Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Milano (l-Italja) fl-14 ta’ Novembru 2019 – Banco di Desio e della Brianza SpA et vs YX, ZW

(Kawża C-831/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Milano

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Banco di Desio e della Brianza SpA, Banca di Credito Cooperativo di Carugate e Inzago sc, Intesa Sanpaolo SpA, Banca Popolare di Sondrio s.c.p.a, Cerved Credit Management SpA

Konvenuti: YX, ZW

Domandi preliminari

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE 1 moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu, u taħt liema kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik deskritta, li tipprekludi lill-qorti ta’ eżekuzzjoni milli twettaq stħarriġ intrinsiku ta’ titolu eżekuttiv ġudizzjarju li kiseb l-awtorità ta’ res judicata, meta l-konsumatur, li jsir konxju mill-istatus tiegħu (għarfien li kien preċedentement prekluż mid-dritt kif applikat dak iż-żmien), jitlob it-twettiq ta’ tali stħarriġ?

L-Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 93/13/KEE moqrija flimkien mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprekludu, u taħt liema kundizzjonijiet, leġiżlazzjoni bħal dik nazzjonali li, meta jkun hemm deċiżjoni impliċita li kisbet l-awtorità ta’ res judicata li klawżola kuntrattwali ma hijiex inġusta, tipprekludi lill-qorti ta’ eżekuzzjoni, li tkun mitluba tiddeċiedi dwar oppożizzjoni għall-eżekuzzjoni mressqa mill-konsumatur, milli tirrileva li tali klawżola hija inġusta, u tali preklużjoni tista’ titqies li teżisti anki meta, fid-dawl tad-dritt kif applikat dak iż-żmien meta d-deċiżjoni kisbet l-awtorità ta’ res judicata, l-evalwazzjoni ta’ jekk il-klawżola hijiex inġusta kienet prekluża peress li l-garanti ma kienx jista’ jiġi kklassifikat bħala konsumatur?

____________

1 Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288).