Language of document :

Appell ippreżentat fis-17 ta’ Awwissu 2018 minn HX mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-408/16, HX vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-540/18 P)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Partijiet

Appellant: HX (rappreżentant: S. Koev, advokat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li dan l-appell huwa ammissibbli u fondat fl-intier tiegħu u li l-aggravji kollha invokati f’dan l-appell huma fondati;

tiddeċiedi li s-sentenza appellata tal-Qorti Ġenerali tista’ tiġi annullata fl-intier tagħha;

tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Il-Ħames Awla) tad-19 ta’ Ġunju 2018 fil-Kawża T-408/16, HX vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea;

tanulla parzjalment, sa fejn jikkonċernaw lil HX, id-Deċiżjoni (PESK) 2016/850 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2016, L 141, p. 125), ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/840 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2016, L 141, p. 30), id-Deċiżjoni (PESK) 2017/917 li temenda d-Deċiżjoni 2013/255 (ĠU 2017, L 139, p. 62), u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/907 li jimplimenta r-Regolament Nru 36/2012 (ĠU 2017, L 139, p. 15 u rettifika fil-ĠU 2017, L 146, p. 159);

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jħallas lill-appellant l-ispejjeż legali kollha, kif ukoll l-ispejjeż, l-onorarji eċċ. marbuta mar-rappreżentanza legali tiegħu.

Aggravji u argumenti prinċipali

Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, fil-forma ta’ ksur tad-dritt tal-Unjoni, sa fejn iddeċidiet li l-Kunsill applika b’mod legali l-preżunzjoni ta’ negozjant prominenti li jopera fis-Sirja, meta skont l-appellant din il-preżunzjoni ma għandha ebda bażi legali u ma hijiex proporzjonata mal-għan leġittimu segwit.

Żball ta’ liġi, fil-forma ta’ ksur tar-regoli dwar il-produzzjoni tal-provi, sa fejn ma hemm ebda provi li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-preżunzjoni u li jeskludu l-applikazzjoni tal-Artikolu 27(3) u tal-Artikolu 28(3) tad-Deċiżjoni 2013/255, kif emendata bid-Deċiżjoni 2015/1836.

Żball ta’ liġi, fil-forma ta’ ksur tad-dritt proċedurali li jippreġudika l-interessi tal-appellant, sa fejn ma ttieħdux inkunsiderazzjoni provi ġodda li ġew prodotti skont l-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

____________