Language of document : ECLI:EU:T:2018:335

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

7 ta’ Ġunju 2018 (*)

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ revoka – Reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea – Trade mark figurattiva Steirisches Kürbiskernöl – Indikazzjoni ġeografika protetta – Artikolu 15, Artikolu 51(1)(a) u Artikolu 55(1) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009 (li saru l-Artikolu 18, l-Artikolu 58(1)(a) u l-Artikolu 62(1) tar-Regolament (UE) 2017/1001) – Użu ġenwin tat-trade mark – Użu bħala trade mark”

Fil-Kawża T-72/17

Gabriele Schmid, residenti f’Halbenrain (l-Awstrija), irrappreżentata minn B. Kuchar, avukat,

rikorrenti,

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn D. Hanf, bħala aġent,

konvenut,

il-parti oħra fil-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, intervenjenti quddiem il-Qorti Ġenerali, hija

Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark, stabbilita f’Graz (l-Awstrija), irrappreżentata minn I. Hödl u S. Schoeller, avukati,

li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO tas-7 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 1768/2015‑4), dwar proċedimenti ta’ revoka bejn G. Schmid u Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn S. Gervasoni, President tal-Awla, L. Madise u R. da Silva Passos (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: J. Plingers, Amministratur,

wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-3 ta’ Frar 2017,

wara li rat ir-risposta tal-EUIPO ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ April 2017,

wara li rat ir-risposta tal-intervenjenti ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-13 ta’ April 2017,

wara li rat l-osservazzjonijiet fuq it-talba għal sospensjoni tal-proċedura ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali mill-intervenjenti u mir-rikorrenti, fl-10 u fil-11 ta’ Mejju 2017, rispettivament,

wara li rat id-deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2017 li tiċħad it-talba għal sospensjoni tal-proċedura mressqa mill-EUIPO,

wara s-seduta tal-25 ta’ Jannar 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-15 ta’ Ottubru 2007, l-intervenjenti, Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark (il-Kamra Reġjonali tal-Agrikoltura u tal-Forestrija ta’ Steiermark, l-Awstrija), kisbet mill-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) ir-reġistrazzjoni internazzjonali li tirreferi għall-Unjoni Ewropea, taħt in-numru 900100, tat-trade mark figurattiva li ġejja:

Image not found

2        Il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata jaqgħu fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-Klassifikazzjoni Internazzjonali ta’ Prodotti u Servizzi għall-Finijiet tar-Reġistrazzjoni ta’ Trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu mad-deskrizzjoni li ġejja: “Żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar prodott skont ir-rekwiżiti tekniċi previsti mir-Regolament (tal-Kummissjoni (KE) Nru 1263/96 tal-1 ta’ Lulju 1996 li jissupplimenta l-Anness mar-Regolament (KE) Nru 1107/96 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ l-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjoni ta’ l-oriġini skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KEE) 2081/92 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 19, p. 234))”.

3        Fit-18 ta’ Ottubru 2013, ir-rikorrenti, Gabriele Schmid, ressqet, quddiem l-EUIPO, talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata għal nuqqas ta’ użu, skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat (li sar l-Artikolu 58(1)(a) tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trade mark tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1)). F’din it-talba, ir-rikorrenti sostniet li t-trade mark ikkontestata ma kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fl-Unjoni Ewropea għal perijodu kontinwu ta’ ħames snin għall-prodotti li hija kienet tirreferi għalihom.

4        Fl-24 ta’ Frar 2014, l-intervenjenti talbet iċ-ċaħda tat-talba għal revoka, bil-produzzjoni, sabiex tipprova l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, ta’ diversi dokumenti (Annessi A.1 sa A.66 tan-nota ppreżentata mill-intervenjenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni).

5        B’deċiżjoni tat-8 ta’ Lulju 2015, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO ddikjarat ir-revoka tat-trade mark ikkontestata, b’effett mit-18 ta’ Ottubru 2013. Hija qieset li l-provi prodotti ma kinux jistabbilixxu b’mod suffiċjenti l-importanza tal-użu tat-trade mark ikkontestata, matul il-perijodu rilevanti, jiġifieri mit-18 ta’ Ottubru 2008 sas-17 ta’ Ottubru 2013. Fil-fehma tagħha, il-fatturi prodotti kienu jikkonċernaw esklużivament materjal pubbliċitarju u spejjeż ta’ taħriġ, li ma kinux jipprovaw il-bejgħ ta’ prodotti. Id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni rrilevat li, f’annessi oħra, l-indikazzjoni tad-data kienet nieqsa jew it-trade mark ikkontestata ma kinitx tingħaraf u li użu ġenwin li jista’ jiżgura ż-żamma tad-drittijiet tat-trade mark ma kienx, konsegwentement, ġie pprovat.

6        Fit-2 ta’ Settembru 2015, l-intervenjenti ppreżentat appell quddiem l-EUIPO, taħt l-Artikoli 58 sa 64 tar-Regolament Nru 207/2009 (li saru l-Artikoli 66 sa 71 tar-Regolament 2017/1001), kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Hija pproduċiet, flimkien man-nota tagħha li tesponi l-aggravji għall-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell tal-EUIPO, diversi dokumenti intiżi sabiex jipprovaw il-portata tal-użu tat-trade mark ikkontestata.

7        B’deċiżjoni tas-7 ta’ Diċembru 2016 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-EUIPO annulla d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni. Huwa kkonkluda, essenzjalment, li l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata kien ġie pprovat.

8        Qabelxejn, il-Bord tal-Appell irrileva li, sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark ikkontestata kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 18(1) tar-Regolament 2017/1001), minn naħa, ma hijiex rilevanti l-kwistjoni dwar jekk l-isem “Steirisches Kürbiskernöl” kienx protett bħala indikazzjoni ġeografika protetta (IĠP), fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU 2012, L 343, p. 1). Min-naħa l-oħra, il-kwistjoni dwar jekk dan l-isem kienx indikazzjoni deskrittiva jew terminu ġeneriku ma kienx rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm tali użu (punti 17 sa 19 tad-deċiżjoni kkontestata).

9        Sussegwentement, fir-rigward tal-prova tal-użu ġenwin, il-Bord tal-Appell ikkunsidra li d-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kienet, minn naħa, attribwixxiet b’mod korrett l-oneru tal-prova dwar l-użu li jista’ jiżgura ż-żamma tad-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark u, min-naħa l-oħra, ikkunsidrat il-provi prodotti kemm mill-intervenjenti kif ukoll mir-rikorrenti, filwaqt li ħadet inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni mwettqa minn din tal-aħħar u mir-rappreżentanti professjonali tagħha (punti 21 sa 23 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell żied li, fir-rigward tal-fatti li ż-żewġ partijiet kienu jikkunsidraw li huma paċifiċi, dawn ma kellhomx iktar jiġu pprovati mill-partijiet, jew eżaminati mid-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni (punti 25 u 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

10      Fl-aħħar nett, sabiex jiġi ddeterminat jekk kienx hemm użu tat-trade mark ikkontestata, fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, il-Bord tal-Appell ikkonstata li, peress li t-tilwima ma kinitx tirrigwarda l-post, il-perijodu u l-intensità tal-użu tat-trade mark ikkontestata, id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni ma kellhiex teżamina dawn l-elementi, iżda biss il-punt dwar jekk l-użu kienx seħħ, minn naħa, taħt il-forma rreġistrata u, min-naħa l-oħra, bħala trade mark (punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata).

11      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, f’dak li jirrigwarda l-forma tal-użu tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell irrileva li l-forma rreġistrata kienet differenti mill-forma użata. Fil-fatt, huwa enfasizza li l-forma użata kellha, isfel fuq in-naħa tal-lemin, emblema tal-Unjoni, li kienet tagħmel riferiment għall-protezzjoni, bħala IĠP u fil-livell tal-Unjoni, tal-prodotti kkonċernati (punti 36 u 37 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell żied li, peress li tali indikazzjoni kienet obbligatorja għall-prodotti protetti u li dan is-sinjal seta’ wkoll jitqiegħed indipendentement mit-trade mark ikkontestata, hija ma kienet tbiddel bl-ebda mod l-elementi distintivi tat-trade mark ikkontestata (punti 38 u 39 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-użu bħala trade mark, il-Bord tal-Appell qies li dan fil-fatt seħħ (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Huwa kkunsidra, għal dan il-għan, li l-fatt li t-trade mark ikkontestata ntużat flimkien ma’ trade marks ta’ produtturi oħra ta’ żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ma kienx rilevanti. Huwa enfasizza li t-tikketta kienet titqiegħed b’mod differenti għal kull produttur taż-żejt u li d-diversi tikketti kienu legali (punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata). Il-Bord tal-Appell, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, speċifika li l-għan tal-Artikolu 15 u tal-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 kien li l-proprjetarju tat-trade mark jiġi mħeġġeġ jagħmel użu effettiv mit-trade mark tiegħu u sabiex ma jikkontestax il-validità ta’ reġistrazzjoni. Madankollu, il-Bord tal-Appell qies li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 207/2009 ma kienx jeżiġi li l-proprjetarju tat-trade mark u l-manifattur effettiv tal-prodott ikunu identiċi, peress li l-funzjoni tat-trade mark kienet tikkonsisti li jiġi żgurat li l-prodotti li hija kienet tirreferi għalihom kienu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża unika (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata). Fl-aħħar nett, il-Bord tal-Appell żied li l-kwistjoni dwar liema rwol kellu l-proprjetarju tat-trade mark, bħala persuna rregolata mid-dritt pubbliku, fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar, u dwar l-effettività tal-kontrolli li huwa kien iwettaq kienet irrilevanti, peress li din ma kinitx tirrigwarda trade mark kollettiva (punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata).

13      Il-Bord tal-Appell, konsegwentement, ċaħad, fit-totalità tagħha, it-talba għal revoka tat-trade mark ikkontestata mressqa mir-rikorrenti u kkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 It-talbiet tal-partijiet

14      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tbiddel id-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara rrevokati d-drittijiet tal-intervenjenti għall-prodotti kollha;

–        sussidjarjament, tannulla d-deċiżjoni kkontestata u tirrinvija l-każ quddiem l-EUIPO;

–        tikkundanna lill-intervenjenti għall-ispejjeż li hija sostniet, inklużi dawk sostnuti fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

15      Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet sabiex tbiddel it-tielet kap tat-talbiet tagħha fis-sens li titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tikkundanna lill-EUIPO għall-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, inklużi dawk sostnuti waqt il-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

16      L-EUIPO jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        tissospendi l-proċedura sad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja li ttemm l-istanza fil-Kawża C‑689/15, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze.

17      Waqt is-seduta, l-EUIPO oġġezzjona għall-bidla, mir-rikorrenti, tat-tielet kap tat-talbiet tagħha.

18      L-intervenjenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors u żżomm id-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha;

–        fil-każ li l-Qorti Ġenerali tilqa’ t-talbiet tar-rikorrenti u tannulla d-deċiżjoni kkontestata, tirrinvija l-każ quddiem l-EUIPO għall-finijiet tat-tkomplija tal-istruttorja tiegħu u tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni ġdida;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż li hija sostniet, inklużi dawk sostnuti fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO.

19      B’teħid inkunsiderazzjoni tal-għoti tas-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434), it-talba għal sospensjoni tal-proċedura ppreżentata mill-EUIPO ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Ġunju 2017.

 Id-dritt

 Fuq il-provi prodotti għall-ewwel darba waqt is-seduta

20      Ir-rikorrenti u l-intervenjenti, waqt is-seduta, ipproduċew dokumenti li jinkludu provi li ma kinux ġew prodotti quddiem l-EUIPO u li ġew prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali għall-ewwel darba. Għalhekk, ir-rikorrenti ppreżentat kopja ta’ sentenza tal-Oberlandesgericht Wien (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Vjenna, l-Awstrija), tal-25 ta’ Awwissu 2017, f’kawża li tinvolvi l-istess partijiet bħal dawk f’din il-kawża. Fir-rigward tal-intervenjenti, hija ppreżentat dokument tas-sit internet tas-Steirisches Kürbiskernöl ggA.

21      Madankollu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar is-saħħa probatorja ta’ dawn il-provi, għandu jiġi kkonstatat li dawn jinkludu elementi ġodda, kif indikat fil-punt 20 iktar ’il fuq, u li huma ġew prodotti tardivament.

22      Fil-fatt, skont l-Artikolu 85(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-provi u l-provi proposti għandhom jiġu ppreżentati fil-kuntest tal-ewwel skambju ta’ noti. Skont l-Artikolu 85(3) tal-istess regoli, b’mod eċċezzjonali, il-partijiet prinċipali jistgħu jipproduċu jew jipproponu provi ġodda anki qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, bil-kundizzjoni li jiġġustifikaw għaliex dawn il-provi ġew prodotti jew proposti tard.

23      Issa, f’dan il-każ, il-produzzjoni tal-imsemmija provi waqt is-seduta seħħet tardivament fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Peress li r-rikorrenti u l-intervenjenti naqsu milli jagħtu ġustifikazzjoni għall-produzzjoni tardiva ta’ dawn il-provi, dawn għandhom jiġu miċħuda għaliex inammissibbli, skont l-Artikolu 85(1) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura, u dan iktar u iktar minħabba li dawn il-provi ma kinux inklużi fl-atti tal-proċess quddiem il-Bord tal-Appell u li l-funzjoni tal-Qorti Ġenerali ma hijiex li teżamina mill-ġdid il-fatti fid-dawl tad-dokumenti ppreżentati għall-ewwel darba quddiemha (ara s-sentenza tat-22 ta’ Ġunju 2017, Biogena Naturprodukte vs EUIPO (ZUM wohl), T‑236/16, EU:T:2017:416, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq il-mertu

24      Qabelxejn, għandu jiġi kkunsidrat li, skont l-ewwel kap tat-talbiet tagħha, ifformulat prinċipalment, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tbiddel id-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara r-revoka tat-trade mark ikkontestata. Permezz tat-tieni kap tat-talbiet tagħha, ifformulat sussidjarjament, ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

25      Issa, fir-rigward tat-talbiet għal bidla, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet fejn il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-Bord tal-Appell, tkun f’pożizzjoni li tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, liema deċiżjoni l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

26      Il-Qorti Ġenerali tqis li għalhekk l-evalwazzjoni mwettqa mill-Bord tal-Appell għandha tiġi mistħarrġa u li dan jimplika li jiġu analizzati, fl-ewwel lok, il-motivi ppreżentati mir-rikorrenti li huma intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, fit-tieni lok, it-talbiet intiżi għal bdil tad-deċiżjoni kkontestata.

 Fuq it-talbiet għal annullament ippreżentati mir-rikorrenti

27      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka motiv uniku, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 15(1), tal-Artikolu 51(1)(a) u tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 62(1) tar-Regolament 2017/1001).

28      Ir-rikorrenti ssostni li, l-ewwel nett, it-trade mark ikkontestata ma ntużatx bħala indikazzjoni tal-oriġini, jiġifieri bħala trade mark li tiżgura lill-konsumatur jew lill-utent finali l-identità tal-oriġini ta’ prodott li tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti mill-istess trade mark, iżda li ġejjin minn impriża oħra, it-tieni nett, il-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami tal-perċezzjoni tas-sinjal mill-konsumaturi, it-tielet nett, it-trade mark ikkontestata ntużat biss bħala indikazzjoni tal-kwalità u bħala terminu ġeneriku u, ir-raba’ nett, l-użu tat-trade mark ikkontestata huwa qarrieqi għall-pubbliku mmirat.

29      B’mod partikolari, ir-rikorrenti tikkunsidra li l-kwistjoni dwar jekk it-trade mark ikkontestata hijiex pperċepita mill-pubbliku rilevanti bħala indikazzjoni tal-oriġini li tippermetti li ssir distinzjoni bejn il-prodotti koperti mit-trade mark ikkontestata u l-prodotti koperti mill-istess trade mark, iżda li ġejjin minn impriża oħra, għandha tiġi eżaminata fil-kuntest ta’ evalwazzjoni ġuridika tal-użu ġenwin tat-trade mark inkwistjoni. Issa, f’dan il-każ, il-Bord tal-Appell ma wettaqx eżami suffiċjenti ta’ din il-kwistjoni, peress li l-Bord tal-Appell semma fil-qosor l-użu bħala trade mark biss f’żewġ punti tad-deċiżjoni kkontestata, jiġifieri fil-punti 41 u 42, meta huwa ddikjara li s-sinjal fuq il-fliexken taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar kien is-suġġett ta’ użu distintiv.

30      Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kien żbaljat meta kkunsidra li, sabiex ikun hemm użu bħala trade mark, kien suffiċjenti li l-prodotti jkunu mmanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-kwistjoni dwar kif il-konsumaturi pperċepixxew it-trade mark ikkontestata. Fil-fehma tagħha, il-konsumatur medju ma jirrikonoxxix dan is-sinjal bħala trade mark, iżda bħala sempliċi indikazzjoni tal-kwalità u bħala terminu ġeneriku, li jaqa’ taħt ir-Regolament Nru 1263/96.

31      Għalhekk, skont ir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell naqas milli jivverifika jekk il-konsumaturi kinux jipperċepixxu dan is-sinjal bħala trade mark li tindika l-oriġini u jekk huma kinux jagħmlu distinzjoni bejnu u prodotti ta’ produtturi oħra, li, fil-kuntest tal-produzzjoni tagħhom, kienu josservaw ukoll ir-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1263/96 u setgħu wkoll isejħu l-prodott tagħhom “Steirisches Kürbiskernöl ggA” (żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ta’ Steiermark IĠP).

32      F’dan ir-rigward, fir-rikors, ir-rikorrenti tenfasizza li mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2016:916), tikketta ta’ kwalità għandha, neċessarjament, tissodisfa l-funzjoni ta’ oriġini tat-trade mark sabiex il-proprjetarju tagħha jkun jista’ jallega li jagħmel użu mid-dritt esklużiv li l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 9 tar-Regolament 2017/1001) jagħtih. Għalhekk, meta trade mark individwali tintuża bħala tikketta ta’ kwalità, hija tkun is-suġġett ta’ użu li jista’ jiżgura ż-żamma tad-drittijiet esklużivi biss meta l-imsemmija tikketta ta’ kwalità tikkostitwixxi mhux biss indikazzjoni tal-kwalità tal-prodott, iżda wkoll fl-istess ħin indikazzjoni tal-oriġini (ara, f’dan is-sens, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2016:916, punti 46 u 47). Waqt is-seduta, ir-rikorrenti, mistiedna tieħu pożizzjoni fuq ir-rilevanza tas-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434), li ġiet deċiża matul il-fażi bil-miktub tal-proċedura f’din il-kawża, qieset li din is-sentenza kienet tapplika għal din il-kawża.

33      F’dan il-każ, ir-rikorrenti tqis li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina jekk l-użu effettiv tat-trade mark inkwistjoni kienx jissodisfa l-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni tal-oriġini. Fil-fatt it-trade mark inkwistjoni ma hijiex marbuta ma’ indikazzjoni tal-oriġini, iżda biss ma’ indikazzjoni tal-kwalità tal-prodott, li tiggarantixxi li n-natura u l-kwalità tiegħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni u li jkun ipperċepit bħala tali mill-pubbliku.

34      L-EUIPO u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

35      L-EUIPO jikkunsidra, qabelxejn, li, peress li t-trade mark ikkontestata hija rreġistrata, teżisti preżunjoni tal-validità legali tagħha, li tista’ tiġi kkonfutata biss, skont l-Artikolu 52(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 59(1)(a) tar-Regolament 2017/1001), permezz ta’ proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Issa, il-proċedimenti ta’ revoka, mibdija f’din il-kawża, ma jservux għall-eżami tal-validità legali ta’ trade mark irreġistrata. Għaldaqstant, fil-kuntest ta’ din il-kawża, ċertu grad ta’ karattru distintiv kellu jiġi rrikonoxxut lit-trade mark ikkontestata waqt l-eżami tan-natura tal-użu tagħha.

36      Sussegwentement, il-fatt li t-trade mark ikkontestata ntużat kif hija kienet ġiet irreġistrata, sabiex tindika l-prodotti li hija tipproteġi, jindika, bħala prinċipju, l-użu tagħha bħala trade mark. Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni, minn naħa, bejn il-proċedimenti ta’ revoka li jikkonsistu fl-eżami tal-eżerċizzju tal-użu ta’ trade mark irreġistrata u, min-naħa l-oħra, il-proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità intiżi għall-eżami mill-ġdid tal-karattru distintiv (eventwalment miksub permezz tal-użu) u l-abbiltà ta’ trade mark li tiġi rreġistrata.

37      Fl-aħħar nett, fl-ewwel lok, l-EUIPO jqis li t-trade marks individwali, mibarra l-funzjoni essenzjali tagħhom ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti koperti, jistgħu jiżguraw ukoll funzjoni ta’ kwalità. Iktar preċiżament, fir-rigward ta’ IĠP, il-funzjoni essenzjali tagħha tikkonsisti fl-indikazzjoni tal-oriġini ġeografika u tal-kwalitajiet attribwibbli għal din l-oriġini tal-prodotti ta’ diversi produtturi – li ma humiex ekonomikament marbutin bejniethom. Hija lanqas ma tippermetti li l-konsumatur ta’ prodott kopert minn marka ta’ ċertifikazzjoni jagħmel distinzjoni bejn il-prodotti li hija tindika u dawk ta’ produtturi oħra. Għaldaqstant, meta trade mark individwali tintuża esklużivament bħala IĠP, dan ma jikkostitwixxix użu ta’ din it-trade mark individwali bħala trade mark.

38      Fit-tieni lok, l-EUIPO jqis li l-kwistjoni dwar jekk trade mark individwali realment intużatx fis-suq rilevanti għandha tkun ibbażata fuq il-perċezzjoni tal-pubbliku rilevanti għall-prodotti inkwistjoni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ. F’dan ir-rigward, għandha tittieħed inkunsiderazjoni l-konfigurazzjoni tas-sinjal u l-preżentazzjoni tal-prodott indikat, inkluż it-tqegħid ta’ sinjali oħra fuq il-prodott. F’dan ir-rigward, l-EUIPO żied, waqt is-seduta, li t-trade mark ikkontestata tidher b’mod predominanti fuq il-prodotti. Il-perċezzjoni tat-trade mark, mill-konsumatur rilevanti, tiddependi wkoll, minn naħa, fuq in-numru ta’ impriżi awtorizzati li jużaw it-trade mark u, min-naħa l-oħra, fuq it-tip ta’ reklamar għat-trade mark. Huwa għalhekk li, f’dan il-każ, l-użu seħħ bħala trade mark għar-raġunijiet indikati fil-punt 41 tad-deċiżjoni kkontestata.

39      Waqt is-seduta, l-EUIPO sostna li, wara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434), il-kriterju deċiżiv għall-eżami tal-użu ta’ trade mark bħala trade mark individwali huwa dak li jsir magħruf jekk jekk it-trade mark tiżgurax li l-prodotti jkunu ġejjin minn impriża waħda minkejja li t-trade mark inkwistjoni tista’ taqdi funzjonijiet oħra.

40      L-intervenjenti tenfasizza, qabelxejn, li dikjarazzjoni ta’ assenza ta’ użu distintiv hija kontradittorja, ladarba l-użu reali tat-trade mark għall-prodotti kkonċernati ma huwiex inkwistjoni. F’dan il-każ, l-użu ġenwin ġie pprovat kemm permezz tal-provi li hija pproduċiet kif ukoll minn dawk prodotti minn terzi, jiġifieri mill-assoċjazzjoni Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl.

41      L-intervenjenti ssostni li t-trade mark ikkontestata hija, fl-istess ħin, kemm trade mark kif ukoll tikketta ta’ kwalità. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li l-assoċjazzjonijiet tal-produtturi jistgħu, huma wkoll, jippreżentaw applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark tagħhom. Din tal-aħħar tiġi madankollu kkunsidrata bħala indikazzjoni tal-kwalità tal-prodott li tiċċertifika li l-produttur osserva l-ispeċifikazzjonijiet ta’ produzzjoni.

42      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, hija ġurisprudenza stabbilita li trade mark hija s-suġġett ta’ “użu ġenwin”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, meta tintuża, skont il-funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiżgura l-identità ta’ oriġini tal-prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq għal dawn tal-aħħar, bl-esklużjoni ta’ użi ta’ natura simbolika li għandhom l-uniku għan li jżommu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark (sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 43; ara, ukoll, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      Madankollu, il-fatt li trade mark tintuża sabiex jinħoloq jew jinżamm suq għall-prodotti jew għas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata u mhux bl-għan biss li jinżammu d-drittijiet mogħtija mit-trade mark ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi konkluż li jeżisti “użu ġenwin” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009. Fil-fatt, huwa madankollu indispensabbli li dan l-użu tat-trade mark jitwettaq b’konformità mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark (sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C 689/15, EU:C:2017:434, punti 39 u 40).

44      Fir-rigward tat-trade marks individwali, din il-funzjoni essenzjali tikkonsisti li lill-konsumatur jew lill-utent finali tiġi żgurata l-identità ta’ oriġini tal-prodott jew tas-servizz indikat mit-trade mark, billi tippermettilu jiddistingwi mingħajr il-possibbiltà ta’ konfużjoni dan il-prodott jew dan is-servizz minn dawk li għandhom provenjenza oħra. Fil-fatt, sabiex it-trade mark tkun tista’ taqdi r-rwol tagħha ta’ element essenzjali fis-sistema ta’ kompetizzjoni ġusta li t-Trattat għandu l-għan li jistabbilixxi u jżomm fis-seħħ, din għandha tikkostitwixxi l-garanzija li l-prodotti jew is-servizzi kollha koperti minnha ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà għall-kwalità tagħhom (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      In-neċessità, fil-kuntest tal-applikazzjoni tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009, ta’ użu konformi mal-funzjoni essenzjali ta’ indikazzjoni tal-oriġini tirrifletti l-fatt li, għalkemm, ċertament, trade mark tista’ wkoll tkun is-suġġett ta’ użi konformi ma’ funzjonijiet oħra, bħal dik li tikkonsisti fil-garanzija tal-kwalità jew dawk ta’ komunikazzjoni, ta’ investiment jew ta’ reklamar, madankollu din hija suġġetta għas-sanzjonijiet previsti f’dan ir-regolament meta, matul perijodu kontinwu ta’ ħames snin, hija ma tkunx intużat skont il-funzjoni essenzjali tagħha. F’dan il-każ, jiġi ddikjarat, skont il-modalitajiet stabbiliti fl-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 207/2009, li d-drittijiet tal-proprjetarju tat-trade mark huma rrevokati, sakemm huwa ma jkunx jista’ jinvoka motivi ġusti talli ma bediex użu li jippermetti li t-trade mark taqdi l-funzjoni essenzjali tagħha (ara s-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Huwa fid-dawl tal-prinċipji stabbiliti iktar ’il fuq li għandu jiġi eżaminat jekk l-użu ta’ IĠP, li ġiet irreġistrata bħala trade mark individwali figurattiva, jistax jitqies bħala li sar konformement mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark.

47      F’dan ir-rigward, f’dak li jirrigwarda IĠP, bħal dik inkwistjoni, skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament Nru 1151/2012, “indikazzjoni ġeografika” tidentifika prodott:

“(a)      li joriġina f’post speċifiku, f’reġjun jew f’pajjiż;

(b)      li l-kwalità, reputazzjoni jew karatteristika oħra partikulari tiegħu tista’ essenzjalment tiġi attribwita lill-oriġini ġeografika tiegħu;

u

(c)      li jkollu għall-inqas waħda mill-fażijiet tal-produzzjoni tiegħu li sseħħ fiż-żona ġeografika ddefinita.”

48      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-użu ta’ trade mark individwali, filwaqt li jindika l-oriġini ġeografika u l-kwalitajiet attribwibbli għal din l-oriġini tal-prodotti ta’ diversi produtturi, ma jiggarantixxix lill-konsumaturi li dawn il-prodotti jew dawn is-servizzi jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma mmanifatturati jew ipprovduti u li, konsegwentement, lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tal-imsemmija prodotti jew servizzi, tali użu ma jsirx konformement mal-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 45).

49      Fil-fatt, ma jkunx hemm użu konformi mal-funzjoni essenzjali tat-trade mark individwali meta l-unika funzjoni tat-tqegħid tagħha fuq prodotti hija li tikkostitwixxi indikazzjoni tal-oriġini ġeografika u tal-kwalitajiet attribwibbli lil din l-oriġini tal-prodotti inkwistjoni u mhux dik li tiggarantixxi, barra minn hekk, li l-prodotti jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 46).

50      F’dan il-każ, mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-intervenjenti, jiġifieri l-proprjetarju tat-trade mark ikkontestata, hija kollettività rregolata mid-dritt pubbliku. Hija kkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja mal-Assoċjazzjoni Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl. Skont dan il-kuntratt, din l-assoċjazzjoni, bħala persuna li għandha liċenzja ta’ esklużività, tawtorizza lill-membri tagħha jużaw it-trade mark ikkontestata. Huma biss il-membri tal-imsemmija assoċjazzjoni marbuta permezz ta’ “kuntratt ta’ kontroll” li għandhom id-dritt jużaw it-trade mark ikkontestata. Skont l-Artikolu 2 tal-Istatuti tal-Assoċjazzjoni Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl, din għandha, b’mod partikolari, bħala “għan id-difiża tal-interessi tal-membri tagħha f’dak li jirrigwarda l-implimentazzjoni tal-protezzjoni tad-denominazzjonijiet ta’ oriġini żgurata mill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ta’ Steiermark […] u s-sostenn tal-membri tagħha fil-kuntest tal-kummerċjalizzazzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar ta’ Steiermark fil-forma ta’ attività ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ relazzjonijiet pubbliċi korrispondenti”.

51      Minn dan jirriżulta li din l-assoċjazzjoni, kif spjegat l-intervenjenti waqt is-seduta, tikkontrolla l-mod kif il-prodotti tal-membri tagħha jkunu ġew immanifatturati. Madankollu, l-assoċjazzjoni ma hijiex involuta fil-manifattura tal-prodotti tal-membri tagħha u lanqas ma hija responsabbli għal dawn il-prodotti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 48). Għalhekk, peress li l-intervenjenti kkonkludiet kuntratt ta’ liċenzja mal-imsemmija assoċjazzjoni, hija stess ma hijiex involuta fil-manifattura tal-imsemmija prodotti u ma hijiex responsabbli għalihom.

52      Issa, ma għandhiex issir konfużjoni bejn il-funzjoni essenzjali tat-trade mark mal-funzjonijiet l-oħra, imfakkra fil-punt 45 iktar ’il fuq, li t-trade mark tista’ wkoll tissodisfa skont il-każ, bħal dik li tikkonsisti fil-garanzija tal-kwalità tal-prodott inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze, C‑689/15, EU:C:2017:434, punt 44) jew fl-indikazzjoni tal-oriġini ġeografika tiegħu. Fil-fatt, kif sostniet ir-rikorrenti, fatt li ġie kkonfermat mill-EUIPO, waqt is-seduta u kif tfakkar fil-punti 44, 48 u 49 iktar ’il fuq, trade mark individwali tissodisfa l-funzjoni tagħha ta’ indikazzjoni tal-oriġini meta l-użu tagħha jiżgura lill-konsumaturi li l-prodotti li hija tindika jkunu ġejjin minn impriża waħda li taħt il-kontroll tagħha huma mmanifatturati dawn il-prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti. F’dan il-każ, l-użu tat-trade mark ikkontestata ma seħħx skont tali funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini.

53      Ċertament, kif iddikjaraw l-intervenjenti u l-espert li akkumpanjaha waqt is-seduta, l-assoċjazzjoni Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl twettaq kontrolli tal-produzzjoni taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar, sabiex tivverifika li l-prodott inkwistjoni jkun ġie mmanifatturat skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti u li l-osservanza ta’ dawn l-ispeċifikazzjonijiet tkun ikkontrollata minn awtorità akkreditata mill-Istat. Waqt is-seduta, l-intervenjenti insistiet fuq il-fatt li, kuntrarjament għaċ-ċirkustanzi tal-kawża li tat lok għas-sentenza tat-8 ta’ Ġunju 2017, W. F. Gözze Frottierweberei u Gözze (C‑689/15, EU:C:2017:434), l-assoċjazzjoni kellha kontroll sħiħ tal-proċess ta’ manifatturazzjoni, li jinkludi l-fażijiet kollha ta’ manifattura, li toħloq distinzjoni bejn dan il-każ u l-imsemmija kawża, peress li f’din tal-aħħar l-assoċjazzjoni inkwistjoni kellha kontroll biss fuq il-materja prima, jiġfieri l-fibra tal-qoton. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li tali elementi ma jippreġudikawx l-evalwazzjonijiet inklużi fil-punti 51 u 52 iktar ’il fuq, peress li huma jippermettu lit-trade mark ikkontestata twettaq il-funzjoni relatata mal-kontroll ta’ kwalità tal-prodotti waqt il-proċess ta’ manifattura, iżda mhux dik relatata mal-identità tal-produttur.

54      Barra minn hekk, il-kwalità ta’ persuna rregolata mid-dritt pubbliku jew privat tal-awtur tal-użu ma huwiex rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk it-trade mark ikkontestata kinitx is-suġġett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2008, Verein Radetzky-Orden, C‑442/07, EU:C:2008:696, punti 17 u 24). Barra minn hekk, l-użu ġenwin jista’ jitwettaq kemm mill-proprjetarju tat-trade mark kif ukoll minn terz awtorizzat li juża t-trade mark (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 2003, Ansul, C‑40/01, EU:C:2003:145, punt 37). Madankollu, kif tfakkar fil-punt 44 iktar ’il fuq, l-użu tat-trade mark individwali kkontestata għandu jiżgura li l-prodotti jew servizzi kollha li hija tindika jkunu ġew immanifatturati jew ipprovduti taħt il-kontroll ta’ impriża waħda li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità tagħhom, li ma huwiex il-każ hawnhekk.

55      Minn dan isegwi li l-Bord ta’ Appell wettaq żball ta’ liġi, billi qies, fil-punt 42 tad-deċiżjoni kkontestata, l-ewwel nett, li ma kienx meħtieġ fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009 li mill-użu tas-sinjal inkwistjoni l-klijent finali jkun jista’ jiddeduċi l-identità tal-produttur tat-trade mark ikkontestata u, it-tieni nett, li kien biżżejjed li l-proprjetarju tat-trade mark jeżerċita kontroll sabiex jiżgura li l-prodotti kollha li jkollhom din it-trade mark ikunu ġew immanifatturati taħt il-kontroll ta’ impriża waħda.

56      F’dan ir-rigward, mir-riproduzzjonijiet ta’ fliexken taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar u mid-dokumenti pubbliċitarji annessi man-nota tal-intervenjenti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni tal-EUIPO, indikati fl-Annessi A.1 sa A.66 ta’ din in-nota, minn naħa, u, mill-ispjegazzjonijiet mogħtija matul is-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali, min-naħa l-oħra, jirriżulta li t-trade mark ikkontestata ma tinkludi fiha nnifisha ebda riferiment għal produttur speċifiku jew għall-proprjetarju tat-trade mark u li hija tippermetti biss li tiġi indikata l-oriġini ġeografika u l-kwalitajiet tal-prodott inkwistjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma jippermettix li ssir distinzjoni bejn il-prodotti ta’ impriża koperti mill-imsemmija trade mark u l-prodotti koperti minn din l-istess trade mark, iżda li jkunu ġejjin minn impriżi oħra.

57      Tali evalwazzjoni ma hijiex ikkontestata mill-fatt li l-membri tal-assoċjazzjoni Gemeinschaft Steirisches Kürbiskernöl għandhom iqiegħdu fuq il-fliexken taż-żejt taż-żerriegħa tal-qara’ aħmar stikers bin-numri tal-kontroll. F’dan ir-rigward, waqt is-seduta, l-intervenjenti spjegat fid-dettall is-sistema tan-numri tal-kontroll li bl-għajnuna tagħhom konsumatur jista’, minn fuq is-sit internet ta’ din l-assoċjazzjoni, isir jaf id-dettalji dwar il-prodott inkwistjoni, bħall-oriġini kummerċjali tiegħu, id-data tal-ħsad taż-żerriegħa u d-daqs tal-flixkun. Għalhekk, fuq il-bażi tas-sentenza tat-22 ta’ Settembru 2011, Interflora u Interflora British Unit (C‑323/09, EU:C:2011:604), l-intervenjenti tqis li konsumatur normalment informat u raġonevolment attent jista’ jsir jaf li t-trade mark ikkontestata hija użata eslużivament mill-membri tal-assoċjazzjoni.

58      Madankollu, minbarra l-fatt li dawn l-elementi ġew iddikjarati inammissabbli (ara l-punt 23 iktar ’il fuq), huma ma jistgħux jinvalidaw il-konklużjoni li l-użu tat-trade mark ikkontestata ma jiżgurax li l-prodotti li hija tindika jkunu ġejjin minn impriża unika li taħt il-kontroll tagħha huma mmanifatturati dawn il-prodotti u li lilha tista’ tiġi attribwita r-responsabbiltà tal-kwalità ta’ dawn il-prodotti. Fil-fatt, l-ittikkettjar, ippreżentat fis-seduta, li tqiegħed fuq l-għonq tal-fliexken, kien akkumpanjat minn isem il-produttur li kien indikat b’mod ċar fuq il-parti prinċipali tal-flixkun.

59      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-rikorrenti hija ġġustifikata li ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 207/2009.

60      Peress li l-motiv uniku invokat mir-rikorrenti huwa fondat, id-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq it-talbiet għal bidla mressqa mir-rikorrenti

61      Fir-rigward tal-kap tat-talbiet tagħha intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tibdel id-deċiżjoni kkontestata u tiddikjara r-revoka tat-trade mark ikkontestata, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tadotta d-deciżjoni li, fl-opinjoni tagħha, kellu jieħu l-EUIPO, jiġifieri deciżjoni li tikkonstata li l-kundizzjonijiet għad-dikjarazzjoni tar-revoka tat-trade mark mitluba kienu ssodisfatti f’dan il-każ. Ir-rikorrenti titlob, għalhekk, il-bidla tad-deċiżjoni kkontestata, kif prevista fl-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009 (li sar l-Artikolu 72(3) tar-Regolament 2017/1001).

62      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-setgħa ta’ bidla rrikonoxxuta lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 65(3) tar-Regolament Nru 207/2009, ma għandhiex l-effett li tagħtiha s-setgħa li twettaq evalwazzjoni li fuqha l-Bord tal-Appell għadu ma adottax pożizzjoni. Kif tfakkar fil-punt 25 iktar ’il fuq, l-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla għandu konsegwentement, bħala prinċipju, ikun limitat għas-sitwazzjonijiet li fihom il-Qorti Ġenerali, wara li tkun stħarrġet l-evalwazzjoni magħmula mill-imsemmi bord, tkun tista’ tiddetermina, fuq il-bażi tal-punti ta’ fatt u ta’ liġi kif stabbiliti, id-deċiżjoni li l-Bord tal-Appell kellu jadotta (sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

63      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-kundizzjonijiet għall-eżerċizzju tas-setgħa ta’ bidla tal-Qorti Ġenerali ma humiex issodisfatti.

64      Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti tesponi, fir-rikors tagħha, ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-Annessi A.1 sa A.74 prodotti mill-intervenjenti quddiem l-EUIPO ma jippermettux li jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. L-intervenjenti tidher li qiegħda titlob li l-Qorti Ġenerali li tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet taċ-ċaħda tar-rikors, kemm l-Annessi A.1 sa A.66 prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni kif ukoll l-Annessi A.67 sa A.74 li hija kienet ipproduċiet quddiem il-Bord tal-Appell sabiex turi tali użi tat-trade mark ikkontestata.

65      Issa, mill-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li, sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata, il-Bord tal-Appell ibbaża ruħu biss fuq l-annessi prodotti quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni, jiġifieri l-Annessi A.1 sa A.66. Min-naħa l-oħra, mill-punt 16 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Bord tal-Appell ma kkunsidrax li kien neċessarju li jiġu eżaminati d-dokumenti addizzjonali prodotti, mill-intervenjenti, fl-Annessi A.67 sa A.74.

66      Madankollu, ma huwiex eskluż li l-provi inklużi fl-Annessi A.67 sa A.74, jekk il-Bord tal-Appell iqis li huma ammissibbli, jistgħu jkunu utli għall-eżami tal-eżistenza ta’ użu ġenwin tat-trade mark ikkontestata. Peress li l-Bord tal-Appell ma eżaminax il-provi kollha ppreżentati matul il-proċedura amministrattiva, ma hijiex il-Qorti Ġenerali li għandha tevalwahom għall-ewwel darba u, konsegwentement, li tilqa’ t-talba għal bidla tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Lulju 2011, Edwin vs UASI, C‑263/09 P, EU:C:2011:452, punt 72).

67      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talba għal bidla ppreżentata mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

68      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba.

69      Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti talbet li l-intervenjenti tiġi kkundannata għall-ispejjeż. Waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet li l-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-EUIPO, minflok l-intervenjenti, għall-ispejjeż. Il-EUIPO kkontesta din it-talba.

70      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-fatt li l-parti li tirbaħ il-kawża tkun talbet il-kundanna tal-EUIPO għall-ispejjeż biss waqt is-seduta ma jipprekludix li t-talba tagħha tintlaqa’ (ara s-sentenzi tat-12 ta’ Settembru 2007, Consorzio per la tutela del formaggio Grana Padano vs UASI – Biraghi (GRANA BIRAGHI), T‑291/03, EU:T:2007:255, punt 92 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tas-7 ta’ Mejju 2015, Cosmowell vs UASI – Haw Par (GELENKGOLD), T‑599/13, EU:T:2015:262, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

71      Peress li l-EUIPO tilef il-parti l-kbira tat-talbiet tiegħu, għandu jiġi kkundannat għall-ispejjeż, skont it-talbiet tar-rikorrenti mressqa waqt is-seduta. Skont l-Artikolu 138(3) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjenti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

72      Barra minn hekk, fit-talbiet imressqa waqt is-seduta, ir-rikorrenti talbet li l-EUIPO jiġi kkundannat għall-ispejjeż li hija sostniet matul il-proċedimenti quddiem dan l-uffiċċju.

73      F’dan ir-rigward, huwa l-Bord tal-Appell li għandu jiddeċiedi, fid-dawl ta’ din is-sentenza, dwar l-ispejjeż relatati ma’ dawn il-proċedimenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Diċembru 2012, Consorzio vino Chianti Classico vs UASI – FFR (F.F.R.), T‑143/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:645, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) tas-7 ta’ Diċembru 2016 (Każ R 1768/20154) hija annullata.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      L-EUIPO huwa kkundannat ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, dawk ta’ Gabriele Schmid.

4)      Landeskammer für Land- und Forstwirtschaft in Steiermark għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Gervasoni

Madise

da Silva Passos

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-7 ta’ Ġunju 2018.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.