Language of document : ECLI:EU:C:2019:443

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

23 ta’ Mejju 2019 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Vjeġġi ta’ skart ġewwa l-Unjoni Ewropea – Regolament (KE) Nru 1013/2006 – Artikolu 1(3)(d) – Kamp ta’ applikazzjoni – Regolament (KE) Nru 1069/2009 – Vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali”

Fil-Kawża C‑634/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Qorti Amministrattiva ta’ Oldenburg, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑13 ta’ Novembru 2017, fil‑proċedura

ReFood GmbH & Co. KG

vs

Landwirtschaftskammer Niedersachsen,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, C. Lycourgos (Relatur), E. Juhász, M. Ilešič u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-18 ta’ Ottubru 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal ReFood GmbH & Co. KG, minn J. T. Gruber, Rechtsanwalt,

–        għall-Gvern Olandiż, minn H. S. Gijzen u K. Bulterman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Hesse, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Farrell u M. Noll-Ehlers kif ukoll minn E. Sanfrutos Cano u L. Haasbeek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-24 ta’ Jannar 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart (ĠU 2006, L 190, p. 1, u rettifiki fil-ĠU 2013, L 334, p. 46 u fil-ĠU 2015, L 277, p. 61).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn ReFood GmbH & Co. KG (iktar ’il quddiem “ReFood”) u l-Landwirtschaftskammer Niedersachsen (il-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen, il-Ġermanja) dwar il-legalità ta’ vjeġġ ta’ prodotti sekondarji tal-annimali mill-Pajjiżi l-Baxxi lejn il-Ġermanja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Ir-Regolament Nru 1013/2006

3        Il-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006 tipprovdi li:

“Huwa meħtieġ li tiġi evitata duplikazzjoni mar-Regolament (KE) Nru 1774/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ottubru 2002 li jippreskrivi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji ta’ l-annimali mhux maħsuba għall-konsum uman [(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol.37, p. 92)], li diġà fih dispożizzjonijiet li jkopru l-kunsinna b’mod ġenerali, id-direzzjoni u l-moviment (il-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, l-ipproċessar, l-użu, l-irkupru jew ir-rimi, iż-żamma ta’ records, id-dokumenti ta’ akkumpanjament u t-traċċabbiltà) ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali fi, lejn u mill-Komunità.”

4        L-Artikolu 1(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprevedi li:

“1.      Dan ir-Regolament jistabbilixxi proċeduri u reġimi ta’ kontroll għall-vjeġġi ta’ l-iskart, skond l-oriġini, id-destinazzjoni u r-rotta tal-vjaġġ, it-tip ta’ skart trasportat u t-tip ta’ trattament li għandu jiġi applikat fuq l-iskart fid-destinazzjoni tiegħu.

2.      Dan ir-Regolament għandu japplika għal vjeġġi ta’ skart:

(a)      bejn l-Istati Membri, fil-Komunità […]

[…]

3.      Dan li ġej għandu jkun eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

(d)      vjeġġi li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament […] Nru 1774/2002;

[…]”

5        L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006 jipprovdi li:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      ‘skart’ huwa kif definit fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12/KE [tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2006 dwar l-iskart (ĠU 2006, L 114, p. 9)];

[…]”

6        Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, intitolat “Qafas proċedurali ġenerali”:

“1.      Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin għandhom ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u kunsens bil-miktub minn qabel kif stabbilit bid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu:

(a)      jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rimi:

kull skart;

(b)      jekk ikunu destinati għal operazzjonijiet ta’ rkupru:

(i)      l-iskart imsemmi fl-Annessa IV, li jinkludi, inter alia, skart elenkat fl-Annessi II u VIII mal-Konvenzjoni ta’ Basel;

(ii)      skart elenkat fl-Anness IV A;

(iii)      skart li mhux klassifikat taħt entrata waħdanija f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV jew IVA;

(iv)      taħlit ta’ skart mhux klassifikat taħt entrata f’xi wieħed mill-Annessi III, IIIB, IV IVA ħlief jekk elenkati fl-Anness IIIA.

2.      Il-vjeġġi tat-tipi ta’ skart li ġejjin destinati għall-irkupru għandhom ikunu suġġetti għar-rekwiżiti ġenerali ta’ informazzjoni stabbiliti fl-Artikolu 18, jekk l-ammont ta’ skart imbarkat ikun akbar minn 20 kg:

(a)      skart elenkat fl-Anness III jew IIIB;

(b)      taħlitiet, mhux klassifikati taħt entrata waħda fl-Anness III, ta’ żewġ tipi jew aktar ta’ skart elenkati fl-Anness III kemm-il darba l-kompożizzjoni ta’ dawn it-taħlitiet ma tfixkilx l-irkupru ambjentalment san tagħhom u sakemm tali taħlitiet huma elenkati fl-Anness IIIA, skond l-Artikolu 58.

[…]”

 Id-Direttiva 2008/98/KE

7        Il-premessi 12 u 13 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi (ĠU 2008, L 312, p. 3), li ħassret, b’mod partikolari, id-Direttiva 2006/12, jipprovdu li:

“(12) Ir-Regolament [Nru 1774/2002], jipprovdi, inter alia, kontrolli proporzjonati fir-rigward tal-ġbir, it-trasport, l-ipproċessar, l-użu u r-rimi tal-prodotti sekondarji kollha mill-annimali inkluż l-iskart li joriġina mill-annimali, sabiex jiġi evitat li dan jippreżenta riskju għas-saħħa ta’ l-annimali u dik pubblika. Għalhekk huwa meħtieġ li tiġi ċċarata r-rabta ma’ dak ir-Regolament, biex jiġu evitati regoli dduplikati billi l-prodotti sekondarji mill-annimali fejn dawn huma maħsuba għall-użi li m’humiex ikkunsidrati bħala operazzjonijiet ta’ skart jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

(13)      Fid-dawl ta’ l-esperjenza miksuba bl-applikazzjoni tar-Regolament […] Nru 1774/2002, huwa xieraq li jiġi ċċarat il-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni ta’ l-iskart u tad-dispożizzjonijiet tagħha dwar skart perikoluż fir-rigward tal-prodotti sekondarji mill-annimali regolati bir-Regolament […] Nru 1774/2002. Fejn prodotti sekondarji mill-annimali joħolqu riskji potenzjali għas-saħħa, l-istrument legali xieraq biex jindirizza dawn ir-riskji huwa r-Regolament (KE) Nru 1774/2002 u għandu jiġi evitat li jirdoppja inutilment il-leġiżlazzjoni ta’ l-iskart.”

8        L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2008/98 jipprovdi li:

“Dawn li ġejjin għandhom jiġu eskluzi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva sal-punt li huma koperti minn leġiżlazzjoni Komunitarja oħra:

[…]

(b)      prodotti sekondarji mill-annimali inkluż prodotti pproċessati koperti mir-Regolament […] Nru 1774/2002, ħlief dawk li huma destinati għall-inċinerazzjoni, għar-radam jew għall-użu f’impjant ta’ bijogass jew ta’ kompostaġġ;

[…]”

9        Skont l-Artikolu 13 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-immaniġġar ta’ l-iskart jitwettaq mingħajr ma tiġi pperikolata s-saħħa tal-bniedem, u mingħajr ma ssir ħsara lill-ambjent, u b’mod partikolari:

(a)      mingħajr riskju għall-ilma, l-arja, il-ħamrija, pjanti jew l-annimali;

(b)      mingħajr ma jinħoloq fastidju permezz ta’ ħsejjes jew irwejjaħ; u

(ċ)      mingħajr effetti negattivi fuq il-kampanja jew postijiet ta’ interess speċjal.”

 Il-leġiżlazzjoni dwar il-prodotti sekondarji tal-annimali

–       Ir-Regolament Nru 1774/2002

10      L-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1774/2002, intitolat “Il-Kunsinna ta’ prodotti sekondarji ta’ l-annimali u prodotti pproċessati lil Stati Membri oħra”, kien jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu li l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jawtorizza li jiġi rċevut materjal tal-kategoriji 1 u 2, prodotti pproċessati derivati minn dawn il-materjali u proteina pproċessata tal-annimali.

11      L-Artikoli 10 sa 15, 17 u 18 ta’ dan ir-regolament kienu jipprevedu proċedura ta’ approvazzjoni tal-impjanti intermedjarji tal-kategoriji 1 sa 3, impjanti għall-ħażna, impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni, impjanti tal-ipproċessar tal-kategoriji 1 u 2, impjanti oleokimiċi tal-kategoriji 2 u 3, impjanti tal-produzzjoni tal-bijogass u impjanti fejn isir il-kompost, impjanti tal-ipproċessar tal-kategorija 3 kif ukoll impjanti ta’ produzzjoni ta’ ikel tal-annimali domestiċi u l-impjanti tekniċi.

–       Ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009

12      Il-premessi 5, 6, 29, 57 u 58 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) (ĠU 2009, L 300, p. 1) jipprovdu li:

“(5)      Ir-regoli tas-saħħa Komunitarji għall-ġbir, it-trasport, l-immaniġġar, it-trattament, it-trasformazzjoni, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali għandhom jiġu stipulati f’qafas koerenti u komprensiv.

(6)      Dawn ir-regoli ġenerali għandhom ikunu proporzjonati għar-riskju għas-saħħa pubblika u tal-annimali li jinħoloq minn prodotti sekondarji tal-annimali meta jiġu indirizzati mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom. Ir-regoli għandhom iqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Il-qafas Komunitarju għandu jinkludi regoli tas-saħħa fuq it-tqegħid fis-suq, inklużi l-kummerċ intrakomunitarju u l-importazzjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, fejn xieraq.

[…]

(29)      Il-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati għandhom jiġu kklassifikati fi tliet kategoriji li jirriflettu l-grad ta’ riskju li huma joħolqu għas-saħħa pubblika u tal-annimali, fuq il-bażi ta’ evalwazzjonijiet tar-riskju. Filwaqt li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati li joħolqu riskju għoli għandhom jintużaw biss għal għanijiet barra mill-katina tal-għalf, l-użu tagħhom li joħloq riskju anqas għandu jkun permess taħt kondizzjonijiet sikuri.

[…]

(57)      Għal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni Komunitarja, hemm bżonn li tiġi ċċarata r-relazzjoni bejn ir-regoli stipulati f’dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni Komunitarja dwar l-iskart. […]

(58)      Barra minn hekk, għandu jiġi żgurat li prodotti sekondarji tal-annimali mħallta jew ikkontaminati bi skart perikoluż, kif elenkati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/532/KE tat-3 ta’ Mejju 2000 li tissostitwixxi d-Deċiżjoni 94/3/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart skont l-Artikolu 1(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 75/442/KEE dwar l-iskart u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 94/904/KE li tistabbilixxi lista ta’ skart perikoluż skont l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva tal-Kunsill 91/689/KEE dwar l-iskart perikoluż [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 151] jiġu […] mibgħuta biss bejn l-Istati Membri skont ir-Regolament […] Nru 1013/2006. […]”

13      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi li:

“Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar is-saħħa pubblika u dik tal-annimali għall-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati minnhom, biex jiġu milqugħa minn qabel u minimizzati r-riskji għas-saħħa pubblika u dik tal-annimali li ġejjin minn dawn il-prodotti, u b’mod partikolari biex titħares is-sikurezza tal-katina tal-ikel u tal-għalf.”

14      L-Artikolu 2(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li:

“Dan ir-Regolament m’għandux japplika sekondarji li ġejjin mill-annimali:

[…]

(g)      skart mill-catering, għajr jekk:

[…]

(iii)      ikun maħsub għal proċessar permezz ta’ sterilizzazzjoni bil-pressa jew għal proċessar permezz tal-metodi msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 15(1) jew għal trasformazzjoni f’bijogass jew f’kompost;

[…]”

15      L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jipprevedi li:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

(11).      ‘operatur’ tfisser il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li għandhom taħt il-kontroll attwali tagħhom prodott sekondarju li ġej mill-annimali jew prodott derivat, inklużi t-trasportaturi, l-kummerċjanti u l-utent;

[…]”

16      Skont l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Materjal tal-Kategorija 1”:

“Il-materjal tal-Kategorija 1 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

[…]

(f)      skart mill-catering minn mezzi ta’ trasport li joperaw internazzjonalment;

[…]”

17      L-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Materjal tal-Kategorija 3” jipprovdi li:

“Il-materjal tal-Kategorija 3 għandu jkun fih dawn il-prodotti sekondarji mill-annimali li ġejjin:

[…]

(p)      skart mill-catering għajr kif imsemmi fl-Artikolu 8(f).”

18      Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Il-ġbir u l-identifikazzjoni fir-rigward tal-Kategorija u tat-trasport”:

“1.      L-operaturi għandhom jiġbru, jidentifikaw u jġorru prodotti sekondarji tal-annimali mingħajr dewmien bla bżonn b’kondizzjonijiet li jilqgħu minn qabel kontra riskji għas-saħħa tal-pubbliku u dik tal-annimali.

2.      L-operaturi għandhom jiżguraw li l-prodotti sekondarji tal-annimali u prodotti derivati jkunu akkumpanjati matul it-trasport minn dokument kummerċjali jew, meta meħtieġ b’dan ir-Regolament jew b’miżura adotatta taħt il-paragrafu 6, minn ċertifikat ta’ saħħa.

[…]

3.      Dokumenti kummerċjali u ċertifikati ta’ saħħa li jakkumpanjaw prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati matul it-trasport għandhom għall-inqas jinkludu tagħrif dwar l-oriġini, id-destinazzjoni u l-kwantità ta’ dawn il-prodotti, u deskrizzjoni tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati u l-immarkar tagħhom, meta dan l-immarkar ikun meħtieġ b’dan ir-Regolament.

[…]

4.      L-operaturi għandhom jiġbru, iġorru u jarmu skart mill-catering tal-Kategorija 3, b’konformità mal-miżuri nazzjonali previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva [2008/98].

[…]”

19      L-Artikolu 22 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Traċċabbiltà”, jipprovdi li:

“1.      Operaturi li jikkunsinnaw, iġorru jew jirċievu prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati għandhom iżommu reġistru tal-kunsinni u dokumenti kummerċjali jew ċertifikati ta’ saħħa rilevanti.

[…]

2.      L-operaturi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jistabbilixxu sistemi u proċeduri biex jidentifikaw:

(a)      lill-operaturi l-oħrajn li jkunu ġew fornuti bil-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati tagħhom; u

(b)      l-operaturi li jkunu fornewhom.

[…]”

20      L-Artikolu 23 tal-imsemmi regolament, intitolat “Reġistrazzjoni ta’ operaturi, stabbilimenti jew impjanti”, jipprevedi, fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Għall-finijiet tar-reġistrazzjoni, l-operaturi għandhom:

(a)      qabel jibdew joperaw, jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti b’xi stabbilimenti jew impjanti fil-kontroll tagħhom li jkunu attivi fi kwalunkwe fażi tal-ġenerazzjoni, it-trasport, it-trattament, l-ipproċessar, il-ħżin, it-tqegħid fis-suq, id-distribuzzjoni, l-użu jew ir-rimi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati;

(b)      jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif dwar:

(i)      il-kategorija ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati fil-kontroll tagħhom;

(ii)      in-natura tal-operazzjonijiet imwettqa bl-użu ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati bħala materjal ta’ bidu.

2.      L-operaturi għandhom jipprovdu lill-awtorità kompetenti b’tagħrif aġġornat dwar l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom kif imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, fosthom kull tibdil sinifikanti fl-attivitajiet, bħall-għeluq ta’ stabbiliment jew impjant eżistenti.”

21      L-Artikolu 24 tal-istess regolament, intitolat “Approvazzjoni ta’ stabbilimenti jew impjanti”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-operaturi għandhom jiggarantixxu li l-istabbilimenti jew l-impjanti fil-kontroll tagħhom ikunu approvati mill-awtorità kompetenti, fejn dawn l-istabbilimenti jew impjanti jwettqu xi waħda mill-attivitajiet li ġejjin jew aktar:

[…]”

22      L-Artikolu 41 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Importazzjoni u transitu”, jipprevedi fil-paragrafu 2 tiegħu li:

“B’deroga mill-paragrafu 1, l-importazzjoni u t-transitu ta’:

[…]

(b)      prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni [2000/532] għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament […] Nru 1013/2006.

[…]”

23      L-Artikolu 43 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Esportazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafu 5 tiegħu:

“B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-esportazzjoni ta’:

[…]

(b)      prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati mħalltin jew kontaminati bi kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni [2000/532]E għandu jseħħ biss suġġett għar-rekwiżiti tar-Regolament […] Nru 1013/2006.”

24      Skont l-Artikolu 48 tar-Regolament Nru 1069/2009, intitolat “Kontrolli għad-dispaċċ lejn Stati Membri oħrajn”:

“1.      Meta operatur ikun bi ħsiebu jibgħat materjal tal-Kategorija 1, materjal tal-Kategorija 2 u ikel ta’ laħam u għadam jew xaħam tal-annimali li jkun ġej minn materjali tal-Kategorija 1 u Kategorija 2 lejn Stat Membru ieħor, għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni..

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jiddeċiedi mal-applikazzjoni mill-operatur, f’perjodu speċifiku ta’ żmien:

(a)      li jirrifjuta l-wasla tal-konsenja;

(b)      li jaċċetta l-konsenja bla kondizzjoni; jew

(ċ)      li jirrikonoxxi r-riċezzjoni tal-konsenja tkun suġġetta għall-kondizzjonijiet li ġejjin:

(i)      jekk il-prodotti derivati ma jkunux għaddew minn sterilizzazzjoni bil-pressa, ikollhom jgħaddu minn dan it-trattament; jew

(ii)      il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati jridu jikkonformaw mal-kondizzjonijiet għad-dispaċċ tal-konsenja li jkunu ġġustifikati għall-ħarsien tas-saħħa pubblika u tal-annimali sabiex jiġi żgurat li l-prodotti sekondarji tal-annimali u l-prodotti derivati jkunu maniġġati b’konformità ma’ dan ir-Regolament.

2.      Għandhom jiġu adottati formati għall-applikazzjonijiet minn operaturi msemmija fil-paragrafu 1 b’konformità mal-proċedura regolatorja msemmija fl-Artikolu 52(3).

[…]

6.      Permezz ta’ deroga mill-paragrafi 1 sa 5, il-prodotti sekondarji tal-annimali jew prodotti derivati msemmija fihom li tħalltu jew ġew ikkontaminati ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni [2000/532] għandhom jintbagħtu lejn Stati Membri oħrajn suġġetti għar-rekwiżiti tar-Regolament […] Nru 1013/2006.

[…]”

25      L-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009 huwa fformulat kif ġej:

“Ir-Regolament […] Nru 1774/2002 huwa b’dan imħassar b’effett mill‑4 ta’ Marzu 2011.

Ir-referenzi għar-Regolament […] Nru 1774/2002 għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament […].”

–       Ir-Regolament (UE) Nru 142/2011

26      Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 142/2011 tal-25 ta’ Frar 2011, li jimplimenta r-Regolament Nru 1069/2009 u li jimplimenta d-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-verifiki veterinarji fuq prodotti li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi skont dik id-Direttiva (ĠU 2011, L 54, p. 1), jistabbilixxi regoli ddettaljati, fost oħrajn, għall-użu u r-rimi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u ta’ prodotti derivati, il-ġbir, it-trasport, l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà ta’ dawn il-prodotti sekondarji u prodotti, ir-reġistrazzjoni u l-approvazzjoni ta’ stabbilimenti u ta’ impjanti, it-tqegħid fis-suq, l-importazzjoni, it-tranżitu u l-esportazzjoni tal-imsemmija prodotti sekondarji u prodotti kif ukoll il-proċeduri ta’ kontrolli uffiċjali.

 Id-dritt Ġermaniż

27      Il-Gesetz zur Ausführung der Verordnung (EG) Nr. 1013/2006 des Europäischen Parlaments und des Rates vom 14. Juni 2006 über die Verbringung von Abfällen und des Basler Übereinkommens (il-Liġi li timplimenta r-Regolament Nru 1013/2006 u l-Konvenzjoni ta’ Basel dwar il-Kontroll ta’ Movimenti Transkonfinali ta’ Skart Perikoluż u r-Rimi Tiegħu) tad-19 ta’ Lulju 2007 (BGBl. 2007 I, p. 1462), tipprevedi, fl-Artikolu 13 tagħha, li l-awtorità kompetenti tista’, fil-każ ta’ vjeġġ illegali li għalih ma tkun ġiet ippreżentata ebda notifika konformement mar-Regolament Nru 1013/2006, tipproċedi għall-ordnijiet neċessarji sabiex jiġi osservat l-obbligu li l-iskart jittieħed lura kif previst fil-punt (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24(2) ta’ dan ir-regolament, sabiex jiġi żgurat li l-iskart inkwistjoni jerġa’ jittieħed mill-persuna li kienet marbuta tagħmel din in-notifika skont il-punt 15 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

28      ReFood topera vjeġġi ta’ fdalijiet tal-ikel u tal-catering, inklużi prodotti sekondarji tal-annimali fil-Ġermanja.

29      Fis-7 ta’ April 2014, trakk, misjuq minn membru tal-persunal ta’ ReFood u li kien mgħobbi bi prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, fis-sens tar-Regolament Nru 1069/2009, li nġabru fil-Pajjiżi l-Baxxi, ġie kkontrollat mill-pulizija Ġermaniża, meta dawn il-prodotti kienu qegħdin jitwasslu lejn stabbiliment ta’ ReFood li jinsab fil-Ġermanja, fejn kellhom jiġu pproċessati mill-ġdid sabiex, wara, jiġu rkuprati f’impjant tal-bijogass, li jinsab ukoll fil-Ġermanja.

30      Il-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen ordnat lil ReFood sabiex tibgħat lura l-vjeġġ inkwistjoni lejn il-Pajjiżi l-Baxxi, minħabba li din il-kumpannija ma kinitx ikkonformat ruħha mal-proċedura ta’ notifika prevista fl-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 1013/2006.

31      Fis-16 ta’ Lulju 2014, ReFood ippreżentat rikors quddiem il-qorti tar-rinviju li jikkontesta l-legalità tal-ordni mogħtija mill-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen. Fil-fatt, skont ReFood, il-vjeġġ li sar ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma kienx kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, b’tali mod li l-obbligu ta’ notifika previst minn dan ir-regolament ma kienx japplika għaliha.

32      Din il-qorti tistaqsi jekk dan il-vjeġġ jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 1(3)(d) tal-imsemmi regolament jew jekk huwiex eskluż minnu. La l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ix-xogħol preparatorju tal-istess regolament ma jippermettu li tingħata risposta għal din id-domanda. Għaldaqstant, jistgħu jingħataw diversi interpretazzjonijiet ta’ din id-dispożizzjoni.

33      L-ewwel nett, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 jista’ jiġi interpretat, hekk kif issostni ReFood u minkejja dak li jissuġġerixxi l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni, bħala li jeskludi, b’mod inkundizzjonat, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament kull vjeġġ kopert mir-Regolament Nru 1069/2009, li tħassar u ssostitwixxa lir-Regolament Nru 1774/2002. Madankollu, skont il-qorti tar-rinviju, kieku kellha tingħata tali interpretazzjoni, l-ipproċessar u r-rimi uniformi tal-prodotti sekondarji tal-annimali u armonizzazzjoni tal-kontrolli fi ħdan l-Unjoni Ewropea ma jkunux żgurati, peress li l-Istati Membri ma jkunux suġġetti, konformement mar-Regolament Nru 1069/2009, għall-obbligu li jevitaw ir-riskji għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali kif ukoll li jiggarantixxu sistema ta’ ġbir u ta’ rimi effikaċi tal-prodotti sekondarji tal-annimali.

34      It-tieni nett, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 jista’ jiġi interpretat fis-sens li jkunu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont din id-dispożizzjoni biss il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet proċedurali li huma ekwivalenti jew iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament. Skont il-qorti tar-rinviju, jistgħu għaldaqstant jibbenefikaw minn din l-esklużjoni l-vjeġġi ta’ skart mill-catering tal-kategorija 3 b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolament Nru 142/2011.

35      It-tielet nett, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 jista’ jiġi interpretat, kif issostni l-Kamra tal-Agrikoltura ta’ Niedersachsen, fis-sens li huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament skont din id-dispożizzjoni biss il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jeħtieġu approvazzjoni skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1069/2009. Il-qorti tar-rinviju ssostni li tali interpretazzjoni tista’ madankollu twassal għal kontradizzjoni insormontabbli. Fil-fatt, ir-rekwiżiti previsti fl-imsemmi Artikolu 48 jikkonċernaw essenzjalment il-materjali tal-kategoriji 1 u 2 biss, b’tali mod li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006 prevista fl-Artikolu 1(3)(d) tiegħu ma tapplikax għall-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3. Minn dan isegwi li l-vjeġġi transkonfinali ta’ dawn il-prodotti sekondarji, li huma l-inqas perikolużi, jibqgħu suġġetti għar-rekwiżiti, li ġeneralment huma iktar stretti, tar-Regolament Nru 1013/2006, filwaqt li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2, li huma iktar perikolużi, jaqgħu, ħlief fil-każ ta’ eċċezzjoni, biss taħt ir-Regolament Nru 1069/2009.

36      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza, f’dan ir-rigward, li l-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009 jissuġġetta espressament għall-osservanza tar-Regolament Nru 1013/2006, jiġifieri għal livell ogħla ta’ rekwiżiti, biss il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2 u ta’ ċerti prodotti derivati li jkunu tħalltu ma’ skart elenkat bħala perikoluż jew li jkunu ġew ikkontaminati minn tali skart. Għaldaqstant, jista’ jidher li ma huwiex iġġustifikat li jiġu applikati r-regoli previsti minn dan ir-regolament tal-aħħar anki għat-trasport transkonfinali ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 li ma kinux ikkontaminati minn skart perikoluż.

37      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Verwaltungsgericht Oldenburg (il-Qorti Amministrattiva ta’Oldenburg, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      [L-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006] għand[u] [j]iġi [interpretat] fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika għall-vjaġġi kollha li, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament [Nru 1069/2009], jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009?

2)      Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika għal vjaġġi li huma suġġetti għal regoli dwar il-kollezzjoni, it-trasport, l-identifikazzjoni u t-traċċabbiltà skont ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009, moqri flimkien mar-Regolament [Nru 142/2011]?

3)      Fil-każ li t-tieni domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens ta’ eżenzjoni li tapplika biss għal dawk il-vjaġġi li huma spedizzjonijiet li jeħtieġu kunsens skont l-Artikolu 48(1) tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009?”

 Fuq id-domandi preliminari

38      Permezz tat-tliet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandux jiġi interpretat fis-sens li huma eklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, skont din id-dispożizzjoni, il-vjeġġi kollha ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1069/2009 jew uħud minn dawn il-vjeġġi biss, li jissodisfaw il-kundizzjonijiet speċifiċi imposti minn dan ir-regolament tal-aħħar.

39      Preliminarjament, għandu jiġi enfasizzat li l-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma skart mill-catering mill-Pajjiżi l-Baxxi, intiżi li jiġu pproċessati mill-ġdid fil-Ġermanja sabiex jiġu rkuprati f’impjant tal-bijogass. Konformement mal-Artikolu 2(2)(g)(iii) tar-Regolament Nru 1069/2009, dawn il-prodotti sekondarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. Skont l-Artikolu 10(p) tal-imsemmi regolament, huma jikkostitwixxu materjali tal-kategorija 3, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, hekk kif jirriżulta mill-premessa 29 u minn qari ġenerali tal-istess regolament, il-prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu f’din il-kategorija jitqiesu li huma inqas perikolużi. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jista’ jiġi dedott li l-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jikkostitwixxu wkoll skart fis-sens tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1013/2006 – li jirreferi għad-definizzjoni mogħtija fl-Artikolu 1(1)(a) tad-Direttiva 2006/12, li sar il-punt 1 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/98 – li, jekk huwa kopert mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jaqa’ fil-kategoriji ta’ skart suġġetti għall-proċedura ta’ notifika u ta’ kunsens minn qabel prevista fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament u mhux f’dawk imsemmija fl-Artikolu 3(2) tal-istess regolament li għalihom hija meħtieġa biss proċedura ta’ informazzjoni minn qabel. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat ukoll li, ħlief għal dak li jikkonċerna l-kategoriji ta’ skart imsemmija f’din id-dispożizzjoni tal-aħħar, li ma humiex rilevanti fil-każ ineżami, ir-Regolament Nru 1013/2006 jissuġġetta l-vjeġġi ta’ skart minn Stat Membru lejn ieħor għal rekwiżiti, li bħala regola ġenerali, huma iktar vinkolanti mir-Regolament Nru 1069/2009, hekk kif l-Avukat Ġenerali rrileva fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu.

40      Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-vjeġġ mill-Pajjiżi l-Baxxi għall-Ġermanja tal-prodotti sekondarji tal-annimali inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwiex eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, konformement mal-Artikolu 1(3)(d) tiegħu, għandu jitfakkar li l-esklużjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tapplika għal “vjeġġi li huma suġġetti għar-rekwiżiti ta’ approvazzjoni tar-Regolament […] Nru 1774/2002”, filwaqt li jiġi ppreċiżat li r-riferiment hekk magħmul fir-Regolament Nru 1774/2002 għandu, skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 1069/2009, jinftiehem li huwa magħmul għal dan ir-regolament tal-aħħar, li jħassar ir-Regolament Nru 1774/2002.

41      Sabiex jiġi interpretat l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, fl-ewwel lok għandu jiġi rrilevat li, minkejja l-kliem tiegħu, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1774/2002 ma kienet tissuġġetta t-trasport jew il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali għal “approvazzjoni”. Għaldaqstant, minn naħa, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 1774/2002 kien jissuġġetta l-kunsinna, minn Stat Membru lejn ieħor, tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2, tal-prodotti pproċessati derivati minn materjali tal-kategoriji 1 u 2 u tal-proteina tal-annimali pproċessata għal “awtorizzazzjoni” tal-Istat Membru tad-destinazzjoni filwaqt li, bil-kontra, tali awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa għat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3. Min-naħa l-oħra, l-obbligu li tinkiseb “approvazzjoni” previst fl-Artikoli 10 sa 15, 17 u 18 tar-Regolament Nru 1774/2002 kien jikkonċerna l-impjanti intermedjarji, l-impjanti għall-ħażna, l-impjanti ta’ inċinerazzjoni u koinċinerazzjoni, l-impjanti tal-ipproċessar, l-impjanti oleokimiċi, l-impjanti tal-produzzjoni tal-bijogass u l-impjanti fejn isir il-kompost, l-impjanti ta’ produzzjoni ta’ ikel tal-annimali domestiċi kif ukoll l-impjanti tekniċi.

42      Bl-istess mod, għalkemm l-Artikoli 21 sa 23 tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedu serje ta’ obbligi speċifiċi fir-rigward tat-trasportaturi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali, b’mod partikolari obbligu ta’ reġistrazzjoni mal-awtorità kompetenti, l-attività tat-trasport ma hijiex suġġetta għal proċedura ta’ approvazzjoni. Għaldaqstant, l-Artikolu 24 ta’ dan ir-regolament, li jimponi fuq l-operaturi tal-istabbilimenti jew tal-impjanti, li jwettqu waħda mill-attivitajiet li huwa jkopri, li jkollhom approvazzjoni, ma japplikax għall-attività tat-trasport. Barra minn hekk, għalkemm l-Artikolu 48(1) tal-imsemmi regolament jissuġġetta l-kunsinna minn Stat Membru lejn ieħor tal-materjali tal-kategoriji 1 u 2 kif ukoll ta’ ċerti prodotti derivati minn dawn il-materjali għall-aċċettazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix il-proċedura ta’ “approvazzjoni”.

43      F’dan ir-rigward tal-aħħar, l-Artikolu 48(2) tal-istess regolament jagħmel ċerti riferimenti, fil-verżjoni tiegħu bil-Ġermaniż, għat-talbiet għal “approvazzjoni” imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu (Anträgen auf Zulassung). Madankollu, verżjonijet oħra lingwistiċi tal-imsemmi Artikolu 48(2), b’mod partikolari l-verżjonijiet bil-Grieg, bl-Ingliż, bil-Franċiż, bit-Taljan u bl-Olandiż, jirreferu biss għal “modèles pour les demandes” (formati għall-applikazzjonijiet), imsemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ disparità bejn id-diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-formulazzjoni użata f’waħda minn dawn il-verżjonijiet ma tistax isservi bħala l-bażi unika għall-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni u lanqas ma tista’ tingħata prijorità fuq il-verżjonijiet lingwistiċi l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-24 ta’ Jannar 2019, Balandin et, C‑477/17, EU:C:2019:60, punt 31 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

44      Fit-tieni lok, għandu jiġi enfasizzat li mill-premessa 11 tar-Regolament Nru 1013/2006 jirriżulta li l-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, prevista fl-Artikolu 1(3)(d) tiegħu, hija intiża sabiex jiġi evitat it-trikkib mar-Regolament Nru 1774/2002, li jinkludi diġà dispożizzjonijiet rigward, b’mod ġenerali, il-kunsinna, id-direzzjoni u l-moviment, inkluż it-trasport, tal-prodotti sekondarji tal-annimali ġewwa l-Unjoni, lejn l-Unjoni jew mill-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-1 ta’ Marzu 2007, KVZ retec, C‑176/05, EU:C:2007:123, punt 47).

45      Din il-premessa għandha tinqara b’teħid inkunsiderazzjoni tal-iżviluppi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni applikabbli għall-iskart u dik relattiva għall-prodotti sekondarji tal-annimali sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, liema żviluppi kienu akkumpanjati minn żieda fil-koerenza bejn dawn id-diversi leġiżlazzjonijiet.

46      F’dan ir-rigward, għandu, l-ewwel nett, jiġi rrilevat li d-Direttiva 2006/12, li kienet fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, kienet tħassret u ġiet issostitwita bid-Direttiva 2008/98. Issa, hekk kif essenzjalment jirriżulta mill-premessi 12 u 13 ta’ din id-direttiva tal-aħħar, il-leġiżlatur tal-Unjoni qies li r-Regolament Nru 1774/2002 kien jipprevedi regoli proporzjonati, b’mod partikolari, għat-trasport tal-prodotti sekondarji kollha tal-annimali, inkluż l-iskart mill-annimali, li jippermettu li jiġi evitat li dan l-iskart ikun ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u qies, fid-dawl tal-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, li, fil-każ li dawn il-prodotti sekondarji jkunu ta’ riskju potenzjali għas-saħħa, l-istrument legali xieraq għal dan it-tip ta’ riskju huwa, bħala prinċipju, dan l-istess regolament, b’tali mod li kellhom jiġu evitati d-duplikazzjoni tar-regoli u t-trikkib inutli fir-rigward tal-leġiżlazzjoni relattiva għall-iskart, bl-esklużjoni mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2008/98 tal-prodotti sekondarji tal-annimali meta dawn ikunu intiżi għal użu li ma huwiex meqjus bħala pproċessar ta’ skart.

47      Għaldaqstant, l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2008/98 jeskludi l-prodotti sekondarji tal-annimali, inklużi l-prodotti pproċessati koperti mir-Regolament Nru 1774/2002, mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, bl-unika eċċezzjoni ta’ dawk li huma intiżi għall-inċinerazzjoni, għar-radam jew għall-użu f’impjant ta’ bijogass jew ta’ fejn isir il-kompost, u b’hekk joħroġ ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jneħħi, bħala prinċipju, il-prodotti sekondarji tal-annimali mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart.

48      It-tieni nett, kif ġie espost fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, ir-Regolament Nru 1774/2002 kien tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament Nru 1069/2009.

49      Kif jindikaw il-premessi 5 u 6 ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, dan huwa intiż, minn naħa, sabiex jistabbilixxi qafas koerenti u komplet ta’ regoli tas-saħħa applikabbli b’mod partikolari għat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali, li jkunu proporzjonati għar-riskji għas-saħħa li jqumu meta jiġu indirizzati dawn il-prodotti sekondarji mill-operaturi fi stadji differenti tul il-katina, mill-ġbir għall-użu jew ir-rimi tagħhom, u li jqisu wkoll ir-riskji għall-ambjent maħluqa matul dawn l-operazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, kif jirriżulta mill-premessi 57 u 58 tar-Regolament Nru 1069/2009, dan huwa intiż ukoll sabiex, għal raġunijiet ta’ koerenza tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jiġu ċċarati r-relazzjonijiet bejn id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart, b’mod partikolari r-Regolament Nru 1013/2006, fir-rigward tal-esportazzjoni, tal-importazzjoni u tal-vjeġġi bejn żewġ Stati Membri ta’ prodotti sekondarji tal-annimali.

50      Għal tali raġunijiet ta’ proporzjonalità u ta’ koerenza, ir-Regolament Nru 1069/2009 stabbilixxa regoli proporzjonati għar-riskji ppreżentati mit-trasport tad-diversi kategoriji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali skont kemm huma perikolużi, billi stabbilixxa regoli inqas vinkolanti għat-trasport ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 b’teħid inkunsiderazzjoni tal-fatt li huwa inqas perikoluż, u rriżerva l-applikazzjoni ta’ regoli iktar stretti previsti mir-Regolament Nru 1013/2006 għall-vjeġġi tal-iskart l-iktar perikoluż.

51      Għaldaqstant, għal dak li jirrigwarda t-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 minn Stat Membru lejn ieħor, minbarra l-obbligi ġenerali dwar it-traċċabbiltà tal-prodotti sekondarji tal-annimali u r-reġistrazzjoni tal-operaturi previsti fl-Artikoli 22 u 23 tiegħu, ir-Regolament Nru 1069/2009 sempliċement jipprevedi, fl-Artikolu 21(2) tiegħu, li l-operaturi għandhom jiżguraw li dawn il-prodotti sekondarji jkunu akkumpanjati matul it-trasport minn dokument kummerċjali jew, f’ċerti każijiet, minn ċertifikat ta’ saħħa. Huwa jsostni wkoll, fl-Artikolu 21(4) tiegħu, li l-operaturi għandhom jittrasportaw skart mill-catering tal-kategorija 3 konformement mal-miżuri nazzjonali previsti fl-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/98, li jipprovdi li l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jiżguraw li l-ġestjoni tal-iskart issir mingħajr ma jitqiegħdu fil-perikolu s-saħħa tal-bniedem u l-ambjent.

52      Min-naħa l-oħra, għal dak li jikkonċerna l-materjali tal-kategoriji 1 jew 2 kif ukoll ċerti prodotti derivati minn dan il-materjali, l-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi li l-kunsinna minn Stat Membru lejn ieħor hija suġġetta għall-aċċettazzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ destinazzjoni.

53      L-Artikolu 48(6) tal-imsemmi regolament jipprovdi wkoll li, b’deroga mill-paragrafi 1 sa 5 ta’ dan l-artikolu, il-prodotti sekondarji tal-annimali jew il-prodotti derivati msemmija f’dawn il-paragrafi, jiġifieri essenzjalment il-materjali tal-kategoriji 1 u 2 kif ukoll ċerti prodotti derivati minn dawn il-materjali, li tħalltu ma’ kwalunkwe skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532 jew li kienu kkontaminati minn tali sktart, ma jintbagħtux lejn Stati Membri oħrajn ħlief bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006.

54      Bl-istess mod, l-Artikolu 41(2)(b) u l-Artikolu 43(5)(b) tar-Regolament Nru 1069/2009, jipprevedu, rispettivament, li l-importazzjoni u t-tranżitu, minn naħa, kif ukoll l-esportazzjoni, min-naħa l-oħra, tal-prodotti sekondarji tal-annimali jew tal-prodotti derivati mħallta ma’ jew ikkontaminati b’tali skart perikoluż jitwettqu, b’deroga, biss bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 1013/2006.

55      Għaldaqstant jirriżulta minn qari, a contrario, tal-Artikolu 41(2)(b), tal-Artikolu 43(5)(b) u tal-Artikolu 48(6) tar-Regolament Nru 1069/2009 li, minbarra l-każijiet imsemmija espressament minn dawn id-dispożizzjonijiet, il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali jevitaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006. Dan huwa, fost oħrajn, il-każ tat-trasport minn Stat Membru lejn ieħor tal-iskart mill-catering tal-kategorija 3.

56      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 49 sa 55 tas-sentenza preżenti jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li, permezz tar-Regolament Nru 1069/2009, adottat wara r-Regolament Nru 1013/2006, jistabbilixxi qafas komplet ta’ regoli applikabbli għat-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali u jneħħi, ħlief b’deroga espressa, il-vjeġġi tal-prodotti sekondarji tal-annimali li huwa jkopri bl-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006.

57      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 ma jistax jiġi interpretat fis-sens, minn naħa, li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali ma humiex esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament ħlief meta jkunu suġġetti għal dispożizzjonijiet proċedurali ekwivalenti jew iktar stretti minn dawk previsti mill-imsemmi regolament.

58      Fil-fatt, barra li tali interpretazzjoni tista’ tkun sors ta’ inċertezza legali għall-operaturi fid-dawl tad-diffikultà li jiġi ddeterminat b’ċertezza jekk il-vjeġġi tal-prodotti sekondarji tal-annimali kkonċernati humiex is-suġġett ta’ tali dispożizzjoni, huma jwasslu sabiex it-trasport tal-prodotti sekondarji tal-annimali kollha jiġi suġġett għal regoli tal-inqas stretti bħal dawk previsti mir-Regolament Nru 1013/2006. Għaldaqstant, din l-interpretazzjoni tmur kontra l-loġika stabbilita mir-Regolament Nru 1069/2009, li tikkonsisti, hekk kif jirriżulta mill-punti 49 sa 55 tas-sentenza preżenti, fl-istabbiliment ta’ regoli proporzjonati għar-riskju li jippreżenta t-trasport ta’ diversi kategoriji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali skont kemm huma perikolużi, li, ħlief għall-iskart l-iktar perikoluż, ma jikkorrispondux għal dawk li jinsabu fir-Regolament Nru 1013/2006 u ma humiex stretti daqs dawn tal-aħħar.

59      Barra minn hekk, għalkemm l-imsemmija interpretazzjoni tikkorrispondi għat-test inizjali tal-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006, kif kien ifformolat fil-Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-vjeġġi tal-iskart (COM(2003) 379 finali). li kienet tipprevedi li l-vjeġġi ta’ skart li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1774/2002 ma kinux esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta ħlief fil-każ li kienu suġġetti għal dispożizzjonijiet proċedurali analogi jew iktar stretti, għandu jiġi kkonstatat li din il-formulazzjoni ma nżammitx fit-test finali ta’ din id-dispożizzjoni.

60      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 lanqas ma jista’ jiġi interpretat fis-sens li jevitaw il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament bis-saħħa ta’ din id-dispożizzjoni biss il-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali suġġetti għall-proċedura prevista fl-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1069/2009, jiġifieri l-materjali tal-kategoriji 1 u 2 kif ukoll ċerti prodotti derivati minn dawn il-materjali, bl-esklużjoni ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 li jibqgħu suġġetti għar-Regolament Nru 1013/2006.

61      Minbarra l-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 43, 53 u 55 tas-sentenza preżenti li jikkonċernaw l-imsemmi Artikolu 48, għandu jiġi enfasizzat li tali interpretazzjoni tmur ukoll kontra l-istruttura ġenerali tar-Regolament Nru 1069/2009 li jistabbilixxi regoli proporzjonati għall-perikolu ppreżentat mit-trasport tad-diversi kategoriji ta’ prodotti sekondarji tal-annimali u twassal, kif irrilevaw il-qorti tar-rinviju kif ukoll l-Avukat Ġenerali fil-punti 66 u 67 tal-konklużjonijiet tiegħu, għal riżultat paradossali. Fil-fatt, din l-interpretazzjoni twassal sabiex għat-trasport bejn żewġ Stati Membri ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3, li huma l-inqas perikolużi, jiġu applikati r-rekwiżiti tar-Regolament Nru 1013/2006, li huma iktar stretti minn dawk applikabbli, konformement mal-Artikolu 48(1) tar-Regolament Nru 1069/2009, għall-kunsinna minn Stat Membru lejn ieħor ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategoriji 1 u 2. Għaldaqstant, il-vjeġġ bejn żewġ Stati Membri ta’ prodotti sekondarji tal-annimali tal-kategorija 3 ikunu suġġetti għal regoli stretti bħal dawk applikabbli, skont l-Artikolu 48(6) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar, għall-vjeġġi ta’ materjali tal-kategoriji 1 u 2 li jkunu tħalltu ma’ skart elenkat bħala perikoluż fid-Deċiżjoni 2000/532 jew li jkunu ġew ikkontaminati minn tali skart.

62      Minn dak kollu li ntqal, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament Nru 1013/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt ir-Regolament Nru 1069/2009 huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, ħlief fil-każ fejn ir-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi espressament l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006.

 Fuq l-ispejjeż

63      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 1(3)(d) tar-Regolament (KE) Nru 1013/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar vjeġġi ta’ skart għandu jiġi interpretat fis-sens li l-vjeġġi ta’ prodotti sekondarji tal-annimali li jaqgħu taħt ir-Regolament (KE) Nru 1069/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal21 ta’ Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli tas-saħħa li jirrigwardaw prodotti sekondarji tal-annimali jew derivati minnhom mhux maħsuba għall-konsum mill-bniedem u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1774/2002 (Regolament dwar prodotti sekondarji tal-annimali) huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006, ħlief filkaż fejn ir-Regolament Nru 1069/2009 jipprevedi espressament lapplikazzjoni tar-Regolament Nru 1013/2006.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.