Language of document : ECLI:EU:F:2010:12

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(It-Tielet Awla)

24 ta’ Frar 2010

Kawża F-2/09

Riccardo Achille Menghi

vs

Aġenzija Ewropea dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA)

“Servizz pubbliku — Membri tal-persunal temporanju — Tkeċċija wara t-tmiem tal-perijodu ta’ prova — Fastidju psikoloġiku”

Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu R. A. Menghi jitlob, b’mod partikolari, l-annullament tad-deċiżjoni tal-ENISA, tal-14 ta’ Marzu 2008, tat-tkeċċija tiegħu mix-xogħol.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Reklutaġġ — Perijodu ta’ prova

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a)

2.      Proċedura — Argumenti addizzjonali mressqa fis-seduta insostenn tal-motiv diġà invokat fir-rikors — Ammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 21; Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 35(1))

3.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Obbligu ta’ assistenza tal-amministrazzjoni — Kamp ta’ applikazzjoni

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 24)

4.      Uffiċjali — Membri tal-persunal temporanju — Rikors — Motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter insostenn ta’ rikors intiż kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija li ttieħdet wara komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 22a)

1.      Il-fastidju psikoloġiku, fid-dawl tad-definizzjoni li ngħatatlu fl‑Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa mġiba li ssir tul perijodu, b’mod ripetittiv u sistematiku, filwaqt li deċiżjoni tal-amministrazzjoni ssir b’mod puntwali, anki jekk din jista’ jkollha effetti fit-tul, jew definittivi, bħalma huwa l-każ fir-rigward ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Għalhekk, il-fatt li jintwera li jkun hemm fastidju psikoloġiku sostnut minn membru tal-persunal temporanju ma jfissirx li kull deċiżjoni li tippreġudika lil dan il-membru tal-persunal u li ssir f’dan il-kuntest ta’ fastidju hija illegali. Jeħtieġ li jintwera wkoll li jkun hemm rabta bejn il-fastidju inkwistjoni u r-raġunijiet tad‑deċiżjoni ta’ tkeċċija tiegħu.

Fil-każ ta’ tkeċċija li ssir fit-tmiem tal-perijodu ta’ prova, il-membru tal-persunal jista’ validament isostni li huwa ma setax juri l-kapaċità tiegħu li jeżerċita d‑dmirijiet tiegħu minħabba li l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku u li, konsegwentement, ir-raġuni ta’ inkapaċità li fuqha d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata hija żbaljata, peress li tali deċiżjoni kienet għalhekk ivvizzjata minn żball manifest tal-evalwazzjoni.

Bl-istess mod, l-eżistenza ta’ kuntest ta’ fastidju psikoloġiku tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni meta l-awtur ta’ dan il-fastidju jkun ukoll il-firmatarju tad‑deċiżjoni ta’ tkeċċija — jew wieħed mill-firmatarji tar-rapport dwar il-perijodu ta’ prova li fuq il-bażi tiegħu ttieħdet id-deċiżjoni ta’ tkeċċija — sabiex jiġi stabbilit li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija ġiet adottata bil-għan li ssir ħsara lill-membru tal‑persunal u li għalhekk din hija vvizzjata minn użu ħażin ta’ poter.

Għalhekk, fir-rigward ta’ allegazzjoni ta’ fastidju psikoloġiku invokat insostenn tat-talbiet kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija li ttieħdet fit-tmiem ta’ perijodu ta’ prova, l-imsemmija deċiżjoni tista’ tkun ivvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, minħabba li l-membru tal-persunal li sostna l-fastidju ma kienx f’pożizzjoni li juri l-kapaċità tiegħu li jeżerċita d-dmirijiet tiegħu. Użu ħażin ta’ poter jista’ jirriżulta wkoll jekk id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tkun ġiet adottata bil-għan li ssir ħsara lill-personalità, lid-dinjità jew lill-integrità fiżika jew psikoloġika tal‑membru tal-persunal.

Barra minn hekk, huwa possibbli li l-fatti invokati sabiex tintwera l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku, minkejja li dawn ma jistgħux jiġu kklassifikati bħala tali fis‑sens tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, jippermettu xorta waħda li jiġi konkluż li d-deċiżjoni ta’ tkeċċija hija vvizzjata minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn użu ħażin ta’ poter u li, konsegwentement, din għandha tiġi annullata.

(ara l-punti 68 sa 73)

2.      Minkejja li ma huwiex il-kompitu tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku li jfittex u jidentifika, fl-annessi tar-rikors, il-motivi u l-argumenti li huwa jista’ jikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tal-azzjoni, peress li l‑annessi għandhom biss funzjoni probatorja u instrumentali, huwa l-kompitu tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni l-argumenti kollha sottomessi mir-rikorrent fis-seduta, sa fejn dawn l-argumenti ma jikkostitwixxux motiv ġdid, iżda elementi addizzjonali insostenn ta’ motiv diġà invokat fir-rikors.

(ara l-punt 114)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 14 ta’ Diċembru 2005, Honeywell vs Il‑Kummissjoni, T‑209/01, Ġabra p. II‑5527, punt 57

3.      Minkejja li l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jistipula l‑obbligu ta’ assistenza tal-istituzzjonijiet fir-rigward tal-persunal tagħhom u jimponi fuqhom l-obbligu li jassistu lill-uffiċjal f’kull attakk jew theddid li għalih huwa jkun ġie suġġett minħabba l-pożizzjoni u d-dmirijiet tiegħu, l‑obbligu ta’ assistenza ma huwiex intiż għad-difiża tal-uffiċjali kontra l-atti tal-istituzzjoni nfisha.

Fil-fatt, filwaqt li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedu obbligu ta’ assistenza fuq l-istituzzjonijiet Komunitarji, huma biss id‑deċiżjonijiet amministrattivi li għandhom kontenut b’rabta ma’ tali obbligu, jiġifieri d-deċiżjonijiet li jiċħdu talba għal assistenza jew, f’ċirkustanzi eċċezzjonali, in-nuqqas li tingħata assistenza b’mod spontanju lil membru tal‑persunal, li jistgħu jmorru kontra dan l-obbligu.

Issa, l-għan ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u ma għandux, għalhekk, rabta mal‑obbligu ta’ assistenza previst f’dan l-artikolu. Għalhekk, in-nuqqas ta’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi artikolu ma jistax jiġi validament invokat fil-konfront ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija.

Konsegwentement, meta jikkontesta l-legalità ta’ deċiżjoni ta’ tkeċċija mogħtija fil-konfront tiegħu, il-membru tal-persunal temporanju, li jqis ruħu vittma ta’ attakki jew theddid minn superjur tiegħu, iktar għandu juri l-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni jew ta’ użu ħażin ta’ poter milli juri li din id-deċiżjoni ta’ tkeċċija tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal‑Persunal. Għalhekk, il-membru tal-persunal jista’ validament isostni, b’mod partikolari, li huwa minħabba attakki jew theddid li sostna li huwa wettaq żball jew ma kienx kapaċi jeżegwixxi l-ħidmiet fdati lilu, u li dan l-iżball, jew in‑nuqqas ta’ kapaċità li jeżerċita d-dmirijiet tiegħu, kien jikkostitwixxi r-raġuni tat-tkeċċija tiegħu.

(ara l-punti 128 sa 131)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 17 ta’ Mejju 2006, Lavagnoli vs Il‑Kummissjoni, T‑95/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑121 u II‑A‑2‑569, punt 141

4.      L-Artikolu 22a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi li l‑uffiċjal li kkomunika, skont l-Artikolu 22a(1), informazzjoni dwar fatti li jistgħu jwasslu għal suppożizzjoni ta’ attività possibbilment illegali jew aġir li jista’ jikkostitwixxi nuqqas serju għall-obbligi tal-uffiċjali tal‑Komunitajiet Ewropej “m’għandux isofri minn xi effetti ta’ preġudizzju min-naħa ta’ l-istituzzjoni […] sakemm aġixxa raġonevoli u bl-onestà”. Għalhekk, il-fatt li deċiżjoni sfavorevoli għal membru tal-persunal temporanju tingħata wara, kronoloġikament, komunikazzjoni ta’ informazzjoni lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi li tkun oriġinat minn dan il-membru tal-persunal għandu jwassal lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sabiex, meta jkollu quddiemu rikors kontra deċiżjoni ta’ tkeċċija li insostenn tiegħu huwa invokat motiv ibbażat fuq l-użu ħażin ta’ poter, jeżamina dan il-motiv b’attenzjoni partikolari. Għaldaqstant, dawn id‑dispożizzjonijiet ma jipprovdux lill-uffiċjal, li jkun ikkomunika, skont l‑Artikolu 22a(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, informazzjoni dwar fatti li jistgħu jwasslu għal suppożizzjoni ta’ attività illegali, protezzjoni kontra kull deċiżjoni li tista’ tippreġudikah, iżda biss kontra d-deċiżjonijiet adottati minħabba din il-komunikazzjoni.

(ara l-punti 137 sa 139)