Language of document : ECLI:EU:C:2015:686

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

15 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali – Direttiva 2010/64/UE – Dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Lingwa tal-kawża – Digriet kriminali li jimponi kundanna ta’ multa – Possibbiltà li titressaq oppożizzjoni f’lingwa differenti minn dik tal-kawża – Direttiva 2012/13/UE – Dritt għall-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali – Dritt li tingħata informazzjoni dwar l-akkuża miġjuba kontriha – Notifika ta’ digriet kriminali – Modalitajiet – Nomina obbligatorja ta’ rappreżentant mill-persuna akkużata – Terminu għall-oppożizzjoni li jibda jiddekorri min-notifika lir-rappreżentant”

Fil-Kawża C‑216/14,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Amtsgericht Laufen (Qorti tad-distrett ta’ Laufen,-il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ April 2014, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ April 2014, fil-proċedura kriminali kontra

Gavril Covaci,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

komposta minn A. Tizzano (Relatur), Viċi President, li qed jaġixxi bħala President tal-Ewwel Awla, F. Biltgen, A. Borg Barthet, M. Berger u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. BOT

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-19 ta’ Marzu 2015,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal G. Covaci minn U. Krause u S. Ryfisch, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u J. Kemper, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Georgiadis u S. Lekkou, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn D. Colas u F.‑X. Bréchot, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn M. Salvatorelli, avvocato dello Stato,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn G. Eberhard, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Bogensberger u R. Troosters, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-7 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 1(2) u 2(1) u (8) tad-Direttiva 2010/64/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali (ĠU L 280, p. 1), kif ukoll tal-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali (ĠU L 142, p. 1).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċedura kriminali mressqa kontra G. Covaci minħabba reati kontra r-regolamenti tat-traffiku mwettqa mill-persuna interessata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2010/64

3        Il-premessi 12, 17 u 27 tad-Direttiva 2010/64 jistabbilixxu:

“(12) Din id-Direttiva […] tistabbilixxi standards minimi komuni li għandhom jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-proċedimenti kriminali bil-għan li tittejjeb il-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri.

[…]

(17)      Din id-Direttiva għandha tiżgura li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni suspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali li jeżerċitaw id-dritt tagħhom tad-difiża u li tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

[…]

(27)      Id-dover ta’ kura lejn il-persuni suspettati jew akkużati li huma f’pożizzjoni potenzjalment dgħajfa, b’mod partikolari minħabba kwalunkwe indeboliment fiżiku li jaffettwa l-abbiltà tagħhom li jikkomunikaw b’mod effettiv, huwa l-bażi ta’ amministrazzjoni retta tal-ġustizzja. Il-prosekuzzjoni, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji għandhom għalhekk jiżguraw li tali persuni jkunu kapaċi jeżerċitaw b’mod effettiv id-drittijiet previsti f’din id-Direttiva, per eżempju billi titqies kwalunkwe vulnerabbiltà potenzjali li taffettwa l-abbiltà tagħhom li jsegwu l-proċedimenti u li jiġu mifhuma u billi jieħdu l-passi adatti biex jiżguraw dawk id-drittijiet.”

4        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi fil-paragrafi (1) u (2) tiegħu:

“1.      Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli li jikkonċernaw id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali […]

2.      Id-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għal persuni minn meta jkunu ġew infurmati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, permezz ta’ nofitika uffiċjali jew notifika oħra, li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċedimenti, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, meta applikabbli, l-għoti ta’ sentenzi u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

5        L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva, intitolat “Dritt għall-interpretazzjoni”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux jew ma jitkellmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati, jiġu pprovduti b’interpretazzjoni mingħajr dewmien matul proċedimenti kriminali quddiem l-awtoritajiet investigattivi u ġudizzjarji, inkluż waqt l-interrogazzjoni tal-pulizija, is-seduti tal-qorti kollha u kwalunkwe seduti interim meħtieġa.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta neċessarju bil-għan li tkun issalvagwardjata l-ġustizzja fil-proċedimenti, l-interpretazzjoni tkun disponibbli għall-komunikazzjoni bejn il-persuni suspettati jew akkużati u l-avukat tagħhom b’konnessjoni diretta ma’ kwalunkwe mistoqsija jew smigħ matul il-proċedimenti jew mat-tressiq ta’ appell jew applikazzjonijiet proċedurali oħra.

3.      Id-dritt għall-interpretazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2 jinkludi l-assistenza xierqa għal persuni bi problemi ta’ smigħ jew taħdit.

[…]

8.      L-interpretazzjoni provduta skont dan l-Artikolu għandha tkun ta’ kwalità suffiċjenti biex tissalvagwardja l-ġustizzja tal-proċedimenti, b’mod partikolari billi tiżgura li l-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l-għarfien tal-każ kontrihom u jkunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.”

6        L-Artikolu 3 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt għat-traduzzjoni ta’ dokumenti essenzjali”, huwa mfassal fit-termini segwenti:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, persuni suspettati jew akkużati li ma jifhmux il-lingwa tal-proċedimenti kriminali kkonċernati jiġu, f’perijodu raġonevoli ta’ żmien, pprovduti bi traduzzjoni bil-miktub tad-dokumenti kollha li huma essenzjali biex ikun żgurat li dawn ikunu kapaċi jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex tkun salvagwardjata l-ġustizzja tal-proċedimenti.

2.      Id-dokumenti essenzjali għandhom jinkludu kwalunkwe deċiżjoni li jċaħħdu lil persuna mil-libertà tagħha, kwalunkwe imputazzjoni jew akkuża, u kwalunkwe sentenza.

3.      L-awtoritajiet kompetenti għandhom, fi kwalunkwe każ partikolari, jiddeċiedu jekk huwiex essenzjali kwalunkwe dokument ieħor […]

[…]”

 Id-Direttiva 2012/13

7        Il-premessa 27 tad-Direttiva 2012/13 tipprovdi:

“Persuni akkużati li wettqu reat kriminali għandhom jingħataw kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuża biex tgħinhom iħejju d-difiża tagħhom u sabiex tiġi ssalvagwardjata l-ġustizzja tal-proċeduri.”

8        L-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, intitolat “Suġġett”, jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli rigward id-dritt għall-informazzjoni tas-suspettati jew tal-persuni akkużati, dwar id-drittijiet tagħhom fi proċeduri kriminali u dwar l-akkuża kontrihom […]”

9        L-Artikolu 2(1) tad-direttiva msemmija tiddelimita l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din tal-aħħar fit-termini segwenti:

“Din id-Direttiva tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk is-suspettat jew il-persuna akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.”

10      L-Artikolu 3 tal-istess direttiva, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar id-drittijiet”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jingħataw fil-pront informazzjoni dwar tal-anqas id-drittijiet proċedurali li ġejjin, kif dawn japplikaw taħt il-liġi nazzjonali, sabiex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dawk id-drittijiet:

[…]

c) id-dritt li l-persuna tkun informata bl-akkuża, f’konformità mal-Artikolu 6;

[…]”

11      L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, intitolat “Id-dritt għal informazzjoni dwar l-akkuża”, jipprovdi:

“1.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati tingħatalhom informazzjoni dwar l-att kriminali li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu. Dik l-informazzjoni għandha tingħata fil-pront u bid-dettal meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri u l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet tad-difiża.

2.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati li jiġu arrestati jew detenuti jiġu informati bir-raġunijiet għall-arrest jew id-detenzjoni tagħhom, inkluż bl-att kriminali li huma jkunu ssuspettati jew akkużati li wettqu.

3.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mhux aktar tard mit-tressiq tal-merti tal-akkuża quddiem il-qorti, tingħata informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża, inklużi n-natura u l-klassifikazzjoni legali tar-reat kriminali, kif ukoll in-natura tal-parteċipazzjoni tal-persuna akkużata.

4.      L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-suspettati jew il-persuni akkużati jiġu informati fil-pront dwar kwalunkwe bidliet fl-informazzjoni mogħtija taħt dan l-Artikolu fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi salvagwardjata l-korrettezza tal-proċeduri.”

 Il-liġi Ġermaniża

12      L-Artikolu 184 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja (Gerichtsverfassungsgesetz, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja”) jipprovdi:

“Il-lingwa tal-qrati hija l-Ġermaniż […]”

13      L-Artikolu 187 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, kif emendat wara t-traspożizzjoni tad-Direttivi 2010/64 u 2012/13, jipprovdi:

“1)      Il-qorti għandha tipprovdi, lill-persuna akkużata jew ikkundannata li ma tafx il-lingwa Ġermaniża jew li ma tifhimx jew ma hijiex kapaċi titkellimha, interpretu jew traduttur sa fejn dan huwa neċessarju sabiex hija tkun tista’ teżerċita d-drittijiet tagħha fil-proċeduri kriminali. Il-qorti għandha tinforma lill-persuna akkużata, bil-lingwa li hija tifhem, li għal dan il-għan hija tista’ titlob l-assistenza gratwita ta’ interpretu jew ta’ traduttur għall-proċeduri kriminali kollha.

2)      L-eżerċizzju tad-drittijiet proċedurali tal-persuna akkużata li ma tafx il-lingwa Ġermaniża jeħtieġ, bħala regola ġenerali, it-traduzzjoni bil-miktub tal-miżuri li jċaħħdu l-libertà kif ukoll tal-atti ta’ imputazzjoni, tad-digrieti kriminali u tas-sentenzi mhux definittivi. […]”

14      L-Artikolu 132 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali (Strafprozessordnung), li jirrigwarda l-għoti ta’ garanzija u n-nomina ta’ rappreżentanti għall-finijiet tan-notifika, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Jekk il-persuna akkużata li hija ssuspettata li wettqet att punibbli ma għandhiex domiċilju fiss jew residenza li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-liġi, iżda r-rekwiżiti sabiex jinħareġ mandat ta’ arrest ma humiex issodisfatti, huwa possibbli li jiġi ordnat, sabiex jiġi żgurat l-iżvolġiment tal-proċeduri kriminali, li l-persuna akkużata:

1.      tagħti garanzija xierqa li tkopri l-multa mistennija u l-ispejjeż ġudizzjarji, u

2.      tagħti mandat lil persuna residenti fil-ġurisdizzjoni tal-qorti kompetenti sabiex tirċievi n-notifiki”.

15      L-Artikolu 410 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, li jirrigwarda l-oppożizzjoni għad-digriet kriminali u r-res judicata, jipprovdi:

“1.      Il-persuna akkużata tista’ tikkontesta d-digriet kriminali billi tippreżenta, f’terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tiegħu, oppożizzjoni quddiem il-qorti li tat id-digriet, bil-miktub jew verbalment mar-Reġistru.

2.      L-oppożizzjoni tista’ tkun limitata għal ċerti punti.

3.      Jekk digriet kriminali ma jiġix ikkontestat fit-terminu preskritt, huwa jikseb in-natura ta’ res judicata”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Waqt kontroll tal-pulizija mwettaq fil-25 ta’ Jannar 2014, kien ikkonstatat, minn naħa, li G. Covaci, ċittadin Rumen, kien qed isuq, fit-territorju Ġermaniż, vettura li għaliha ma kien inkiseb ebda kuntratt validu ta’ assigurazzjoni obbligatorja għar-responsabbiltà ċivili tal-karozza u, min-naħa l-oħra, li ċ-ċertifikat ta’ assigurazzjoni (il-karta l-ħadra) ippreżentat mill-persuna interessata lill-awtoritajiet Ġermaniżi kien iffalsifikat.

17      G. Covaci, li ġie interrogat fuq dawn il-fatti mis-servizzi tal-pulizija, ibbenefika mill-assistenza ta’ interpretu.

18      Barra minn hekk, G. Covaci, li la kellu domiċilju fiss u lanqas residenza taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi Ġermaniża, ippreżenta mandat irrevokabbli u bil-miktub favur tliet uffiċjali tal-Amtsgericht Laufen, għall-finijiet tan-notifika tad-dokumenti ġudizzjarji indirizzati lilu. Skont it-termini stess ta’ dan il-mandat, it-termini tal-appell kontra kull deċiżjoni ġudizzjarja kellhom jibdew jiddekorru min-notifika tagħha lir-rappreżentanti nnominati.

19      Fit-18 ta’ Marzu 2014, fi tmiem l-investigazzjonijiet, il-prosekutur ta’ Traunstein (Staatsanwaltschaft Traunstein) talab lill-Amtsgericht Laufen il-ħruġ ta’ digriet kriminali li jimponi multa kontra G. Covaci.

20      Il-proċedura prevista għall-ħruġ ta’ tali digriet kriminali hija ssimplifikata u ma tipprevedix seduti jew smigħ. Peress li jingħata mill-qorti fuq talba tal-prosekutur għal reati minuri, dan id-digriet jikkostitwixxi deċiżjoni provviżorja. Konformement mal-Artikolu 410 tal-Kodiċi tal-Proċedura Kriminali, id-digriet kriminali jsir res judicata mal-iskadenza ta’ terminu ta’ ġimagħtejn min-notifika tiegħu, jekk ikun il-każ, lir-rappreżentanti tal-persuna kkundannata. Din tal-aħħar tista’ biss tikseb smigħ jekk tippreżenta oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi, qabel l-iskadenza tat-terminu msemmi. L-oppożizzjoni, li tista’ tiġi ppreżentata bil-miktub jew verbalment fir-Reġistru, twassal għal seduta ġudizzjarja.

21      F’dan il-każ, il-prosekutur ta’ Traunstein talab li d-digriet kriminali jkun innotifikat lill-G. Covaci permezz tar-rappreżentanti tiegħu u, barra minn hekk, li l-eventwali osservazzjonijiet bil-miktub tal-interessat, inkluża l-oppożizzjoni kontra dan id-digriet, ikunu mfassla bil-lingwa Ġermaniża.

22      Fl-ewwel lok, l-Amtsgericht Laufen, li għandha quddiemha t-talba għall-ħruġ tad-digriet kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tistaqsi ruħha dwar il-kwistjoni jekk l-obbligu, li jirriżulta mill-Artikolu 184 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, li tintuża l-lingwa Ġermaniża għat-tfassil ta’ oppożizzjoni mressqa kontra tali digriet huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/64 li tipprevedi assistenza lingwistika mingħajr ħlas lill-persuni akkużati fi proċeduri kriminali.

23      Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tesprimi dubji dwar il-kompatibbiltà tal-metodi ta’ notifika tal-imsemmi digriet kriminali mad-Direttiva 2012/13, b’mod partikolari mal-Artikolu 6 tagħha, li jimponi fuq kull Stat Membru li jħares li informazzjoni dettaljata dwar l-akkuża tiġi kkomunikata mhux iktar tard mill-mument meta l-qorti tintalab tiddeċiedi dwar il-fondatezza tal-akkuża.

24      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Amtsgericht Laufen iddeċidiet li tissospendi l-kawża quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1.      L-Artikoli 1(2) u 2(1) u (8) tad-Direttiva 2010/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu ordni tal-qorti li, b’applikazzjoni tal-Artikolu 184 tal-Liġi dwar l-Organizzazzjoni Ġudizzjarja, teżiġi mill-persuni akkużati li ma jippreżentawx, taħt piena ta’ inammissibbiltà, appelli ħlief fil-lingwa tal-qorti, f’dan il-każ il-Ġermaniż?

2)      L-Artikoli 2, 3(1)(c), u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li akkużat jiġi ordnat jindika rappreżentant sabiex jirċievi n-notifiki meta t-terminu għall-preżentata ta’ appell jibda jiddekorri mill-komunikazzjoni lir-rappreżentant, u li fl-aħħar mill-aħħar hija irrilevanti l-kwistjoni dwar jekk il-persuna akkużata kellhiex fil-fatt għarfien tal-akkuża?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

25      Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2010/64 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ma tawtorizzax li persuna li hija s-suġġett ta’ digriet kriminali tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub kontra dan id-digriet f’lingwa differenti minn dik tal-kawża, minkejja li din il-persuna ma tafx titkellem b’din l-aħħar lingwa.

26      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2010/64 jipprevedi d-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fil-kuntest, b’mod partikolari, tal-proċeduri kriminali. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva jippreċiża li dan id-dritt japplika għal persuni minn meta jkunu ġew informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru li huma suspettati jew akkużati li wettqu reat kriminali sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, li huwa mifhum li jfisser il-konklużjoni finali tal-kwistjoni dwar jekk huma wettqux ir-reat, inkluż, jekk ikun il-każ, il-kundanna u d-deċiżjoni mogħtija f’kull appell.

27      Konsegwentement, is-sitwazzjoni ta’ persuna bħal G. Covaci, li tixtieq tippreżenta oppożizzjoni kontra digriet kriminali li għadu ma huwiex res judicata u li din hija d-destinatarju tiegħu, tidħol manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, b’tali mod li din il-persuna għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni żgurat mid-direttiva msemmija.

28      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. Covaci tistax tinvoka dan id-dritt sabiex tippreżenta oppożizzjoni kontra tali digriet f’lingwa differenti minn dik tal-proċedura applikabbli quddiem il-qorti nazzjonali kompetenti, għandha ssir riferenza għall-kontenut tal-Artikoli 2 u 3 tad-Direttiva 2010/64. Fil-fatt, dawn iż-żewġ artikoli jirregolaw, rispettivament, id-dritt għall-interpretazzjoni u d-dritt għat-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti essenzjali, jiġifieri ż-żewġ aspetti tad-dritt stabbilit mill-Artikolu 1 tad-direttiva msemmija u msemmi fit-titolu stess ta’ din tal-aħħar.

29      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, ma għandhomx jiġu kkunsidrati biss kliemha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħha hija tagħmel parti (sentenza Rosselle, C‑65/14, EU:C:2015:339, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      F’dak li jikkonċerna l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64, li jirregola d-dritt għall-interpretazzjoni, mill-kliem stess ta’ dan l-artikolu jirriżulta li din tal-aħħar, kuntrarjament għall-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, li jikkonċerna t-traduzzjoni miktuba ta’ ċerti dokumenti essenzjali, tirreferi għall-interpretazzjoni orali ta’ dikjarazzjonijiet orali.

31      B’hekk, konformement mal-Artikolu 2(1) u (3) tad-direttiva msemmija, jistgħu biss jibbenefikaw mid-dritt għall-interpretazzjoni l-persuni suspettati jew akkużati li ma humiex f’pożizzjoni li jesprimu ruħhom waħedhom fil-lingwa tal-kawża, kemm jekk minħabba l-fatt li dawn ma jitkellmux jew ma jifhmux din il-lingwa jew li għandhom problemi ta’ smigħ jew biex jitkellmu.

32      Huwa wara kollox għal din ir-raġuni li l-Artikolu 2(1) u (2) tad-Direttiva 2010/64, meta jelenka ċ-ċirkustanzi li fihom l-assistenza ta’ interpretu għandha tiġi offruta lill-persuni suspetti jew akkużati, jirreferi biss, anki jekk jagħmel hekk b’mod mhux eżawrjenti, għal sitwazzjonijiet li jagħtu lok għal komunikazzjonijiet orali, bħall-interrogazzjonijiet magħmula mill-pulizija, is-seduti kollha u l-eventwali seduti intermedjarji meħtieġa, kif ukoll il-komunikazzjonijiet mal-konsulent legali li għandhom rabta diretta ma’ kull interrogatorju jew kull seduta matul il-proċedura, jew f’każ ta’ introduzzjoni ta’ rikors jew ta’ talbiet oħra fil-kuntest tal-proċedura.

33      Fi kliem ieħor, sabiex jiġi żgurat is-smigħ xieraq fil-proċedura u biex il-persuna kkonċernata tkun f’pożizzjoni li teżerċita d-drittijiet tad-difiża tagħha, din id-dispożizzjoni tiżgura li din il-persuna, meta tintalab tagħmel, hija stess, dikjarazzjonijiet orali b’mod partikolari fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, kemm jekk direttament quddiem l-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti jew quddiem il-konsulent legali tiegħu, tkun tista’ tagħmel dan bil-lingwa tagħha stess.

34      Tali interpretazzjoni hija kkorroborata mill-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/64.

35      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li din id-direttiva ġiet adottata abbażi tat-tieni inċiż (b) tal-Artikolu 82(2) TFUE, skont liema, sa fejn dan ikun neċessarju biex jiġi ffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi u tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, kif ukoll il-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja fl-oqsma kriminali li għandhom dimensjoni transkonfinali, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jistgħu jistabbilixxu regoli minimi dwar id-drittijiet tal-persuni fil-proċeduri kriminali.

36      B’hekk, konformement mal-premessa 12 tad-Direttiva 2010/64, huwa biex issaħħaħ il-fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri li din id-direttiva tistabbilixxi regoli minimi komuni biex jiġu applikati fl-oqsma tal-interpretazzjoni u tat-traduzzjoni fil-kuntest tal-proċeduri kriminali.

37      Tali regoli għandhom, konformement mal-premessa 17 tad-direttiva msemmija, jiżguraw li jkun hemm assistenza lingwistika bla ħlas u adegwata, li tagħmilha possibbli għall-persuni ssuspettati jew akkużati li ma jitkellmux jew ma jifhmux il-lingwa tal-proċedura kriminali li jeżerċitaw b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħhom u sabiex jiġi żgurat is-smigħ xieraq fil-proċedura.

38      Issa, jekk ikun meħtieġ li l-Istati Membri, kif jissuġġerixxu b’mod partikolari G. Covaci u l-Gvern Ġermaniż, mhux biss jippermettu lill-persuni kkonċernati li jkunu informati, b’mod sħiħ bil-lingwa tagħhom, bir-reati li huma akkużati bihom u li jipprovdu l-verżjoni tal-fatti tagħhom stess, iżda wkoll li sistematikament jieħdu r-responsabbiltà tat-traduzzjoni ta’ kull rikors ippreżentat mill-persuni kontra deċiżjoni ġudizzjarja indirizzata lilhom imur kontra l-għanijiet imfittxija mid-Direttiva 2010/64 stess.

39      Fil-fatt, hekk kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem, l-osservanza tar-rekwiżiti marbuta mas-smigħ xieraq huma limitati biex ikun żgurat li l-akkużat ikun jaf dak li jkun akkużat bih biex ikun jista’ jiddefendi ruħu, mingħajr ma tkun imposta traduzzjoni bil-miktub ta’ kull prova dokumentarja jew prova uffiċjali tal-proċess (QEDB, Kamasinski vs L-Awstrija, 19 ta’ Diċembru 1989, Sensiela A Nru 168, § 74).

40      Konsegwentement, id-dritt għall-interpretazzjoni previst fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 għandu bħala skop it-traduzzjoni minn interpretu tal-komunikazzjonijiet orali bejn il-persuni ssuspettati jew il-persuni akkużati u s-servizzi investigattivi, l-awtoritajiet ġudizzjarji jew, jekk ikun il-każ, il-konsulent legali, bl-esklużjoni tat-traduzzjoni bil-miktub ta’ kull att miktub ippreżentat minn dawn il-persuni ssusspettati jew akkużati.

41      Fir-rigward tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-fajl li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-digriet kriminali previst mil-liġi Ġermaniża huwa adottat abbażi ta’ proċedura sui generis. Fil-fatt, din il-proċedura tipprevedi li l-unika possibbiltà għall-persuna akkużata li tibbenefika minn dibattitu kontradittorju, li fil-kuntest tiegħu din tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-dritt tas-smigħ tagħha, huwa billi topponi dan id-digriet. Din l-oppożizzjoni, li tista’ ssir bil-miktub jew, meta ssir oralment, direttament fir-Reġistru tal-qorti kompetenti, ma hijiex suġġetta għall-obbligu ta’ motivazzjoni, għandha ssir f’terminu partikolarment qasir ta’ ġimagħtejn min-notifika tad-digriet imsemmi u ma teħtieġx l-intervent obbligatorju ta’ avukat, peress li tista’ tippreżentaha l-persuna akkużata stess.

42      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2010/64 jiggarantixxi lil persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik ta’ G. Covaci l-benefiċċju ta’ assistenza mingħajr ħlas ta’ interpretu jekk din il-persuna tressaq hija stess oppożizzjoni oralment kontra d-digriet kriminali li din tkun is-suġġett tiegħu quddiem ir-reġistru tal-qorti nazzjonali kompetenti, sabiex dan ifassal proċess verbal ta’ din l-oppożizzjoni, jew, jekk il-persuna msemmija tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub, il-benefiċċju tal-assistenza ta’ konsulent legali, li jieħu r-responsabbiltà li jfassal id-dokument korrispondenti, fil-lingwa tal-kawża.

43      Fir-rigward tal-kwistjoni jekk l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2010/64, li jirregola d-dritt għat-traduzzjoni ta’ ċerti dokumenti essenzjali, jagħtix il-benefiċċju tal-assistenza fil-qasam tat-traduzzjoni lil persuna li tinsab f’sitwazzjoni bħal dik li G. Covaci, li jixtieq iressaq oppożizzjoni bil-miktub kontra digriet kriminali u dan mingħajr l-assistenza ta’ konsulent legali, għandu jiġi rrilevat li mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li dan id-dritt huwa intiż bl-iskop li jippermetti lill-persuni kkonċernati jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom u biex jiżgura s-smigħ xieraq tal-kawża.

44      Isegwi li, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 57 tal-konklużjonijiet tiegħu, dan l-Artikolu 3 jikkonċerna biss, fil-prinċipju, it-traduzzjoni miktuba bil-lingwa miftiehma mill-persuna kkonċernata ta’ ċerti dokumenti mfassla fil-lingwa tal-kawża mill-awtoritajiet kompetenti.

45      Din l-interpretazzjoni hija barra minn hekk ikkonfermata, minn naħa, mil-lista ta’ dokumenti li l-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2010/64 jqis bħala essenzjali u li għalihom, b’hekk, it-traduzzjoni hija neċessarja. Fil-fatt, din il-lista telenka, minkejja li b’mod mhux eżawrjenti, kull deċiżjoni li ċċaħħad il-libertà, kull imputazzjoni jew kull att ta’ akkuża, u kull sentenza.

46      Min-naħa l-oħra, l-interpretazzjoni msemmija hija ġġustifikata wkoll mill-fatt li d-dritt għat-traduzzjoni previst fl-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, hekk kif jirriżulta mill-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu l-għan li “il-persuni suspettati jew akkużati jkollhom l‑għarfien tal-każ kontrihom”.

47      Isegwi li d-dritt għat-traduzzjoni previst fl-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2010/64 ma jinkludix, fil-prinċipju, it-traduzzjoni bil-miktub fil-lingwa tal-kawża ta’ dokument bħall-oppożizzjoni magħmula kontra digriet kriminali, imfassla mill-persuna kkonċernata f’lingwa li tifhem, iżda li ma hijiex dik tal-proċedura.

48      Minkejja dan, id-Direttiva 2010/64 tiffissa biss regoli minimi, u tħalli lill-Istati Membri ħielsa, hekk kif tippreċiża l-premessa 32, li jestendu d-drittijiet previsti minn din id-direttiva, sabiex jiżguraw ukoll livell ta’ protezzjoni ogħla f’sitwazzjonijiet li ma humiex ikkunsidrati espliċitament mid-direttiva msemmija.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2010/64 jippermetti espressament lill-awtoritajiet kompetenti li jiddeċiedu każ b’każ il-punt jekk xi dokument minbarra dawk previsti fl-Artikolu 3(1) u (2) ta’ din id-direttiva huwiex essenzjali, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

50      Hija għalhekk il-qorti tar-rinviju, b’mod partikolari billi tieħu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi tal-proċedura applikabbli għad-digriet kriminali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tas-sentenza li jkollha quddiemha, li għandha tiddetermina jekk l-oppożizzjoni magħmula bil-miktub kontra digriet kriminali għandhiex titqies bħala dokument essenzjali li t-traduzzjoni tiegħu hija neċessarja.

51      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha msemmija iktar ’il fuq jirriżulta li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2010/64 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ma tawtorizzax li persuna li hija s-suġġett ta’ digriet kriminali tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub kontra dan id-digriet f’lingwa differenti minn dik tal-kawża, minkejja li din il-persuna ma tafx titkellem b’din l-aħħar lingwa, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti ma jikkunsidrawx, konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, li, fid-dawl tal-kawża kkonċernata u tal-fatti tal-każ, tali oppożizzjoni tikkostitwixxi dokument essenzjali.

 Fuq it-tieni domanda

52      Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, timponi fuq il-persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru li tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, terminu għat-tressiq ta’ oppożizzjoni kontra dan id-digriet li jibda jiddekorri min-notifika tagħha lill-imsemmi rappreżentant.

53      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2012/13 jipprevedi d-dritt tal-persuni ssuspettati jew akkużati li jiġu informati bid-drittijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċeduri kriminali u tal-akkuża magħmula kontrihom.

54      Hekk kif jirriżulta minn qari flimkien tal-Artikoli 3 u 6 ta’ din id-Direttiva, id-dritt imsemmi fl-Artikolu 1 tagħha jikkonċerna mill-inqas tliet drittijiet distinti.

55      Minn naħa, il-persuni ssuspettati jew akkużati għandhom, konformement mal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2012/13, jiġu informati, mill-inqas, b’ċerti drittijiet proċedurali, li tagħhom din id-dispożizzjoni telenka lista li tinkludi d-dritt għall-assistenza ta’ avukat, id-dritt għall-benefiċċju minn konsulent legali mingħajr ħlas u l-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ tali konsulenti, id-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna, id-dritt għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni kif ukoll id-dritt li jinżamm is-silenzju.

56      Min-naħa l-oħra, id-direttiva msemmija tiddefinixxi, fl-Artikolu 6 tagħha, regoli relattivi għad-dritt li tingħata l-informazzjoni dwar l-akkuża li titressaq kontra l-persuna.

57      Peress li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tirrigwarda, b’mod iktar speċifiku, il-portata ta’ dan l-aħħar dritt, għandu jiġi vverifikat jekk l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, li jiddefinixxi dan id-dritt, japplikax fil-kuntest ta’ proċedura partikolari, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li twassal għall-adozzjoni ta’ digriet kriminali.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, skont il-kliem stess tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2012/13, din tal-aħħar tapplika minn meta l-persuni jiġu informati mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, li huma ssuspettati jew akkużati li wettqu reat sa ma jiġu fi tmiemhom il-proċeduri, jiġifieri meta tintlaħaq deċiżjoni finali dwar jekk il-persuna ssuspettata jew akkużata tkunx wettqet ir-reat kriminali jew le, inkluż, fejn applikabbli, l-għoti tas-sentenza u r-riżoluzzjoni ta’ kwalunkwe appell.

59      Issa, peress li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, id-digriet kriminali li l-qorti tar-rinviju ntalbet tadotta kontra G. Covaci ma jsirx res judicata qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti biex titressaq l-oppożizzjoni kontrih, is-sitwazzjoni ta’ persuna bħal G. Covaci tidħol manifestament fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2012/13, b’tali mod li l-persuna interessata għandha tkun tista’ tibbenefika mid-dritt li tiġi informata bl-akkuża miġjuba kontriha, u dan matul il-proċedura kollha.

60      Għalkemm huwa minnu li, minħabba n-natura sommarja u ssimplifikata tal-proċedura inkwistjoni, in-notifika ta’ digriet kriminali bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali sseħħ biss wara li l-qorti tkun esprimiet ruħha dwar il-fondatezza tal-akkuża, xorta jibqa’ l-fatt li, f’dan id-digriet, il-qorti tesprimi ruħha biss b’mod provviżorju u li n-notifika ta’ dan tirrappreżenta l-ewwel okkażjoni, għall-persuna akkużata, li tkun informata bl-akkuża mressqa kontriha. Dan huwa kkonfermat, barra minn hekk, mill-fatt li din il-persuna tista’ tippreżenta mhux rikors kontra dan id-digriet quddiem qorti differenti, iżda oppożizzjoni li twassalha biex tibbenefika, quddiem l-istess qorti, mill-proċedura kontradittorja ordinarja, li fil-kuntest tagħha din tista’ teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha, qabel ma din il-qorti tesprimi ruħha mill-ġdid fuq il-fondatezza tal-akkuża mressqa kontriha.

61      Konsegwentement, in-notifika ta’ digriet kriminali għandha, konformement mal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, titqies bħala forma ta’ komunikazzjoni tal-akkuża mressqa kontra l-persuna kkonċernata, b’tali mod li din għandha tosserva r-rekwiżiti stabbiliti f’dan l-Artikolu.

62      Ċertament, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 105 tal-konklużjonijiet tiegħu, id-Direttiva 2012/13 ma tirregolax il-metodi li jgħidu li l-informazzjoni dwar l-akkuża, prevista fl-Artikolu 6 tagħha, għandha tiġi kkomunikata lil din il-persuna.

63      Madankollu, dawn il-metodi ma jistgħux imorru kontra l-għan imsemmi b’mod partikolari f’dan l-Artikolu 6, li jikkonsisti, hekk kif jirriżulta wkoll mill-premessa 27 tad-direttiva msemmija, f’li l-persuni ssuspettati jew akkużati b’reat kriminali jkunu jistgħu jippreparaw id-difiża tagħhom u jiżguraw is-smigħ xieraq tal-proċedura.

64      Issa, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali tipprevedi li d-digriet kriminali jiġi nnotifikat lir-rappreżentant tal-persuna akkużata u li din tal-aħħar tiddisponi minn terminu ta’ ġimagħtejn biex tifforma oppożizzjoni kontra dan id-digriet, liema terminu jibda jiddekorri min-notifika tiegħu lir-rappreżentant imsemmi. Mal-iskadenza ta’ dan it-terminu, id-digriet isir res judicata.

65      Mingħajr ma huwa rilevanti, għar-risposta għad-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, li tiġi adottata pożizzjoni dwar in-natura xierqa ta’ tali terminu ta’ dekadenza ta’ ġimagħtejn, għandu jiġi rrilevat li kemm l-għan li jikkonsisti f’li l-persuna akkużata tkun tista’ tipprepara d-difiża tagħha kif ukoll il-ħtieġa li tiġi evitata kull diskriminazzjoni bejn, minn naħa, il-persuni akkużati li għandhom residenza li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-liġi nazzjonali kkonċernata u, min-naħa l-oħra, dawk li r-residenza tagħhom ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, li huma biss huma marbuta li jinnominaw rappreżentant għall-finijiet tan-notifika tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, jeżiġu li l-persuna akkużata jkollha dan it-terminu kollu.

66      Issa, jekk dan it-terminu ta’ ġimagħtejn inkwistjoni fil-kawża prinċipali jibda jiddekorri mill-mument meta l-persuna akkużata kienet effettivament taf bid-digriet kriminali, fejn dan tal-aħħar ikollu fih informazzjoni dwar l-akkuża, fis-sens tal-Artikolu 6 tad-Direttiva 2012/13, ikun żgurat li din il-persuna għandha dan it-terminu sħiħ għad-dispożizzjoni tagħha.

67      Min-naħa l-oħra, jekk, bħal f’dan il-każ, it-terminu msemmi jibda jiddekorri min-notifika tad-digriet kriminali lir-rappreżentant tal-persuna akkużata, din tal-aħħar tista’ teżerċita effettivament id-drittijiet tad-difiża tagħha u s-smigħ ikun xieraq biss jekk din tibbenefika minn dan it-terminu b’mod sħiħ, jiġifieri mingħajr ma t-tul tiegħu jitnaqqas biż-żmien neċessarju għar-rappreżentant biex iwassal id-digriet kriminali lid-destinatarju tiegħu.

68      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, timponi fuq il-persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru li tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, bil-kundizzjoni li din il-persuna tibbenefika effettivament mit-terminu sħiħ biex tressaq oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi.

 Fuq l-ispejjeż

69      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjonijiet tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 1 sa 3 tad-Direttiva 2010/64/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Ottubru 2010, dwar id-drittijiet għall-interpretazzjoni u għat-traduzzjoni fi proċedimenti kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, ma tawtorizzax li persuna li hija s-suġġett ta’ digriet kriminali tippreżenta oppożizzjoni bil-miktub kontra dan id-digriet f’lingwa differenti minn dik tal-kawża, minkejja li din il-persuna ma tafx titkellem b’din l-aħħar lingwa, bil-kundizzjoni li l-awtoritajiet kompetenti ma jikkunsidrawx, konformement mal-Artikolu 3(3) ta’ din id-direttiva, li, fid-dawl tal-kawża kkonċernata u tal-fatti tal-każ, tali oppożizzjoni tikkostitwixxi dokument essenzjali.

2)      L-Artikoli 2, 3(1)(c) u 6(1) u (3) tad-Direttiva 2012/13/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2012, dwar id-dritt għall-informazzjoni fi proċeduri kriminali, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-kuntest ta’ proċedura kriminali, timponi fuq il-persuna akkużata li ma tirrisjedix f’dan l-Istat Membru li tinnomina rappreżentant għall-finijiet tan-notifika ta’ digriet kriminali li jikkonċernaha, bil-kundizzjoni li din il-persuna tibbenefika effettivament mit-terminu sħiħ biex tressaq oppożizzjoni kontra d-digriet imsemmi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.