Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-tribunal judiciaire - Bobigny (Franza) fit-30 ta’ Ġunju 2020 – BNP Paribas Personal Finance SA vs ZD

(Kawża C-288/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Qorti tar-rinviju

Tribunal Judiciaire - Bobigny

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: BNP Paribas Personal Finance SA

Konvenut: ZD

Domandi preliminari

Klawżoli bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprevedu b’mod partikolari li l-frank Svizzeru hija l-munita tal-kont u li l-euro hija l-munita tal-ħlas, li għandhom l-effett li jitfgħu r-riskju tal-kambju fuq min jissellef, jaqgħu taħt il-kwistjoni prinċipali tal-kuntratt fis-sens tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 93/13 1 fl-assenza ta’ kontestazzjoni tal-ammont tal-ispejjeż tal-kambju u fil-preżenza ta’ klawżoli li jipprevedu, f’dati fissi, il-possibbiltà għal min jissellef li jeżerċita għażla ta’ konverżjoni f’euros skont formola ddeterminata minn qabel?

Id-Direttiva Nru 93/13, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju, tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola jew sett ta’ klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma “ċari u li jinftiehmu” fis-sens tad-direttiva, minħabba li:

l-offerta qabel is-self tispeċifika t-tranżazzjonijiet ta’ kambju mwettqa matul l-eżistenza tal-kreditu u tippreċiża li r-rata tal-kambju tal-euro kontra l-frank Svizzeru ser tkun dik applikabbli jumejn tax-xogħol qabel id-data tal-avveniment li jiddetermina t-tranżazzjoni u li huwa ppubblikat fis-sit tal-Bank Ċentrali Ewropew?

fl-offerta jissemma li min jissellef jaċċetta t-tranżazzjonijiet ta’ kambju ta’ franki Svizzeri f’euros u ta’ euros fi franki Svizzeri neċessarji għall-funzjonament u għar-rimbors tal-kreditu, u li min isellef ser jaħdem il-konverżjoni fi franki Svizzeri tal-bilanċ tal-pagamenti mensili f’euros wara l-ħlas tal-imposti relatati mal-kreditu;

l-offerta tindika li, jekk mit-tranżazzjoni ta’ kambju tirriżulta somma inqas fit-tmiem fi franki Svizzeri pagabbli, l-ammortizzament tal-kapital ikun inqas rapidu u l-eventwali parti tal-kapital mhux ammortizzat abbażi ta’ perijodu ta’ ħlas lura ser titniżżel fil-bilanċ tad-debitur tal-kont fi franki Svizzeri, u li huwa ppreċiżat li l-ammortizzament tal-kapital tas-self ser jevolvi skont il-varjazzjonijiet tar-rata tal-kambju applikata għall-pagamenti mensili, ’il fuq jew ’l isfel, li din l-evoluzzjoni tista’ ttawwal jew tnaqqas it-tul tal-amortizzament tas-self u, jekk ikun il-każ, temenda l-imposta totali tar-rimbors?

l-artikoli “kont intern f’euros” u “kont intern fi franki Svizzeri” jispeċifikaw it-tranżazzjonijiet imwettqa għal kull perijodu ta’ pagament għall-kreditu u għad-debitu ta’ kull kont, u l-kuntratt jesponi b’mod trasparenti l-funzjonament konkret tal-mekkaniżmu ta’ konverżjoni tal-munita barranija;

u minkejja li fl-offerta, b’mod partikolari, la jissemma b’mod speċifiku ir-“riskju tal-kambju” li jaqa’ fuq min jissellef fid-dawl tal-assenza ta’ ġbir tad-dħul fil-munita tal-kont, u lanqas ma jissemma b’mod espliċitu r-“riskju tar-rata ta’ interessi”?

Fil-każ ta’ risposta pożittiva għat-tieni domanda, id-Direttiva Nru 93/13, interpretata fid-dawl tal-prinċipju ta’ effettività tad-dritt Komunitarju, tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li tqis li klawżola jew sett ta’ klawżoli, bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, huma “ċari u li jinftiehmu” fis-sens tad-direttiva, meta mal-elementi msemmija fir-raba’ domanda tiżdied biss simulazzjoni ta’ waqgħa ta’ 5.27 % tal-munita tal-ħlas meta mqabbla mal-munita tal-kont, f’kuntratt ta’ tul inizjali ta’ iktar minn 20 sena, u mingħajr ebda riferiment ieħor għat-termini bħal “riskju” jew “diffikultà”?

L-oneru tal-prova tan-natura “ċara u li tinftiehem” ta’ klawżola fis-sens tad-Direttiva 93/13 jaqa’, inkluż dwar iċ-ċirkustanzi madwar il-konklużjoni tal-kuntratt, fuq il-professjonist jew fuq il-konsumatur?

Jekk l-oneru tal-prova tan-natura ċara u li tinftiehem tal-klawżola jaqa’ fuq il-professjonist, id-Direttiva 93/13 tipprekludi ġurisprudenza nazzjonali li, fil-preżenza ta’ dokumenti dwar it-tekniki tal-bejgħ, tqis li huma l-persuni li jissellfu li għandhom jipproduċu l-prova, minn naħa, li huma kienu d-destinatarji tal-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti u, min-naħa l-oħra, li huwa l-bank li bagħthielhom, jew, għall-kuntrarju, teħtieġ li dawn l-elementi jikkostitwixxu preżunzjoni li l-informazzjoni li tinsab f’dawn id-dokumenti ġiet trażmessa, inkluż verbalment, lill-persuni li jissellfu, preżunzjoni sempliċi li huwa l-professjonist, li għandu jkun responsabbli għall-informazzjoni kkomunikata mill-intermedjarji li huwa għażel, li għandu jikkonfuta?

L-eżistenza ta’ żbilanċ sinjifikattiv tista’ tkun ikkaratterizzata f’kuntratt bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali li fih iż-żewġ partijiet jinkorru riskju ta’ kambju, peress li, minn naħa, il-professjonist għandu mezzi superjuri mill-konsumatur sabiex jantiċipa r-riskju tal-kambju u peress li, min-naħa l-oħra, ir-riskju sostnut mill-professjonist huwa suġġett għal limitu massimu filwaqt li dak sostnut mill-konsumatur ma huwiex?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13 KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288)