Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Napoli (Italia) fit-3 ta’ April 2019 – YT et vs Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca; Ufficio Scolastico Regionale per la Campania

(Kawża C-282/19)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Qorti tar-rinviju

Tribunale di Napoli.

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: YT et

Konvenuti: Ministero dell’Istruzione, dell’Università e della Ricerca; Ufficio Scolastico Regionale per la Campania.

Domandi preliminari

It-trattament differenti rriżervat biss għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika bħalma huma r-rikorrenti, jikkostitwixxi diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon, fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tad-Direttiva 2000/78/KE 1 , jew il-fatt li t-titolu ta’ kapaċità li għandu l-ħaddiem jista’ jiġi rrevokat jikkostitwixxi ġustifikazzjoni xierqa għaliex huma biss l-għalliema tar-reliġjon Kattolika, bħalma huma r-rikorrenti, li jiġu ttrattati b’mod differenti mill-għalliema l-oħra, billi ma jibbenefikawx mill-ebda waħda mill-miżuri ta’ prevenzjoni previsti fil-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal terminu fiss, konkluż fit-18 ta’ Marzu 1999, li jinsab anness mad-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP 2 ?

Jekk jiġi kkunsidrat li hemm diskriminazzjoni diretta, fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78/KE, ibbażata fuq ir-reliġjon (Artikolu 1), kif ukoll fis-sens tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandha ssir domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-istrumenti li għandha għad-dispożizzjoni tagħha l-qorti adita sabiex telimina l-konsegwenzi ta’ din id-diskriminazzjoni, inkunsiderazzjoni tal-fatt li l-għalliema kollha għajr l-għalliema tar-reliġjon Kattolika bbenefikaw mill-pjan ta’ reklutaġġ straordinarju previst fil-Liġi Nru 107/2015, billi kisbu l-ħatra bħala uffiċjal permanenti tagħhom u, għalhekk, kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat; konsegwentement, għandha l-qorti adita tiddeċiedi fis-sens li tistabbilixxi relazzjoni ta’ xogħol għal żmien indeterminat mal-amministrazzjoni konvenuta?

Il-klawżola 5 tal-Ftehim qafas, li hija implimentata bid-Direttiva 1999/70, għandha tiġi interpretata bħala li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal-leġiżlazzjoni inkwistjoni, skont liema r-regoli ta’ dritt komuni li jirregolaw ir-relazzjonijiet tax-xogħol u li huma intiżi li jippenalizzaw l-użu ħażin ta’ kuntratt għal żmien determinat suċċessivi, bil-konverżjoni awtomatika ta’ kuntratt għal żmien determinat f’kuntratt għal żmien indeterminat meta r-relazzjoni tax-xogħol tkompli wara ċerta data, ma japplikawx għas-settur tal-edukazzjoni, speċifikament għall-għalliema tar-reliġjon Kattolika, b’tali mod li tiġa permessa suċċessjoni ta’ kuntratti għal żmien determinat għal perijodu indeterminat? B’mod iktar speċifiku, tista’ n-neċessità għal ftehim mal-ordinarju djoċesan tkun raġuni oġġettiva, fis-sens tal-klawżola 5(1)(a) tal-Ftehim qafas, jew għandha, għall-kuntrarju, titqies bħala diskriminazzjoni pprojbita fis-sens tal-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea?

Fil-każ ta’ risposta affermattiva għat-tielet domanda, l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-klawżola 4 tal-Ftehim qafas anness mad-Direttiva 1999/70 jew l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jippermettu li r-regoli li jipprekludu l-konverżjoni awtomatika minn kuntratt għal żmien determinat għal kuntratt għal żmien indeterminat jiġu applikati meta r-relazzjoni ta’ xogħol tkompli lil hinn minn ċerta data?

____________

1     Direttiva Tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5 Vol. 4, p. 79).

2     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368.