Language of document : ECLI:EU:F:2010:125

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU
(It-Tieni Awla)

14 ta’ Ottubru 2010

Kawża F‑86/09

W

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal bil-kuntratt — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Koppja tal-istess sess — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Aċċess għaż-żwieġ ċivili — Kunċett — Artikolu 1(2)(c)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu W jitlob l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tas-17 ta’ Lulju 2009, li jirrifjutawlu l-ħlas tal-allowance tad-dar previst fl-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

Deċiżjoni: Id-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-5 ta’ Marzu 2009 u tas-17 ta’ Lulju 2009, li jirrifjutaw lil W il-benefiċċju tal-allowance tad-dar previst fl-Artikolu 1 tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, huma annullati. Il-Kummissjoni għandha tbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Rikors — Att li jikkawża preġudizzju — Deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment — Ċaħda bla riżervi — Att konfermattiv — Inammissibbiltà — Eċċezzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)

2.      Uffiċjali — Remunerazzjoni — Allowances tal-familja — Allowance tad-dar — Kundizzjonijiet għall-għoti — Uffiċjal irreġistrat bħala sieħeb stabbli mhux miżżewweġ

(Artikolu 19(1) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 7 u 21(1); Regolamenti tal-Persunal, Anness VII, Artikolu 1(2)(c)(iv); Regolament tal-Kunsill Nru 723/2004)

1.      It-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad espliċitament jew impliċitament ilment huma, bħala tali, nieqsa minn kontenut awtonomu u fil-verità jitħalltu mat-talbiet għall-annullament tal-att li jikkawża preġudizzju li kontrih ikun sar l-ilment. Fil-fatt, filwaqt li din tikkonferma sempliċiment l-att jew l-astensjoni li dwarhom il-persuna kkonċernata tilmenta, deċiżjoni ta’ ċaħda, kemm jekk tkun impliċita jew espliċita, ma tikkostitwixxix, ikkunsidrata b’mod iżolat, att li jista’ jiġi kkontestat.

In-natura ta’ att li jikkawża preġudizzju ma tistax tiġi rrikonoxxuta fir-rigward ta’ att purament konfermatorju kif inhu l-każ ta’ att li ma fih l-ebda element ġdid fir-rigward ta’ att preċedenti li jikkawża preġudizzju u li għalhekk ma jkunx issostitwixxieh. Madankollu, deċiżjoni espliċita ta’ ċaħda ta’ lment tista’, fid-dawl tal-kontenut tagħha, ma jkollhiex natura konfermatorja tal-att kkontestat mir-rikorrent. Dan ikun il-każ meta d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment tinkludi eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tar-rikorrent fid-dawl tal-punti ġodda ta’ liġi u ta’ fatt, jew meta din temenda jew tikkompleta d-deċiżjoni inizjali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, iċ-ċaħda tal-ilment tikkostitwixxi att suġġett għall-istħarriġ tal-qorti, liema qorti tieħu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-legalità tal-att ikkontestat.

(ara l-punti 26 sa 29)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja: 28 ta’ Mejju 1980, Kuhner vs Il‑Kummissjoni, 33/79 u 75/79, Ġabra p. 1677, punt 9; 10 ta’ Diċembru 1980, Grasselli vs Il‑Kummissjoni, 23/80, Ġabra p. 3709, punt 18; 16 ta’ Ġunju 1988, Progoulis vs Il‑Kummissjoni, 371/87, Ġabra p. 3081, punt 17; Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 27 ta’ Ġunju 2000, Plug vs Il‑Kummissjoni, T‑608/97, ĠabraSP p. I‑A‑125 u II‑569, punt 23; 12 ta’ Diċembru 2002, Morello vs Il‑Kummissjoni, T‑338/00 u T‑376/00, ĠabraSP p. I‑A‑301 u II‑1457, punt 34; 2 ta’ Marzu 2004, Di Marzio vs Il‑Kummissjoni, T‑14/03, ĠabraSP p. I‑A‑43 u II‑167, punt 54; 10 ta’ Ġunju 2004, Eveillard vs Il‑Kummissjoni, T‑258/01, ĠabraSP p. I‑A‑167 u II‑747, punt 31; 7 ta’ Ġunju 2005, Cavallaro vs Il‑Kummissjoni, T‑375/02, ĠabraSP p. I‑A‑151 u II‑673, punti 63 sa 66; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku: 9 ta’ Settembru 2008, Ritto vs Il‑Kummissjoni, F‑18/08, ĠabraSP p. I‑A‑1‑281 u II‑A‑1‑1495, punt 17; 23 ta’ Frar 2010, Faria vs UASI, F‑7/09, punt 30, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.       L-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, tirrifletti, skont is-seba’ premessa tar-Regolament Nru 723/2004, li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll ir-Regolament applikabbli għall-impjegati l-oħra, it-tħassib tal-leġiżlatur li jiżgura l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni li hemm fl-Artikolu 19(1) TFUE, u għalhekk biex jiżviluppa politika tal-persunal li tiggarantixxi l-ugwaljanza tal-opportunitajiet għal kulħadd, mingħajr ma jitqies l-orjentament sesswali jew is-sitwazzjoni matrimonjali tal-persuna kkonċernata, li jikkorrispondi wkoll għall-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentament sesswali previst fl-Artikolu 21(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, l-estensjoni tad-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, tirrifletti l-ħtieġa għall-protezzjoni tal-uffiċjali kontra l-indħil tal-amministrazzjoni fl-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB).

Fid-dawl tal-protezzjoni tad-drittijiet iggarantiti mill-KEDB, jeħtieġ li r-regoli statutorji li jestendu d-dritt għall-allowance tad-dar lill-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi tal-istess sess, jingħataw interpretazzjoni ta’ natura li tiggarantixxi effettività aħjar tar-regoli msemmija iktar ’il fuq, b’mod li d-dritt inkwistjoni ma jibqax teoretiku jew illużorju imma jkun konkret u effettiv.

Għall-uffiċjali rreġistrati bħala sħab stabbli mhux miżżewġa, inklużi dawk tal-istess sess, id-dritt għall-allowance tad-dar, kif ipprovdut fl-Artikolu 1(2)(c)(iv) tal-Anness VII tar-Regolamenti tal-Persunal, jirriskja li jkun biss teoretiku u illużorju jekk il-kunċett ta’ “aċċess għal żwieġ legali fi Stat Membru”, li n-nuqqas tiegħu jikkostitwixxi waħda mill-kundizzjonijiet sabiex tali uffiċjal jibbenefika mill-allowance tad-dar, jiġi interpretat f’sens formali biss, billi jagħmel l-applikazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni kkontestata dipendenti fuq il-kwistjoni ta’ jekk il-koppja tissodisfax il-kundizzjonijiet legali imposti mid-dritt nazzjonali applikabbli, mingħajr ma tiġi vverifikata n-natura konkreta u effettiva tal-aċċess għaż-żwieġ fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

Minn dan jirriżulta li, meta tipprova tistabbilixxi jekk koppja ta’ persuni tal-istess sess għandhiex aċċess għaż-żwieġ ċivili skont il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, l-amministrazzjoni ma tistax tinjora d-dispożizzjonijiet tal-liġi ta’ Stat ieħor li magħhom is-sitwazzjoni inkwistjoni jkollha rabta mill-qrib minħabba ċ-ċittadinanza tal-persuni kkonċernati, meta tali liġi, ċertament mhux applikabbli għall-kwistjonijiet tal-formazzjoni taż-żwieġ, tirriskja li tirrendi teoretiku u illużorju l-aċċess għaż-żwieġ u għalhekk għad-dritt għall-allowance tad-dar. Dan huwa partikolarment il-każ meta liġi nazzjonali tinkrimina l-atti omosesswali mingħajr ma tagħmel ebda distinzjoni fir-rigward tal-post fejn l-att omosesswali jitwettaq.

(ara l-punti 42 sa 45)