir-Renju Unit u fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea.

25.      Marks & Spencer plc, kumpannija rregolata mil-liġi Ingliża, hija waħda mill-bejjiegħa bl-imnut prinċipali fir-Renju Unit. Hija tbigħ bl-imnut firxa wiesgħa ta’ prodotti u tipprovdi servizzi permezz tan-netwerk tagħha ta’ ħwienet u permezz tal-website tagħha www.marksandspencer.com. Waħda mill-attivitajiet tagħha hija l-bejgħ u l-kunsinna ta’ fjuri. Dik l-attività kummerċjali tinsab f’kompetizzjoni ma’ dik ta’ Interflora. Marks & Spencer ma hijiex parti min-netwerk ta’ Interflora.

26.      B’konnessjoni mas-servizz ta’ referenzjar “AdWords”, Marks & Spencer irriżervat il-kelma prinċipali “interflora”, kif ukoll varjanti magħmulin minn dik il-kelma prinċipali bi “żbalji minuri” u l-espressjonijiet li jinkludu l-kelma interflora (bħal “interflora flowers”, “interflora delivery”, “interflora.com”, “interflora co uk”), bħala kliem prinċipali (19).

27.      Konsegwentement, meta l-utenti tal-internet kienu jdaħħlu l-kelma “interflora” jew waħda minn dawk il-varjanti bħala terminu ta’ riċerka fil-mutur ta’ riċerka ta’ Google kien jidher reklam ta’ Marks & Spencer taħt it-titolu “links sponsorjati”.

28.      Ma huwiex ikkontestat li r-reklam muri ma kienx jinkludi xi espressjonijiet li jagħmlu referenza għal Interflora magħżula bħal kelma prinċipali; ir-reklam lanqas ma kien b’xi mod ieħor juri t-trade mark ta’ Interflora.

29.      Wara li stabbiliet dawn il-fatti, Interflora ressqet kawża kontra Marks & Spencer fuq ksur tad-drittijiet tat-trade mark tagħha quddiem il-qorti nazzjonali li ddeċidiet li tissospendi l-proċedimenti u li tressaq numru ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari.

C –    Id-domandi mressqa għal deċiżjoni preliminari

30.      B’digriet tas-16 ta’ Lulju 2009, il-High Court of Justice of England and Wales, Chancery Division (iktar ’il quddiem il-“High Court”) irrinvijat 10 domandi għal deċiżjoni preliminari, l-ewwel erbgħa minnhom huma kif ġej:

“(1)      Fil-każ fejn kummerċjant, li huwa kompetitur ta’ proprjetarju ta’ trade mark irreġistrata u li jbigħ merkanzija u servizzi identiċi għal dawk koperti mit-trade mark permezz tas-sit internet tiegħu, (i) jagħżel sinjal li huwa identiku (fis-sens tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-291/00) għat-trade mark bħala kelma gwida għas-servizz tal-link sponsorjat propost mill-operatur ta’ mutur ta’ tfittxija, (ii) jindika dan is-sinjal bħala kelma gwida, (iii) jassoċja s-sinjal mal-URL tas-sit internet tiegħu, (iv) jiddetermina l-prezz għal kull click li ser iħallas fir-rigward ta’ din il-kelma gwida, (v) jipprogramma l-ħin li fih għandu jidher il-link sponsorjat u (vi) juża s-sinjal f’korrispondenza ta’ negozju relatata mal-fatturazzjoni u l-ħlas ta’ miżati jew mal-ġestjoni tal-kont tiegħu mal-operatur tal-mutur ta’ tfittxija, iżda l-link sponsorjat ma jinkludix, fih innifsu, sinjal jew sinjal simili, wieħed minn dawn l-atti jew dawn l-atti kollha jikkostitwixxu “użu” tas-sinjal mill-kompetitur fis-sens tal-Artikolu 5(1)(a) [tad-Direttiva 89/104] u tal-Artikolu 9(1)(a) [tar-Regolament Nru 40/94]?

(2)      Tali użu huwa magħmul “fir-rigward ta’” merkanzija u servizzi identiċi għal dawk li għalihom hija rreġistrata t-trade mark skont l-Artikolu 5(1)(a) tad-[Direttiva 89/104] u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-[Regolament Nru 40/94]?

(3)      Tali użu jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda jew taż-żewġ dispożizzjonijiet segwenti:

(a)      l-Artikolu 5(1)(a) tad-[Direttiva 89/104] u l-Artikolu 9(1)(a) tar-[Regolament Nru 40/94]; u

(b)      jekk jitqies li tali użu jippreġudika l-karattru distintiv tat-trade mark jew jikseb vantaġġ indebitu mir-reputazzjoni tat-trade mark, l-Artikolu 5(2) tad-[Direttiva 89/104] dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-[Regolament Nru 40/94]?

(4)      Ir-risposta għat-tielet domanda tkun differenti jekk:

(a)      il-preżentazzjoni tal-link sponsorjat tal-kompetitur bħala risposta għal tfittxija minn utent permezz tas-sinjal inkwistjoni tista’ twassal sabiex parti mill-pubbliku temmen li l-kompetitur huwa membru tan-netwerk kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark, li ma huwiex minnu, jew jekk

(b)      l-operatur tal-mutur ta’ tfittxija ma jippermettix lill-proprjetarji tat-trade marks fl-Istat Membru tal-Komunità kkonċernat li jostakolaw l-għażla ta’ sinjali identiċi għat-trade marks tagħhom bħala kliem gwida minn terzi?”

31.      Wara s-sentenza Google France u Google u wara li rċeviet, permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 2010, talba għal kjarifika, il-High Court, b’digriet tad-29 ta’ April 2010 li ġie rċevut mill-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Ġunju 2010, irtirat il-ħames sal-għaxar domanda li kienet irrinvjat għal deċiżjoni preliminari, u b’hekk żammet biss l-ewwel erba’ domandi kkwotati fil-punt preċedenti. Il-High Court qassret ukoll id-domanda 3(b) għall-kliem li nżamm fil-punt preċedenti.

32.      Ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil-miktub minn Interflora, minn Marks & Spencer, mir-Repubblika Portugiża u mill-Kummissjoni. Ħlief għar-Repubblika Portugiża, dawn il-partijiet kollha kienu preżenti għas-seduta tat-13 ta’ Ottubru 2010 u għamlu t-trattazzjoni tagħhom. Għall-iskopijiet tas-seduta, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet talbet lill-partijiet sabiex jikkonċentraw is-sottomissjonijiet tagħhom fuq id-domanda 3(b).

IV – Analiżi

A –    Osservazzjonijiet Ġenerali

33.      Għall-iskopijiet ta’ evalwazzjoni taż-żewġ gruppi ta’ domandi deskritti fil-bidu, l-ewwel se nagħmel xi osservazzjonijiet ġenerali fir-rigward tal-protezzjoni offruta mill-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104. Nirrileva wkoll in limine li d-domandi ser jiġu eżaminati biss fid-dawl tal-Artikoli 5(1)(a) u (2) tad-Direttiva 89/104, iżda li l-interpretazzjoni li nasal għaliha fl-aħħar tal-evalwazzjoni tapplika mutatis mutandis għall-Artikoli 9(1)(a) u (1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 (20).

34.      Il-protezzjoni mogħtija għal trade marks taħt l-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104 tikkonċerna l-użu ta’ trade mark għall-iskopijiet sabiex tkun tista’ ssir distinzjoni bejn prodotti jew servizzi peress li l-paragrafu 5 tad-dispożizzjoni jeskludi mill-iskop tal-applikazzjoni tiegħu l-protezzjoni mogħtija mill-Istati Membri fir-rigward ta’ użi oħra. Fir-rigward tal-iskop tal-protezzjoni pprovduta mill-Artikolu, il-paragrafu 1 tiegħu jkopri sitwazzjonijiet meta s-sinjal u t-trade mark opposti jiġu użati fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili filwaqt li dan ir-rekwiżit huwa nieqes mill-paragrafu 2.

35.      Il-protezzjoni mogħtija bl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 rigward sinjali u prodotti jew servizzi identiċi hija “assoluta” fis-sens li l-proprjetarju tat-trade mark ma għandux bżonn juri l-probabbiltà ta’ konfużjoni (21). Dan, madankollu, huwa meħtieġ għall-protezzjoni taħt l-Artikolu 5(1)(b) li jkopri sitwazzjonijiet fejn l-“identiċità doppja” bejn sinjali u prodotti jew servizzi tkun nieqsa iżda s-sinjali, il-prodotti jew servizzi jew it-tnejn li huma jkunu simili. B’sitwazzjonijiet ta’ identiċità doppja qed nirreferi għall-każijiet fejn id-drittijiet ta’ proprjetarju ta’ trade mark ikunu miksura minn terza persuna li juża sinjal identiku għal prodotti identiċi (22).

36.      Dak li jżid l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 għal trade marks li għandhom reputazzjoni huwa dan li ġej:

–        dan joħloq il-fakultà għal iktar protezzjoni għal ċerti trade marks, li l-Istat Membru jista’ jagħżel li jimplementa jew le; ir-Renju Unit kien implementaha, kif għamlu ħafna Stati Membri oħra, jekk mhux kollha kemm huma (23).

–        il-protezzjoni li tipprovdi tmur lil hinn mill-protezzjoni kkontemplata fl-Artikolu 5(1).

–        il-protezzjoni hija disponibbli biss għal trade marks li għandhom reputazzjoni.

37.      Għandu jiġi rrilevat li f’kontradizzjoni pjuttost evidenti mal-formulazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet f’Davidoff  (24) u f’Adidas‑Salomon u AdidasBenelux (25) li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 jistabbilixxi protezzjoni speċifika f’każijiet ta’ użu minn terza persuna ta’ marka jew sinjal suċċessiv li huwa identiku ma’ jew simili għat-trade mark irreġistrata li għandha reputazzjoni, mhux biss fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma humiex simili, iżda anki fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li huma identiċi ma’ jew simili għal dawk koperti b’dik it-trade mark (26).

B –    L-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 [domandi 1, 2, 3(a) u 4]

38.      Rigward id-domandi 1, 2, 3(a) u 4 (safejn dawn għandhom x’jaqsmu mad-domanda 3a) huwa neċessarju li tiġi analizzata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 f’sitwazzjoni fejn min jirreklama għażel li juża kelma prinċipali li hija identika għal trade mark, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, b’konnessjoni ma’ servizz ta’ referenzjar tal-internet bil-ħlas.

39.      Infakkar li fl-unika sentenza li tinvolvi operatur ta’ mutur ta’ riċerka (Google France u Google) waħda mill-kwistjonijiet ċentrali stabbiliti kienet li operatur ta’ mutur ta’ riċerka jew is-servizz ta’ referenzjar bil-ħlas tagħha ma kienux qegħdin “jużaw” sinjali simili għal trade marks, u għalhekk l-attivitajiet tagħhom ma kienux jaqgħu taħt l-Artikolu 5(1) tad-Direttiva 89/104 (27).

40.      Għalhekk, fil-fehma tiegħi isegwi li l-imġiba tal-fornitur tas-servizz ta’ referenzjar fir-rigward tal-possibbiltà li l-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi l-użu tat-trade marks tiegħu bħala kliem prinċipali hija irrilevanti għat-tweġibiet li għandhom jingħataw għad-domandi 1 sa 3(a). L-uniku punt ta’ liġi relatat mat-trade marks li huwa rilevanti hawnhekk huwa li jekk l-operatur tas-servizz ta’ referenzjar jagħti possibbiltà bħal din lill-proprjetarji tat-trade mark, f’ċerti każijiet jista’ jkun dedott li hemm kunsens impliċitu tal-proprjetarju tat-trade mark għall-użu tat-trade marks tiegħu bħala kliem prinċipali (28).

41.      Isegwi wkoll mill-ġurisprudenza Google France u Google li huwa dak li jirreklama li jagħżel kelma prinċipali identika għal trade mark ta’ xi ħaddieħor u li juża t-trademark fir-rigward, kif jista’ jkun il-każ, tal-prodotti tiegħu jew ta’ dawk tal-proprjetarju tat-trade mark. Dan jista’ jaffettwa l-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini jekk ir-reklam muri fil-link sponsorjat ma jippermettix utent medju tal-internet, jew jippermetti lil tali utent iżda b’ċerta diffikultà biss, li jivverifika jekk il-prodotti jew servizzi msemmija joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża ekonomikament konnessa miegħu jew, għall-kuntrarju, joriġinawx minn terz (29).

42.      Dwar il-kunċett tal-użu fejn għandhom x’jaqsmu prodotti u servizzi, jidher li huwa immaterjali jekk ir-reklam li jirriżulta jurix it-trade mark jew le .(30) Għalija huwa ovvju li effett kuntrarju fuq il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini tista’ tiġi eskluża jekk ir-reklam fil-link sponsorjat isemmi t-trade mark iżda effettivament jiddisassoċja lil minn jirreklama minnha, pereżempju permezz ta’ reklamar komparattiv. Madankollu, mill-bidu nett, reklam muri fil-link sponsorjat li jsemmi jew jirriproduċi t-trade mark li kien ġie magħżul bħala kelma prinċipali jirrappreżenta “[l-użu ta]s-sinjal fuq karti tal-kummerċ u fir-reklamar” li jista’ jiġi pprojbit mill-proprjetarju tat-trade mark taħt l-Artikolu 5(3)(d) tad-Direttiva 89/104, sakemm ma japplikawx l-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 89/104 jew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar reklamar komparattiv (31).

43.      Peress li l-istandard applikat mill-Qorti tal-Ġustizzja huwa l-possibbiltà li l-użu jkollu xi effett kuntrarju fuq uħud mill-funzjonijiet tat-trade mark, f’dan il-każ il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini (32), huwa neċessarju li dan l-użu jiġi analizzat f’termini konkreti. Jekk it-trade mark ma jiġix imsemmi fir-reklam, is-sinifikat ta’ dik il-kwistjoni jiddependi fil-fehma tiegħi fuq in-natura tal-prodotti u servizzi protetti mit-trade mark billi jieħdu kont mhux biss tal-iskop tal-protezzjoni rreġistrata għat-trade mark iżda anki t-tifsira u r-reputazzjoni li t-trade mark akkwistat permezz tal-użu fl-imħuħ tas-settur rilevanti tal-pubbliku.

44.      Il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat fis-sentenza Google France u Google li “fil-maġġoranza tal-każijiet l-utent tal-internet meta jdaħħal l-isem ta’ trade mark bħala kelma ta’ riċerka jkollu l-intenzjoni li jsib informazzjoni jew offerti fuq il-prodotti jew is-servizzi ta’ din it-trade mark. Għaldaqstant, meta links pubbliċitarji għal siti li jipproponu prodotti jew servizzi ta’ kompetituri tal-proprjetarju tal-imsemmija trade mark jintwerew, ħdejn jew fuq ir-riżultati naturali tar-riċerka, l-utenti tal-internet jista’, jekk huwa ma jevitax mill-bidu dan il-links bħala irrilevanti u ma jħawwadhomx ma’ dawk tal-proprjetarju tat-trade mark, jipperċepixxi l-imsemmija links pubbliċitarji bħala li joffru alternattiva fir-rigward tal-prodotti jew tas-servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark (33).”

45.      F’ħafna każijiet, il-wiri ta’ alternattivi kummerċjali ma jidhirx li jagħmel ħsara għall-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini tat-trade mark għaliex id-dehra ta’ reklam f’link sponsorjat wara li tiddaħħal kelma prinċipali identika għal trade mark ma toħloqx assoċjazzjoni jew rabta bejn it-trade mark u l-prodott jew is-servizz promoss bir-reklam. Kif ġie kkonstatat mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-utent tal-internet jista’ jieħu l-impressjoni li l-links ta’ reklamar qegħdin joffru alternattivi kummerċjali għall-prodotti jew servizzi tal-proprjetarju tat-trade mark. Dan japplika għal prodotti jew servizzi simili. Ir-riskju ta’ konfużjoni huwa inqas fil-każ ta’ prodotti jew servizzi differenti iżda relatati. Dan ikun il-każ, pereżempju, jekk it-trade mark magħżula bħala kelma prinċipali tkun relatata mal-ivvjaġġar bl-ajru u r-riklam muri jikkonċerna l-kiri ta’ karozzi jew akkomodazzjoni f’lukandi. Barra minn hekk, wieħed mill-benefiċċji l-kbar tal-internet huwa preċiżament li dan iżid immensament il-possibbiltajiet għall-konsumatur li jagħmel għażliet infurmati bejn prodotti u servizzi (34).

46.      Madankollu, fil-każ ta’ trade mark bħal INTERFLORA li tidentifika netwerk kummerċjali ta’ impriżi indipendenti li jipprovdu servizz speċjali uniformi, jiġifieri l-kunsinna ta’ fjuri skont proċedura standard, il-wiri tal-isem ta’ impriża oħra f’link sponsorjata fil-fehma tiegħi x’aktarx li joħloq l-impressjoni li l-impriża msemmija fir-riklam tappartjeni għan-netwerk ta’ impriżi identifikati b’dik it-trade mark (35).

47.      Għalhekk, skont l-interpretazzjoni tiegħi, minbarra t-tifsira reġistrata tagħha, it-trade mark INTERFLORA akkwistat “tifsira sekondarja” (36) li turi ċertu netwerk kummerċjali ta’ bejjiegħa ta’ fjuri li jipprovdu ċertu tip ta’ servizz ta’ kunsinna, u r-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark hija relatata ma’ jew hija identika mal-assoċjazzjonijiet pożittivi li din it-tifsira għandha fil-moħħ ta’ gruppi rilevanti ta’ konsumaturi (37).

48.      Għalhekk, assoċjazzjoni bejn it-trade mark ta’ Interflora u servizz identiku ta’ kunsinna ta’ fjuri pprovdut minn Marks & Spencer hija possibbli u anki probabbli f’moħħ il-konsumatur medju li qiegħed ifittex informazzjoni dwar dan it-tip ta’ servizzi fuq l-internet meta jkun iffaċċjat b’dan ir-reklam (38):

“M&S Flowers Online

www.marksandspencer.com/flowers

Fjuri friski u pjanti sbieħ ħafna. Agħmel l-ordni sal-5pm għal kunsinna l-ġurnata ta’ wara.”

Fil-fehma tiegħi, il-wiri tar-reklam b’riżultat talli jiġi mdaħħal il-kliem “interflora” f’mutur ta’ riċerka toħloq fil-kuntest ta’ dan il-każ assoċjazzjoni li Marks & Spencer hija parti min-netwerk ta’ Interflora.

49.      Fid-dawl ta’ din l-analiżi fir-rigward tad-domandi 1, 2 u 3(a), nipproponi li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati li jfissru li

–        Sinjal identiku għal trade mark jintuża “fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija [prodotti] jew servizzi” skont it-tifsira tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 u tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94 meta jkun ġie magħżul bħala kelma prinċipali b’rabta ma’ servizz ta’ referenzjar fuq l-internet mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, u l-wiri ta’ reklamar huwa organizzat abbażi tal-kelma prinċipali.

–        Il-proprjetarju tat-trade mark għandu dritt jipprojbixxi tali imġiba fiċ-ċirkustanzi hawn fuq imsemmija, fil-każ fejn dak ir-reklam ma jippermettix lil utent tal-internet medju, jew jippermetti lil dan l-utent iżda b’ċerta diffikultà biss, li jivverifika jekk il-prodotti jew servizzi msemmija fir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża konnessa miegħu ekonomikament jew minn terzi.

–        Żball rigward l-oriġini tal-prodotti jew servizzi jseħħ meta l-link sponsorjata tal-kompetitur tista’ twassal lil xi membri tal-pubbliku sabiex jemmnu li l-kompetitur huwa membru tan-netwerk kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark meta ma jkunx. B’riżultat ta’ dan, il-proprjetarju tat-trade mark għandu dritt li jipprojbixxi l-użu tal-kelma prinċipali f’reklamar mill-kompetitur inkwistjoni.

–        L-attitudni tal-fornitur tas-servizz ta’ referenzjar dwar il-possibbiltà li l-proprjetarju tat-trade mark jipprojbixxi l-użu tat-trade marks tiegħu bħala kliem prinċipali hija irrilevanti fir-rigward tar-risposti mogħtija iktar ’il fuq.

C –    Protezzjoni tat-trade mark estiża għal trade marks li għandhom reputazzjoni b’mod konformi mal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 [id-domandi 3(b) u 4]

1.      Osservazzjonijiet ġenerali dwar il-protezzjoni kontra t-tidjif ta’ trade marks

50.      It-tidjif ta’ trade mark (39) jirrigwarda l-idea li l-iskop proprju tal-liġi tat-trade marks għandu jkun li jiġu protetti l-isforzi u l-investimenti li jsiru mill-proprjetarju tat-trade mark u l-valur indipendenti (l-avvjament) tat-trade mark. Dan l-approċċ għat-trade marks “ibbażat fuq il-proprjetà” huwa differenti mill-idea “ibbażata fuq l-ingann” illi l-liġi tat-trade marks tipproteġi primarjament il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini bl-iskop li tipprevjeni lil konsumaturi u lil utenti finali milli jieħdu żball fir-rigward tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti u servizzi (40). L-approċċ ibbażat fuq il-proprjetà jipproteġi wkoll il-funzjonijiet ta’ komunikazzjoni, reklamar u investiment li għandhom it-trade marks bil-ħsieb li tinħoloq marka b’immaġini pożittiva u valur ekonomiku indipendenti (il-valur proprjetarju tal-marka jew l-avvjament). Konsegwentement, it-trade mark tista’ tintuża għal diversi prodotti u servizzi li ma jkollhom xejn komuni ħlief li jkunu taħt il-kontroll tal-proprjetarju tat-trade mark. Il-funzjonijiet tal-oriġini u tal-kwalità (41) jkunu protetti bħala fatturi li jikkontribwixxu għall-valur tal-marka.

51.      Din it-teorija tat-tidjif, li fil-preżent hija assoċjata speċifikament ma’ trade marks magħrufa sew, testendi l-protezzjoni tat-trade mark għal prodotti u servizzi differenti minn dawk li jappartjenu għad-dominju ta’ protezzjoni rreġistrat. Storikament, din serviet funzjoni simili għal dik tal-hekk imsejħa duttrina Kodak li tiġġustifika skop estensiv ta’ protezzjoni kontra l-konfużjoni fil-każ ta’ trade marks magħrufa sew (42).

52.      Kemm fil-liġi tal-UE kif ukoll fil-liġi tal-Istati Uniti, il-kunċett ta’ protezzjoni mit-tidjif jagħmlu referenza speċjalment għal żewġ fenomeni: il-protezzjoni kontra ċ-ċajpir u l-protezzjoni kontra t-titbigħ (43). Il-protezzjoni kontra ċ-ċajpir (jew tidjif fis-sens strett tal-kelma) tingħata kontra użi li jinvolvu r-riskju li t-trade mark titlef il-karattru distintiv tagħha u b’hekk anki l-valur tagħha. Il-protezzjoni kontra t-titbigħ tfisser protezzjoni kontra użi li jipperikolaw ir-reputazzjoni tat-trade mark.

53.      Barra minn hekk, fil-liġi tat-trade marks tal-UE, kuntrarjament għall-Istati Uniti (44), il-protezzjoni mit-tidjif tkopri wkoll it-tielet fenomenu, jiġifieri l-protezzjoni kontra l-parassitiżmu jew it-teħid ta’ vantaġġ mhux ġustifikat mir-reputazzjoni jew il-karattru distintiv ta’ trade mark ta’ ħaddieħor. L-essenza tal-protezzjoni kontra l-parassitiżmu ma hijiex il-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark kontra l-ħsara għat-trade mark tiegħu, iżda pjuttost il-protezzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark kontra min jikser id-dritt u li jirċievi vantaġġ inġust mill-użu mhux awtorizzat tat-trade mark (45).

54.      Fir-rigward tat-terminoloġija, fil-fehma tiegħi fil-liġi tat-trade marks tal-UE it-tidjif fis-sens wiesgħa jinkludi ċ-ċajpir, it-titbigħ (jew id-degradazzjoni) u l-parassitiżmu. It-titbigħ (jew it-tnaqqir jew it-tidjif fis-sens strett) iffiser użu li jista’ jwassal għal proċess ta’ tidjif tat-trade mark fis-sens strett, jiġifieri t-tnaqqis tal-karattru distintiv tat-trade mark.

55.      Bid-domandi tagħha 3(b) u 4, il-qorti tar-rinviju qed tfittex li tistabbilixxi ċ-ċirkustanzi li taħthom min jirreklama li juża trade mark identika għal trade mark li għandha reputazzjoni ta’ kompetitur għandu jitqies li jkun qed jaġixxi

–        b’mod li jkun ta’ ħsara għall-karattru distintiv ta’ dik it-trade mark

u/jew

–        billi jikseb vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni ta’ dik it-trade mark (46).

2.      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 japplika fil-każ li s-sitwazzjoni taqa’ wkoll taħt l-Artikolu 5(1)(a)?

56.      Bħala kwistjoni preliminari għad-domanda 3(b) għandu jiġi analizzat jekk l-Artikoli 5(1)(a) u 5(2) tad-Direttiva 89/104 jistgħux jiġu applikati flimkien jew jekk għandux jiġi applikat wieħed minnhom biss kull darba.

57.      Taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 tingħata protezzjoni kontra t-tliet forom ta’ tidjif lil trade marks li għandhom reputazzjoni kontra sinjali identiċi jew simili użati fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi li ma humiex identiċi jew simili għal dawk koperti bit-trade mark. Madankollu, kif ġie osservat iktar ’il fuq, is-sentenza Davidoff wessgħat l-applikazzjoni tad-dispożizzjoni anki għal każijiet fejn ikun użat sinjal identiku jew simili fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili. Dan jestendi l-protezzjoni mit-tidjif għal sitwazzjonijiet fejn tkun teżisti relazzjoni ta’ kompetizzjoni ekonomika diretta bejn il-proprjetarju tat-trade mark u dak li jagħmel użu minn sinjal identiku jew simili. Infakkar li ma hemm l-ebda nuqqas ta’ qbil bjen il-partijiet dwar jekk INTERFLORA għandhiex effettivament reputazzjoni fis-sens tal-Artikolu 5(2).

58.      Minn ġurisprudenza reċenti tal-Qorti tal-Ġustizzja rigward l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 isegwi li l-użu ta’ sinjal identiku jaqa’ taħt dik id-dispożizzjoni sakemm dan x’aktarx ikollu effett kuntrarju fuq xi waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark, mhux biss fuq il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini (47).

59.      Madankollu, ma naħsibx li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tfisser li r-rwol tal-funzjonijiet kollha ta’ trade mark ikunu limitati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104. F’każijiet ta’ identiċità doppja ta’ sinjali u ta’ prodotti jew servizzi, il-funzjonijiet kollha jew uħud minnhom huma rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2). Infakkar li funzjonijiet tat-trade marks differenti mill-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini huma protetti bl-Artikolu 5(2) fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 5(1)(b) jekk ma tkunx tista’ tiġi stabbilita l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni.

60.      Fil-każ ta’ identiċità doppja huwa possibbli li wieħed jaħseb li protezzjoni kontra ċajpir, titbigħ u parassitiżmu hija bbażata fuq l-Artikolu 5(1)(a) biss, u li bl-ebda mod ma tinvolvi l-Artikolu 5(2). Dan ikun il-każ sakemm l-użu ta’ sinjal identiku għal trade mark relatata ma’ prodotti jew servizzi identiċi jista’ jkollha effett negattiv fuq xi waħda mill-funzjonijiet tat-trade mark. Hawnhekk ikunu kkonċernati l-iktar ovvjament il-funzjonijiet tal-kwalità, tal-komunikazzjoni, tar-reklamar jew tal-investiment, iżda anki l-funzjonijiet tal-identifikazzjoni jew tad-distinzjoni safejn is-sinjal jiġi użat sabiex jiddistingwi bejn prodotti u servizzi għal skopijiet differenti minn dawk tal-indikazzjoni tal-oriġini tagħhom.

61.      Din l-interpretazzjoni tkun konsistenti mal-idea espressa fl-għaxar premessa fil-preambolu tad-Direttiva 89/104 li tistipula li l-protezzjoni pprovduta bl-Artikolu 5(1)(a) hija “assoluta”. Għalija huwa ovvju wkoll li kwalunkwe użu kopert bl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 x’aktarx ikollu effett kuntrarju għallinqas fuq xi wħud mill-funzjonijiet tat-trade mark imsemmija iktar ’il fuq, speċjalment peress li l-protezzjoni mwessa’ pprovduta bl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 normalment tkun immotivata b’referenza għall-funzjonijiet tal-komunikazzjoni, tar-reklamar u tal-investiment tat-trade marks.

62.      Dan ir-raġunament jinvolvi li l-Artikolu 5(1)(a) ikun jipproteġi kontra l-forom ta’ tidjif imsemmija fl-Artikolu 5(2) f’każijiet ta’ identiċità doppja bejn sinjali u prodotti jew servizzi. Barra minn hekk, il-karattru distintiv u r-reputazzjoni f’dan il-każ ikunu protetti irrispettivament minn jekk it-trade mark għandhiex reputazzjoni jew le fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, jiġifieri jekk hijiex magħrufa sew jew le.

63.      Madankollu, interpretazzjoni bħal din tkun f’kontradizzjoni mal-kliem, għalkemm x’aktarx mhux mar-ratio decidendi tas-sentenza Davidoff. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 japplika mhux biss fil-każ ta’ prodotti simili iżda anki fil-każ ta’ prodotti identiċi, anki jekk ir-raġunament imressaq mill-Qorti tal-Ġustizzja ikun jidher li huwa rilevanti biss fir-rigward tas-sitwazzjoni msemmija l-ewwel (48).

64.      Madankollu, inżomm lura milli nirrakkomanda li l-Qorti tal-Ġustizzja twieġeb id-domanda 3 fis-sens li l-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 89/104 japplika, speċjalment peress li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà dehret li aċċettat l-applikazzjoni parallela tal-Artikoli 5(1)(a) u (2) tad-Direttiva 89/104 (49). Huma x’inhuma l-merti tar-rwol tal-funzjonijiet tat-trade marks fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) (50), fil-fehma tiegħi t-tidjif tat-trade mark bħala fenomenu legali għandu f’kull każ jiġi analizzat abbażi tal-Artikolu 5(2). Dan ikun jinvolvi li l-kunċetti relatati mat-tidjif ta’ trade marks jiġu interpretati b’mod uniformi minkejja d-differenzi fil-grad ta’ similarità meħtieġ li jkun jeżisti bejn prodotti jew servizzi li allegatament huma involuti fil-ksur u dawk koperti bi trade mark fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 5(1)(a), (1)(b) u (2) tad-Direttiva 89/104 rispettivament. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, dan ikun jinvolvi li l-funzjonijiet kollha tat-trade mark – bl-eċċezzjoni tal-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini – jista’ jkollhom rwol fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 anki jekk ikunu diġà ġew applikati sabiex tiġi stabbilita l-applikabbilità tal-Artikolu 5(1)(a).

3.      L-eżistenza ta’ rabta bejn it-trade mark u s-sinjal magħżul bħala kelma prinċipali

65.      Skont il-ġurisprudenza irid ikun hemm “rabta” bejn trade mark li għandha reputazzjoni u s-sinjal użat minn terz sabiex l-użu tas-sinjal jaqa’ fi ħdan l-iskop tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104. Il-Qorti tal-Ġustizzja fissret l-eżistenza ta’ rabta bħal din b’dan il-mod: “Il-ħsara msemmija fl-Artikolu 4(4)(a) tad-direttiva, meta sseħħ, hija l-konsegwenza ta’ ċertu grad ta’ xebh bejn it-trade marks preċedenti u dawk sussegwenti, li minħabba fih il-pubbliku kkonċernat jagħmel konnessjoni bejn iż-żewġ trade marks, jiġifieri jistabbilixxi rabta bejniethom, anki jekk ma jħawwadhomx […] Fin-nuqqas ta’ rabta bħal din f’moħħ il-pubbliku, l-użu tat-trade mark sussegwenti mhuwiex tali li jieħu vantaġġ inġust mill-karattru distintiv jew ir-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti, jew li jkun ta’ detriment għalihom (51).”

66.      F’dan il-każ, it-trade mark inkwistjoni INTERFLORA hija identika ma’ kelma prinċipali mixtrija minn Marks & Spencer mis-servizz ta’ reklamar ta’ Google. Għalhekk, il-kwistjoni tal-eżistenza tar-rabta tista’ tidher trivjali. Sfortunatament dan ma huwiex il-każ: l-eżistenza ta’ rabta bejn trade mark u kelma prinċipali identika altru milli hija trivjali.

67.      Kelma prinċipali li tista’ tiġi użata fil-kuntest ta’ servizz ta’ referenzjar bl-internet hija sekwenza ta’ sinjali li jistgħu jkunu identiċi, u normalment ikunu hekk, għal kelma, jew sekwenza ta’ kliem jew sentenza ta’ lingwa naturali. Il-kelma prinċipali bħala tali ma għandhiex tifsira fis-sistema ta’ referenzjar peress li l-algoritmi tal-mutur ta’ riċerka jiġbru sekwenzi ta’ sinjali identiċi indipendentement mit-tifsira tagħhom fi kwalunkwe sistema lingwistika. Għalhekk kliem prinċipali bħala tali huma semantikament vojta (52); dawn għandhom tifsiriet u referenzi speċifiċi biss f’moħħ l-utenti tal-internet li jdaħħluhom. Dawk li jirreklamaw li jixtru l-kliem prinċipali jiddependu fuq l-eżistenza ta’ assoċjazzjonijiet f’moħħ l-utenti tal-internet.

68.      Għal-liġi tat-trade marks, dan jikkawża diversi problemi meta l-operazzjoni inviżibbli li tikkonsisti fl-għażla ta’ sekwenza li tikkorrispondi ma’ trade mark li tkun proprjetà ta’ xi ħaddieħor tkun ikkunsidrata bħala użu ta’ dik it-trade mark, kif ġie deċiż f’Google France u Google.

69.      Dawn il-problemi huma relatati mal-uniċità tat-trade marks. Uħud mit-trade marks huma uniċi (53).” Meta jkun hemm trade mark magħrufa sew li tkun arbitrarja, maħluqa jew li jkun fiha element ta’ fantasija (pereżempju, kelma ta’ fantasija jew sekwenza ta’ ittri u/jew numri mingħajr ebda tifsira), u li tappartjeni għal sors wieħed, faċilment jista’ jitqies li l-utent tal-internet li jdaħħalha bħala terminu ta’ riċerka jkollu f’moħħu dik it-trade mark. L-istess japplika għal impriża li tixtri dik il-kelma prinċipali.

70.      Madankollu, ħafna mit-trade marks ma humiex uniċi. Ħafna drabi, trade mark verbali identika tiġi rreġistrata minn proprjetarji oħra fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi differenti fl-istess pajjiż jew barra mill-pajjiż. Dan ir-rekwiżit lanqas ma huwa inerenti fil-kunċett tal-liġi dwar it-trade marks tal-UE ta’ trade mark li għandha reputazzjoni (54). Hemm ukoll trade marks li huma magħmulin minn kliem komuni jew kliem deskrittiv li akkwistaw reputazzjoni wiesgħa jew tifsira sekondarja b’saħħitha bħala trade mark f’settur speċifiku. Madankollu, ikun riskjuż li wieħed jassumi li utent tal-internet li jagħżel il-kelma “apple” jew “diesel” bħala terminu ta’ riċerka jkun dejjem qiegħed ifittex għal kompjuters jew jeans ta’ ċerta ditta, u mhux għal frott jew fjuwil. Jew li t-terminu ta’ riċerka “nokia” ser jiġi użat biss f’riċerki li għandhom x’jaqsmu ma’ telefoni ċellulari u qatt f’riċerki li għandhom x’jaqsmu ma’ raħal, lag, moviment reliġjuż u ditta ta’ tyres li lkoll għandhom isem simili.

71.      Ikun riskjuż bl-istess mod li wieħed jassumi b’mod ġenerali li impriża li tixtri sinjali bħala kliem prinċipali f’servizz ta’ referenzjar tal-internet tkun qed timmira għal din jew għal dik it-trade mark, speċjalment jekk ikunu jeżistu diversi trade marks identiċi rreġistrati għal proprjetarji differenti f’ġurisdizzjonijiet differenti (55).

72.      Bħala konklużjoni, wieħed jista’ jassumi b’ċertezza li l-identiċità bejn kelma prinċipali u trade mark tindika rabta bejniethom fil-każ ta’ trade marks tassew uniċi li huma verament distintivi ħafna. Bl-istess mod, wieħed jista’ jassumi li impriża li tixtri kelma prinċipali jkollha fil-mira trade mark identika fil-każ biss li t-trade mark għandu dawk il-karatteristiċi u l-kelma prinċipali tiġi akkwistata minn kompetitur, jiġifieri impriża li tbiegħ prodotti jew servizzi li jikkompetu ma’ dawk koperti bit-trade mark. Fil-fehma tiegħi, dawk il-kundizzjonijiet jidhru li ġew osservati fil-każ pjuttost eċċezzjonali tat-trade mark INTERFLORA.

73.      F’każijiet oħra l-eżistenza ta’ rabta ma tistax tiġi stabbilita mingħajr ma wieħed jirrikorri għal fatturi li huma esterni għall-użu “inviżibbli” ta’ trade mark li jikkonsisti fl-għażla ta’ kelma prinċipali identika għall-iskopijiet ta’ reklamar fuq muturi ta’ riċerka. Dawn il-fatturi għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu relatati ma’ informazzjoni ta’ marketing murija fir-riklam li jidher fil-link sponsorjata (56).

74.      Fil-fehma tiegħi il-Qorti tal-Ġustizzja segwiet din it-triq fir-raġunament tagħha fis-sentenza Google France u Google. Hemmhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet il-proposta tal-Avukat Ġenerali, li sostna li l-għażla ta’ kliem prinċipali għandha tkun ikklassifikata bħala użu privat minn min jirreklama (57) u ddeċidiet minflok li min jirreklama “juża” trade mark billi jagħżilha bħala kelma prinċipali f’servizz ta’ referenzjar bi ħlas. Kif semmejt iktar ’il fuq, din il-konstatazzjoni ma kinitx dipendenti fuq jekk is-sinjal kienx inkluż jew le fir-reklam muri fil-link sponsorjat.

75.      Madankollu, f’Google France u Google, il-Qorti tal-Ġustizzja kompliet sabiex issostni, minkejja li l-kawża ma kinitx tikkonċerna lil minn jirreklama iżda biss lill-fornitur tas-servizz ta’ referenzjar bl-internet, li “[i]l-kwistjoni dwar jekk hemmx tali preġudizzju [fuq il-funzjoni tat-trade mark li tindika l-oriġini tal-prodotti jew servizzi] (58) meta l-utenti tal-internet jintwerew, fuq il-bażi ta’ kelma prinċipali identika għal trade mark, reklam ta’ terz, bħala ta’ kompetitur tal-proprjetarju ta’ din it-trade mark, jiddependi b’mod partikolari fuq il-mod kif dan ir-reklam ikun ppreżentat (59).”

76.      Fil-fehma tiegħi, minn Google France u Google jista’ jiġi dedott li minkejja l-għażla ta’ kelma prinċipali li tirrappreżenta l-użu ta’ trade mark fir-rigward ta’ oġġetti jew servizzi minn min jirreklama, il-kundizzjonijiet tal-permissibbiltà ta’ dak l-użu jridu primarjament (60) ikunu evalwati abbażi tal-eżitu viżibbli, li huwa r-reklam fil-link sponsorjat ta’ min jirreklama li jiġi muri lill-utent tal-internet li jkun daħħal it-terminu ta’ riċerka. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ddikjaratx li l-għażla ta’ kliem prinċipali identiku għat-trade marks ta’ terzi tikser id-dritt esklużiv tal-proprjetarju tat-trade mark li juża t-trade mark fir-reklamar ta’ prodotti jew servizzi identiċi ma’ dawk koperti bit-trade mark, huwa loġiku li l-effetti tar-reklam fil-link sponsorjata viżibbli għall-utent tal-internet iridu jkunu l-punt tat-tluq tal-analiżi.

4.      Ċajpir

77.      Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 89/104, sinjal li jista’ jkun reġistrat bħala trade mark irid ikun distintiv, jiġifieri li jista’ jiddifferenzja l-prodotti jew servizzi ta’ impriża partikolari minn dawk ta’ impriżi oħra. Il-protezzjoni estiża tat-trade mark taħt l-Artikolu 5(2) tista’ tiġi pprovduta mill-Istati Membri “fejn l-użu ta’ dak is-simbolu mingħajr raġuni valida jieħu vantaġġ mhux onest jew li hu ta’ detriment għall-karattru li jiddifferenza wieħed għall-ieħor jew reputazzjoni tat-trade mark”.

78.      Sabiex sinjal ikollu karattru distintiv (u jkun kapaċi għalhekk li jkun trade mark) dan ma għandu jkollu l-ebda tifsira primarja jew tifsira primarja li ma tkunx deskrittiva fis-sens ġeneriku, jiġifieri ma tagħmilx referenza għall-prodotti jew servizzi koperti bit-trade mark jew għall-oriġini jew kwalitajiet tagħhom iżda għal affarijiet differenti (bħal APPLE għal kompjuters). Fuq il-linja ta’ demarkazzjoni hemm trade marks suġġestivi li għandhom tifsira primarja li ma hijiex deskrittiva tal-prodotti u servizzi kkonċernati iżda li toħloq assoċjazzjoni li hija relatata mal-(proprjetajiet tal-) prodotti jew servizzi (bħal TRÉSOR għal fwejjaħ ta’ kwalità) (61).

79.      Il-Qorti tal-Ġustizzja fissret it-tidjif biċ-ċajpir b’dan il-mod: “Fir-rigward b’mod aktar partikolari tad-detriment ikkawżat lill-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, imsejjaħ ukoll “tidjif”, “tnaqqir” jew “ċajpir”, dan id-detriment iseħħ meta tiddgħajjef il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tidentifika l-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata u użata bħala provenjenti mill-proprjetarju tal-imsemmija trade mark, peress li l-użu tat-trade mark sussegwenti jwassal għat-tnaqqis gradwali mis-saħħa tal-identità tat-trade mark preċedenti u tal-influwenza tagħha fuq il-pubbliku. Dan huwa partikolarment il-każ meta t-trade mark preċedenti, li kienet tqanqal assoċjazzjoni immedjata mal-prodotti jew is-servizzi li għalihom hija rreġistrata, ma tkunx aktar f’pożizzjoni li tagħmel dan (62).”

80.      Ċajpir għalhekk jirreferi għall-użu ta’ sinjal identiku ma’ jew simili għal trade mark li għandha reputazzjoni b’mod li x’aktarx idgħajjef il-karattru distintiv billi jnaqqas il-kapaċità ta’ din it-trade mark li tiddistingwi l-prodotti jew is-servizzi. Fl-aħħar tal-proċess taċ-ċajpir (jew tidjif fis-sens strett) it-trade mark ma tkunx iktar kapaċi li toħloq assoċjazzjoni f’moħħ il-konsumaturi tal-eżistenza ta’ rabta ekonomika bejn sors kummerċjali speċifiku (63) ta’ ċerti prodotti jew servizzi u t-trade mark. Fi kliem ieħor, dak li hemm involut hija proprju l-kapaċità ta’ sinjal li jservi bħala trade mark, jew fi kliem ieħor il-funzjoni tat-trade mark li tidentifika jew tiddistingwi.

81.      F’dan is-sens, ċajpir jew tidjif primarjament ifissru li l-karattru distintiv tat-trade mark jiġi “mdgħajjef” (“Verwässerung” bil-Ġermaniż) peress li t-trade mark isir banali. Sinjal użat bħala trade mark li tagħmel referenza għal diversi prodotti jew servizzi minn sorsi kummerċjali differenti ma jkunx iktar kapaċi jidentifika l-prodotti jew servizzi koperti bit-trade mark ma’ sors wieħed (64).” Dan ir-riskju huwa ħafna drabi relatat ma’ każijiet fejn trade mark li tkun magħrufa sew tiġi esposta għall-preżenza ta’ marki identiċi jew simili li jagħmlu referenza għall-prodotti u servizzi differenti u l-oriġini tagħhom.

82.      Madankollu, dan l-iżvilupp diffiċli li jidher fil-kuntest ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili. Peress li Marks & Spencer ma hijiex qed tuża t-trade mark INTERFLORA fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi differenti minn dawk ipprovduti minn Interflora, fil-fehma tiegħi f’dan il-każ ma hemmx tidjif fis-sens kif imfisser fil-ġurisprudenza. Għalhekk il-problema ta’ Interflora ma hijiex li t-trade mark tagħha INTERFLORA ssir banali u b’hekk titlef il-karattru distintiv tagħha, iżda r-riskju ta’ deġenerazzjoni tagħha, jiġifieri li t-trade mark issir terminu ġeneriku jew nom komuni. Dan jindika wkoll it-tnaqqis tal-karattru distintiv iżda ta’ natura differenti mit-tidjif fis-sens li t-trade mark tonqos mill-effett tagħha (65).

83.      Sakemm l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 huwa applikabbli wkoll għall-każijiet ta’ identiċità doppja bejn is-sinjali u l-prodotti jew servizzi, fil-fehma tiegħi il-protezzjoni kontra d-deġenerazzjoni għandha tingħata wkoll abbażi ta’ din id-dispożizzjoni peress li l-problema bażika, jiġifieri t-tnaqqis gradwali fil-karattru distintiv, huwa l-istess.

84.      Id-deġenerazzjoni tirriżulta jew mill-assenza ta’ terminu ġeneriku alternattiv li juri l-klassi ta’ prodotti li tagħhom l-uniku jew l-iktar rappreżentant importanti huwa l-prodott jew servizz kopert bit-trade mark, jew mis-suċċess kbir ta’ ċerta marka f’ċerta klassi ta’ prodotti. Id-deġenerazzjoni thedded speċjalment it-trade marks li jkopru xi innovazzjoni ġdida jew dawk li huma magħrufin sew f’oqsma speċifiċi (66).

85.      Id-deġenerazzjoni tista’ tirriżulta minn atti jew ommissjonijiet tal-proprjetarju tat-trade mark innifsu, pereżempju bl-użu tiegħu tat-trade mark bħala terminu ġeneriku jew in-nuqqas tiegħu li jiżviluppa terminu ġeneriku alternattiv xieraq sabiex jiffaċilita referenzi għal tali prodotti mingħajr ma juża t-trade mark bħala terminu ġeneriku. Madankollu, jista’ jkun hemm deġenerazzjoni anki bl-użu tat-trade mark minn oħrajn b’mod li dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp tagħha sabiex issir terminu ġeneriku.

86.      Interflora ssostni li l-għażla minn Marks & Spencer tat-trade mark tagħhom u ta’ termini li jiddevjaw minnha b’xi tibdil żgħir biss bħala kliem prinċipali, timplika riskju ta’ tidjif tat-trade mark INTERFLORA, u għalhekk tikkostitwixxi ċajpir li huma għandu jkollhom id-dritt li jipprojbixxu taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104. L-argument tagħhom huwa li meta jdaħħal “interflora”, l-utent tal-internet ikun qiegħed ifittex informazzjoni dwar bejjiegħa tal-fjuri li jagħmlu marketing tas-servizzi (u tal-prodotti, jiġifieri fjuri) tagħhom taħt it-trade mark INTERFLORA. L-imġiba ta’ Marks & Spencer għalhekk tkun tinvolvi r-riskju li t-trade mark INTERFLORA tiddgħajjef billi tikseb tifsira ġenerika li turi lil kwalunkwe grupp ta’ bejjiegħa ta’ fjuri li joffru servizzi ta’ kunsinna fejn il-kunsinna tista’ ssir minn ħanut differenti minn dak li jkun irċieva l-ordni.

87.      Wisq naħseb li din il-linja ta’ argumentazzjoni ma tistax tirnexxi wara Google France u Google, għaliex timplika li l-għażla ta’ trade marks ta’ terzi bħala kliem prinċipali tkun tammonta għal ċajpir, għall-inqas fil-każ ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni. L-argument jiġifieri jidentifka l-assoċjazzjoni li tirriżulta mis-sekwenza kawżali li tgħaqqad il-kelma prinċipali mal-wiri tal-link sponsorjata mar-reklam tat-terz bħala l-fattur li jikkawża riskju ta’ deġenerazzjoni tat-trade mark.

88.      Madankollu, kif diġà semmejt, il-Qorti tal-Ġustizzja ma kkundannatx ir-reklamar permezz ta’ kliem prinċipali li juża trade marks ta’ terzi bħala tali, iżda rabtet il-kwistjoni tal-permessibbiltà tiegħu mal-kontenut tar-reklam muri fil-link sponsorjat. Jekk l-għaqda ta’ kelma prinċipali u reklam f’link sponsorjat tkun tammonta bħala tali għal tidjif, allura kull trade mark tkun imċajpra jekk din tintgħażel bħala kelma prinċipali li twassal għal reklam ta’ impriża differenti minn dik tal-proprjetarju tat-trade mark.

89.      F’dan il-każ, il-link sponsorjat muri wara li l-utent tal-internet ikun daħħal it-terminu ta’ riċerka “interflora” minnu nnifsu ma jinkludix is-sinjal jew xi sinjal simili. Kif spjegajt iktar ’il fuq, fil-każ ta’ trade mark li tkopri prodotti u servizzi pprovduti minn netwerk kummerċjali ta’ impriżi, din ma teskludix il-possibbiltà ta’ żball fis-sens li hemm rabta ekonomika bejn it-trade mark u min jirreklama. Fi kliem ieħor, effett kuntrarju fuq il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini hija possibbli anki fejn it-trade mark ma jkunx imsemmi fir-reklam muri fil-link sponsorjata.

90.      Madankollu, ma naħsibx li t-tidjif ta’ trade mark, jiġifieri li tiġi mdgħajjfa t-tifsira tagħha li turi prodotti jew servizzi ta’ oriġini kummerċjali speċifika fl-astratt, tista’ legalment tidher li tirriżulta minn reklamar fejn it-trade mark ma tissemmiex. Wara kollox, iċ-ċajpir fis-sens ta’ telf tal-karattru distintiv ifisser li s-sinjal kif mifhum mill-konsumatur qed jakkwista tifsira alternattiva f’moħħu. It-tifsira alternattiva tista’ jew tkun indikazzjoni ambivalenti ta’ prodotti jew servizzi differenti minn sorsi differenti, fil-każ ta’ prodotti jew servizzi li ma humiex simili, jew dik ta’ kategorija ġenerika ta’ prodotti jew servizzi fil-każ ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili (67).

91.      Fil-fehma tiegħi, l-użu ta’ trade marks ta’ terzi bħala kliem prinċipali fir-reklamar fuq muturi ta’ riċerka huwa ta’ ħsara għall-karattru distintiv ta’ trade mark li għandha reputazzjoni f’każijiet ta’ prodotti jew servizzi identiċi meta l-kundizzjonijiet li ġejjin ikunu osservati: is-sinjal jissemma jew jintwera fir-reklam fil-link sponsorjat, u l-messaġġ jew komunikazzjoni tal-marketing fir-reklam juża sinjal f’sens ġeneriku bħala li jirreferi għal kategorija jew klassi ta’ prodotti jew servizzi, u mhux li jiddistingwi bejn prodotti u servizzi ta’ oriġini differenti.

5.      Titbigħ

92.      Għal skopijiet ta’ kjarezza, insemmi wkoll it-tieni element kopert bl-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, jiġifieri t-titbigħ, li jirreferi għal dannu għar-reputazzjoni tat-trade mark. Fil-kawża L’Oréal et, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li “dan id-dannu jseħħ meta l-prodotti jew is-servizzi li għalihom is-sinjal identiku jew simili jintuża minn terz jistgħu jintgħoġbu mill-pubbliku b’mod li s-saħħa ta’ attrazzjoni tat-trade mark tonqos. Il-probabbiltà ta’ tali dannu tista’ tirriżulta b’mod partikolari mill-fatt li l-prodotti u s-servizzi offruti minn terz ikollhom karatteristika jew kwalità li tista’ terżerċità influwenza negattiva fuq l-immaġni tat-trade mark (68).” Madankollu, din il-kawża ma hijiex dwar titbigħ.

6.      Parassitiżmu

93.      Fl-L’Oréal et, il-Qorti tal-Ġustizzja kkaratterizzat il-parassitiżmu bħala sitwazzjoni “meta terz jipprova, permezz tal-użu ta’ sinjal simili għal trade mark magħrufa, japprofitta minn fuq dahar tali trade mark sabiex jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni tagħha u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex juża, mingħajr ebda kumpens finanzjarju u mingħajr ma jkollu juża r-riżorsi tiegħu stess għal dan il-għan, l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ din it-trade mark, il-vantaġġ miksub minn dan l-użu għandu jiġi kkunsidrat bħala vantaġġ inġust miksub mill-karattru distintiv jew mir-reputazzjoni tal-imsemmija trade mark (69)”.

94.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ikkonstatat f’L’Oréal et, li l-eżistenza ta’ vantaġġ inġust ma hijiex dipendenti fuq li l-użu jkun ta’ ħsara għall-proprjetarju tat-trade mark. Jien insib li dan huwa problematiku ħafna mill-perspettiva ta’ kompetizzjoni għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja attwalment qiegħdha ssostni li l-proprjetarju tat-trade mark huwa intitolat juża d-dritt tiegħu li jipprojbixxi l-użu ta’ sinjal f’ċirkustanzi fejn dan jirriżulta f’moviment ’l bogħod minn sitwazzjoni Pareto ottimali. Is-sitwazzjoni tal-proprjetarju tat-trade mark ma hijiex ser titjieb għaliex fil-prinċipju huwa mhux ser isofri ebda dannu minħabba l-użu, iżda s-sitwazzjoni tal-kompetitur teħżien għaliex jitlef parti min-negozju tiegħu. Anki s-sitwazzjoni tal-konsumaturi li ma ġewx imqarqa bir-reklam iżda li b’mod konxju ppreferew jixtru l-prodotti tal-kompetitur tkun imdgħajfa (70).

95.      Huwa importanti li wieħed jiftakar li l-kawża L’Oréal et. kienet dwar l-imitazzjoni ta’ prodotti ta’ lussu. Fil-kawża preżenti, il-prodotti/servizzi huma “normali” u mhux repliki jew imitazzjonijiet; għall-inqas ma huwiex qed jiġi sostnut li b’xi mod Marks & Spencer qiegħdha timita lill-Interflora.

96.      F’dan il-każ, Marks & Spencer qiegħdha tagħmel sforz sabiex tippreżenta lilha nnifisha bħala alternattiva kummerċjali għal dawk il-klijenti li jew qegħdin ifittxu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ Interflora jew dwar is-servizzi ta’ kunsinna ta’ fjuri b’mod ġenerali, li probabbilment jiftakru t-trade mark l-iktar magħrufa għal dak li jirrigwarda dawn is-servizzi. Huwa ovvju li fiż-żewġ każijiet Marks & Spencer qed tieħu vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark ta’ Interflora, peress li huwa inkonċepibbli li din l-għażla ta’ kliem prinċipali tkun tista’ tiġi spjegata b’xi motiv ieħor. Għalhekk, il-kwistjoni li jifdal hija relatata ma’ dak l-użu b’mod xieraq. Infakkar li skont il-ġurisprudenza Google France u Google, l-għażla ta’ kliem prinċipali f’dawk iċ-ċirkustanzi tirrappreżenta użu tat-trade mark ta’ Interflora fir-rigward tal-prodotti u servizzi ta’ Marks & Spencer.

97.      F’L’Oréal et l-Avukat Ġenerali ppropona wkoll li t-test ta’ użu mhux xieraq isir applikabbli biss jekk ikun hemm raġuni valida sabiex jintuża t-trade mark tal-parti l-oħra. Jekk ma jkunx hemm raġuni valida, l-użu jkun awtomatikament mhux xieraq (71).

98.      L-użu rilevanti hawnhekk, mfisser bħala l-għażla tat-trade mark bħala kelma prinċipali f’reklamar fuq mutur tar-riċerka fl-internet, għandu jkollu raġuni valida. Safejn qegħdin niddiskutu l-każijiet tipiċi taħt l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104, jiġifieri dawk li jikkonċernaw prodotti jew servizzi mhux simili, huwa diffiċli ħafna li wieħed jara kif dik il-kundizzjoni għandha tiġi interpretata. Kif diġà semmejt, huwa diffiċli li wieħed jistabbilixxi r-rabta bejn il-kelma prinċipali u t-trade mark mingħajr rikors għal informazzjoni li tagħmel referenza għal ċirkustanzi li huma esterni għal dak l-użu.

99.      Fil-każ ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili, l-għan tal-preżentazzjoni ta’ alternattiva kummerċjali għall-prodotti jew servizzi protetti bi trade mark li għandha reputazzjoni għandu jgħodd bħala raġuni valida fil-kuntest ta’ marketing modern li jiddependi fuq reklamar fuq l-internet abbażi ta’ kliem prinċipali. Inkella, reklamar abbażi ta’ kliem prinċipali li juża trade marks magħrufin sew ta’ terzi jkun bħala tali parassitiżmu pprojbit. Din il-konklużjoni ma tistax tkun ġustifikata fid-dawl tal-ħtieġa li tiġi promossa l-kompetizzjoni mhux distorta u l-possibbilitajiet li l-konsumaturi jfittxu informazzjoni dwar prodotti jew servizzi. Il-qofol tal-ekonomija tas-suq huwa, wara kollox, li l-konsumaturi li jkun informati sew ikunu jistgħu jagħmlu għażliet skont il-preferenzi tagħhom. Jien naħseb li ma jkunx xieraq li l-proprjetarju ta’ trade mark ikun jista’ jipprojbixxi tali użu sakemm ma jkollux raġunijiet għalfejn joġġezzjona għar-reklam li jirriżulta mill-ittajpar ta’ terminu ta’ riċerka li jkun jaqbel ma’ kelma prinċipali.

100. Interflora ssostni li reklamar abbażi ta’ kliem prinċipali minn Marks & Spencer żied b’mod kunsiderevoli l-ispejjeż ta’ reklamar tagħha minħabba ż-żieda fil-prezz għal kull klikk mitluba minn Google b’riżultat tal-kompetizzjoni relatata ma’ dawn l-AdWords.

101. F’Google France u Google, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat dan li ġej (72): “Fir-rigward tal-użu, minn dawk li jirreklamaw fuq l-internet, tas-sinjal identiku għat-trade mark ta’ ħaddieħor bħala kelma prinċipali għall-finijiet tal-wiri ta’ messaġġi pubbliċitarji, huwa ċar li dan l-użu jista’ jkollu ċerti riperkussjonijiet fuq l-użu pubbliċitarju tal-imsemmija trade mark mill-proprjetarju tagħha kif ukoll fuq l-istrateġija kummerċjali tiegħu. . […]fid-dawl tal-pożizzjoni importanti li jokkupa r-reklamar fuq l-internet fil-kummerċ, huwa plawsibbli li l-proprjetarju tat-trade mark jirreġistra t-trade mark tiegħu bħala kelma prinċipali mal-fornitur tas-servizz ta’ referenzar, sabiex ikollu reklam muri fit-taqsima “liens commerciaux”. Meta dan ikun il-każ, il-proprjetarju tat-trade mark ikollu, skont il-każ, jaċċetta li jħallas prezz għal kull klikk iktar għoli minn ċerti operaturi ekonomiċi oħrajn, jekk ikun jixtieq jiżgura li r-reklam tiegħu jidher quddiem dawk tal-imsemmija operaturi li għażlu wkoll it-trade mark tiegħu bħala kelma prinċipali. Barra minn hekk, anki jekk il-proprjetajru tat-trade mark huwa lest li jħallas prezz għal kull klikk iktar għoli minn dak offrut mit-terzi li għażlu wkoll l-imsemmija trade mark, ma hemmx ċertezza li r-reklam tiegħu ser jidher quddiem dawk tal-imsemmija terzi, peress li fatturi oħrajn jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll sabiex jiġi stabbilit l-ordni ta’ wiri tar-reklami. […] Madankollu, dawn ir-riperkussjonijiet tal-użu tas-sinjal identiku għat-trade mark ta’ terzi ma jikkostitwixxux fihom infushom preġudizzju għall-funzjoni ta’ reklamar tat-trade mark.”

102. Għalhekk, peress li l-ispejjeż ogħla fil-prezz għal kull klikk ma jaffettwawx il-funzjoni ta’ trade mark li għandha reputazzjoni, fil-fehma tiegħi dawn l-ispejjeż miżjuda ma jistgħux minnhom infishom jikkostitwixxu inġustizzja jew teħid ta’ vantaġġ mir-reputazzjoni tat-trade mark.

103. Barra minn hekk, peress li l-Qorti tal-Ġustizzja, fil-ġurisprudenza tagħha Google France u Google, approvat fil-prinċipju reklamar abbażi ta’ kliem prinċipali li juża trade marks ta’ terzi, naħseb li anki l-kwistjoni tal-parassitiżmu għandha tiġi analizzata abbażi tar-reklam muri fil-link sponsorjata. Jekk dak ir-reklam isemmi jew juri t-trade mark, l-aċċettabbilità tal-użu tiddependi fuq jekk hemmx reklamar komparattiv leġittimu jew, b’mod kuntrarju, parassitiżmu fuq il-proprjetarju tat-trade mark (73).

104. Fir-reklami tagħha, Marks & Spencer la qiegħdha tipparaguna l-prodotti u s-servizzi tagħha ma’ dawk ta’ Interflora (“il-prodotti u s-servizzi tagħna huma aħjar/orħos minn dawk ta’ Interflora”) u lanqas ma ppreżentat il-prodotti tagħha bħala imitazzjonijiet jew kopji (“[…] qegħdin noffru it-tip ta’ servizz bħal ta’ Interflora”) jew inkella ppreżentathom espressament bħala alternattivi (“Inti klijent ta’ Interflora? Għalfejn din id-darba ma tippruvax lil Marks & Spencer?”).

105. Madankollu, l-għażla ta’ kliem prinċipali f’reklamar fuq muturi ta’ riċerka minn Marks and Spencer timplika messaġġ ta’ marketing li huma joffru alternattiva għal Interflora. Madankollu, fil-fehma tiegħi, dan ma jammontax għal parassitiżmu fis-sens tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104.

106. Fl-aħħarnett, fil-fehma tiegħi, l-aspetti msemmija fid-domanda 4 huma irrilevanti għat-tweġiba li għandha tingħata għad-domanda 3(b).

V –    Konklużjoni

107. Fid-dawl tal-analiżi msemmija iktar ’il fuq, nipproponi li jingħataw it-tweġibiet li ġejjin lill-High Court of Justice of England and Wales, Chancery Division:

1.      L-Artikolu 5(1)(a) tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 89/104/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1988, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks u l-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarju, iridu jiġu interpretati kif ġej:

–        Sinjal identiku ma’ trade mark huwa użat “fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi” skont it-tifsira ta’ dawn id-dispożizzjonijiet meta jkun ġie magħżul bħala kelma prinċipali b’konnessjoni ma’ servizz ta’ referenzjar bl-internet mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju tat-trade mark, u l-wiri ta’ reklami ikun organizzat abbażi tal-kelma prinċipali.

–        Il-proprjetarju ta’ trade mark għandu dritt li jipprojbixxi tali imġiba taħt iċ-ċirkustanzi msemmija iktar ’il fuq, fil-każ meta dak ir-reklam ma jippermettix lill-utent tal-internet medju, li jivverifika jekk il-prodotti jew is-servizzi msemmija fir-reklam joriġinawx mill-proprjetarju tat-trade mark jew minn impriża konnessa ekonomikament miegħu jew minn terz.

–        Ikun hemm żball li jikkonċerna l-oriġini tal-prodotti jew servizzi meta l-link sponsorjata tal-kompetitur tista’ twassal sabiex uħud mill-membri tal-pubbliku jemmnu li l-kompetitur huwa membru tan-netwerk kummerċjali tal-proprjetarju tat-trade mark meta fil-fatt ma jkunx. B’riżultat ta’ dan, il-proprjetarju tat-trade mark għandu dritt li jipprojbixxi l-użu tal-kelma prinċipali fir-reklamar mill-kompetitur inkwistjoni.

2.      L-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 u l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 għandhom jiġu interpretati bħala li jfissru li l-użu ta’ sinjal bħala kelma prinċipali f’servizz ta’ referenzjar fuq l-internet fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi għal dawk koperti minn trade mark identika li għandha reputazzjoni jaqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet u jista’ jkun ipprojbit mill-proprjetarju tat-trade mark meta

(a) ir-reklam muri b’riżultat tal-fatt li l-utent tal-internet ikun daħħal bħala terminu ta’ riċerka l-kelma prinċipali identika ma’ trade mark li għandha reputazzjoni jsemmi jew juri dik it-trade mark; u

(b) it-trade mark

–        tintuża hemmhekk jew bħala terminu ġeneriku li jkopri klassi jew kategorija ta’ prodotti jew servizzi;

–        jew min jirreklama jipprova jibbenefika mis-setgħa ta’ attrazzjoni tagħha, mir-reputazzjoni u mill-prestiġju tagħha, kif ukoll sabiex jisfrutta l-isforz kummerċjali li wettaq il-proprjetarju ta’ dik it-trade mark sabiex joħloq u jżomm l-immaġni ta’ dik it-trade mark.

3)      Il-fatt li l-operatur tal-mutur ta’ riċerka tal-internet ma jippermettix lil proprjetarji ta’ trade marks fiż-żona ġeografika rilevanti li jimblukkaw l-għażla ta’ sinjali identiċi għat-trade marks tagħhom bħala kliem prinċipali minn partijiet oħra, huwa bħala tali immaterjali safejn jirrigwarda r-responsabbiltà ta’ min jirreklama u juża l-kliem prinċipali.


1 –      Lingwa oriġinali: l-Ingliż


2 –     Il-każ nazzjonali kontra t-tieni konvenut ġie tranżatt, sabiex b’hekk Marks and Spencer baqgħet l-unika konvenuta fil-proċedimenti.


3 –      Interflora hija l-proprjetarja tat-Trade Mark tar-Renju Unit Nru 1329840 INTERFLORA fir-rigward ta’ diversi prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 31, 35, 38, 39, 41 u 42 tal-Ftehim ta’ Nizza li jikkonċerna l-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Iskopijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Marki tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif rivedut u emendat. Dawn jinkludu “pjanti u fjuri naturali” fi klassi 31, “servizzi ta’ reklamar ipprovvduti għal bejjiegħa ta’ fjuri” u “servizzi ta’ informazzjoni rigward il-bejgħ ta’ … fjuri” fil-klassi 35, “trasport ta’ fjuri” fil-klassi 39. Interflora hija wkoll il-proprjetarja tat-Trade Mark Komunitarja Nru 909838 INTERFLORA fir-rigward ta’ diversi prodotti u servizzi fil-klassijiet 16, 31, 35, 38, 39, 41 u 42. Dawn jinkludu “pjanti u fjuri naturali” fil-klassi 31, “servizzi ta’ reklamar … ipprovvduti għal bejjiegħa ta’ fjuri” fil-klassi 35, “trasport ta’ fjuri” fil-klassi 39 u “servizzi ta’ informazzjoni rigward il-bejgħ ta’ … fjuri” fil-klassi 42.


4 –      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 92.


5 – ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146 .


6 –      Sentenza tat-23 ta’ Marzu 2010, Google France u Google (kawżi maqgħuda C‑236/08 sa C‑238/08, ,li għadhom ma ġewx ippublikati fil-Ġabra).


7 – Sentenza tal-25 ta’ Marzu 2010, BergSpechte (C-278/00, Ġabra p. I‑0000); Digriet tas-26 ta’ Marzu 2010 fil-Kawża eis.de, C-91/09, u s-sentenza tat-8 ta’ Lulju 2010, Portakabin u Portakabin (C‑558/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra).


8 –      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 27 iktar ’il quddiem.


9 – Nota dwar it-terminoloġija: Id-Direttiva 89/104 u r-Regolament 40/94 it-tnejn li huma jitkellmu dwar “trade mark li għandha reputazzjoni”, li huwa t-terminu li ser jintuża hawnhekk. Madankollu, it-terminu “trade mark magħrufha sew” huwa użat meta d-diskussjoni ma hijiex speċifikament relatata mal-kuntest tal-liġi tal-UE. Għall-kjarezza nżid li d-Direttiva 89/104 tinkludi referenza għall-Artikolu 6a tal-Konvenzjoni ta’ Pariġi dwar il-Protezzjoni tal-Proprjetà Industrijali li ssemmi “trade marks magħrufa sew”. Għalhekk, l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim TRIPS, meta jirreferi għall-Konvenzjoni ta’ Pariġi, jirreferi wkoll għal “trade marks magħrufa sew” [ara l-Artikolu 16(2) tal-Ftehim dwar Aspetti li Għandhom x’Jaqsmu mal-Kummerċ tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intelletwali, li jikkostitwixxu l-Anness 1Ċ għall-Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, iffirmat f’Marrakech fil-15 ta’ April 1994 u approvat bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/800/KE tat-22 ta’ Diċembru 1994 dwar il-Konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea, fejn għandhom x’jaqsmu affarijiet fil-kompetenza tagħha, fuq il-ftehim milħuq fil-Laqgħa ta’ Negozjati Multilaterali fl-Urugwaj (1986‑1994); ĠU 1994 L 336, p. 1; magħruf ukoll bħala “il-Ftehim TRIPS”]. Fl-Istati Uniti, it-terminu użat huwa “trade marks famużi”. Għal ħarsa ġenerali, ara M. Senftleben, The trademark Tower of Babel: dilution concepts in international, US and EC trademark law, International review of intellectual property and competition law. Vol. 40 (2009), Nru 1, p. 45‑77. Barra minn hekk, nosserva li d-diversi espressjonijiet imsemmija iktar ’il fuq huma differenti wkoll fir-rigward tal-kundizzjonijiet rikjesti sabiex trade mark tkun ikkunsidrata bħala magħrufa sew.


10 – Għandu jingħad ukoll li l-perċezzjoni ta’ x’jammonta għal trade mark li għandha reputazzjoni tista’ tvarja bejn l-Istati Membri minkejja l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tal-14 ta’ Settembru 1999, General Motors (C‑375/97, Ġabra p. I‑5421, punti 19 sa 30); ara l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tas-26 ta’ Ġunju 2008, Intel Corporation (C‑252/07, Ġabra p. I‑8823, punt 23).


11 – Rigward dawn tal-aħħar, ara pereżempju r-rinviji għal deċiżjoni preliminari mill-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division) f’L’Oréal SA & Ors vs Bellure NV & Ors [2007] EWCA Civ 968 (10 ta’ Ottubru 2007) u mill-High Court of Justice (England and Wales) (Chancery Division) f’L’Oréal SA & Ors vs EBay International AG & Ors [2009] EWHC 1094 (Ch) (22 ta’ Mejju 2009), u, b’mod partikolari mill-Court of Appeal (England and Wales) (Civil Division), is-sentenza wara r-risposta tal-Qorti tal-Ġustizzja Oréal et (C-487/07, Ġabra p. I-5185), f’L’Oréal SA & Ors vs Bellure NV & Ors [2010] EWCA Civ 535 (21 ta’ Mejju 2010).


12 – Fl-Istati Uniti, il-protezzjoni kontra t-tnaqqis tal-effett tat-trade marks saret parti mil-liġi federali tat-trade marks fl-1995 permezz tal-Federal Trade Mark Dilution Act, li żiedet l-Artikolu 45(ċ) ġdid fil-Lanham Act. Sussegwentement dan ġie emendat bit-Trademark Dilution Revision Act 2005; ara, pereżempju, C. Long, ‘The political economy of trademark dilution’, f’ G. Dinwoodie, u M. Janis, (edituri), Trademark Law and Theory. A Handbook of Contemporary Research, Edward Elgar, Cheltenham, 2008, p. 132.


13 –      Wara Kommunikazzjoni (“Strateġija għall-Ewropa dwar id-Drittijiet tal-Proprjetà Industrijali, COM(2008) 465 finali”), il-Kummissjoni Ewropea kkummissjonat fl-2009 mill-Max‑Planck‑Institut für Immaterialgüter‑ und Wettbewerbsrecht studju dwar it-tħaddim globali tas-Sistema tat-Trade Marks fl-Ewropa. F’dan il-mument dan l-istudju għadu ma ġiex ippubblikat, ara http://ec.europa.eu/internal_market/indprop/index_en.htm.


14 –      Id-Direttiva 89/104 ġiet abrogata bid-Direttiva 2008/95/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ottubru 2008, biex jiġu approssimati l-liġijiet tal-Istati Membri dwar it-trade marks (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 299, p. 25), li daħlet fis-seħħ fit-28 ta’ Novembru 2008. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 2008/95 hija essenzjalment identika għal dik tal-Artikolu 5(1) u (2) tad-Direttiva 89/104. Madankollu, meta jitqies iż-żmien meta seħħew il-fatti, it-tilwim fil-proċedimenti prinċipali jibqgħu regolati bid-Direttiva 89/104.


15 – Għall-iskopijiet ta’ kjarezza għandu jiġi osservat li l-verżjonijiet lingwistiċi tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 huma differenti minn xulxin, ara l-analiżi mill-Qorti tal-Ġustizzja f’General Motors, punt 20.


16 – Infakkar li l-Artikolu 4(3) u (4) tad-Direttiva 89/104, applikabbli fl-istadju tar-reġistrazzjoni tat-trade mark, jistabbilixxi regoli identiċi għall-Artikolu 5(1) u (2).


17 – Ir-Regolament Nru 40/94 ġie abrogat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar trade mark Komunitarja (Verżjoni kodifikata) (ĠU 2009 L 78, p. 1), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ April 2009. Il-formulazzjoni tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 207/2009 hija identika għal dik tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 40/94. Madankollu, meta jitqies iż-żmien meta seħħew il-fatti, it-tilwimiet fil-proċedimenti prinċipali jibqgħu rregolati bir-Regolament Nru 40/94.


18 –      Dwar ir-reġistrazzjonijiet tat-trade marks, ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq.


19 – Fid-dawl tal-ġurisprudenza, dawn is-sinjali jistgħu jkunu kkwalifikati bħala identiċi għat-trade mark [ara s-sentenza tal-20 ta’ Marzu 2003, LTJ Diffusion (C-291/00, Ġabra p. I‑2799, punt 54); BergSpechte, punt 25 u Portakabin, punt 47]: is-sinjal ikun identiku għat-trade mark meta jirriproduċi, mingħajr ebda modifika jew żieda, l-elementi kollha li jikkostitwixxu t-trade mark jew meta, meqjusa bħala ħaġa sħiħa, dan jinkludi differenzi li jkunu tant mhux sinifikanti li konsumatur medju ma jindunax bihom.


20 –      Madankollu hemm xi differenzi bejn id-Direttiva u r-Regolament. Pereżempju, l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva huwa fakultattiv, filwaqt li d-dispożizzjoni relattiva fl-Artikolu 9(1)(ċ) fir-Regolament ma hijiex. Differenza oħra tikkonċerna r-referenza ġeografika użata fl-apprezzament dwar jekk it-trade mark għandhiex reputazzjoni. Madankollu, fir-rigward ta’ din l-aħħar kwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, territorjalment, l-eżistenza ta’ reputazzjoni f’parti sostanzjali ta’ Stat Membru, fir-rigward tad-Direttiva 89/104, jew tal-Komunità, fir-rigward tar-Regolament Nru 40/94, kienet suffiċjenti sabiex tipprojbixxi l-użu ta’ dak is-sinjal (ara s-sentenza General Motors, punti 28 and 29, u s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2009, PAGO International ( C‑301/07, Ġabra p. I‑9429, punti 27 u 30). Filwaqt li d-differenzi fil-formulazzjoni ma għandhomx jintnesew, dawn ma jżommux milli r-riżultati tal-analiżi preżenti tad-Direttiva jkunu estiżi għar-Regolament.


21 – Ara M. Strasser,  “The Rational Basis of Trademark Protection Revisited: Putting the Dilution Doctrine into Context”, Fordham Intellectual Property, Media and Entertainment Law Journal, Vol. 10 (2000), p. 375, fil-paġni 393‑395.


22 –      Għal ġurisprudenza dwar identiċità doppja, ara pereżempju s-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2006, Céline (C-17/06, Ġabra p. I-7041).


23 – Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk Stat Membru jittrasponi l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva, dan għandu jagħti protezzjoni lil prodotti jew servizzi identiċi jew simili li għall-inqas tkun estensiva daqs dik għal prodotti jew servizzi mhux simili. Għalhekk il-fakultà tal-Istat Membru tikkonċerna l-prinċipju nnifsu tal-għoti ta’ protezzjoni ikbar għal marki li għandhom reputazzjoni iżda mhux għal sitwazzjonijiet koperti b’dik il-protezzjoni fejn l-Istat Membru jkun taha. Ara s-sentenza tat-23 ta’ Ottubru 2003, Adidas‑Salomon u Adidas Benelux (C-408/01, Ġabra p. I‑12537, punt 20).


24 –      Sentenza tad-9 ta’ Jannar 2003, Davidoff (C-292/00, Ġabra p. I‑389, punt 30).


25 – Adidas‑Salomon u Adidas Benelux, punt 22.


26 – Peress li ma jista’ jsir ebda tibdil ta’ sustanza fl-istrumenti li ġew affettwati bil-proċedura ta’ kodifikazzjoni, naħseb li l-adozzjoni fl-2008 ta’ verżjoni kodifikata tad-Direttiva 89/104 permezz tad-Direttiva 2008/95 bl-ebda mod ma xejjnet il-ġurisprudenza Davidoff tal-2003 [ara wkoll il-proposta tal-Kummissjoni fid-dokument COM(2006)812 finali].


27 – Google France u Google, punt 99, kif ukoll Eis.de, punt 28; BergSpechte, punt 41 u Portakabin, punt 54.


28 –      Dan jista’ jkun il-każ fejn il-proprjetarji tat-trade mark ikunu infurmati b’din il-possibbiltà li jipprojbixxu l-użu tat-trade marks tagħhom bħala kliem prinċipali minn terzi persuni u l-użu tagħha ma jkunx jeħtieġ formalitajiet mhux raġonevoli jew jgħollu xi spejjeż.


29 – Google France u Google, punt 99.


30 – Niftakar li l-Qorti tal-Ġustizzja f’Google France u Google (punt 65) osservat li “il-fatt li s-sinjal użat mit-terz għal finijiet pubbliċitarji ma jidhirx fir-reklam innifsu, ma jistax ifisser li dan l-użu ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “[użu] jużaw […] fejn għandhom x’jaqsmu merkanzija jew servizzi [fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi]” fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 89/104”. Is-sentenza Google France u Google kienet tikkonċerna tliet kawżi: fil-Kawża C-236/08 it-trade mark inkwistjoni dehret fir-reklam tat-terz, filwaqt li fil-Kawżi C-237/08 u C-238/08, it-trade mark inkwistjoni ma kienitx tidher fir-reklam (ara l-punti 62 u 63 tas-sentenza).


31 – Ara d-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2006/114/KE, tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi jew komparattiv (Verżjoni kodifikata) ĠU L 376, p. 21.


32 – Fir-rigward tal-funzjoni tar-reklamar l-argumentazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja f’Google France u Google (punt 98) tidher li hija trasponibbli għal dan il-każ. Madankollu, ser nerġa’ lura għall-kwistjoni ta’ spejjeż addizzjonali bħala “ħlas għal kull klikk” għal Interflora fil-kuntest tad-dibattitu tiegħi dwar il-parassitiżmu.


33 – Google France u Google, punt 68. Għar-raġunijiet li ser nispjega iktar ’il quddiem, naħseb li din il-preżunzjoni ma hijiex kontestabbli fil-każ ta’ trade mark li fiha nnifisha hija distintiva ħafna u unika. Madankollu, fil-każ ta’ diversi trade marks identiċi li jappartjenu lil proprjetarji differenti jew trade marks li huma bbażati fuq kliem jew ismijiet deskrittivi jew ġeneriċi din il-preżunzjoni tista’ tkun żbaljata. Pereżempju utent tal-internet li jdaħħal “nike” bħala kelma prinċipali, jista’ jkun qiegħed ifittex informazzjoni jew offerti mhux biss dwar ħwejjeġ tal-isport, iżda anki dwar alla mara Griega jew teknoloġija prodotta mid-ditta Svediża Nike Hydraulics AB.


34 – Jista’ jkun ta’ għajnuna li wieħed ifakkar li “[i]d-dritt ta’ trade mark jikkostitwixxi fil-fatt element essenzjali tas-sistema ta’ kompetizzjoni mingħajr distorsjoni li t-Trattat huwa intiż li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ” [ara s-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2002, Arsenal Football Club (C-206/01, Ġabra p.  I‑10273, punt 47)]. Fil-fehma tiegħi, l-iskop tal-kompetizzjoni ekonomika huwa li jiżdied il-benesseri tal-konsumatur bl-introduzzjoni ta’ sostituti aħjar għal prodotti eżistenti (f’termini ta’ kwalità, karatteristiċi jew prezz), u b’hekk issir promozzjoni għall-effiċjenza u innovazzjonijiet li jwasslu għal allokazzjoni iktar razzjonali tal-fatturi tal-produzzjoni.


35 – Id-dikjarazzjoni segwenti tinsab f’waħda mill-websites ta’ Interflora: “Interflora hija l-ikbar u l-iktar netwerk popolari għall-kunsinna ta’ fjuri. Interflora saret sinonima mal-kunċett li xi darba kien impossibbli li jitwemmen – li fi żmien ġurnata bukkett jew rigal sabiħ jista’ jitwassal personalment bi stil madwar id-dinja.” Ara http://www.interflora.co.uk/page.xml?page_name=help_about (fil-31 ta’ Jannar 2011).


36 – Il-kunċett ta’ “tifsira sekondarja ta’ trade mark” huwa magħruf fil-ġurisdizzjonijiet kollha iżda t-tifsira (sic!) u l-iskop tal-applikazzjoni tiegħu jvarjaw. F’uħud mill-ġurisdizzjonijiet dan jikkonċerna sitwazzjonijiet fejn id-dritt ta’ trade mark jiġi akkwistat permezz tal-użu minflok bir-reġistrazzjoni, f’oħrajn anki għal sitwazzjonijiet fejn sinjal mhux distintiv jista’ jkun irreġistrat bħala trade mark għaliex din tkun akkwistat tifsira sekondarja distintiva. Huwa possibbli wkoll li wieħed jaħseb li kull trade mark mingħajr eċċezzjoni teħtieġ li tintuża sabiex issir stabbilita fil-moħħ tal-gruppi interessati, u b’hekk takkwista reputazzjoni jew tifsira sekondarja stabbilita. Ara L. Holmqvist, Degeneration of Trade Marks. A Comparative Study of the Effects of Use on Trade Mark Distinctiveness, Jurist‑ och samhällvetareförbundets Förlags AB (JSF), Malmö 1971, p. 117‑126.


37 – Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddeċiedi jekk INTERFLORA għandhiex tifsira sekondarja bħal din. Madankollu, id-domanda 4(a) tidher li qegħdha timplika li għandha tifsira bħal din peress li r-reġistrazzjonijiet tat-trademarks rilevanti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 3 iktar ’il fuq) ma jagħtu l-ebda ħjiel li INTERFLORA qed tiġi użata bħala trade mark fir-rigward ta’ netwerk kummerċjali.


38 – Ara l-ordni tar-rinviju tas-16 ta’ Lulju 2009 (iċċitat iktar ’il fuq, punt 30), punt 29.


39 – Il-kunċett ta’ tidjif ta’ trade mark kien żviluppat fil-liġi Ġermaniża dwar il-kompetizzjoni inġusta, u kien introdott fid-duttrina tal-Istati Uniti minn Schechter (F. Schechter, “The rational basis of trademark protection”, Harvard Law Review 1927, p. 813). Schechter enfasizza l-preservazzjoni tad-distintività ta’ trade marks uniċi (li jkunu pereżempju arbitrarji, maħluqa jew li jkun fihom element ta’ fantasija) bħala l-objettiv prinċipali ta’ protezzjoni mit-tidjif. L-aħħar żviluppi dawru l-enfażi fuq il-kwistjoni li jiġu protetti trade marks li jkunu magħrufin sew kontra t-telf ta’ distintività li tirriżulta mill-użu ta’ sinjali identiċi jew simili li jkopru prodotti jew servizzi differenti, ara Holmqvist, op.cit., p. 147, 155‑156, il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Jacobs tal-10 ta’ Lulju 2003 fil-kawża Adidas‑Salomon u Adidas Benelux, punt 37 u l-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston tas-26 ta’ Ġunju 2008 fil-kawża Intel Corporation, punt 30.


40 – Ara G. Lunney, “Trademark Monopolies”, Emory Law Journal Vol. 48 (1999), p. 367. Lunney jikkunsidra l-progress reċenti tal-approċċ ibbażat fuq il-proprjetà fil-leġiżlazzjoni u fil-ġurisprudenza bħala li jagħmel ħsara mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni peress li tippermetti lill-proprjetarji ta’ trade marks magħrufa sew li jiggwadanjaw renta minn monopolju mingħajr l-ebda benefiċċji reali għall-konsumaturi. Strasser, op. cit., jiddefendi pożizzjoni opposta u jqis l-approċċ ibbażat fuq il-proprjetà anki mill-perspettiva ekonomika.


41 – Kif stqarret l-Avukat Ġenerali Kokott fil-Konklużjonijiet tagħha tat-3 ta’ Diċembru 2008 fil-Kawża C-59/08, Copad, Ġabra p. I‑3421 (punt 50), “Id-dritt mogħti mit-trade mark għandu b’hekk jiggarantixxi l-possibbiltà li tiġi kkontrollata l-kwalità tal-prodotti u mhuwiex l-eżerċizzju effettiv ta’ tali kontroll.”


42 – Ara, pereżempju, M. Levin, “The wording is not always what it seems to be – On Confusion, Association and Dilution”, f’ L. Kooy (ed.), 25th Anniversary of ECTA. Past, Present and the Future. The Development of Trade Marks, Designs and Related IP Right in Europe, European Communities Trade Mark Association, The Hague 2005, p. 51-64, 60. Hija tagħmel referenza wkoll għall-hekk imsejħa duttrina tal-velenu tal-ġrieden fil-pajjiżi Nordiċi (il-proprjetarju ta’ trade mark ta’ prodotti tal-ikel jista’ jipprevjeni l-użu ta’ trade mark simili għal velenu tal-ġrieden) u l-ġurisprudenza CLAERYN vs KLAREIN fil-Benelux (ara sentenza tal-1 ta’ Marzu 1975 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Benelux, Colgate‑Palmolive vs Bols, Kawża A 74/1).


43 – Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 12 iktar ’il fuq.


44 – Fl-Istati Uniti il-parassitiżmu jew il-miżappropjazzjoni ma ġietx inkluża fil-protezzjoni statutorja federali kontra it-tidjif tat-trade mark minkejja li dan kien ġie rikonoxxut f’xi sentenzi. Ara I. Simon, “Dilution by blurring – a conceptual roadmap”, Intellectual Property Quarterly, 2010, p. 44‑87, p. 56.


45 – Madankollu, f’ħafna sistemi legali, il-protezzjoni kontra t-titbigħ u l-irkib b’xejn f’ħafna sistemi legali tista’ tingħata wkoll jew alternattivament tiġi pprovduta fi ħdan il-kuntest tal-liġi dwar il-kompetizzjoni inġusta.


46 – Jidher li Interflora ma takkużax lil Marks & Spencer b’titbigħ relatat mat-trade marks tagħha.


47 – Ara L’Oréal et, punti 58‑59 u Google France u Google, punti 75‑79.


48 – Fis-sentenza Davidoff, il-Qorti tal-Ġustizzja bbażat ir-raġunament tagħha fuq il-fatt li l-protezzjoni ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni tkun inqas effiċjenti fil-każ ta’ prodotti simili milli fil-każ ta’ prodotti li ma humiex simili, peress li l-Artikolu 5(1)(b) jeħtieġ probabbiltà ta’ konfużjoni (punti 27-29). Għalija, dan ir-raġunament ma jidhirx li japplika fil-każ ta’ sinjali identiċi u prodotti jew servizzi identiċi, peress li l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1)(a) ma tirrikjedix li jkun hemm probabbiltà ta’ konfużjoni (ara L’Oréal et, punti 58 u 59).


49 – L’Oréal et, punt 64


50 – Ara l-analiżi tal-Avukat Ġenerali Mengozzi fil-Konklużjonijiet tad-9 ta’ Diċembru 2010, L’Oréal et, punti 31-61, u d-dikjarazzjonijiet kritiċi tal-Qrati Ingliżi li ssir referenza għalihom fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 11 iktar ’il fuq.


51 – Intel Corporation, punti 30 u 31 u l-ġurisprudenza iċċitata.


52 – Għandu jingħad ukoll li jeżistu fi stadji differenti ta’ żvilupp grupp ta’ metodi u teknoloġiji msejjaħ “web semantiku” li jippermettu lil magni jifhmu t-tifsira – jew “is-semantika” – ta’ informazzjoni fuq il-World Wide Web. Jekk l-informazzjoni li għandi hija korretta, il-fornituri tas-servizz ta’ referenzjar tal-internet żviluppaw diversi metodi sabiex itejbu r-rilevanza tar-riżultati ta’ riċerka li jagħtu kont ta’ dan, iżda dan ma jfissirx li l-muturi ta’ riċerka tal-internet ser jifhmu t-tifsira ta’ kelma prinċipali.


53 – Fil-fehma tiegħi, it-trade mark verbali INTERFLORA bħal tali hija unika. Madankollu, jeżistu reġistrazzjonijiet li pjuttost jixxiebhu bħala trade marks Komunitarji (pereżempju Nru 3371549 trade mark verbali INTERFLO għall-prodotti fil-klassijiet 9, 12, 37; Nru 2178887 trade mark verbali INTERFORUM SIGLO XXI għal prodotti fil-klassi 42, jew Nru 3036944 trade mark figurattiva INTERFLOOR għal prodotti fil-klassijiet 1, 6, 8, 17, 19, 20, 27, 37). Bħala trade mark, INTERFLORA tidher li hija marka suġġestiva, viċin li tkun deskrittiva (hija ffurmata minn kelma bil-Latin li tfisser fjuri, bi prefiss bil-Latin li jfisser bejn jew fost).


54 – Ara Intel Corporation, punti 72-74.


55 – Infakkar li fl-applikazzjoni tal-liġi dwar it-trade marks tal-UE fir-rigward ta’ trade marks li għandhom reputazzjoni, dawn it-trade marks huma protetti wkoll fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi differenti. Skont il-ġurisprudenza, anki trade marks imsejħa “niche” li ma humiex uniċi iżda li huma magħrufin sew f’żona ġeografika relattivament limitata jgħoddu bħala trade marks li għandhom reputazzjoni fl-applikazzjoni tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 89/104 (ara s-sentenzi General Motors punt 31 u Senftleben, op.cit., p. 54). Jista’ jkun hemm, pereżempju trade marks għal mezzi mediċi li ċertament għandhom reputazzjoni li huma magħrufin sew ħafna minn dawk ikkonċernati iżda ma humiex magħrufa mill-pubbliku b’mod ġenerali (sistemi ta’ immaġini meħtieġa fir-radjoloġija jew it-tagħmir użat fil-kirurġija dentali pereżempju). It-trade marks jista’ jkollhom ukoll reputazzjoni fost pubbliku speċjalizzat f’qasam pjuttost limitat (pereżempju ċerti għamliet ta’ skieken tal-kirurgi f’Land Ġermaniż partikolari). Filwaqt li din hija s-sitwazzjoni taħt id-Direttiva 89/104, taħt ir-Regolament 40/94, ir-reputazzjoni trid tkun matul l-UE kollha; (ara l-Artikolu 9(1)(ċ) tar-Regolament). B’mod kuntrarju, fl-Istati Uniti, il-protezzjoni statutorja federali kontra t-tidjif teħtieġ, skont it-Trade Mark Dilution Revision Act tal-2005, li t-trade mark tkun rikonoxxuta b’mod wiesgħa mill-pubbliku ġenerali ta’ konsumaturi tal-Istati Uniti (ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 9 iktar ’il fuq).


56–      Għandi nżid li l-qafas tradizzjonali tal-liġi dwar it-trade marks sabiex jiġi evalwat ir-rispons tal-konsumatur għall-użu ta’ sinjal huwa problematiku jekk jiġi applikat biss għall-għażla ta’ kelma prinċipali peress li fir-reklamar fuq muturi ta’ riċerka, l-assoċjazzjoni f’moħħ l-utent tal-internet li jagħmel riċerka b’terminu ta’ riċerka partikolari tiġi qabel il-wiri tar-riklam sponsorizzat, jiġifieri l-mument meta l-effett kawżali tal-użu tat-trade mark ikun jista’ jiġi osservat mill-utent.


57 – Google France u Google, punti 51 u 52; ara wkoll il-Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Maduro, punt 150.


58 – Żieda tiegħi.


59 – Google France u Google, punt 83.


60 – Kif ikkonkludejt iktar ’il fuq, f’ċirkustanzi speċifiċi ħafna relatati man-natura tal-prodotti jew servizzi b’referenza għar-reputazzjoni jew tifsira sekondarja tat-trade mark, effetti kuntrarji fuq il-funzjoni tal-indikazzjoni tal-oriġini jistgħu jkunu probabbli anki jekk ir-reklam ma jsemmix jew ma jagħmilx referenza għat-trade mark.


61 – Dwar din il-firxa tal-karattru distintiv, ara Holmqvist, op.cit., p. 17-22.


62 – Ara Intel Corporation, punt 29 u L’Oréal et, punt 39.


63 – Hawnhekk qed nitkellem dwar sors jew oriġini fis-sens astratt b’referenza għall-impriża li tikkontrolla l-produzzjoni tal-prodotti jew il-fornitura ta’ servizzi koperti bit-trade mark, mhux dak li attwalment jimmanifattura jew il-fornitur tas-servizz; ara pereżempju, Arsenal, punt 48.


64 – F’dan is-sens ma jkunx ikkawżat ċajpir mill-proprjetarju tat-trade mark li juża t-trade mark bħala marka fir-rigward ta’ diversi prodotti jew servizzi sakemm it-trade mark tkun akkwistat reputazzjoni u karattru distintiv ta’ grad għoli b’riżultat ta’ reklamar u sforzi oħra ta’ marketing li jkun investa fihom il-proprjetarju tat-trade mark sabiex joħloq imaġni għat-trade mark. F’każijiet bħal dawn, il-pubbliku b’mod korrett jidentifika l-prodotti jew servizzi tal-marka ma’ sors kummerċjali wieħed. Li huwa ta’ ħsara għall-karattru distintiv tat-trade mark hija l-ko-eżistenza ta’ trade marks identiċi jew simili li jkopru prodotti jew servizzi minn sorsi differenti peress li dan ixekkel l-iżvilupp ta’ imaġni għat-trade mark jew idgħajjef dak eżistenti.


65 – Fil-fehma tiegħi, ċajpir fis-sens ta’ tnaqqis tal-effett huwa simili għal meta kunjom ta’ familja jitlef il-kapaċità tiegħu li jiddistingwi bejn familji differenti bħala gruppi b’oriġini komuni. Għalhekk Smith għandu karattru inqas distintiv bħala kunjom ta’ familja minn Windsor. Madankollu, it-tidjif biċ-ċajpir, ma jfissirx li t-trade mark titlef għalkollox il-karattru distintiv tagħha, jiġifieri l-kapaċità li taħdem bħala trade mark. Smith huwa kapaċi li jiffunzjona bħala kunjom ta’ familja minkejja li huwa komuni u STAR kapaċi jiffunzjona bħala trade mark minkejja li huwa banali, jiġifieri huwa dgħajjef f’dak li huwa karattru distintiv. Min-naħa l-oħra, trade mark deġenerata tilfet il-karattru distintiv tagħha u għalhekk ma tistax tiffunzjona iktar bħala trade mark. Għalhekk, teoretikament, trade marks imdgħajjfa ma humiex trade marks semi-deġenerati (ara Holmqvist, p. 152). Irrispettivament minn dan, jidher li jkun utli li d-deġenerazzjoni tiġi aċċettata bħala varjant taċ-ċajpir għall-iskopijiet ta’ protezzjoni ta’ trade marks magħrufa sew, tal-inqas fis-sistemi legali fejn il-protezzjoni fir-rigward ta’ prodotti jew servizzi identiċi jew simili tirrikjedi probabbiltà ta’ konfużjoni. Fl-Istati Uniti, id-deġenerazzjoni jew il-ġeneriċità ħafna drabi hija inkluża fil-kunċett ta’ tidjif, ara pereżempju Simon, op.cit., p. 72‑74.


66 – L-eżempju klassiku tas-“cellophane” jirrappreżenta ż-żewġ kategoriji.


67 – Fil-fehma tiegħi, li tikkwalifika bħala tali l-għażla ta’ kliem prinċipali f’reklamar fuq muturi ta’ riċerka fl-internet bħala użu ta’ sinjal li jkun kapaċi jċajpar ikun iwassal ferm lil hinn mid-duttrina stabbilita dwar it-tidjif ta’ trade marks. Dan ikun iwassal għal problemi serji f’termini ta’ provi għaliex riklami sponsorjati normalment jirrappreżentaw frazzjoni biss tal-informazzjoni murija bħala riżultati ta’ riċerka għall-utenti tal-internet.


68 – Fil-każ tal-Istati Uniti, ara Supreme Court of the United States, Moseley et al, DBA Victor’s Little Secret vs V Secret Catalogue, Inc., et al, 537 U.S. 418 (2003), li qalbet is-sentenza tal-Court of Appeals for the Sixth Circuit, 259 F.3d 464.


69 – L’Oréal et, punt 49.


70–      Ara D. Klerman, “Trademark Dilution, Search Costs, and Naked Licensing”, Fordham Law Review, Vol. 74 (2006), p. 1759–1773, p.1771.


71 – Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mengozzi f’L’Oreal et, punti 105-111.


72 – Google France u Google, punti 93-95.


73 – Fl-Istati Uniti, l-Artikolu 43(ċ), 4(A) tal-Lanham Act jistipula li “[l]-użu xieraq ta’ trade mark famuża minn persuna oħra f’reklamar jew promozzjoni kummerċjali komparattiv sabiex jiġu identifikati l-prodotti jew servizzi kompetituri tal-proprjetarju tat-trade mark famuża” ma jkunux azzjonabbli taħt l-Artikolu 43(ċ) li jikkonċerna t-tidjif ta’ trade marks.