Language of document : ECLI:EU:C:2011:761

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

22 ta’ Novembru 2011 (*)

“Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol – Direttiva 2003/88/KE – Dritt għal-leave annwali mħallas – Estinzjoni tad-dritt għal-leave annwali mħallas li ma tteħidx minħabba mard fl-iskadenza ta’ terminu previst mil-leġiżlazzjoni nazzjonali”

Fil-Kawża C‑214/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Landesarbeitsgericht Hamm (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-15 ta’ April 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Mejju 2010, fil-proċedura

KHS AG

vs

Winfried Schulte,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, A. Tizzano, J. N. Cunha Rodrigues, K. Lenaerts, J.‑C. Bonichot u U. Lõhmus, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, E. Levits (Relatur), A. Ó Caoimh, L. Bay Larsen u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: V. Trstenjak,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-3 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal KHS AG, minn P. Brasse, avukat,

–        għal W. Schulte, minn H.-J. Teuber, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze, C. Blaschke u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn V. Pasternak Jørgensen u S. Juul Jørgensen, bħala aġenti

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher u M. van Beek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Lulju 2011,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 381).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn KHS AG u W.  Schulte, ex impjegat tagħha, dwar talba ta’ dan tal-aħħar intiża sabiex jibbenefika minn kumpens finanzjarju għal leave annwali mħallas li ma kienx ħa, abbażi tas-snin 2006 sa 2008, minħabba l-konsegwenzi ta’ attakk tal-qalb.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol

3        Skont l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tal-24 ta’ Ġunju 1970, dwar il-leave annwali mħallas (riveduta):

“Il-parti tal-leave annwali mhux interrotta msemmija fl-Artikolu 8(2) ta’ din il-Konvenzjoni għandha tingħata u tittieħed f’terminu ta’ mhux iktar minn ta’ sena, u l-bqija tal-leave annwali mħallas f’terminu ta’ mhux iktar minn tmintax-il xahar li jibda jiddekorri fit-tmiem tas-sena li fiha jibda d-dritt għal-leave.”

4        L-imsemmija Konvenzjoni ġiet iffirmata minn erbatax-il Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, fosthom ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

 Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

5        Skont il premessa 16 tad-Direttiva 2003/88/KE:

“Akkont għandu jittieħed tal-prinċipji ta’ l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) fir-rigward ta’ l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, inklużi dawk relatati max-xogħol ta’ bil-lejl.”

6        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/88:

“Għan u skop

1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi ħtiġiet minimi tas-siġurtà u s-saħħa għall-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol.

2.      Din id-Diretiva tapplika għal:

a)      il-perjodi minimi ta’ […] leave annwali […]

[...]”

7        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Leave annwali

1.      L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jassiguraw li kull ħaddiem ikun intitolat għal-leave annwali bil-ħlas [mħallas] ta’ mill-anqas erba’ ġimgħat b’konformità mal-kondizzjonijiet għall-intitolament għal, u l-għoti ta’, leave bħal dan stabbilit bil-leġislazzjoni nazzjonali u/jew bil-prattika.

2.      Il-perjodu minimu ta’ leave annwali bil-ħlas ma jistax ikun mibdul b’pagament ta’ benefiċċji bħala kumpens, apparti minn meta r-relazzjoni ta’ l-impieg tkun ġiet itterminata.”

8        L-Artikolu 17 tad-Direttiva 2003/88 jipprevedi li l-Istati Membri jistgħu jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva. Ebda deroga ma hija ammessa fir-rigward tal-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9        Il-liġi federali fuq il-leave annwali (Bundesurlaubsgesetz), tat-8 ta’ Jannar 1963, fil-verżjoni tagħha tas-7 ta’ Mejju 2002, (iktar ’il quddiem il-“BUrlG”), tipprovdi, fl-Artikolu 1 tagħha, intitolat “Dritt għal-leave annwali”:

“Kull ħaddiem għandu dritt għal-leave bil-ħlas għal kull sena kalendarja.”

10      L-Artikolu 3 tal-BUrlG, intitolat “Tul tal-leave”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-leave għandu jkun ta’ mill-inqas 24 ġurnata tax-xogħol kull sena.”

11      L-Artikolu 7, intitolat “Iffissar, trasferiment u kumpens għal-leave”, jipprovdi, fil-paragrafi 3 u 4 tiegħu:

“3.      Il-leave għandu jingħata u jittieħed fis-sena kalendarja kurrenti. Trasferiment tal-leave għas-sena kalendarja sussegwenti huwa permess biss jekk dan ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi marbutin mal-impriża jew mal-ħaddiem innifsu. Fil-każ ta’ trasferiment, il-leave għandu jingħata u jittieħed fl-ewwel tliet xhur tas-sena kalendarja sussegwenti.

4.      Jekk, minħabba t-tmiem tar-relazzjoni tax-xogħol, il-leave ma jistax jingħata totalment jew parzjalment, ikun hemm lok li jingħata kumpens.”

12      L-Artikolu 13 tal-BUrlG jipprovdi li ftehim kollettiv jista’ jidderoga minn ċerti dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi, fosthom l-Artikolu 7(3) tagħha, bil-kundizzjoni li tali derogi ma jseħħux bi ħsara għall-ħaddiema.

13      Il-ftehim kollettiv ġenerali unitarju għall-industrija tal-metallurġija u tal-elettronika tan-Nordrhein-Westfalen (Einheitlicher Manteltarifvertrag für die Metall- und Elektroindustrie Nordrhein-Westfalen), tat-18 ta’ Diċembru 2003 (iktar ’il quddiem l-“EMTV”), jistipula, fl-Artikolu 11 tiegħu, intitolat “Prinċipji li jirregolaw l-għoti tal-leave”:

“1) Kull sena, l-impjegati/l-apprendisti għandhom dritt għal leave bil-ħlas (leave annwali) skont il-modalitajiet li ġejjin. Is-sena ta’ referenza hija s-sena kalendarja.

Id-dritt għal-leave jiskadi tliet xhur wara li tagħlaq is-sena kalendarja, ħlief jekk min huwa intitolat għalih ipprova jieħdu imma ma rnexxilux jew jekk ma setax jieħdu għal raġunijiet relatati mal-operat tal-impriża.

Jekk il-leave ma setax jittieħed minħabba mard, id-dritt għal-leave jiskadi tnax-il xahar wara l-iskadenza tal-perijodu msemmi fit-tieni paragrafu iktar ’il fuq.

[...]

3)      Jista’ jingħata kumpens finanzjarju għal-leave li ma tteħidx biss fil-każ li tintemm ir-relazzjoni tax-xogħol/tal-apprendistat.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14      W. Schulte kien impjegat mix-xahar ta’ April 1964 bħala ħaddied li jsewwi s-serraturi fi ħdan KHS AG jew mal-impriża li hija s-suċċessur tagħha. Il-kuntratt tax-xogħol tiegħu kien jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-EMTV. Id-dritt għal leave annwali tieħu ggarantit mill-EMTV kien ta’ 30 ġurnata fis-sena.

15      Fix-xahar ta’ Jannar 2002, W. Schulte kien vittma ta’ attakk tal-qalb li ħallieh b’diżabbiltà serja, u ġie ddikjarat inkapaċi biex jaħdem. Mix-xahar ta’ Ottubru huwa rċieva pensjoni minħabba d-diżabbiltà totali tiegħu. Din is-sitwazzjoni damet sal-31 ta’ Awwissu 2008, id-data li fiha r-relazzjoni ta’ xogħol ta’ W. Schulte spiċċat.

16      Fix-xahar ta’ Marzu 2009, W. Schulte ressaq, quddiem l-Arbeitsgericht Dortmund, talba intiża sabiex jikseb il-ħlas ta’ benefiċċju għal-leave annwali mħallas li ma tteħidx għall-perijodi ta’ referenza li jikkorrispondu għas-snin kalendarji 2006, 2007 u 2008.

17      L-Arbeitsgericht Dortmund laqgħet dan ir-rikos għat-tliet perijodi sa fejn il-kumpens mitlub minn W. Schulte rrigwarda l-leave annwali mħallas minimu ta’ 20 ġurnata fis-sena skont id-dritt tal-Unjoni, li magħhom żdiedu, skont id-dritt Ġermaniż, 5 ġranet fis-sena li għalihom għandu dritt bħala persuna b’diżabbiltà serja.

18      Fl-appell tagħha mid-deċiżjoni mogħtija minn din il-qorti, KHS AG sostniet li d-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ W. Schulte, għas-snin 2006 u 2007 kien spiċċa, minħabba l-iskadenza tal-perijodu li fih kellu jseħħ it-trasferiment tal-leave previst fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-EMTV.

19      Il-Landesarbeitsgericht Hamm tirrileva li, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u dik tal-EMTV, id-dritt għal-leave annwali għas-snin 2007 u 2008 baqa’ jeżisti meta ntemm il-kuntratt ta’ xogħol, u li kien intilef biss id-dritt għal-leave annwali mħallas għas-sena 2006 minħabba l-iskadenza li fih kellu jseħħ it-trtasferiment tal-leave ta’ perijodu ta’ ħmistax-il xahar b’kollox.

20      Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma teskludix li t-telf, bl-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tad-dritt għal-leave annwali mħallas għas-sena 2006 jista’ jmur kontra l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88.

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Landesarbeitsgericht Hamm iddeċiediet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)      L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE […] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni u/jew prattiċi nazzjonali li jipprovdu li d-dritt għal-leave annwali mħallas minimu jiskadi fi tmiem il-perijodu ta’ referenza u/jew tal-perijodu ta’ tkomplija [trasferiment] anki fil-każ fejn il-ħaddiem kien inkapaċi li jwettaq xogħlu matul perijodu twil (f’sitwazzjoni fejn dan il-perijodu twil ta’ inkapaċità ta’ xogħol għandu l-konsegwenza li l-ħaddiem seta’ jakkumula dritt għal leave annwali mħallas minimu għal diversi snin jekk il-possibbiltà tal-perijodu ta’ tkomplija ta’ tali dritt ma kinitx limitata ratione temporis)?

2)      Jekk tingħata risposta negattiva, il-possibbiltà li jitkompla [ta’ trasferiment ta]l-leave għandha tkun teżisti minn tal-inqas għal perijodu ta’ 18-il xahar?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

22      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi dispożizzjonijiet jew prattiċi nazzjonali, bħalma huwa ftehim kollettiv, li jillimitaw, għall-perijodu li fih għandu jseħħ it-trasferiment tal-leave għal ħmistax-il xahar, li wara li dan jiskadi, jispiċċa d-dritt għal-leave annwali mħallas, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li huwa inkapaċi jaħdem waqt diversi periodi ta’ referenza konsekuttivi.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal-leave annwali mħallas ta’ kull ħaddiem għandu jitqies li huwa prinċipju tad-dritt soċjali tal-Unjoni ta’ importanza partikolari, li minnu ma tistax issir deroga u li implementazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandha ssir biss fil-limiti espressament stipulati fid-Direttiva tal-Kunsill 93/104/KE, tat-23 ta’ Novembru 1993, dwar xi aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 197), direttiva li ġiet ikkodifikata bid-Direttiva 2003/88 (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Ġunju 2001, BECTU, C‑173/99, Ġabra p. I‑4881, punt 43; tat-18 ta’ Marzu 2004, Merino Gómez, C‑342/01. Ġabra p. I‑2605, punt 29; tas-16 ta’ Marzu 2006, Robinson-Steele et, C‑131/04 u C‑257/04, Ġabra p. I‑2531, punt 48, kif ukoll tal-20 ta’ Jannar 2009, Schultz-Hoff et, C‑350/06 u C‑520/06, Ġabra p. I‑179, punt 22).

24      Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità teżamina l-implementazzjoni u l-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan il-prinċipju ta’ dritt għal-leave annwali mħallas mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jirrigwarda l-ħaddiema li jiċċaħdu mill-benefiċċju ta’ perijodi ta’ leave annwali mħallas minħabba leave tal-mard li ma jeċċedix it-tul tal-perijodi ta’ referenza applikabbli skont id-dritt nazzjonali inkwistjoni (sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 19).

25      Waqt dan l-eżami, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi perijodu għat-trasferiment għal-leave annwali li ma tteħidx mat-terminazzjoni tal-perijodu ta’ referenza, hija intiża, bħala prinċipju, li tagħti lill-ħaddiem, li ma jkunx seta jieħu l-leave annwali tiegħu, possibbiltà addizzjonali li jibbenifika mill-imsemmi leave. L-istabbiliment ta’ tali perijodu jagħmel parti mill-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju u ta’ implementazzjoni tad-dritt tal-leave annwali mħallas, u jaqa’ għaldaqstant, bħala prinċipju, taħt il-kompetenza tal-Istati Membri (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 42).

26      B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 ma jipprekludix, bħala prinċipju, leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi modalitajiet ta’ eżerċizzju tad-dritt tal-leave annwali mħallas espressament mogħti minn din id-direttiva, inkluż ukoll it-telf tal-imsemmi dritt fl-aħħar tal-perijodu ta’ referenza jew ta’ perijodu għat-trasferiment tal-leave. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet ma’ din il-konstatazzjoni ta’ prinċipju l-kundizzjoni li l-ħaddiem li jitlef id-dritt tal-leave annwali mħallas tiegħu jkollu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita d-dritt mogħti lilu mid-direttiva (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 43).

27      Issa, hemm lok li jiġi kkonstatat li ħaddiem li, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali għal dak li jikkonċerna s-sena 2006, jinsab bil-leave tal-mard matul il-perijodu ta’ referenza kollu, u wara li jgħaddi ż-żmien għat-trasferiment tal-leave stabbilit mid-dritt nazzjonali, jiġi pprivat minn kull perijodu li jagħtih il-possibbiltà li jibbenefika mil-leave annwali mħallas tiegħu.

28      Ċertament, għalkemm mill-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li dispożizzjoni nazzjonali li tistabbilixxi perijodu ta’ trasferiment tal-leave ma għandhiex tipprovdi li d-dritt tal-ħaddiem għal-leave annwali mħallas jintemm mingħajr ma dan tal-aħħar ikollu effettivament il-possibbiltà li jeżerċita dan id-dritt, tali konklużjoni għandha madankollu tiġi kkwalifikata fiċ-ċirkustanzi speċifiċi bħal dawk fil-kawża prinċipali.

29      Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ dan, ħaddiem, bħar-rikorrent fil-kawża prinċipali, li ilu inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi, ikollu d-dritt jakkumula, b’mod illimitat, id-drittijiet ta’ leave annwali mħallas kollha li huwa kiseb waqt il-perijodu li fih ma kienx qed jaħdem.

30      Issa, dritt għal tali kumulu illimitat ta’ leave annwali mħallas, miksub waqt tali perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol, ma jibqax jissodisfa l-għan stess tad-dritt għal-leave annwali mħallas.

31      Fil-fatt, għandu jitfakkar li d-dritt għal-leave annwali, stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88, għandu għan doppju, jiġifieri, li jippermetti lill-ħaddiem jistrieħ fil-konfront tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu, minn naħa, u li jkollu perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji, min-naħa l-oħra (ara s-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 25).

32      F’dan ir-rigward, għalkemm huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li l-effett pożittiv tal-leave annwali mħallas għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiem jseħħ jekk jittieħed fis-sena prevista għal dan il-għan, jiġifieri matul is-sena kurrenti, dan iż-żmien ta’ mistrieħ ma jitlifx l-interess tiegħu f’dan ir-rigward jekk jittieħed matul perijodu sussegwenti (sentenzi tas-6 ta’ April 2006, Federatie Nederlandse Vakbeweging, C‑124/05, Ġabra p. I‑3423, punt 30, kif ukoll Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 30).

33      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-dritt għal-leave annwali mħallas għal ħaddiem li huwa inkapaċi biex jaħdem waqt diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi ma jistax jissodisfa ż-żewġ aspetti tal-għan tiegħu, imsemmija fil-punt 31 ta’ din is-sentenza, ħlief fil-każ fejn it-trasferiment tal-leave ma jaqbiżx ċertu limitu ta’ żmien. Fil-fatt, meta jinqabeż tali limitu, il-leave annwali jkun nieqes mill-effett pożittiv għall-ħaddiem fil-kwalità tiegħu ta’ żmien ta’ mistrieħ, u jżomm biss il-kwalità ta’ perijodu ta’ serħan u ta’ delizzji.

34      Konsegwentement, fid-dawl tal-għan stess tad-dritt għal-leave annwali, direttament mogħti mid-dritt tal-Unjoni lil kull ħaddiem, ħaddiem li huwa inkapaċi biex jaħdem matul diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi, li jinżamm mid-dritt nazzjonali milli jieħu l-leave annwali mħallas tiegħu waqt l-imsemmi perijodu, ma jistax ikollu d-dritt li jakkumula b’mod illimitat id-drittijiet għal-leave annwali mħallas miksub waqt dan il-perijodu.

35      Fir-rigward tal-perijodu għat-trasferiment li lil hinn minnu d-dritt għal-leave annwali mħallas jista’ jispiċċa fil-każ ta’ kumulu tad-drittijiet għal-leave annwali mħallas matul perijodu ta’ inkapaċità għax-xogħol, għandu jiġi evalwat, fid-dawl tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk perijodu ta’ trasferiment tad-dritt għal-leave annwali mħallas, iffissat għal ħmistax-il xahar mid-dispożizzjonijiet jew mill-prattiċi nazzjonali, bħalma huwa ftehim kollettiv, jistax b’mod raġonevoli jiġi kklassifikat bħala l-perijodu li meta jintemm, il-leave annwali mħallas jitlef l-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem fil-kwalità tiegħu ta’ żmien ta’ mistrieħ.

36      F’dan il-kuntest, għandu jiġi kkunsidrat dan li ġej.

37      Id-dritt għal perijodu ta’ leave annwali mħallas, fil-kwalità tiegħu ta’ dritt soċjali tal-Unjoni, igawdi mhux biss importanza partikolari, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 23 ta’ din is-sentenza, iżda huwa wkoll espressament stabbilit fl-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li lilu l-Artikolu 6(1) TUE jirrikonoxxi l-istess saħħa legali bħat-Trattati.

38      Isegwi li, sabiex jiġi rrispettat dan id-dritt li l-għan tiegħu huwa l-protezzjoni tal-ħaddiem, kull perijodu ta’ trasferiment tal-leave għandu jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom jinsab il-ħaddiem li huwa inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi. B’hekk, l-imsemmi perijodu għandu b’mod partikolari jiżgura li l-ħaddiem ikun jista’ jiddisponi, jekk ikun hemm bżonn, minn perijodi ta’ mistrieħ li jistgħu jkunu mqassma, ippjanati minn qabel u disponibbli fuq żmien itwal. Kull perijodu ta’ trasferiment tal-leave għandu jkun sostanzjalment itwal mit-tul tal-perijodu ta’ referenza li għalih ingħata.

39      Dan l-istess perijodu għandu wkoll jipproteġi lil min iħaddem mir-riskju ta’ kumulu eċċessivament kbir ta’ perijodi ta’ assenza tal-ħaddiem u mid-diffikultajiet li dawn jistgħu jimplikaw għall-organizzazzjoni tax-xogħol.

40      Fil-kawża preżenti, il-perijodu ta’ trasferiment tal-leave stabbilit fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(1) tal-EMTV huwa ta’ ħmistax-il xahar, jiġifieri perijodu ogħla mill-perijodu ta’ referenza relatat miegħu, li jiddistingwi lil din il-kawża mill-kawża li tat lok għas-sentenza Schultz-Hoff et, iċċitata iktar ’il fuq, fejn il-perijodu ta’ trasferiment tal-leave kien ta’ sitt xhur.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, barra minn hekk, li skont l-Artikolu 9(1) tal-Konvenzjoni Nru 132 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, tal-24 ta’ Ġunju 1970, dwar il-leave annwali mħallas (riveduta), il-parti tal-leave annwali mhux interrotta għandha tingħata u tittieħed f’terminu ta’ mhux iktar minn sena, u l-bqija tal-leave annwali mħallas f’terminu ta’ mhux iktar minn tmintax-il xahar, li jibda jiddekorri fit-tmiem tas-sena li fiha jibda d-dritt għal-leave. Din ir-regola tista’ tinftiehem bħala li hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li tipprovdi li fl-iskadenza tat-termini li hija tipprovdi, l-għan tad-drittijiet annwali ma jkunux jistgħu jintlaħqu kompletament.

42      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li, skont il-premessa 6 tagħha, id-Direttiva 2003/88 ħadet inkunsiderazzjoni l-prinċipji tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, dwar il-leave annwali mħallas, il-kalkolu tal-perijodu ta’ trasferiment tal-leave għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-għan tad-dritt għal-leave annwali, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 9(1) tal-imsemmija konvenzjoni.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjoni preċedenti, jista’ jiġi kkunsidrat b’mod raġonevoli li perijodu ta’ trasferiment tal-leave annwali mħallas ta’ ħmistax-il xahar, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jiksirx l-għan tal-imsemmi dritt, sa fejn jiżgura li dan iżomm l-effett pożittiv tiegħu għall-ħaddiem, fil-kwalità tiegħu ta’ żmien ta’ mistrieħ.

44      Konsegwentement, ir-risposta għall-ewwel domanda mressqa għandha tkun li l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiċi nazzjonali, bħal ftehim kollettiv, li jillimitaw, għal perijodu ta’ trasferiment tal-leave ta’ ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li jkun ilu inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi.

 Fuq it-tieni domanda

45      Fid-dawl tar-risposta għal-ewwel domanda, ma hemmx lok li tingħata risposta għat‑tieni domanda.

 Fuq l-ispejjeż

46      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-4 ta’ Novembru 2003, li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjonijiet jew prattiċi nazzjonali, bħal ftehim kollettiv, li jillimitaw, għal perijodu ta’ trasferiment tal-leave ta’ ħmistax-il xahar li fl-iskadenza tiegħu d-dritt għal-leave annwali mħallas jintemm, il-kumulu tad-drittijiet għal tali leave ta’ ħaddiem li jkun ilu inkapaċi biex jaħdem għal diversi perijodi ta’ referenza konsekuttivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.