Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Administratīvā rajona tiesa (il-Latvija) fis-27 ta’ Marzu 2020 – AS “LatRailNet”, VAS “Latvijas dzelzceļš” vs Valsts dzelzceļa administrācija

(Kawża C-144/20)

Lingwa tal-kawża: il-Latvjan

Qorti tar-rinviju

Administratīvā rajona tiesa

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: AS “LatRailNet”, VAS “Latvijas dzelzceļš”

Konvenuta: Valsts dzelzceļa administrācija

Domandi preliminari

L-Artikolu 56(2) tad-Direttiva 2012/34 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkonferixxi lill-korp regolatorju s-setgħa li jadotta, fuq l-inizjattiva tiegħu stess, deċiżjoni li timponi li l-impriża li teżerċita l-funzjonijiet essenzjali ta’ amministratur tal-infrastruttura ferrovjarja msemmija fl-Artikolu 7(1) tal-imsemmija direttiva tintroduċi ċerti emendi għar-regoli (sistema) ta’ tarifikazzjoni tal-infrastruttura ferrovjarja li ma jimplikaw ebda diskriminazzjoni fil-konfront tal-kandidati?

F’każ ta’ risposta affermattiva għall-ewwel domanda, il-korp regolatorju għandu s-setgħa, abbażi ta’ tali deċiżjoni, li jistabbilixxi il-kundizzjonijiet li dawn l-emendi għandhom jipprevedu, b’mod partikolari billi jiġi impost obbligu li jiġu esklużi mill-kriterji għall-iffissar tal-ħlas għall-użu tal-infrastruttura l-ispejjeż previsti għall-baġit tal-Istat jew il-baġits tal-amministrazzjonijiet lokali li t-trasportaturi tal-passiġġieri ma humiex f’pożizzjoni li jkopru mid-dħul mit-trasport?

L-Artikolu 32(1) tad-Direttiva 2012/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-obbligu impost f’dan il-paragrafu fuq l-Istati Membri li jiggarantixxu kompetittivita ottimali ta’ partijiet tas-suq ferrovjarju, fid-determinazzjoni taż-żidiet applikabbli għall-ħlas għall-użu tal-infrastruttura għall-partijiet ta’ suq mingħajr kompetizzjoni, minħabba b’mod partikolari li, fil-parti tas-suq ikkonċernat, it-trasport huwa assigurat biss minn impriża waħda li ngħatat id-dritt esklużiv previst fl-Artikolu 2(f) tar-Regolament Nru 1370/2007 2 sabiex topera fuq din il-parti tas-suq?

____________

1 Direttiva 2012/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 li tistabbilixxi żona ferrovjarja unika Ewropea (ĠU 2012, L 343, p. 32).

2 Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU 2007, L 315, p. 1).