Language of document : ECLI:EU:C:2017:730

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

SAUGMANDSGAARD ØE

ippreżentati fit-28 ta’ Settembru 2017(1)

Kawżi magħquda C-397/16 u C-435/16

Acacia Srl

vs

Pneusgarda Srl, fi stralċ

Audi AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milan, l-Italja)]

u

Acacia Srl,

Rolando D’Amato

vs

Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il‑Ġermanja)]

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Regolament (KE) Nru 6/2002 – Disinni Komunitarji – Artikolu 110(1) – Eċċezzjoni għall-protezzjoni – Użu awtorizzat – Partijiet ta’ bdil – Rimm ta’ vettura – Kunċett ta’ ‘parti ta’ prodott kumpless’ – Assenza ta’ rekwiżit li jitlob li l‑forma tal-parti komponenti tkun imposta mid-dehra tal-prodott kumpless – Liberalizzazzjoni estensiva tas-suq tal-partijiet ta’ bdil – Rekwiżit ta’ użu bil-għan li jippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu – Miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu mill-produttur jew mill-bejjiegħ li ma huwiex il-proprjetarju tad-disinn – Obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ użu mill-utenti downstream”






I.      Introduzzjoni

1.        Il-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milan, l-Italja) u l-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) ressqu talbiet lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiksbu deċiżjoni preliminari dwar l‑interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002, tat-12 ta’ Diċembru 2001, dwar id-disinji Komunitarji (2).

2.        Dawn it-talbiet tressqu fil-kuntest ta’ kawżi bejn minn naħa, Acacia Srl u Pneusgarda Srl, fi stralċ, u, min-naħa l-oħra, Acacia u Rolando D’Amato u u Dr. Ing. h.c. F. Porsche AG (iktar ’il quddiem “Porsche”) dwar il‑produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni minn Acacia ta’ rimmijiet li jirriproduċu disinni Komunitarji li jappartjenu lil Audi u Porsche.

3.        Id-domandi magħmula mill-qrati tar-rinviju huma intiżi sabiex jistabbilixxu jekk Acacia tistax tuża, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, il‑klawżola ta’ tiswija prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Din il-klawżola tistabbilixxi eċċezzjoni għall-protezzjoni ta’ disinn Komunitarju, favur komponenti ta’ prodott użati bil-għan li ssir it‑tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu.

4.        Essenzjalment, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għal dawn id-domandi kif ġej. Minn naħa waħda, ir-rimmijiet prodotti minn Acacia jaqgħu taħt din il-klawżola ta’ tiswija jekk jintużaw bil-għan li tissewwa l-karrozza sabiex tingħata d-dehra oriġinali tagħha. Min-naħa l-oħra, produttur jew bejjiegħ ta’ rimmijiet, bħal Acacia, jista’ juża l‑imsemmija klawżola jekk jissodisfa obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza mill-utenti downstream tal-kundizzjonijiet ta’ użu msemmija hawn fuq.

II.    Il-kuntest ġuridiku

A.      Ir-Regolament Nru 6/2002

5.        Il-premessa 13 tar-Regolament Nru 6/2002, li ssemmi l-klawżoli ta’ tiswija inklużi rispettivament f’dan ir-regolament u fid‑Direttiva 98/71/KE (3), tipprevedi:

“It-tqarrib fuq skala sħiħa tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar l-użu tad‑disinji protetti bl-għan li jippermettu t-tiswija ta’ prodott kumpless hekk li jirrestawraw id-dehra oriġinali tiegħu, meta d-disinn jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kompless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett, ma setax jinkiseb permezz tad-Direttiva [98/71]. Ġewwa l-qafas tal-proċedura tal-konċiljazzjoni dwar id-Direttiva msemmija, il-Kummissjoni [Ewropea] ndaħlet li tagħmel rivista tal-konsegwenzi tad-dispożizzjonijiet ta’ din id‑Direttiva tliet snin wara t-temma taż-żmien għat-traspożizzjoni tad‑Direttiva b’mod partikolari għas-setturi industrijali l-iktar affettwati. F’dawn iċ-ċirkostanzi, huwa approprjat li ma tiġi kkonferita l-ebda protezzjoni bħala disinn Komunitarju lil disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn u li jintuża bl-għan tat-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jirrestawra d-dehra oriġinali tiegħu, sakemm il-Kunsill [tal-Unjoni Ewropea] ikun iddeċieda l-politika tiegħu dwar din il‑kwistjoni fuq il-bażi ta’ proposta mill-Kummissjoni.”

6.        L-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament jinkludi d-definizzjonijiet segwenti:

“a)      ‘disinn’ ifisser id-dehra ta’ prodott fl-intier tiegħu jew f’parti minnu li tirriżulta mill-karatteristiċi ta’, b’mod partikolari, il-linji, il-konfigurazzjoni, il-kuluri, l-għamla, in-nisġa u/jew il-materjali tal-prodott innifsu u/jew ta’ l-ornamenti tiegħu;

b)      ‘prodott’ ifisser kull oġġett industrijali jew magħmul bl-idejn, inklużi fost ħwejjeġ oħra l-partijiet maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless, imballaġġ, muntatura, simboli grafiċi u tipi tipografiċi, imma jeskludi l-programmi tal-kompjuter;

c)      ‘prodott kumpless’ ifisser prodott li jkun kompost minn komponenti multipli li posthom jista’ jiġi mibdul hekk illi l-prodott jista jiġi żarmat jew armat mill-ġdid.”

7.        L-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Ħtiġiet għall‑protezzjoni”, jipprovdi:

“1.      Disinn għandu jiġi protett b’disinn Komunitarju safejn u sakemm ikun ġdid u jkollu karattru individwali.

2.      Disinn li jiġi applikat jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jiġi kkunsidrat biss li jkun ġdid jew li jkollu karattru individwali:

a)      jekk il-parti komponenti, ġaladarba tkun ġiet inkorporata fil‑prodott kumpless, tibqa’ tidher matul l-użu normali ta’ dan ta’ l-aħħar, u

b)      safejn u sakemm dawn il-karatteristiċi viżibbli tal-parti komponenti jwettqu fihom infushom il-ħtiġiet dwar in-novità u l-karattru individwali.

3.      ‘Użu normali’ fit-tifsira tal-paragrafu (2)(a) għandu jfisser l-użu mill-aħħar utent, bl-esklużjoni taż-żamma fl-ordni, is-servizz jew ix-xogħol tat-tiswija.”

8.        L-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament, intitolat “Drittijiet ikkonferiti bid-disinn Komunitarju” jipprevedi dan li ġej:

“Disinn Komunitarju rreġistrat għandu jikkonferixxi fuq il-pussessur tiegħu id-dritt esklużiv li jużah u jipprevjeni kull parti terza li ma jkollhiex il-kunsens tiegħu milli tużah. L-użu msemmi hawn fuq għandu jkopri, b’mod partikolari, l-għemil, l-offerta, it-tqegħid fis-suq, l‑importazzjoni, l-esportazzjoni jew l-użu ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat fih jew il-ħażna ta’ dan il-prodott għal dawn l-għanijiet.”

9.        L-Artikolu 21 tal-imsemmi regolament, intitolat “Eżawriment tad‑drittijiet”, jipprevedi:

“Id-drittijiet ikkonferiti minn disinn Komunitarju ma għandhomx jestendu għall-atti li jkollhom x’jaqsmu ma’ prodott li fihom jiġi inkorporat, jew li għalihom jiġi applikat disinn inkluż ġewwa l-iskop tal‑protezzjoni tad-disinn Komunitarju, meta l-prodott ikun inħareġ fis‑suq fil-Komunità mill-pussessur tad-disinn Komunitarju jew bil‑kunsens tiegħu.”

10.      L-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002, intitolat “Dispożizzjoni transitorja”, jipprevedi:

“1.      Saż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, il-protezzjoni bħala disinn Komunitarju ma għandhiex teżisti għal disinn li jikkostitwixxi parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat użat fit‑tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu.

2.      Il-proposta mill-Kummissjoni riferita fil-paragrafu 1 għandha tiġi sottomessa flimkien ma’ u tqis, kull bidla li l-Kummissjoni għandha tipproponi fuq l-istess suġġett skond l-Artikolu 18 tad‑Direttiva [98/71].”

B.      Id-dritt Taljan

11.      L-Artikolu 241 tad-Decreto legislativo, n. 30, Codice della proprietà industriale (Digriet Leġiżlattiv Nru 30, li jirrigwarda l-kodiċi tal-proprjetà industrijali), tal-10 ta’ Frar 2005 (GURI n. 52, tal-4 ta’ Marzu 2005) kif emendat bid‑Decreto legislativo, n. 131 (Digriet Leġiżlattiv Nru 131), tat-13 ta’ Awwissu 2010 (GURI n° 192, tat-18 ta’ Awwissu 2010), intitolat “Drittijiet esklużivi fuq partijiet ta’ prodott kumpless”, jipprevedi:

“Sakemm id-Direttiva [98/71] ma ġietx emendata fuq proposta tal-Kummissjoni bis-saħħa tal-Artikolu 18 ta’ din l-istess direttiva, id-drittijiet esklużivi fuq partijiet komponenti ta’ prodott kumpless ma jistgħux jiġu invokati sabiex jipprekludu l-produzzjoni u l‑bejgħ ta’ dawn il-partijiet għat-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu.”

III. Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

A.      Il-Kawża C-397/16

12.      Audi hija proprjetarja ta’ diversi mudelli Komunitarji ta’ rimmijiet b’lega tal-aluminju.

13.      Audi tikkunsidra li ċerti mudelli ta’ replika ta’ rimmijiet b’lega tat‑trade mark WSP Italy, prodotti minn Acacia u mibjugħa mill‑bejjiegħ indipendenti Pneusgarda, huma falsifikazzjoni tal-mudelli Komunitarji li tagħhom hija proprjetarja. Hija għalhekk fetħet kawża kontra Acacia u Pneusgarda quddiem it-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, l-Italja) sabiex jiġi kkonstatat il-ksur allegat u tiġi pprojbita l-attività eżerċitata minn Acacia u Pneusgarda, li jiffabbrikaw u jbigħu l-prodotti inkwistjoni rispettivament. Matul il-proċedura kien hemm il-falliment ta’ Pneusgarda.

14.      Permezz tas-sentenza Nru 2271/2015, tas-27 ta’ Novembru 2014, dik il-qorti laqgħet it-talba ta’ Audi billi ddikjarat li l-attività kummerċjali ta’ Acacia, li kienet tikkonsisti fl-importazzjoni, l-esportazzjoni, il‑produzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-promozzjoni pubbliċitarja ta’ replika ta’ rimmijiet kienet tikkostitwixxi falsifikazzjoni ta’ sitt mudelli Komunitarji li tagħhom Audi kienet talbet il-protezzjoni.

15.      Acacia appellat minn din is-sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju, billi sostniet li r-rimmijiet li hija kienet tipproduċi kienu jaqgħu taħt il‑klawżola ta’ tiswija prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

16.      Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li d-deċiżjoni li għandha tingħata fil‑kawża prinċipali tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Hija tispjega li hija inklinata li tikkunsidra li r-rimmijiet ikkontestati jaqgħu taħt il-klawżola ta’ tiswija prevista f’din id‑dispożizzjoni.

17.      F’dawn iċ-ċirkustanzi il-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milan, l-Italja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tagħmel id-domandi segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      [Fl-ewwel lok i]l-prinċipji ta’ moviment liberu tal-merkanzija u ta’ libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-suq intern, [fit-tieni lok] il-prinċipju ta’ effettività tar‑regoli tal-kompetizzjoni Ewropej u ta’ liberalizzazzjoni tas-suq intern, [fit-tielet lok] il-prinċipji tal-effett utli u tal-applikazzjoni uniformi tad‑dritt Ewropew fi ħdan l-Unjoni Ewropea, [u fir-raba’ lok] id-dispożizzjonijiet tad-dritt sekondarju tal-Unjoni Ewropea, bħad-Direttiva Nru 98/71 (1) u b’mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha, l‑Artikolu 1 tar-Regolament [(UE) tal-Kummissjoni Nru 461/2010, dwar l-applikazzjoni tal‑Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur (ĠU 2010, L 129, p. 52)] u r‑Regolament [Nru 124 tal-Kummissjoni Ekonomika tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Ewropa (NU/KEE) – Dispożizzjonijiet uniformi dwar l approvazzjoni tar-roti għall-karozzi tal-passiġġieri u t-trejlers tagħhom] jipprekludu interpretazzjoni tal-Artikolu 110 tar‑Regolament Nru 6/2002, li fih il-klawżola ta’ tiswija, li teskludi r-replika tar-rimm, estetikament identika għar-rimm tat-tagħmir oriġinali, approvata abbażi tar-Regolament UNECE Nru 124 iċċitat iktar ‘il fuq, mill-kunċett ta’ parti minn prodott kumpless (karozza) bil-għan li tista’ ssir it-tiswija tal-prodott kumpless u li terġa’ tingħata d-dehra oriġinali tagħha?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda, ir-regoli dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq il-mudelli rreġistrati, wara li jsir ibbilanċjar tal-interessi msemmija fl-ewwel domanda, jipprekludu l-applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija fir-rigward ta’ repliki ta’ prodotti komplementari li l-klijent jista’ jagħżel liberament, peress li l-klawżola ta’ tiswija għandha tiġi interpretata b’mod restrittiv u għandha tkun limitata għall-partijiet ta’ bdil li l‑forma tagħhom hija marbuta mal-prodott, jiġifieri, partijiet li l‑forma tagħhom ġiet iddeterminata b’mod li fundamentalment ma jistax jinbidel meta mqabbla mad-dehra esterna tal-prodott kumpless, bl-esklużjoni ta’ elementi oħra meqjusa interkambjabbli u li jistgħu jiġu mmuntati liberament skont ix-xewqa tal-klijent?

3)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tieni domanda, liema miżuri għandu jieħu l-produttur ta’ repliki ta’ rimmijiet sabiex jiżgura l‑moviment leġittimu ta’ prodotti ddestinati li jsewwu l-prodott kumpless u li jerġgħu jagħtuh id-dehra oriġinali tiegħu?”

B.      Il-Kawża C-435/16

18.      Porsche hija proprjetarja ta’ diversi disinni Komunitarji li jirrappreżentaw roti għall-vetturi.

19.      Acacia, li d-direttur tagħha, R. D’Amato, huwa wkoll rikorrent fil-kawża prinċipali, tipproduċi rimmijiet għall-vetturi tat-turiżmu mmanifatturati minn produtturi tal-vetturi differenti. Is-sensiela ta’ prodotti tagħha tinkludi r-rimmijiet b’lega ħafifa “W1050 Philadelphia”, “W1051 Tornado Silver”, “W1054 Saturn” u “W1053 Helios Silver”, li jirripproduċu mudelli Komunitarji li tagħhom Porsche hija l-proprjetarja. It-trade mark ta’ Acacia, WSP Italy, kif ukoll l-indikazzjoni “Not O.E.M” jidhru fuq ir-rimmijiet li hija tipproduċi.

20.      Acacia tirreklama għall-bejgħ ir-rimmijiet tagħha b’lega ħafifa fuq is-sit internet tagħha www.wspitaly.com li, fil-Ġermanja, hija aċċessibbli bil-lingwa Ġermaniża. Fuq dan is-sit internet li huwa intiż għall-utenti finali, ir-rimmijiet jistgħu jinxtraw wieħed wieħed jew f’numru ikbar. Fih hemm ukoll indikazzjoni bl-Ingliż li dawn huma roti għall-bdil jew replika parzjali ta’ roti għall-bdil, kompletament kompatibbli mal-vetturi indikati u intiżi esklużivament għat-tiswija tagħhom, sabiex jingħataw id-dehra oriġinali tagħhom. Fir-rigward tar‑rimmijiet b’lega ħafifa intiżi għall-vetturi ta’ Porsche, Acacia tindika li dawn huma rimmijiet għall-bdil li jintużaw biss fuq vetturi Porsche.

21.      Peress li kkunsidrat li r-rimmijiet b’lega ħafifa “W1050 Philadelphia”, “W1051 Tornado Silver”, “W1054 Saturn” u “W1053 Helios Silver” jippreġudikaw id-disinni Komunitarji li tagħhom hija proprjetarja, Porsche ppreżentat rikors quddiem il-Landgericht (qorti reġjonali, il-Ġermanja) intiż b’mod partikolari sabiex Acacia tiġi pprojbita milli tipproduċi u tikkummerċjalizza r-rimmijiet ikkontestati.

22.      Acacia u d-direttur tagħha jsostnu li r-rimmijiet ikkontestati huma partijiet ta’ bdil użati għat-tiswija ta’ vetturi Porsche li jkunu ġarrbu ħsarat b’tali mod li, skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, huma esklużi mill-protezzjoni mogħtija għad-disinni li tagħhom Porsche hija l-proprjetarja.

23.      Il-qorti reġjonali ddeċiedet li r-rikors ippreżentat minn Porsche kien fondat. Peress li l-appell ippreżentat minn Acacia u d-direttur tagħha ġie miċħud, dawn ippreżentaw appell għal reviżjoni, awtorizzat mill-qorti tal-appell, quddiem il-qorti tar-rinviju.

24.      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-eżitu tal-appell ippreżentat minn Acacia u d-direttur tagħha tiddependi fuq l-interpretazzjoni tal‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. F’dan ir-rigward, hija tispjega li hija inklinata li tikkunsidra li l-partijiet komponenti li l-forma tagħhom ma hijiex imposta, bħar-rimmijiet inkwistjoni fil-kuntest ta’ din il-kawża, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija stabbilita minn din id-dispożizzjoni.

25.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (qorti federali tal-ġustizzja, il-Ġermanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi segwenti:

“1)      L-applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl‑Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 (1) hija limitata għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta, jiġifieri għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija ddeterminata, fil-prinċipju, b’mod invarjabbli mid-dehra tal‑prodott globali u għalhekk ma titħalliex, – bħalma huma fost l‑oħrajn ir-rimmijiet ta’ karozzi -, fl-għażla libera tal-klijent?

2)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

L‑applikazzjoni tar-restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl‑Artikolu 110(1) tar-Regolament (KE) Nru 6/2002 hija limitata biss għall-offerta ta’ prodotti ta’ disinn identiku, jiġifieri prodotti li jikkorrispondu wkoll mil-lat tal-kuluri tagħhom u tad‑dimensjonijiet tagħhom mal-prodotti oriġinali?

3)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

Ir‑restrizzjoni tal-protezzjoni prevista fl-Artikolu 110(1) tar‑Regolament (KE) Nru 6/2002 hija applikabbli favur il-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni biss jekk dan il-bejjiegħ jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l‑individwalizzazzjoni tal-prodott globali?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda: Liema miżuri għandu jadotta l-bejjiegħ ta’ prodott li fil-prinċipju jippreġudika d-disinn inkwistjoni sabiex jiżgura b’mod oġġettiv li l-prodott tiegħu jkun jista’ jiġi akkwistat biss għal finijiet ta’ tiswija u mhux ukoll għal finijiet oħra bħal, b’mod partikolari, it-tagħmir jew l-individwalizzazzjoni tal-prodott globali? Huwa biżżejjed, f’dan ir-rigward | a) | li l-bejjiegħ jintegra fil-fuljett ta’ bejgħ l‑indikazzjoni li l-bejgħ isir esklużivament għal finijiet ta’ tiswija sabiex il-prodott globali jingħata lura d-dehra inizjali tiegħu jew | b) | il-bejjiegħ għandu jissuġġetta l-kunsinna għall-kundizzjoni li l‑akkwirent (distributur u konsumatur) jiddikjara bil-miktub li ser juża l-prodott propost għall-bejgħ biss għal finijiet ta’ tiswija?

a)      li l-bejjiegħ jintegra fil-fuljett ta’ bejgħ l‑indikazzjoni li l‑bejgħ isir esklużivament għal finijiet ta’ tiswija sabiex il-prodott globali jingħata lura d-dehra inizjali tiegħu, jew

b)      il-bejjiegħ għandu jissuġġetta l-kunsinna għall-kundizzjoni li l‑akkwirent (distributur u konsumatur) jiddikjara bil-miktub li ser juża l-prodott propost għall-bejgħ biss għal finijiet ta’ tiswija?”

IV.    Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      It-talbiet għal deċiżjoni prelimanari ġew irreġistrati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Lulju 2016 fil-Kawża C-397/16 u fl-4 ta’ Awwissu 2016 fil-Kawża C-435/16.

27.      Fil-Kawża C-397/16, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil‑miktub minn Acacia, Audi, mill-Gvern Taljan, Ġermaniż u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

28.      Fil-Kawża C-435/16, ġew ippreżentati osservazzjonijiet bil‑miktub minn Acacia u R. D’Amato, Audi, mill-Gvern Ġermaniż, Taljan u dak Olandiż kif ukoll mill-Kummissjoni.

29.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑25 ta’ April 2017, dawn iż-żewġ kawżi ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura orali u tas-sentenza.

30.      Sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom, fis-seduta tal‑14 ta’ Ġunju 2017 dehru Acacia u R. D’Amato, Audi, Porsche, il‑Gvern Taljan, Ġermaniż u dak Franċiż kif ukoll il-Kummissjoni.

V.      Analiżi

31.      Dawn il-kawżi jirrigwardaw il-klawżola ta’ tiswija stabbilita fl‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 fir-rigward ta’ partijiet ta’ bdil użati sabiex jissewwa prodott kumpless. Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, din l-eċċezzjoni għall-protezzjoni bis-saħħa ta’ disinn Komunitarju kienet is-suġġett ta’ dibattiti sostanzjali matul il-proċedura leġiżlattiva qabel l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament.

32.      Sabiex niffaċilita l-kwistjoni li tqum f’din il-kawża, ser nibda billi niddeskrivi r-raġuni li għaliha saret il-klawżola ta’ tiswija, li hija intiża sabiex tilliberalizza b’mod estensiv is-suq ta’ partijiet ta’ bdil (Taqsima A).

33.      It-tieni domanda fil-Kawża C-397/16 u l-ewwel domanda fil‑Kawża C‑435/16 huma intiżi sabiex jistabbilixxu jekk il-portata tal‑eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 hijiex limitata għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta mid-dehra tal-prodott kumpless. Jien nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tirrispondi fin-negattiv għal dawn id-domandi peress li t-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit kienet importanti sabiex jintlaħaq qbil politiku fi ħdan il-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament (Taqsima B).

34.      It-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-435/16 hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk il-portata tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 hijiex limitata għal partijiet komponenti identiċi għall‑partijiet komponenti oriġinali, b’mod partikolari mill-perspettiva tal‑kuluri u tad-dimensjonijiet tagħhom. Nipproponi lill-Qorti tal‑Ġustizzja sabiex tirrispondi fl-affermattiv għal din id-domanda. F’dan il-kuntest ser neżamina wkoll ir-rekwiżit li jirrigwarda l-preżenza ta’ “parti komponenti ta’ prodott kumpless” kif ukoll dak li jikkonċerna l-użu għall‑finijiet ta’ tiswija ta’ prodott kumpless (Taqsima C).

35.      It-tielet domanda fil-Kawża C-397/16 kif ukoll it-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C-435/16 jirrigwardaw il-miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu minn produttur jew bejjiegħ ta’ partijiet komponenti li jixtiequ jużaw l‑Artikolu 110(1) tar- Regolament Nru 6/2002.

36.      F’dan ir-rigward, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi fis-sens li, sabiex juża din l-eċċezzjoni, il-produttur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jissodisfa obbligu ta’ diliġenza fir‑rigward tar-rispett mill-utenti downstream tal‑kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-obbligu ta’ diliġenza jimplika, minn naħa waħda, li jinforma lill-akkwirent bil-fatt li l-parti komponenti kkonċernata tinkludi disinn li ma huwiex proprjetà tiegħu u li din il-parti komponenti hija esklużivament intiża sabiex tintuża skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id‑dispożizzjoni u, min‑naħa l-oħra, li jitlef id-dritt li jużaha li kieku kien jaf jew kellu motivi raġonevoli li jkun jaf li l-parti komponenti ma hijiex ser tintuża skont dawn il-kundizzjonijiet (Taqsima D).

37.      Nispjega li din ir-risposta tippermetti li tingħata risposta għall‑ewwel domanda magħmula fil-Kawża C-397/16 fis-sens li rimm ta’ vettura għandu jiġi kkunsidrat bħala “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat”, fis-sens tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (4), u li tista’ tibbenefika mill-eċċezzjoni stabbilita b’din id-dispożizzjoni jekk tintuża bil-għan li tippermetti t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu (5). Inżid li ma huwiex meħtieġ, sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, li jiġu eżaminati l-prinċipji u d‑dispożizzjonijiet l-oħra li huma msemmija hemm, kif korrettament enfasizzaw il-Gvern Ġermaniż u l-Kummissjoni.

A.      Fuq ir-raġuni għalfejn saret il-klawżola ta’ tiswija stabbilita flArtikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002

38.      Kif enfasizzat il-Kummissjoni, mill-motivi esposti fil-proposta ta’ regolament jirriżulta li l-għan tal-klawżola ta’ tiswija kien li jipprevjeni l-monopolji favur il-proprjetarji fir-rigward tal-partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi:

“L-għan ta’ din id-dispożizzjoni hija li tevita l-ħolqien ta’ swieq ristretti għal ċerti partijiet komponenti separati.

[…]

[…] Il-konsumatur li xtara prodott għal perijodu ta’ żmien u [li] jista’ jkun bi ħlas (pereżempju vettura) huwa marbut b’mod indefinit, għax-xiri ta’ partijiet komponenti separati, mal‑produttur tal-prodott kumpless. Dan iwassal għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet negattivi ta’ kompetizzjoni fuq is-suq ta’ partijiet komponenti separati, iżda fil-prattika jiżgura wkoll lill-produttur ta’ prodott kumpless monopolju għal perijodu li jmur lil hinn minn dak tal‑protezzjoni tad-disinn tiegħu […]” (6).

39.      Sabiex jinftiehem aħjar l-eżempju msemmi fil-proposta ta’ regolament, inħoss li huwa utli li jiġu deskritti l-effetti tal-protezzjoni mogħtija bis-saħħa tad-disinn Komunitarju fl-istadji tal-konċepiment tal‑vettura awtomobilistika, tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ din il-vettura u tal-bdil ta’ partijiet komponenti ta’ din il-vettura.

40.      Fl-ewwel lok, nissoponu li produttur awtomobilistiku jikkonċepixxi disinn ta’ vettura ġdida li tirrappreżenta karattru individwali, fis-sens tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan il-produttur jitlob u jikseb protezzjoni bis-saħħa tad-disinn Komunitarju għall-vettura, li tikkostitwixxi prodott kumpless fis-sens tal‑Artikolu 3(c) ta’ dan ir-regolament. Huwa jikseb ukoll din il‑protezzjoni għal diversi partijiet komponenti inkorporati fil-vettura skont l-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament, bħall-bampers, il-ġnub tal-karrozzi, il-bibien, il-fanali jew anki ir-rimmijiet tar-roti.

41.      Bħala propretarju ta’ dawn id-disinni Komunitarji, il-produttur awtomobilistiku jingħata, skont l-Artikolu 19 ta’ dan ir-regolament, id‑dritt esklużiv li jużahom u li jipprojbixxi lil kull terzi oħra milli jużawhom mingħajr il-kunsens tiegħu. Fi kliem ieħor, dan il-produttur għandu monopolju ta’ użu ta’ dawn id-disinni, li jippermettilu li jipprojbixxi lil terzi milli jipproduċu jew jikkummerċjalizzaw vettura jew partijiet komponenti ta’ vettura li jużawhom.

42.      Madankollu, fit-tieni lok, ir-regola ta’ eżawriment prevista fl‑Artikolu 21 tar-Regolament Nru 6/2002 tillimita dan il-monopolju għall-ewwel tqegħid fis-suq tal-prodotti kkonċernati (7). Skont din id‑dispożizzjoni, fil-fatt, id-drittijiet tal-proprjetarju ma jestendux għall‑atti li jkollhom x’jaqsmu ma’ prodott li jkun inħareġ fis-suq mill‑proprjetarju tad-disinn Komunitarju jew bil-kunsens tiegħu. B’hekk, f’kull bejgħ ta’ vettura, id-drittijiet tal-produttur awtomobilistiku jonqsu mhux biss fir-rigward tal-vettura mibjugħa, ikkunsidrata bħala prodott kumpless, iżda wkoll fir-rigward ta’ kull parti komponenti ta’ din il‑vettura li hija protetta minn disinn Komunitarju.

43.      Fit-tielet lok, huwa possibbli li waħda mill-partijiet komponenti inkorporati fil-vettura mibjugħa mill-produttur awtomobilistiku bħall‑bampers, il-ġnub tal-karrozzi, il-bibien, il-fanali jew anki r‑rimmijiet tar-roti, issir difettuża jew ikollha bżonn tinbidel.

44.      Skont l-Artikoli 19 u 21 tar-Regolament Nru 6/2002, il-produttur awtomobilistiku għandu monopolju ta’ użu, limitat għall-ewwel tqegħid fis-suq, fir-rigward ta’ kull parti ta’ bdil li tinkorpora disinn li tiegħu huwa l-proprjetarju. B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jagħtu lill‑produttur id-dritt li jopponi l-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ tali partijiet komponenti mingħajr il-kunsens tiegħu, u dan matul il-perijodu ta’ użu tal-prodott kumpless, jiġifieri l-vettura f’dan il-każ.

45.      Huwa preċiżament dan il-monopolju, jiġifieri l-monopolju tal‑proprjetarju fir-rigward tal-partijiet ta’ bdil ta’ prodott kumpless, li l‑klawżola ta’ tiswija stabbilita fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 hija intiża li telimina f’ċerti ċirkustanzi. Din il-klawżola, fil-fatt, tipprevedi, li d-drittijiet tal-proprjetarju ma jkoprux il-partijiet komponenti użati bil-għan li jippermettu t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu.

46.      Minn issa nispjega li, fil-verżjoni attwali tagħha, il-klawżola ta’ tiswija, fl-opinjoni tiegħi, tagħti liberalizzazzjoni estensiva tas-suq tal‑partijiet ta’ bdil, kuntrarjament għall-verżjoni oriġinarjament proposta mill-Kummissjoni, li kienet twassal għal liberalizzazzjoni ristretta ta’ dan is-suq (8). Fil-fatt, fil-verżjoni oriġinali tagħha, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija kienet limitata għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom kienet imposta mid-dehra tal-prodott kumpless, bħall-fanali ta’ vettura. Għalhekk, il-proprjetarji kienu jżommu l-monopolju tagħhom fir-rigward tal-partijiet komponenti li l‑forma tagħhom ma kinitx imposta mid-dehra tal-prodott kumpless, bħar-rimmijiet ta’ vettura.

47.      It-tneħħija ta’ din il-kundizzjoni madankollu kienet neċessarja sabiex ikun jista’ jiġi adottat ir-Regolament Nru 6/2002 fi ħdan il-Kunsill, kif ser nispjega fit-taqsima segwenti. B’hekk, il-verżjoni finali tal-klawżola ta’ tiswija tkopri l-partjiet ta’ bdil kollha, mingħajr restrizzjoni għall‑forma tagħhom.

B.      Fuq l-assenza ta’ rekwiżit sabiex il-forma tal-parti komponenti tkun imposta mid-dehra tal-prodott kumpless (it-tieni domanda fil-Kawża C397/16 u l-ewwel domanda fil-Kawża C435/16)

48.      Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż isostnu li l-klawżola ta’ tiswija stabbilita fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għandha tiġi interpretata fis-sens li tapplika biss għall-partijiet komponenti li jiffurmaw parti komponenti minn prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” jew, fi kliem ieħor, għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta mid-dehra tal‑prodott kumpless.

49.      Dan l-argument iservi l-interessi tal-proprjetarji ta’ disinni ta’ rimmijiet, bħall-Audi u Porsche, għar-raġuni segwenti. Kif urew dawn tal-aħħar f’ħafna dettalji, il-forma tar-rimmijiet ma tiddependix mid-dehra tal-vettura. Fi kliem ieħor, kull vettura tista’ tkun assoċjata ma’ numru ta’ mudelli ta’ rimmijiet. Għalhekk din l-interpretazzjoni teskludi r-rimmijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002, li tippermetti lill-Audi u lill-Porsche jżommu l‑monopolju tagħhom fuq ir-rimmijiet għall-bdil li jkun fihom id-disinni li tagħhom huma proprjetarji.

50.      Nispjega li Porsche għamlet riferiment għal diversi deċiżjonijiet ta’ qrati nazzjonali li jikkonfermaw din l-interpretazzjoni (9), filwaqt li Acacia ċċitat deċiżjonijiet oħra ta’ qrati nazzjonali li jmorru kontriha (10). Nirrileva wkoll li l-qrati tar-rinviju f’dawn il-kawżi għandhom opinjonijiet diverġenti dwar dan is-suġġett (11).

51.      Nikkunsidra li l-argument issuġġerit minn Audi u Porsche għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet segwenti.

52.      Minn naħa waħda, tali rekwiżit, li l-parti komponenti li tifforma parti minn prodott kumpless li d-dehra tiegħu tikkundizzjona d-disinn protett, ma kienx jidher fil-kliem tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan in-nuqqas jimmilita, fih innifsu, favur l-argument li jiġi miċħud l‑approċċ propost minn Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż.

53.      Minn naħa l-oħra, dan l-approċċ ma jistax jiġi milqugħ peress li t‑tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit, li kien inkluż fil-proposta oriġinali tal‑Kummissjoni, kienet meħtieġa sabiex jintlaħaq qbil politiku fi ħdan il-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ dan ir-regolament, kif uriet il‑Kummissjoni. Peress li dan il-punt għandu importanza sinjifikattiva fl‑interpretazzjoni li jien nipproponi, nixtieq nittraċċa fid-dettall l‑evoluzzjoni li din id-dispożizzjoni kellha matul il-proċess leġiżlattiv.

54.      Fit-3 ta’ Diċembru 1993, il-Kummissjoni ppreżentat kemm proposta ta’ regolament (12) kif ukoll proposta ta’ direttiva li tirrigwarda l‑protezzjoni bis-saħħa ta’ disinn (13). Il-proposta ta’ regolament kellha l‑għan li toħloq sistema Komunitarja ta’ protezzjoni għad-disinni. Il‑proposta ta’ direttiva kienet intiża sabiex tqarrab il-leġiżlazzjonijiet tal‑Istati Membri relatati mal-protezzjoni ta’ disinni bil-għan li jitnaqqsu l-ostakoli għall-moviment liberu tal-merkanzija.

55.      L-Artikolu 23 tal-proposta għal regolament fih klawżola ta’ tiswija li l-portata tagħha kienet ristretta għall-partijiet komponenti ta’ prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” (14). L‑Artikolu 14 tal-proposta ta’ direttiva jinkludi klawżola ta’ tiswija bi kliem kważi identiċi.

56.      Wara numru ta’ snin ta’ diskussjonijiet interistituzzjonali, il‑proposta ta’ direttiva ġiet adottata fit-13 ta’ Ottubru 1998, li saret id‑Direttiva 98/71 dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji.

57.      Il-verżjoni finali tal-Artikolu 14 ta’ din id-direttiva fiha differenzi sinjifikattivi meta mqabbla mal-proposta oriġinali tal-Kummissjoni (15). B’mod partikolari, dan l-artikolu issa jsemmi “parti komponenti użata għall-fini tat-tiswija ta’ prodott kumpless biex jinġieb fid-dehra oriġinali tiegħu”, u dan mingħajr ma jintalab li l-parti komponenti tkun parti minn prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” kif kienet tipprevedi l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni.

58.      Wara l-adozzjoni tad-Direttiva 98/71, il-Kummissjoni ppreżentat, fil-21 ta’ Ġunju 1999, proposta emendata għal regolament li fih l-Artikolu 23 tiegħu kien tħassar iżda li kien jinkludi Artikolu 10a ġdid (16). F’tentattiv sabiex ikun hemm soluzzjoni armonizzata fil-kuntest tal-imsemmija direttiva, dan l‑artikolu kien jeskludi temporanjament il-partijiet komponenti separati tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, filwaqt li jipprojbixxi r‑reġistrazzjoni tagħhom bis-saħħa tad-disinn Komunitarju matul dan il‑perijodu. Madankollu, bid-differenza tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva 98/71, il-portata ta’ din id-dispożizzjoni baqgħet limitata għall-partijiet ta’ prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d‑disinn protett” (17).

59.      Din id-diverġenza bejn id-direttiva 98/71 u l-proposta għal regolament kienet waħda mill-ostakoli prinċipali għall-adozzjoni ta’ din il-proposta fi ħdan il-Kunsill, li kienet tirrikjedi l-unanimità tal-voti skont dak li kien l-Artikolu 308 KE. Il-maġġoranza kbira tad-delegazzjonijiet, fil-fatt, riedu konverġenza bejn dawn iż-żewġ strumenti f’dan ir‑rigward (18).

60.      Kien f’dan il-kuntest li fid-19 ta’ Ottubru 2000, il-Presidenza tal‑Kunsill tal-Unjoni Ewropea stiednet lill‑Kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper), sabiex jiddikjara ruħu dwar tliet alternattivi għad‑dispożizzjoni relatata mal-partijiet ta’ bdil ta’ prodotti kumplessi proposti mill-Kummissjoni, mill-Presidenza tal-Kunsill u mid‑delegazzjoni Irlandiża rispettivament (19).

61.      L-ewwel żewġ alternattivi ta’ din id-dispożizzjoni jżommu r‑rekwiżit li l-parti komponenti għandha tkun parti minn prodott kumpless “li fuq id‑dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett”. Għall‑kuntrarju, dan ir‑rekwiżit ma deherx iktar fil-kliem tat-tielet alternattiva, proposta mid-delegazzjoni Irlandiża (20).

62.      Hija din it-tielet alternattiva, l-unika waħda li tippermetti konverġenza bejn id-direttiva 98/71 u l-proposta għal r-regolament dwar partijiet komponenti ta’ prodotti kumplessi, li kienet is-suġġett ta’ qbil fi ħdan il-Coreper waqt il-laqgħa tal-25 ta’ Ottubru 2000 (21).

63.      B’hekk mix-xogħlijiet preparotorji jirriżulta li t-tneħħija tar‑rekwiżit li l-parti komponenti għandha tkun parti minn prodott kumpless “li fuq id‑dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” kienet meħtieġa sabiex dan ir-regolament jiġi adottat mill-Kunsill, kważi tmien snin wara l-proposta oriġinali tal-Kummissjoni. B’hekk, il-qbil politiku konkluż fi ħdan il-Kunsill huwa bbażat fuq l-adozzjoni ta’ klawżola ta’ tiswija ta’ partijiet komponenti ta’ prodott kumpless li għandha portata iktar wiesgħa minn dik oriġinarjament proposta mill-Kummissjoni, u dan bi preġudizzju għall-interessi tal-proprjetarji.

64.      Fl-opinjoni tiegħi, l-interpretazzjoni ssuġġerita minn Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż speċifikament tikkontesta dan il-qbil politiku billi tillimita l-portata tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 għall-partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta mid-dehra tal-prodott kumpless.

65.      Fl-opinjoni tiegħi, iċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 6/2002, deskritti hawn fuq, jipprekludu tali interpretazzjoni, li twassal sabiex terġa’ tiġi introdotta b’mod ġudizzjarju kundizzjoni li tneħħiet waqt il-proċess leġiżlattiv.

66.      Inżid li l-ebda argument imressaq minn Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż ma jista’ jdgħajjef il-konvinzjoni tiegħi f’dan ir-rigward.

67.      Skont l-ewwel argument, tali interpretazzjoni hija konformi mal‑għan li għandu jiġi segwit mill-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, li huwa dak li ma jkunx hemm monopolji fuq il-bejgħ ta’ partijiet ta’ bdil (22). Skont dan l-argument, tali riskju ma jeżistix meta l‑forma ta’ parti komponenti ma hijiex imposta mid-dehra tal-prodott kumpless, bħal rimm ta’ vettura. Minħabba l-kompetizzjoni qawwija li teżisti fis-suq tar‑rimmijiet, il-konsumaturi għandhom għażla bejn diversi mudelli proposti minn diversi produtturi. B’hekk, fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, Acacia għandha l-libertà li toħloq mudelli ġodda ta’ rimmijiet li ma jkunx fihom id-disinni li tagħhom Audi u Porsche huma l‑proprjetarji, peress li l-forma tar-rimmijiet ma hijiex imposta mid-dehra tal-vettura.

68.      Skont argument ieħor imsemmi minn dawn il-partijiet komponenti, din l‑interpretazzjoni hija konformi mal-kliem tal‑premessa 13 tar‑Regolament Nru 6/2002, li ssemmi l-partijiet komponenti ta’ prodott kumpless “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d‑disinn protett”.

69.      Nikkunsidra li dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għat‑tliet raġunijiet segwenti.

70.      Fl-ewwel lok, nikkunsidra li, indipendentement mill-eventwali fondatezza tagħhom, dawn l-argumenti ma għandhomx iwasslu sabiex jillimitaw il-portata tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 billi jintroduċu mill-ġdid, permezz ta’ interpretazzjoni, rekwiżit li t-tneħħija tiegħu kienet meħtieġa sabiex jintlaħaq qbil politiku fi ħdan il-Kunsill.

71.      Fit-tieni lok, nikkunsidra li, kuntrarjament għal dak li jsostnu Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż, l-għan tal-prevenzjoni ta’ monopolji fis-suq tal-partijiet ta’ bdil jiġġustifika t-tneħħija ta’ dan ir-rekwiżit mil‑leġiżlatur tal-Unjoni.

72.      Ċertament, il-monopolju tal-proprjetarju huwa iktar wiesa’ meta l‑forma tal-parti komponenti hija imposta mid-dehra tal-prodott kumpless. Bħala eżempju, jekk il-forma ta’ fanal hija imposta mid-dehra tal-karrozza u jekk dan il-fanal jinkorpora disinn protett, l-ebda terz ma jista’ jipproduċi jew jikkummerċjalizza fanali għall-bdil mingħajr il‑kunsens tal-proprjetarju. Huwa paċifiku bejn il-partijiet li, f’każ bħal dan, il-klawżola ta’ tiswija għandha tiġi applikata sabiex jiġi liberalizzat is-suq tal-partijiet ta’ bdil, li jippermetti lil terzi jużaw id-disinn inkwistjoni.

73.      Xorta jibqa’ l-fatt li l-proprjetarju xorta għandu monopolju, ċertament imnaqqas, meta l-forma tal-parti komponenti ma hijiex imposta mid-dehra tal-vettura, bħar-rimmijiet ta’ karrozza. F’dan il-każ, produtturi oħra għandhom il-libertà li joħloqu partijiet ta’ bdil li ma jinkorporawx disinni protetti, mingħajr mal-proprjetarju ma jkun jista’ jopponihom. Madankollu, bħala regola, il-proprjetarju jkollu d-dritt li jopponi l-produzzjoni jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ rimmijiet li jirreplikaw id-dehra tar-rimmijiet li huwa jkun ħoloq. Kien il-futur ta’ dan il-monopolju “imnaqqas” li kien is-suġġett ta’ kunsiderazzjonijiet differenti waqt il-proċess leġiżlattiv u fil-kuntest ta’ din il-kawża.

74.      Billi eskludiet il-klawżola ta’ tiswija ta’ partijiet komponenti li l‑forma tagħhom ma hijiex imposta, bħar-rimmijiet għall-bdil, il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni żammet dan il-monopolju “imnaqqas” tal-proprjetarju, skont l-interpretazzjoni ssuġġerita minn Audi, Porsche u l-Gvern Ġermaniż. Skont dan l-ewwel approċċ, Audi għandha d-dritt li topponi l-bdil ta’ rimm Audi danneġġjat b’rimm replika prodott minn Acacia. F’dan is-sens, din il-proposta wasslet għal liberalizzazzjoni ristretta tas-suq tal-partijiet ta’ bdil.

75.      Għall-kuntrarju, il-verżjoni finali tal-klawżola ta’ tiswija, li tkopri l-partijiet komponenti kollha ta’ prodotti kumplessi, għandha l-effett li tneħħi l-monopolju “imnaqqas” tal-proprjetarju, skont l-interpretazzjoni proposta minn Acacia, il-Gvern Taljan u Olandiż u l-Kummissjoni. Skont dan it-tieni approċċ, Audi ma għandhiex id-dritt li topponi l-bdil ta’ rimm Audi danneġġjat b’rimm replika prodott minn Acacia. Dan l-approċċ iwassal għal liberalizzazzjoni wiesgħa tas-suq tal-partijiet ta’ bdil.

76.      Konsegwentement, billi neħħa r-rekwiżit li l-forma ta’ parti komponenti għandha tkun imposta mid-dehra tal-prodott kumpless, il‑leġiżlatur tal-Unjoni, fl-opinjoni tiegħi, wettaq għażla favur il‑liberalizzazzjoni wiesgħa tas-suq tal-partijiet ta’ bdil. Mill-perspettiva tal-konsumatur, din il-liberalizzazzjoni toffri, meta tkun meħtieġa tiswija, il-possibbiltà li jinxtara rimm għall-bdil prodott minn terz u li jirreplika d-dehra tar-rimm oriġinali danneġġjat, mingħajr ma jkun obbligat li jixtri rimm għall-bdil prodott mill-proprjetarju. Fi kliem ieħor, f’każ ta’ tiswija, il-konsumatur ma huwiex marbut bl-għażla li huwa kien għamel meta xtara l-vettura.

77.      Nenfasizza li din l-interpretazzjoni hija sostnuta bl-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71, li għandu jiġi emendat flimkien mal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-aħħar artikolu.

78.      Fil-fatt, għalkemm din id-dispożizzjoni tippermetti lill-Istati Membri li jżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu klawżola ta’ tiswija, hija tispjega li dawn l-Istati jistgħu jintroduċu emendi għal dawn id-dispożizzjonijiet “biss jekk l-iskop ikun li jiġi liberalizzat is-suq għal dawk il-partijiet”. Fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni tikkonferma li l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni kienet inklinata lejn il‑liberalizzazzjoni tas-suq tal-partijiet ta’ bdil.

79.      Fit-tielet lok, f’dak li jirrigwarda l-premessa 13 tar-Regolament Nru 6/2002, il-Kummissjoni ssostni li ż-żamma tal-espressjoni “li fuq id‑dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” tirriżulta f’nuqqas ta’ koordinazzjoni bejn il-premessa u d-dispożizzjoni li tipprevedi l‑klawżola ta’ tiswija.

80.      Minkejja li ma kienx jidhirli possibbli, abbażi tad-dokumenti ppubblikati mill-Kunsill, li dan il-punt jiġi deċiż b’ċertezza, fl‑opinjoni tiegħi diversi indizji jimmilitaw favur din il-pożizzjoni. Fl-ewwel lok, huwa possibbli li ż-żamma ta’ din l-espressjoni toriġina mill-adozzjoni tal-proposta tad-delegazzjoni Irlandiża fil-Coreper, li ma kienx fiha emenda fir-rigward tat-test tal-premessa (23). B’hekk, it-test ta’ kompromess mibgħut mill-Presidenza tal-Kunsill wara l-laqgħa tal‑Coreper kien fiha verżjoni tal-premessa 13 ibbażata fuq it-tieni alternattiva (tal-Presidenza) u verżjoni tad-dispożizzjoni bbażata fuq it‑tielet alternattiva (tad-delegazzjoni Irlandiża) (24). Din id-diskrepanza kompliet matul id-dibattiti fi ħdan il-Kunsill (25), u dan sal-adozzjoni tat-test finali fit-12 ta’ Diċembru 2001.

81.      Min-naħa l-oħra, infakkar li l-maġġoranza kbira tad-delegati wrew ix-xewqa li jkun hemm alinjament bejn, minn naħa waħda, il-kliem tal‑premessa u tal-klawżola ta’ tiswija fil-proposta ta’ regolament, u, min-naħa l-oħra, tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 (26). Issa, l-espressjoni “li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett” tneħħiet mit-test ta’ dan l-artikolu matul ix-xogħol preparatorju (27). Dawn iċ-ċirkustanzi jimmilitaw ukoll favur l-argument li ż-żamma ta’ din l-espressjoni fit-test tal-premessa 13 tar-Regolament Nru 6/2002 huwa r-riżultat ta’ nuqqas ta’ koordinazzjoni mal-Artikolu 110(1) ta’ dan ir-regolament, kif sostniet il-Kummissjoni.

82.      Fi kwalunkwe każ, nikkunsidra li l-premessa, li ma hijiex obbligatorja, ma tistax twassal sabiex tillimita l-portata ta’ dispożizzjoni ta’ regolament billi terġa’ ddaħħal kundizzjoni li t-tneħħija tagħha kienet meħtieġa sabiex jintlaħaq qbil politiku fi ħdan il-Kunsill.

83.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti niddeduċi li l-portata tal‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma hijiex limitata għall‑partijiet komponenti li huma parti minn prodott kumpless “li fuq id‑dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett”, rekwiżit li ġie espressament imwarrab mil-leġiżlatur tal-Unjoni.

C.      Fuq il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tarRegolament Nru 6/2002 (it-tieni domanda magħmula fil-Kawża C-435/16)

84.      Mit-termini użati fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jistgħu jiġu identifikati żewġ kundizzjonijiet, waħda dwar il-preżenza ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless, l-oħra dwar l-użu ta’ din il-parti komponenti bil-għan li tippermetti t-tiswija ta’ prodott kumpless biex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu.

1.      Il-preżenza ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless

85.      L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-preżenza ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat”. Nirrileva li r-Regolament Nru 6/2002 ma fihx definizzjoni ta’ dan il-kunċett.

86.      Skont ġurisprudenza stabbilita, kemm mir-rekwiżiti tal‑applikazzjoni uniformi tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza jirriżulta li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li ma tagħmel l-ebda riferiment espress għad-dritt tal-Istati Membri sabiex jiġi stabbilit is-sens u l-portata tagħha għandhom jingħataw, fl-Unjoni kollha, interpretazzjoni awtonoma u uniformi li għandha tiġi stabbilita fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u tal-għan tal-leġiżlazzjoni in kwistjoni (28).

87.      Bl-applikazzjoni ta’ din il-ġurisprudenza, diversi punti ta’ definizzjoni jistgħu jiġu dedotti mill-kuntest tal-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002.

88.      L-ewwel nett, l-Artikolu 3(c) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l‑“prodott kumpless” bħala prodott kompost minn komponenti multipli li jistgħu jinbidlu b’mod illi l-prodott jista’ jiġi żarmat jew armat mill-ġdid. Barra minn hekk, l-Artikolu 3(b) ta’ dan ir-regolament jiddefinixxi l‑kunċett ta’ “prodott” bħala kull oġġett industrijali jew magħmul bl‑idejn, inklużi, fost l-oħrajn, il-partijiet komponenti maħsuba sabiex jiġu mmuntati fi prodott kumpless.

89.      It-tieni nett, mill-kliem tal-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jirriżulta li l-użu tal-parti komponenti għandu jippermetti t‑tiswija talprodottkumpless. Dan ir-rekwiżit ifisser li l-parti komponenti għandha tkun meħtieġa għal użu normali tal-prodott kumpless jew, fi kliem ieħor, li l-istat difettuż jew in-nuqqas tal-parti komponenti itellef tali użu normali. Huwa stabbilit bejn il-partijiet li dan huwa l-każ tar-rimmijiet ta’ vettura. Għall-kuntrarju, din il-kundizzjoni fl-opinjoni tiegħi teskludi, b’mod partikolari, l-aċċessorji ta’ vettura bħal siġġijiet għat-tfal, l-ixkafef fuq is-saqaf jew l-installazzjonijiet tar-radju, kif korrettament isostni l-Gvern Ġermaniż.

90.      It-tielet nett, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jista’ jikkonċerna biss partijiet komponenti li huma protetti bis-saħħa ta’ disinn Komunitarju. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ tali protezzjoni, l-eċċezzjoni prevista minn din id-dispożizzjoni tkun mingħajr suġġett.

91.      Konsegwentement, l-imsemmija dispożizzjoni tikkonċerna biss partijiet komponenti li jissodisfaw b’mod partikolari l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament. Fil-fatt, fin-nuqqas li jiġu ssodisfatti dawn il-kundizzjonijiet, il-parti komponenti ma tistax tibbenefika mill-protezzjoni bis-saħħa ta’ disinn Komunitarju stabbilit bir-Regolament Nru 6/2002. B’hekk, il-klawżola ta’ tiswija tirrigwarda biss partijiet komponenti li, meta jiġu inkorporati fil-prodott kumpless, jibqgħu viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott u li l-karatteristiċi tagħhom jissodisfaw bħala tali l-kundizzjonijiet ta’ xi ħaġa ġdida u ta’ natura individwali.

92.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-kunċett ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat” skont l-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 jinkludi:

–        prodott inkorporat fi prodott ieħor, b’dan tal-aħħar ikun ikklassifikat bħala “prodott kumpless”;

–        li jista’ jiġi żarmat u mibdul;

–        li huwa meħtieġ għall-użu normali tal-prodott kumpless, u

–        li jibqa’ viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott kumpless.

93.      Fl-opinjoni tiegħi ma hemm l-ebda dubju li rimm ta’ vettura jissodisfa dawn il-kundizzjonijiet u, għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat bħala “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat” fis-sens ta’ din id‑dispożizzjoni.

94.      Madankollu Porsche tallega li rimmijiet ta’ korrozza ma għandhomx jiġu kkunsidrati bħala partijiet komponenti ta’ prodott kumpless fis-sens tal-imsemmija direttiva. Skont dan l-argument, l‑apparenza jew “l‑estetika” tar-rimmijiet hija indipendenti minn dik tal‑vettura, li timplika li l-konsumatur huwa liberu li jagħżel r-rimmijiet li bihom jixtieq jarma l-vettura tiegħu sabiex jagħtiha aspett speċifiku.

95.      Nikkonstata li dan l-argument jerġa’ jallega li r-rimmijiet ma jistgħux jaqgħu taħt il-klawżola ta’ tiswija għaliex il-forma tagħhom ma hijiex imposta bid-dehra tal-vettura, b’tali mod li l-istess vettura tista’ tiġi assoċjata ma’ numru ta’ mudelli ta’ rimmijiet (29). F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li nirrileva li b’dan l-argument, Porsche tistieden lill-Qorti tal-Ġustizzja terġa’ tintroduċi rekwiżit li espressament ġie miċħud mil‑leġiżlatur tal-Unjoni, kif spjegajt fil-punti 48 sa 83 ta’ dawn il‑konklużjonijiet.

96.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti nikkonkludi li l-kunċett ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat” ma huwiex limitat għall‑partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta mid-dehra tal‑prodott kumpless iżda jkopri kull prodott inkorporat fi prodott ieħor, b’dan tal-aħħar ikun ikklassifikat bħala “prodott kumpless”, li jista’ jiġi żarmat u mibdul, li huwa meħtieġ għall-użu normali ta’ prodott kumpless u li jibqa’ viżibbli waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

2.      L-użu tal-parti komponenti bil-għan li tippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless biex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu

97.      Skont l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, it-tieni kundizzjoni hija li, il-parti komponenti għandha tkun “użat[a] fit‑tifsira ta’ l-Artikolu 19(1) bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”.

98.      Il-kunċett ta’ “użu” stabbilit fl-Artikolu 19(1) ta’ dan ir-regolament huwa ddefinit b’mod wiesa’, b’tali mod li jinkludi kull użu ta’ parti komponenti għall-finijiet ta’ tiswija.

99.      Fl-ewwel lok, nenfasizza, li l-għan tat-tiswija tal-prodott kumpless iwassal għal restrizzjoni sostanzjali tal-kamp ta’ applikazzjoni tal‑Artikolu 110(1) tar- Regolament Nru 6/2002. Fil-fatt, dan ir-rekwiżit jeskludi b’mod partikolari kull użu ta’ parti komponenti għal raġunijiet ta’ ċertifikazzjoni jew sempliċi konvenjenza, bħall-bdil ta’ rimm għal raġunijiet estetiċi.

100. Fi kliem ieħor, il-benefiċċju tal-eċċezzjoni tal-protezzjoni bis‑saħħa ta’ disinn Komunitarju huwa rriżervat għall-użu ta’ partijiet komponenti imposti minn stat difettuż tal-prodott kumpless, jiġifieri stat li jtellef użu normali ta’ dan il-prodott. Tali stat difettuż jista’ jiġi pprovokat, fl-opinjoni tiegħi, jew mill-istat difettuż tal-parti komponenti stess, jew bin-nuqqas ta’ din il-parti komponenti, b’mod partikolari f’każ ta’ serq (30).

101. F’dan ir-rigward, il-fatt li r-rimmijiet mixtrija b’mod indipendenti mill-vettura jistgħu, fil-prattika, jintużaw prinċiparjament għal finijiet ta’ ċertifikazzjoni u ma ta’ tiswija ma jistax, fih innifsu, jiġġustifika l‑esklużjoni tar-rimmijiet mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id‑dispożizzjoni.

102. Fit-tieni lok, l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 jispjega li t-tiswija għandha ssir bil-għan li tagħti l-prodott kumpless id‑dehra oriġinali tiegħu.

103. Nirrileva li dan ir-rekwiżit ikopri d-dehra tal-prodott kumpless, u mhux dik tal-parti komponenti. Għalhekk, dan ir-rekwiżit jippresupponi li t-tibdil tal-parti komponenti difettuża jista’ jaffettwa d-dehra tal‑prodott kumpless. Fi kliem ieħor, il-parti komponenti għandu jkollha effett fuq id-dehra tal-prodott kumpless.

104. Nikkunsidra li parti komponenti msemmija fl-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 neċessarjament ikollha effett fuq id-dehra tal-prodott kumpless, minħabba l-interazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mal-Artikolu 4(2) ta’ dan ir-regolament (31). Fil-fatt, u kif spjegajt iktar qabel, huma biss il-partijiet komponenti li jibqgħu viżibbli waqt l-użu normali tal-prodott kumpless li jistgħu jibbenefikaw mill-protezzjoni bis‑saħħa ta’ disinn Komunitarju u, għalhekk, ikunu koperti mill-klawżola ta’ tiswija. Issa, parti komponenti li tibqa’ viżibbli neċessarjament ikollha effett fuq id-dehra tal-prodott kumpless, bħal pèreżempju b’mod partikolari rimmijiet ta’ vettura.

105. Madankollu, sabiex tibbenefika mill-imsemmija deroga, jeħtieġ li t-tiswija ssir bil-għan li tagħti lill-prodott kumpless id-dehra oriġinali tiegħu. Fl-opinjoni tiegħi, dan ir-rekwiżit jimplika li l-parti ta’ bdil ikollha dehra identika għal dik tal-parti oriġinarjament inkorporata fil‑prodott kumpless.

106. Barra minn hekk, il-kunċett ta’ “dehra” għandu, fl-opinjoni tiegħi, jiġi interpretat fid-dawl tad-definizzjoni ta’ “disinn” stabbilita fl‑Artikolu 3(a) tar-Regolament Nru 6/2002, b’tali mod li jkopri, b’mod partikolari, id-dehra mogħtija bil-karatteristiċi ta’ linji, ta’ konfigurazzjoni, ta’ kuluri, tal-għamla, tan-nisġa u/jew ta’ materjali tal‑prodott innifsu u/jew tal-ornamenti tiegħu.

107. Fil-kuntest tal-kawżi prinċipali, dan ir-rekwiżit jimplika li d-dehra tar-rimm użat għal finijiet ta’ tiswija hija identika għal dik ta’ rimm oriġinarjament inkorporat fil-vettura, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda karatteristiċi ta’ linji, ta’ konfigurazzjoni, ta’ kuluri, tal-għamla, tan-nisġa u/jew ta’ materjali tar-rimm u/jew tal-ornamenti tiegħu.

108. F’dan ir-rigward, nispjega li l-fatt li titqiegħed trade mark miżmuma minn produttur terz – bħat-trade mark WSP Italy imqiegħda minn Acacia fuq ir-rimmijiet li hija tipproduċi (32) – ma għandux jimplika li d-dehra tal-parti ta’ bdil hija differenti minn dik tal-part oriġinali li fuqha kienet mqiegħda trade mark miżmuma mill-proprjetarji ta’ disinni Komunitarji – bħal Audi jew Porsche. Fil-fatt, jekk dan huwa l-każ, id‑drittijiet esklużivi miżmuma mill-proprjetarji bis-saħħa tal-protezzjoni tat-trade marks jippermettulhom ixejnu l-portata tal‑Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002 (33).

109. Audi u l-Gvern Ġermaniż issuġġerew ukoll sabiex l-kundizzjoni rigward il-bidla fid-dehra orġinali tal-prodott kumpless tiġi interpretata fis-sens li timplika neċessarjament li l-forma tal-parti komponenti tkun imposta mid-dehra tal-prodott kumpless. Huwa biżżejjed li nerġa’ nirrileva, f’dan ir-rigward, li b’dan il-mod, dawn il-partijiet jistiednu lill‑Qorti tal-Ġustizzja sabiex terġa’ tintroduċi rekwiżit li ġie espressament miċħud mil-leġiżlatur tal-Unjoni (34).

110. Bħala konklużjoni, sabiex tibbenefika mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-parti komponenti għandha tintuża “bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless”, li teskludi kull użu għal raġunijiet ta’ ċertifikazzjoni jew sempliċi konvenjenza, u “li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”, li jfisser li l‑parti ta’ bdil ikollha dehra identika għal dik tal-parti oriġinarjament inkorporata mal-prodott kumpless.

D.      Fuq il-miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu minn produttur jew minn bejjiegħ ta’ partijiet komponenti ta’ prodott kumpless fir-rigward tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (it-tielet domanda filKawża C-397/16 u t-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C-435/16)

111. It-tielet domanda fil-Kawża C-397/16 u t-tielet u r-raba’ domandi fil-Kawża C-435/16 jirrigwardaw il-miżuri ta’ prekawzjoni li għandhom jittieħdu minn produttur jew bejjiegħ ta’ partijiet ta’ bdil, li jixtieq jipprevalixxi ruħu mill-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002, sabiex jiżgura li dawn il-partijiet komponenti huma użati bl-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ użu imposti minn din id-dispożizzjoni (35).

112. Sabiex infakkar, dawn il-kundizzjonijiet jikkonċernaw l-użu tal‑parti komponenti bil-għan li jippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu (36).

113. Nikkonstata li l-kliem tal-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jirrigwardax espliċitament il-miżuri ta’ prekawzjoni li jistgħu jintalbu lil produttur jew bejjiegħ ta’ partijiet komponenti fir‑rigward tal-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet ta’ użu. Għaldaqstant hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpreta din id‑dispożizzjoni sabiex tistabbilixxi l-portata tal-miżuri li jistgħu jintalbu lilhom meta jixtiequ jużaw il-klawżola ta’ tiswija sabiex itellfu d-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju.

114. F’dan ir-rigward, ma jidhirlix li huwa possibbli, kuntrarjament għad-dikjarazzjonijiet ta’ Audi, ta’ Porsche u tal-Gvern Ġermaniż, li tingħata interpretazzjoni restrittiva tal-klawżola ta’ tiswija, u dan għar‑raġunijiet segwenti.

115. Minn naħa waħda, u minkejja l-kliem tagħha, din il-klawżola ma hijiex dispożizzjoni tranżitorja fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal‑Ġustizzja, jiġifieri dispożizzjoni li l-applikazzjoni tagħha hija limitata ratione temporis bil-għan li tiffaċilita t-tranżizzjoni lejn skema definittiva (37). Huwa veru, skont il-kliem tagħha, l-imsemmija klawżola tapplika “[s]aż-żmien li l-emendi għal dan ir-Regolament jidħlu fi-seħħ fuq proposta mill-Kummissjoni dwar dan is-suġġett”. Madankollu, din il‑formula hija valida għad-dispożizzjonijiet l-oħra kollha tar‑regolament, li japplikaw, skont in-natura tagħhom, sal-emendi tagħhom fuq proposta tal-Kummissjoni.

116. Fil-verità, u kif enfasizzat il-Kummissjoni, il-klawżola ta’ tiswija, li daħlet fis-seħħ b’effett mis-6 ta’ Marzu 2002 bis-saħħa tal‑Artikolu 111(1) ta’ dan ir-regoalment, tista’ tapplika għal perijodu indeterminat.

117. Minn naħa l-oħra, il-klawżola ta’ tiswija ma tikkostitwixxix deroga għal prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, li tista’ tiġġustifika wkoll interpretazzjoni restrittiva, iżda iktar dispożizzjoni li tikkontribwixxi għaż-żamma tal-ekwilibriju bejn interessi leġittimi kontradittorji, jiġifieri dawk tal-proprjetarji u dawk ta’ terzi, fil-qafas tal‑protezzjoni tad-disinni.

118. Kif spjegajt iktar ’il quddiem (38), il-klawżola ta’ tiswija twassal għal liberalizzazzjoni estensiva tal-partijiet ta’ bdil filwaqt li ttellef lill-proprjetarju milli jsostni d-drittijiet esklużivi tiegħu waqt l-użu ta’ kwalunkwe parti ta’ bdil li tinkorpora disinn li tiegħu huwa proprjetarju, u dan matul il-perijodu kollu ta’ użu tal-prodott kumpless. Filwaqt li tistabbilixxi eċċezzjoni għall-protezzjoni bis-saħħa tad-disinn Komunitarju, din il-klawżola tikkontribwixxi għall-ekwilibriju bejn id‑drittijiet esklużivi ta’ proprjetarji u d-drittijiet ta’ persuni terzi, billi tippermetti li dawn tal-aħħar jużaw id-disinni tal-ewwel għall-finijiet ta’ tiswija ta’ prodott kumpless.

119. Konsegwentement, l-interpretazzjoni ta’ din il-klawżola għandha tippreżerva l-effett utili tal-liberalizzazzjoni estensiva mixtieqa mil‑leġiżlatur tal-Unjoni fir-rigward ta’ partijiet ta’ bdil.

120. Huwa fid-dawl ta’ dawn il-punti li għandha tiġi stabbilita l-portata tal-miżuri ta’ prekawzjoni li jistgħu jintalbu minn produttur jew minn bejjiegħ ta’ partijiet komponenti. Id-diffikultà ċentrali ta’ dan l‑eżerċizzju qegħda fil-fatt li l-intervent tal-produttur jew tal-bejjiegħ jinsab upstream mill-att ta’ tiswija li jista’ jaqa’ taħt l-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Fi kliem ieħor, dawn il-miżuri ta’ prekawzjoni jikkonċernaw il-kundizzjonijiet li fihom parti komponenti tista’ tintuża fil-futur u, iktar spiss, minn persuni terzi.

121. F’dan ir-rigward, ġew issuġġeriti tliet approċċi lill-Qorti tal‑Ġustizzja, ibbażati rispettivament fuq obbligi ta’ garanzija, ta’ dikjarazzjoni u ta’ diliġenza. Dan l-aħħar approċċ, li jidhirli li huwa l-iktar li jippreżerva l-effett utli tal-klawżola ta’ tiswija, huwa l‑preferut tiegħi.

122. L-ewwel approċċ, ibbażat fuq obbligu ta’ garanzija, jikkonsisti f’li produttur u bejjiegħ jintalbu jiżguraw li l-partijiet ta’ bdil li jipproduċu jew ibiegħu jintużaw “bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless hekk li tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”. Fl-opinjoni tiegħi, tali obbligu ta’ garanzija jnaqqas b’mod eċċessiv l-effett utli tal‑Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002.

123. Minn naħa waħda, tali obbligu ta’ garanzija jobbliga lill-produttur u lill-bejjiegħ sabiex joffru partijiet ta’ bdil biss meta jista’ jkollhom iċ‑ċertezza, minn qabel, li dawn ser jintużaw fil-kundizzjonijiet imsemmija iktar qabel.

124. F’dan l-argument, Audi pproponiet li tobbliga lill-produtturi ta’ replika ta’ rimmijiet sabiex iqassmu l-prodotti tagħhom lil mekkaniks biss u li għandhom jiżguraw li dawn il-mekkaniks jużawhom b’mod esklużiv għal finijiet ta’ tiswija. Porsche issuġġeriet li jiġi pprojbit il-bejgħ ta’ replika ta’ rimmijiet bejn il-produtturi u l-bejjiegħa peress li tali bejgħ jista’ jkollu kwantitajiet kbar wisq sabiex tiġi vverifikata l-osservanza tad-dispożizzjoni ċċitata iktar ’il fuq. Jiena nżid, li l-iktar l-iktar, jista’ jkun possibbli li prodottur ma jkunx awtorizzat jipproduċi replika ta’ rimm ħlief f’każ ta’ neċessità ta’ tiswija li tiġi stabbilita.

125. Madankollu, tali restrizzjonijiet għall-attivitajiet kummerċjali ta’ produtturi u ta’ bejjiegħa ta’ partijiet komponenti jkollhom l-effett li jillimitaw l-aċċess tagħhom għas-suq tal-partijiet ta’ bdil, b’kontradizzjoni mal-għan ta’ liberalizzazzjoni segwit mill‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Qabel xejn, il-proposta ta’ Audi, tinjora l-possibbiltà ta’ tiswija li ma ssirx minn mekkanik, b’mod partikolari mill-utenti finali nnifsu. Imbagħad, il-proposta ta’ Porsche teskludi r-replika ta’ rimmijiet mill-katalogi tal-bejjiegħa, li jirrapreżentaw sezzjoni kummerċjali sinjifikattiva. Finalment, il‑produzzjoni ta’ replika ta’ rimmijiet f’każ ta’ neċessità ta’ tiswija twassal għat-telf ta’ ekonomiji ta’ skala għall-produtturi kif ukoll dewmien fid-disponibbiltà ta’ dawn ir-rimmijiet, bi profitt għar-rimmijiet oriġinali mibjugħa mill-proprjetarji tad-disinn.

126. Minn naħa l-oħra, tali obbligu ta’ garanzija jagħmel lill-produttur u lill-bejjiegħ responsabbli mill-aġir tal-atturi kollha li jintervjenu downstream fil-katina ta’ distribuzzjoni, u dan sal-utent finali. B’hekk, il-produttur u l-bejjiegħ jistgħu jinżammu responsabbli għall-użu mill-utent finali ta’ replika ta’ rimmijiet għal raġunijiet ta’ ċertifikazzjoni. F’dan ir‑rigward, Acacia u l-Kummissjoni sostnew, b’mod korrett, li jkun sproporzjonat li produttur jew bejjiegħ ta’ partijiet komponenti jintalbu jimplementaw sistema ta’ sorveljanza tal-attivitajiet kemm ta’ operaturi kummerċjali li jinsabu downstream kif ukoll ta’ utenti finali.

127. Inżid li dejjem huwa possibbli għall-proprjetarju, jekk jikkunsidra li l-kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti bl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 ma ġewx issodisfatti, li jsostni d-drittijiet tiegħu kontra l‑utent ikkonċernat.

128. Għal dawn ir-raġunijiet, nikkunsidra li produttur u bejjiegħ ma jistgħux jintalbu jiżguraw li r-replika tal-partijiet komponenti li huma jipproduċu u jbigħu ser jintużaw skont il-kundizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq.

129. It-tieni approċċ issuġġeriet lill-Qorti tal-Ġustizzja hu li jiġi impost fuq il-produttur u l-bejjiegħ ta’ partijiet komponenti l-obbligu li jiġbor dikjarazzjoni mingħand l-akkwirent fis-sens li mhux ser juża l-parti komponenti għal finijiet differenti minn dik prevista fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002 (39).

130. Jidhirli li tali approċċ huwa riġidu wisq inkwantu jipprekludi lill‑produttur jew lill-bejjiegħ milli jużaw miżuri ta’ prekawzjoni oħra li jistgħu jkunu adegwati fil-kuntest tal-attivitajiet tagħhom. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm dubju dwar l-effikaċja ta’ dan l-approċċ. Fil-fatt, huwa għal kollox possibbli li produttur jew bejjiegħ jiġbor formalment din id-dikjarazzjoni filwaqt li jkun jaf li l-akkwirent mhux ser juża l-parti komponenti skont il-kundizzjonijiet prevista f’din id-dispożizzjoni.

131. It-tielet approċċ, imsemmi mill-Gvern Taljan u mill-Kummissjoni, huwa bbażat fuq obbligu ta’ diliġenza dwar l-osservanza, mill-utenti li jinsabu downstream, tal-kundizzjonijiet ta’ użu previsti fl‑Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-approċċ, li fl‑opinjoni tiegħi huwa l-iktar adattat sabiex jippreżerva l-effett utli tal‑liberalizzazzjoni estensiva tas-suq tal-partijiet ta’ bdil deċiż mil‑leġiżlatur tal-Unjoni, huwa l-preferut tiegħi. Madankollu għandu jiġi spjegat dak li tali obligu jimplika fil-prattika.

132. Fl-opinjoni tiegħi, il-produttur jew il-bejjiegħ diliġenti għandu jinforma lill-akkwirent dwar il-fatt li l-parti kkonċernata tinkorpora disinn li ma huwiex proprjetà tiegħu, minn naħa waħda, u li din il-parti hija intiża esklużivament sabiex tintuża bil-għan li tippermetti t-tiswija tal-prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu, min-naħa l-oħra.

133. F’dan ir-rigward, nenfasizza li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l‑opportunità li tiddeċiedi li l-Artikolu 14 tad-Direttiva 98/71 u l‑Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jawtorizzawx, b’deroga mid-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni dwar id-dritt tat-trade marks, produttur ta’ partijiet komponenti separati li jqiegħed trade mark irreġistrata minn produttur awtomobilistiku mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar (40). Konsegwentement, produttur terz – bħal Acacia – ma jistax joħloq konfużjoni bejn ir-replika tal-partijiet komponenti tiegħu u l‑partijiet komponenti oriġinali prodotti mill-proprjetarju – bħal Audi jew Porsche – billi jqiegħed trade mark li dan tal-aħħar għandu.

134. Barra minn hekk, il-produttur jew il-bejjiegħ għandu jkollhom il‑possibbiltà li jistabbilixxu li jkunu wettqu dan l-obbligu ta’ informazzjoni billi jużaw kull tip ta’ prova prevista fid-dritt nazzjonali. Tali prova tista’ b’mod partikolari, iżda mhux b’mod esklużiv, tieħu l‑forma ta’ dikjarazzjoni ffirmata mill-akkwirent bħal dik prevista fil‑kuntest tat-tieni approċċ, jew dik ta’ klawżola inserita fil-kuntratt ta’ bejgħ.

135. Madankollu, dan l-obbligu ta’ informazzjoni ma huwiex biżżejjed sabiex jissodisfa l-obbligu ta’ diliġenza. Fil-fatt, il-produttur jew il‑bejjiegħ diliġenti ma għandux ibigħ parti komponenti jekk ikun jaf jew għandu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf li din il-parti komponenti mhux ser tintuża skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002.

136. Nenfasizza li kemm il-Qorti tal-Ġustizzja (41) kif ukoll il-leġiżlatur tal-Unjoni (42) użaw kundizzjonijiet analogi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali.

137. Sabiex nikkonkludi, jiena nikkunsidra, li sabiex tintuża l-klawżola ta’ tiswija, il-produttur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jissodisfa l-obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal‑osservanza mill-utenti downstream tal-kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar-Regolament Nru 6/2002. Dan l-obbligu ta’ diliġenza jimplika li, minn naħa waħda, huwa jinforma lill-akkwirent bil-fatt li l-parti komponenti kkonċernata tinkorpora disinn li ma huwiex proprjetà tiegħu u li hija intiża esklużivament sabiex tintuża skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u, min-naħa l-oħra, li huwa jitlef d-dritt li jużaha jekk kien jaf jew kellu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf li l-parti komponenti ma kinitx ser tintuża skont dawn il-kundizzjonijiet.

VI.    Konklużjoni

138. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari tal-Corte d’appello di Milano (qorti tal-appell ta’ Milan, l-Italja) u tal‑Bundesgerichtshof (qorti federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja):

1)      L-Artikolu 110(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 6/2002 tat‑12 ta’ Diċembru 2001 dwar id-disinji Komunitarji għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “parti komponenti ta’ prodott ikkumplikat” ma huwiex limitat għal partijiet komponenti li l-forma tagħhom hija imposta mid-dehra tal-prodott kumpless iżda jkopri kull prodott inkorporat fi prodott ieħor, b’dan tal-aħħar ikun ikklassifkat bħala “prodott kumpless”, li jista’ jiġi żarmat u mibdul, li huwa meħtieġ għal użu normali tal-prodott kumpless u li jibqa’ jidher waqt l-użu normali ta’ dan il-prodott kumpless.

2)      Sabiex tibbenefika mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002, il-parti komponenti għandha tintuża “bl-għan tat-tiswija ta’ dan il-prodott kompless”, li jeskludi kwalunkwe użu għal raġunijiet ta’ ċertifikazzjoni jew sempliċi konvenjenza, u biex “tiġi rrestawrata d-dehra oriġinali tiegħu”, li jimplika li l-parti ta’ bdil ikollha dehra identika għal dik tal-parti komponenti oriġinarjament inkoporata fil-prodott kumpless.

3)      Sabiex juża din l-eċċezzjoni, il-produttur jew il-bejjiegħ ta’ parti komponenti ta’ prodott kumpless għandu jissodisfa obbligu ta’ diliġenza fir-rigward tal-osservanza mill-utenti downstream tal‑kundizzjonijiet ta’ użu stabbiliti fl-Artikolu 110(1) tar‑Regolament Nru 6/2002. Dan l-obbligu ta’ diliġenza jimplika, minn naħa waħda, li jinforma lill-akkwirent bil-fatt li l-parti komponenti kkonċernata tinkorpora disinn li ma huwiex proprjetà tiegħu u li din il-parti hija intiża esklużivament sabiex tintuża skont il‑kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-dispożizzjoni u, min-naħa l‑oħra, li huwa jitlef d‑dritt li jużaha jekk kien jaf jew kellu raġunijiet raġonevoli li jkun jaf li l-parti komponenti ma kinitx ser tintuża skont dawn il‑kundizzjonijiet.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 27, p. 142.


3      Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 1998, dwar il-protezzjoni legali ta’ disinji (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 21, p. 120).


4      Ara l-punti 92 u 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


5      Ara l-punti 97 sa 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


6      Proposta ta’ regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji [COM(93) 342 finalip. 24 u 25].


7      Il-prinċipju ta’ eżawriment tad-drittijiet esklużivi tal-proprjetarju huwa wkoll wieħed mill-pedamenti tal-protezzjoni offruta bis-saħħa tal-privattivi, tad-drittijiet tal-awtur jew tat-trade marks. Ara b’mod partikolari l-Artikolu 29 tal-Ftehim dwar Qorti Unifikata tal-Privattivi (ĠU 2013, C 175, p. 1); l-Artikolu 4(2) tad‑Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis‑soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230), u l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) 2017/1001 tal‑Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar it-trademark tal‑Unjoni Ewropea (ĠU 2017, L 154, p. 1).


8      Ara l-punti 71 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


9      Skont Porsche, id-deċiżjonijiet segwenti eskludew ir-rimmijiet ta’ vettura mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija: sentenza tal-qorti tal-kummerċ ta’ Brussell (Il-Belġju) tas-16 ta’ Frar 2015, A/12/05787; sentenza tal-Højesteret (qorti suprema, Id-Danimarka) tal-10 ta’ Marzu 2015, 17/2010; Landgericht Hamburg (qorti reġjoniali ta’ Hamburg, Il-Ġermanja), GRUR-RS 2015, p. 16872; Landgericht Düsseldorf (tribunal reġjonali ta’ Düsseldorf, Il-Ġermanja), sentenza tal-Audiencia Provincial de Alicante (qorti provinċjali ta’ Alicante, Spanja), tat-18 ta’ Ġunju 2010, 437/10; sentenza tat-Tribunale di Bologna (qorti ta’ Bologna, L-Italja) tas-17 ta’ Diċembru 2013, 4306/2011; sentenza tat-Tribunale di Milano (qorti ta’ Milan, L-Italja) tas-27 ta’ Novembru 2014, 3801/2013; sentenza tat-Tribunal ta’ Helsinki (Finlandja) Nru 15/149362, tad-19 ta’ Novembru 2015, numru tal-kawża R14/5257; sentenza tas-Svea hovrätt (qorti tal-appell bis-sede tagħha fi Stockholm, L-Isvezja) tad-29 ta’ Jannar 2016, numru tal-kawża Ö 8596-17..


10      Skont Acacia, id-deċiżjonijiet segwenti inkludew ir-rimmijiet ta’ vettura fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-klawżola ta’ tiswija: Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli, L-Italja), tal-11 ta’ Novembru 2009, RG 35034/079; Tribunale di La Spezia (qorti ta’ la Spezia, L-Italja), 21 ta’ Settembru 2010, Nru 66/10/18; Tribunale di La Spezia (qorti ta’ la Spezia), 29 ta’ Settembru 2010, Proc. 75/2010 mod.18; Tribunale di Napoli (qorti ta’ Napoli), 11 ta’ Frar 2011, Nru 5001/2011; Tribunale di Milano (tribunal ta’ Milan), 11 ta’ Ġunju 2012, RG 24209/12; Tribunale di Milano (tribunal ta’ Milan), 11 ta’ Ottubru 2012, RG 46317/12; Corte d’appello di Napoli (qorti tal-appell ta’ Napoli, L-Italja), 25 ta’ Settembru 2013, n°3678/2013.


11      Ara l-punti 16 u 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


12      Proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 1994, C 29, p. 20).


13      Proposta għal direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni (ĠU 1993, C 345, p. 14).


14      “Artikolu 23 – Użu ta’ disinn Komunitarju rreġistrat għall-finijiet ta’ tiswija


      Id-drittijiet mogħtija b’disinn Komunitarju rreġistrat ma għandhomx effett kontra terz li, tallinqas tliet snin wara d-data tal-ewwel tqegħid fis-suq ta’ prodott li fih ikun inkorporat id‑disinn jew li jiġi applikat għalih, juża dan id-disinn skont l‑Artikolu 21 bil-kundizzjoni li


      a) il-prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat għalih huwa parti minn prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett,


      b) dan l-użu għandu bħala għan it-tiswija tal-prodott kumpless b’mod li jagħti lura d-dehra oriġinali tiegħu u


      c) il-pubbliku ma jitqarraqx dwar l-oriġini tal-prodott użat għat-tiswija.” (korsiv miżjud minni). [traduzzjoni mhux uffiċjali]


15      “Artikolu 14 – Dispożizzjoni tranżitorja


      Sad-data tal-adozzjoni tal-emendi magħmula għal din id-direttiva, fuq proposta tal‑Kummissjoni, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 18, l-Istati Membri jżommu fis-seħħ id-dispożizzjonijiet legali eżistenti tagħhom dwar l-użu ta’ disinn ta’ parti komponenti użata bil-għan li tippermetti t-tiswija ta’ prodott kumpless sabiex jingħata d-dehra oriġinali tiegħu u ma jdaħħlux emendi għal dawn id‑dispożizzjonijiet ħlief jekk l-għan huwa sabiex jiġi liberalizzat is-suq ta’ dawn il‑partijiet komponenti.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]


16      Proposta emendata għal regolament (KE) tal-Kunsill dwar id-disinni Komunitarji (ĠU 2000, C 248 E, p. 3).


17      “Artikolu 10a – Dispożizzjoni tranżitorja


      1. Sad-data tal-adozzjoni tal-emendi li saru għal dan ir-regolament, fuq proposta tal-Kummissjoni dwar dan is-suġġett, disinn applikat għal prodott jew inkorporat fi prodott li jikkostitwixxi part minn prodott kumpless li fuq id-dehra tiegħu jiddependi d-disinn protett ma jistaxjiġi rreġistrat bis-saħħa ta’ disinn Komunitarju.


      2. Il-proposta tal-Kummissjoni, imsemmija fil-paragrafu 1, ser tiġi ppreżentata fl-istess ħin bħall-bidliet li l-Kummissjoni ser tissottometti fuq l-istess suġġett skont l-Artikolu 18 tad-Direttiva [98/71] dwar il-protezzjoni legali ta’ disinni u tieħu inkunsiderazzjoni dawn il-bidliet.”(korsiv miżjud minni)


18      Ara r-rapport tal-Presidenza lill-Kumitat tar-rappreżentanti permanenti (Coreper), Nru 12420/2000, tad-19 ta’ Ottubru 2000, punt 6, disponibbli fis-segwenti indirizz: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-12420-2000-INIT/fr/pdf, li jindika li “[i]l-maġġoranza kbira tad-delegazzjonijiet talbu sabiex ir‑redazzjoni tal-Artikolu 10a u tal-premessa 13 tiġi tixbah lil dik tal-Artikolu 14 tad‑Direttiva, peress li l-kliem propost mill-Kummissjoni kien tali li jeskludi iktar parts mill-protezzjoni minn dawk li huma msemmija fl-Artikolu 14 tad-Direttiva”. Ara wkoll ir-rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru 8107/00, tal-5 ta’ Mejju 2000, p.2, disponibbli fuq is-segwenti indirizz http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-8107-2000-INIT/fr/pdf.


19      Rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru 12420/2000, tad-19 ta’ Ottubru 2000, punt 9.


20      Rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru°12420/2000, tad-19 ta’ Ottubru 2000, p. 9 sa 11.


21      Nota tal-Presidenza lill-grupp “Proprjetà intelletwali” (Disinni), Nru 12811/2000, tas‑27 ta’ Ottubru 2000, p. 1 u 2.


22      Ara l-punt 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


23      Rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru 12420/2000, tad-19 ta’ Ottubru 2000, p. 11.


24      Ara l-punti 60 u 61 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara n-nota tal-Presidenza lill-grupp “Proprjetà intelletwali (Disinni), Nru 12811/2000, tas-27 ta’ Ottubru 2000, p. 2.


25      Ara b’mod partikolari rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru 13103/2000, tad-9 ta’ Novembru 2000, p. 6 u 9 disponibbli fl-indirizz segwenti: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13103-2000-INIT/fr/pdf; rapport tal-Presidenza lill-Coreper Nru 13641/2000, tal‑21 ta’ Novembru 2000, p. 4 u 6, disponibbli fl-indirizz segwenti: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13641-2000-INIT/fr/pdf,; rapport tal-Presidenza lill-Kunsill (Suq intern, konsumaturi u turiżmu), Nru°13749/2000, tal-24 ta’ Novembru 2000, p. 7, disponibbli fl-indirizz segwenti: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-13749-2000-INIT/fr/pdf.


26      Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18.


27      Ara l-punt 57 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


28      Ara b’mod partikolari s-sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Nokia, (C-316/05, EU:C:2006:789, punt 21), li kienet tikkonċerna l-interpretazzjoni tat-termini “raġunijiet speċjali” li jinsabu fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 98(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146).


29      Ara l-punt 49 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


30      Infakkar, f’dan ir-rigward, li r-rekwiżit ta’ tiswija ta’ prodott kumpless jimplika li l-parti komponenti tkun neċessarja għal użu normali ta’ dan il-prodott. Ara l-punt 89 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


31      Ara l-punt 91 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


32      Ara l-punti 13 u 19 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


33      Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità li tiddeċiedi li l-Artikolu 110 tar-Regolament Nru 6/2002 ma jawtorizzax produttur ta’ partijiet isseparati, bħal Acacia, sabiex iqiegħed trade mark reġistrata minn produttur awtomobilistiku mingħajr il-kunsens ta’ dan tal-aħħar. Ara l-punt 133 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


34      Ara l-punti 48 sa 83 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


35      Fir-rigward tad-definizzjoni wiesgħa tal-kunċett ta’ “użu” stabbilit fl-Artikolu 19(1) tar-Regolament Nru 6/2002, il-produzzjoni jew il-bejgħ ta’ prodott li fih ikun inkorporat id-disinn jew li jiġi applikat għalih, kif ukoll il-ħażna tal-prodott għal dawn il-finijiet, mingħajr il-kunsens tal-proprjetarju, jikkawża preġudizzju għad‑drittijiet esklużivi ta’ dan tal-aħħar.


36      Nispjega, f’dan ir-rigward, li l-osservanza tal-ewwel waħda mill-kundizzjonijiet eżaminati fit-taqsima preċedenti, fir-rigward tal-eżistenza ta’ parti ta’ prodott kumpless, ma tiddependix minn l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ prekawzjoni min-naħa tal‑produttur jew tal-bejjiegħ, iżda biss mill-karatteristiċi oġġettivi tal-prodott inkwistjoni msemmija fil-punt 92 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


37      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat tali klawżoli tranżitorji b’mod partikolari fis‑sentenzi tat-23 ta’ Marzu 1983, Peskeloglou (77/82, EU:C:1983:92, punti 11 u 12); tal-5 ta’ Diċembru 1996, Merck u Beecham (C-267/95 u C-268/95, EU:C:1996:468, punti 23 u 24), u tat-12 ta’ Ġunju 2008, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall (C-462/05, EU:C:2008:337, punti 53 u 54).


38      Ara l-punti 43 sa 47 u 71 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


39      Dan l-approċċ huwa b’mod partikolari msemmi fir-raba’ domanda magħmula fil‑Kawża C‑435/16.


40      Digriet tas-6 ta’ Ottubru 2015, Ford Motor Company (C-500/14, EU:C:2015:680).


41      Ara b’mod partikolari, f’kuntest ieħor, is-sentenza tat-8 ta’ Settembru 2016, GS Media (C-160/15, EU:C:2016:644). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-fatt li tpoġġi fuq sit tal-internet hyperlinks li jagħtu aċċess għal xogħlijiet protetti, li huma liberament aċċessibbli fuq sit tal-internet ieħor, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-proprjetarju tad-dritt tal-awtur, ma jikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 meta dawn il-links ingħataw mingħajr skop ta’ lukru minn persuna li ma kinitx taf jew ma setgħetx raġonevolment tkun taf bin-natura illegali tal-pubblikazzjoni ta’ dawn ix-xogħlijiet. Anki jekk din is-sentenza ma hijiex direttament transponibbli għal dawn il-kawżi, nirrileva li l‑Qorti tal-Ġustizzja użat kriterju analogu għal dak li nissuġġerixxi.


42      Ara l-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2004/48/KE tal-Parlament u tal-Kunsill tad‑29 ta’ April 2004 fuq l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 2, p. 32), li jindika li “[l]-Istati Membri għandhom jassiguraw li l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, fuq l-applikazzjoni tal-parti li sarulha d-danni, jordnaw lill-kontravventur li kien jaf jew b’raġunijiet validi li suppost kien jaf, daħal f’attività li tikkontravjeni, biex iħallas id-danni lill-proprjetarju tad-dritt skond il-preġudizzju attwali soffert minnu/minnha riżultat tal‑kontravvenzjoni.” (korsiv miżjud minni). Ara wkoll l-Artikolu 4(4) tad‑Direttiva (UE) 2016/943 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni ta’ konoxxenza u ta’ informazzjoni kummerċjali kunfidenzjali (sigrieti kummerċjali) kontra l-ksib, l-użu u l-iżvelar illegali tagħhom (ĠU 2016, L 157, p. 1), li jsemmi li “[i]l-ksib, l-użu jew l-iżvelar ta’ sigriet kummerċjali għandu wkoll jitqies bħala illegali kull meta persuna, waqt il-ksib, l‑użu jew l-iżvelar, kienet taf jew fiċ-ċirkostanzi kellha tkun taf li s-sigriet kummerċjali kien inkiseb direttament jew indirettament minn persuna oħra li kienet qed tuża jew tiżvela sigriet kummerċjali b’mod illegali fit-tifsira tal-paragrafu 3”(korsiv miżjud minni).